Language of document : ECLI:EU:T:2010:390

Kawża T-314/06

Whirlpool Europe Srl

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti fridge-freezers magħquda li joriġinaw mill-Korea t’Isfel — Definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat — Drittijiet tad-difiża — Kumitat konsultattiv — Obbligu ta’ motivazzjoni — Għażla tal-metodu ta’ definizzjoni tal-prodott ikkonċernat — Artikolu 15(2) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Intervent — Portata tad-drittijiet proċedurali tal-intervenjent marbuta mad-data tal-preżentata tat-talba għal intervent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 115(1) u 116(6))

2.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20, u Nru 1225/2009, Artikolu 20)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Konsultazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat konsultattiv

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 15(2), u Nru 1225/2009, Artikolu 15(2))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 1)

1.      Skont l‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intervenjent li jippreżenta t‑talba għal intervent tiegħu wara l‑iskadenza tas‑sitt ġimgħat previsti fl‑Artikolu 115(1) tal‑imsemmija regoli mid‑data tal‑pubblikazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑avviż dwar il‑preżentata tar‑rikors, jista’ biss jipparteċipa fil‑proċedura orali, jirċievi komunikazzjoni tar‑rapport tas‑seduta u jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu fuqu waqt is‑seduta.

(ara l-punt 59)

2.      Ir‑rispett tad‑drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni, li, abbażi tiegħu, l‑impriżi involuti fi proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa permezz tal‑adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li fiha jkunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l‑opinjoni tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati. Din il‑ħtieġa hija implementata fl‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament bażiku Nru 384/96 (li sar l‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009).

F’dan ir-rigward, meta l‑Kummissjoni tikkomunika lir‑rikorrent id‑dokument finali rrivedut ta’ informazzjoni u timponi fuqu terminu sabiex jgħarraf l‑osservazzjonijiet tiegħu, li dan jikkomunika fit-terminu stabbilit, u wara l‑Kummissjoni mbagħad tippreżenta lill‑Kunsill il‑proposta għal regolament definittiv, bosta ġranet wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut lir‑rikorrenti, l‑ebda ksur tad‑drittijiet ta’ difiża tar‑rikorrenti ma jista’ jiġi kkonstatat. Barra minn hekk, il-fatt li abbozz ta’ proposta għal regolament definittiv ippreżentat lill‑Kunsill jitqassam fi ħdan il‑Kummissjoni skont proċedura bil‑miktub, sabiex jinġabar il‑kunsens tal‑membri tal‑istituzzjoni, ma jdaħħalx inkwistjoni l‑possibbiltà għar‑rikorrent li jingħata smigħ xieraq, peress li l‑Kummissjoni tista’, jekk ikun il‑każ, twaqqaf l‑imsemmija proċedura bil‑miktub jew ukoll temenda l‑abbozz ta’ proposta tagħha wara l‑osservazzjonijiet li jippreżentaw il‑partijiet interessati.

(ara l-punti 74-78)

3.      In‑nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal‑forom proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall‑illegalità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv u, konsegwentement, id‑definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat adottata fir‑regolament li jistabbillixxi dazju antidumping definittiv.

Fil-fatt, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 461/2004, li emenda r-Regolament Nru 384/96 f’dan ir-rigward, l-informazzjoni kkomunikata lill-Istati Membri fil-kuntest tal-Kumitat konsultattiv “għandha” tintbagħat mill-inqas għaxart ijiem qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat konsultattiv “[b]iex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni”.Mill‑kliem ta’ din il‑premessa, u b’mod partkolari, mill‑użu tal‑kundizzjonal (“għandha”) [“devraient” fil-verżjoni Franċiża], jista’ jiġi dedott li l‑osservanza tat‑terminu inkwistjoni ma hijiex imposta taħt piena ta’ nullità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv, iżda, bil‑kontra, li r‑rekwiżiti tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 384/96 jistgħu jiġu sodisfatti meta l‑Istati Membri jkollhom fil‑fatt żmien suffiċjenti sabiex jeżaminaw l‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilhom mill‑President tal‑Kumitat konsultattiv.

