Kawża C‑663/18
Proċeduri kriminali
kontra
B S
u
C A
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad‑19 ta’ Novembru 2020
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-kittien u tal-qanneb – Derogi – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ biss – Kannabidjol (CBD)”
1. Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Kittien u qanneb – Skemi ta’ għajnuna diretta – Regolamenti Nru 1308/2013 u Nru 1307/2013 – Kampijiet ta’ applikazzjoni – Prodotti Agrikoli – Kunċett – Prodotti msemmija fl-Anness I tat-Trattati – Prodotti kklassifikati taħt l-intestatura 57.01, li saret 53.02, tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata – Kannabidjol (CBD) estratt mill-pjanta tal-kannabis sativa kollha kemm hi – Esklużjoni
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1307/2013, Artikolu 4(1)(d) u Nru 1308/2013, Artikolu 1(1))
(ara l-punti 46, 47, 56 sa 58, 96, u d-dispożittiv)
2. Moviment liberu tal-merkanzija – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta' applikazzjoni – Drogi narkotiċi li huma illegali u li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ fl-Istati Membri kollha – Esklużjoni – Kunċett ta’ droga narkotika – Kannabidjol (CBD) estratt mill-pjanta tal-kannabis sativa kollha kemm hi – Assenza ta’ effett psikotropiku u ta’ effett dannuż fuq is-saħħa fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku – Esklużjoni – Applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD
(Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2004/757, Artikolu 1(1)(a) u (b); Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 71(1))
(ara l-punti 61 sa 65, 67 sa 78)
3. Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD) estratt tal-pjanta tal-kannabis sativa kollha kemm hi legalment prodott fi Stat Membru ieħor – Inammissibbiltà – Limitu – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Twettiq tal-għan intiż – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
(Artikoli 34 u 36 TFUE)
(ara l-punti 82 sa 85, 93 sa 96 u d-dispożittiv)
Sunt
Stat Membru ma jistax jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD) legalment prodott fi Stat Membru ieħor meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss
Din il-projbizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżda ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq
B S u C A huma l-ex diretturi ta’ kumpannija li għandha bħala għan il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sigarett elettroniku taż-żejt tal-kannabidjol (iktar ’il quddiem iċ-“CBD”), molekula preżenti fil-qanneb (jew cannabis sativa) u li tifforma parti mill-familja tal-kannabinojdi. F’dan il-każ, iċ-CBD kien prodott fir-Repubblika Ċeka minn pjanti tal-qanneb ikkultivati legalment u użati fl-intier tagħhom, weraq u fjuri inklużi. Sussegwentement, huwa ġie importat fi Franza sabiex jiġi ppakkjat f’kontenituri ta’ sigaretti elettroniċi.
Inbdew proċeduri kriminali kontra B S u C A, għaliex, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża (1), huma biss il-fibri u ż-żrieragħ tal-qanneb li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ użu kummerċjali. Ikkundannati mit-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille, Franza) għal 18 u 15-il xahar priġunerija sospiżi, kif ukoll għal multa ta’ EUR 10 000, huma appellaw quddiem il-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza). Din il-qorti tistaqsi għalhekk dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni Franċiża, li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD legalment prodott fi Stat Membru ieħor, meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss.
Ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-liġi applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni.
F’dan ir-rigward, hija teskludi r-regolamenti dwar il-politika Agrikola Komuni (2). Fil-fatt, dawn it-testi ta’ dritt sekondarju japplikaw biss għall-“prodotti agrikoli” indikati fl-Anness I tat-Trattati. Issa, iċ-CBD, estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi, ma jistax jitqies li huwa prodott agrikolu, b’differenza, pereżempju, mill-qanneb mhux maħdum. Għalhekk dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.
Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni (Artikoli 34 u 36 TFUE) huma applikabbli, peress li ċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala “droga narkotika”. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar qabel kollox li l-persuni li jikkummerċjalizzaw drogi narkotiċi ma jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment peress li tali kummerċjalizzazzjoni hija pprojbita fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ kummerċ strettament ikkontrollat fid-dawl ta’ użu għal finijiet mediċi u xjentifiċi. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li, sabiex jiġu ddefiniti l-kunċetti ta’ “droga” jew ta’ “droga narkotika”, id-dritt tal-Unjoni (3) jagħmel riferiment b’mod partikolari għal żewġ konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti: il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi (4) u l-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (5). Issa, iċ-CBD ma jissemmiex fl-ewwel waħda u, għalkemm huwa minnu li interpretazzjoni letterali tat-tieni tista’ twassal sabiex dan jiġi kklassifikat bħala droga narkotika, bħala estratt tal-kannabis, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-ispirtu ġenerali ta’ din il-konvenzjoni u l-għan tagħha li tipproteġi “s-saħħa fiżika u morali tal-umanità”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, skont l-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’differenza għat-tetraidrokannabinol (komunement imsejjaħ THC), kannabinojdu tal-qanneb ieħor, iċ-CBD inkwistjoni ma jidhirx li għandu effett psikotropiku jew effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, bħall-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika invokat mir-Repubblika Franċiża, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-imsemmi għan u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Għalkemm din l-aħħar evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti żewġ indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Minn naħa, hija tirrileva li jidher li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ma taffettwax iċ-CBD sintetiku, li għandu l-istess proprjetajiet taċ-CBD inkwistjoni u li għalhekk jista’ jintuża bħala sostitut għal dan tal-aħħar. Li kieku dan il-fatt seħħ, dan ikun ta’ natura li jindika li l-leġiżlazzjoni Franċiża ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li r-Repubblika Franċiża ma hijiex, ċertament, obbligata turi li l-perikolożità taċ-CBD hija identika għal dik ta’ ċerti drogi narkotiċi. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa d-data xjentifika disponibbli sabiex tiżgura ruħha li r-riskju reali allegat għas-saħħa pubblika ma jidhirx li jkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi. Fil-fatt, projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD, li tikkostitwixxi, barra minn hekk, l-iktar ostakolu restrittiv għall-kummerċ li jikkonċerna l-prodotti legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra, tista’ tiġi adottata biss jekk dan ir-riskju jidher li jkun suffiċjentement stabbilit.