Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’arrondissement (il-Lussemburgu) fit-8 ta’ Marzu 2021 – Christian Louboutin vs Amazon Europe Core Sàrl, Amazon EU Sàrl, Amazon Services Europe Sàrl

(Kawża C-148/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’arrondissement

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Christian Louboutin

Konvenuti: Amazon Europe Core Sàrl, Amazon EU Sàrl, Amazon Services Europe Sàrl

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit huwa imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament minħabba t-taħlit fuq dan is-sit tal-offerti rispettivi tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament ma’ dawk ta’ bejjiegħa terzi, bl-integrazzjoni ta’ dan ir-reklamar fil-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva tal-operatur jew tal-entitajiet marbuta ekonomikament?

Tali integrazzjoni hija rrinforzata mill-fatt li:

ir-reklamar huwa ppreżentat b’mod uniformi fuq is-sit?

ir-reklamar rispettiv tal-operatur u ta’ entitajiet marbuta ekonomikament u ta’ bejjiegħa terzi huwa muri b’mod indistintiv fir-rigward tal-oriġini tiegħu, iżda juri b’mod ċar il-logo tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, fis-sezzjonijiet tar-reklamar ta’ siti tal-internet terzi fil-forma ta’ “pop-up”?

l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffri servizz integrali għall-bejjiegħa terzi, li jinkludi assistenza għat-tfassil tar-reklamar u għall-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ, għall-istokkjar tal-prodotti u għall-ispedizzjoni tagħhom?

is-sit tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament huwa maħsub b’tali mod li huwa ppreżentat fil-forma ta’ ħwienet u tikketti bħal “l-aħjar bejgħ”, “l-iktar imfittxija” jew “l-iktar offruti”, mingħajr distinzjoni apparenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn bejn prodotti rispettivi tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament u prodotti ta’ bejjiegħa terzi?

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit ta’ bejgħ online huwa, bħala prinċipju, imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament jekk, fil-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, dan l-operatur jew entità marbuta ekonomikament kellu rwol attiv fit-tfassil ta’ dan ir-reklamar jew li dan tal-aħħar huwa pperċepit bħala li jagħmel parti mill-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva ta’ dan l-operatur?

Tali perċezzjoni hija influwenzata:

miċ-ċirkustanza li dan l-operatur u/jew entitajiet marbuta ekonomikament huwa distributur magħruf ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti, fosthom prodotti tal-kategorija bħal dawk irreklamati fir-reklamar;

jew miċ-ċirkustanza li r-reklamar muri b’dan il-mod għandu header li fih hemm irriprodotta t-trade mark għal servizzi ta’ dan l-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, filwaqt li din it-trade mark għandha reputazzjoni bħala trade mark ta’ distributur;

jew inkella miċ-ċirkustanza li dan l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffru flimkien ma’ din it-turija servizzi tradizzjonalment offruti mid-distributuri ta’ prodotti tal-istess kategorija bħal dik li jaqa’ taħtha l-prodott irreklamat mir-reklamar?

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispedizzjoni, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark, lill-konsumatur finali ta’ prodott li għandu sinjal identiku għat-trade mark, tikkostitwixxi użu imputabbli għall-ispeditur biss jekk dan tal-aħħar ikollu għarfien effettiv tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq il-prodott?

Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament ikun ħabbar lill-konsumatur finali li ser jieħu ħsieb din l-ispedizzjoni wara li huwa stess jew entità marbuta ekonomikament tkun ħażnet il-prodott għal dan l-għan?

Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament qabel ikkontribwixxa attivament għat-turija, fil-kummerċ, ta’ reklamar għall-prodott li għandu dan is-sinjal jew irreġistra l-ordni tal-konsumatur finali fid-dawl ta’ dan ir-reklamar?

____________

1 ĠU 2017, L 154, p. 1