F’dan ir-rigward, meta ma huwiex stabbilit li l‑Istati Membri ġew imċaħħda minn żmien neċessarju sabiex jieħdu konoxxenza utli tal‑informazzjoni dwar id‑definizzjoni ġdida tal‑prodott ikkonċernat adottata mill‑Kummissjoni u li l‑Kumitat konsultattiv ma setax, minħabba dan, jagħti l‑opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal‑każ iżda li, bil‑kontra, il‑kwistjoni dwar id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat ġiet diskussa fid‑dettall mir‑rappreżentanti tal‑Istati Membri, waqt laqgħat varji tal‑Kumitat konsultattiv li nżammu waqt l‑investigazzjoni, u li din id‑definizzjoni ġiet ittrattata b’mod partikolari fid‑dokumenti dwar il‑miżuri definittivi mibgħuta mill‑Kummissjoni lill‑Istati Membri iktar minn għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat konsultattiv, in‑nuqqas ta’ osservanza tat‑terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 384/96 ma jistax jitqies li jkollu impatt fuq ir‑riżultat tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni u lanqas, konsegwentement, fuq id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, adottata b’mod definittiv fir‑regolament li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv.

(ara l-punti 91-96)

4.      Meta regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi jiddaħħal fil‑kuntest sistematiku ta’ totalità ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l‑motivazzjoni tiegħu tispeċifika l‑punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li jkunu s‑suġġett tiegħu, u lanqas li l‑istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l‑argumenti kollha invokati mill‑partijiet interessati. Bil‑kontra, huwa suffiċjenti li l‑awtur tal‑att jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl‑ekonomija tar‑regolament ikkontestat.

Ċertament, il‑motivazzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping għandu jiġi evalwat fid‑dawl b’mod partikolari tal‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill‑partijiet interessati mill‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni u l‑osservazzjonijiet ippreżentati minnhom waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni. Madankollu, l‑istituzzjonijiet ma humiex marbuta jimmotivaw speċjalment in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑argumenti varji mressqa mill‑partijiet interessati. Huwa suffiċjenti li r‑regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal‑elementi prinċipali tal‑analiżi tagħhom, peress li din il‑ġustifikazzjoni tista’ tiċċara r‑raġunijiet li, minħabba fihom, huma jkunu warrbu l‑argumenti rilevanti mressqa mill‑partijiet waqt il‑proċedura amministrattiva.

Barra minn hekk, regolament li jistabbilixxi dazji antidumping fit‑tmiem ta’ proċedura ta’ investigazzjoni għandu jkun motivat biss fid-dawl tal‑punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall‑evalwazzjoni li ssir. Il‑motivazzjoni ma għandhiex l‑għan li tispjega l‑evoluzzjoni tal‑pożizzjoni tal‑istituzzjonijiet waqt il‑proċedura amministrattiva u għalhekk ma hijiex intiża li tiġġustifika d‑diverġenzi bejn is‑soluzzjoni adottata fl‑att finali u l-pożizzjoni provviżorja esposta fid‑dokumenti kkomunikati lill‑partijiet interessati waqt din il‑proċedura, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, dan l‑obbligu ma jġiegħel b’ebda mod lill‑istituzzjonijiet jispjegaw kif il‑pożizzjoni prevista fi stadju partikolari tal‑proċedura amministrattiva kienet eventwalment infondata.

(ara l-punti 114-116)

5.      Id‑definizzjoni ta’ prodott, fil‑kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, għandha bħala għan li tgħin fit‑tfassil ta’ lista tal‑prodotti li, jekk ikun il‑każ, ikunu s‑suġġett tal‑impożizzjoni tad‑dazji antidumping. Għall‑finijiet ta’ din l‑operazzjoni, l‑istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħalma huma, b’mod partikolari, il‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti, l‑użu tagħhom, l‑interkambjabbiltà tagħhom, il‑perċezzjoni li l‑konsumaturi għandhom tagħhom, il‑mezzi ta’ distribuzzjoni, il‑proċess tal‑manifattura, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni u l‑kwalità.

F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi ammessa t-teżi li tipprovdi li d‑differenzi fiżiċi jiġġustifikaw li ssir distinzjoni bejn il‑prodotti biss meta dawn ikollhom importanza għall‑konsumaturi. Fil‑fatt, fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni, il‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti għandhom naturalment post importanti, mingħajr ma jkunu neċessarjament prijoritarji. Ma jistax għaldaqstant jitqies li d‑differenzi fir‑rigward tal‑karatteristiċi fiżiċi jew tekniċi huma rilevanti biss meta dawn ikunu riflessi fil‑perċezzjoni tal‑konsumatur.

(ara l-punti 138, 141)