Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2024 – Kaili vs Il-Parlament

(Kawża T-29/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Eva Kaili (Ixelles, il-Belġju) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2023 tad-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet Finanzjarji u Soċjali tal-Membri, Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, li tordna l-irkupru ta’ parti mill-allowance tal-infiq ġenerali tar-rikorrenti u

tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti għal dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet Finanzjarji u Soċjali tal-Membri, Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata peress li l-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (SMPE) jattribwixxi din il-kompetenza lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 43 IMMS ġie applikat b’mod żbaljat fil-każ tagħha, peress li d-detenzjoni tagħha tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ force majeure.

____________