Language of document : ECLI:EU:T:2006:40

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

1 ta' Frar 2006(*)

"Trademark Komunitarja – Trademark verbali GERONIMO STILTON – Oppożizzjoni – Sospensjoni tal-proċedura – Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni – Irtirar ta' l-oppożizzjoni"

Fil-kawżi magħquda T-466/04 u T-467/04

Elisabetta Dami, residenti f'Milan (l-Italja), irrappreżentata minn  P. Beduschi u S. Giudici, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni u Mudelli) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra għall-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

The Stilton Cheese Makers Association, stabbilita f'Surbiton, Surrey (ir-Renju Unit),

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijet tat-tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-20 ta' Settembru 2004 (kawżi R 973/2002-2 u R 982/2002-2), li jitrattaw proċedura ta' oppożizzjoni bejn Elisabetta Dami u The Stilton Cheese Makers Association,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President,  P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur:  B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Novembru 2004,

wara li rat id-digriet tat-2 ta' Mejju 2005, li jgħaqqad il-kawżi T-466/04 u T-467/04, mogħti mill-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza,

wara li rat ir-risposta għas-sottomissjonijiet ta' l-intervent ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Ġunju 2005,

wara s-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-13 ta' Ottubru 1999, ir-rikorrenti, Elisabetta Dami, ippreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni), (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-trademark verbali GERONIMO STILTON.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 16, 25, 28, 29, 30 u 41 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' oġġetti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trademarks tal-15 ta' Ġunju 1957, hekk kif rivedut u emendat.

4       Il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 30 jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 29: "Laħam; ħut; molluski u krustaċji mhux ħajjin; tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; laħam tal-bott; frott u ħaxix ippreżervat; imnixxef u msajjar; ġèli; ġammijiet; bajd; ħalib; prodotti tal-ħalib; prodotti tal-ħalib friski; ġobon; butir; jogurt; xarbiet ibbażati fuq il-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel; pikles; frott ippreżervat; ħaxix ippreżervat; laħam ippreżervat; ħut ippreżervat";

–       klassi 30: għaġina tal-kejkijiet; għaġin għall-ikel; karamelli; kafè; te; kawkaw; zokkor; ross; tapjoka; kafè artifiċjali; dqiq; preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; ħobż; gallettini; torti; għaġina u ħlewwiet, silġ li jittiekel u ġelati; għasel; xiropp; bżar; ħall; zlazi; ħwawar; silġ għat-tkessieħ; xarbiet ibbażati fuq il-kafè, kawkaw jew ċikkulata".

5       Fil-5 ta' Ġunju 2000, l-applikazzjoni għat-trademark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trademarks komunitarji Nru 45/00.

6       Fil-5 ta' Settembru 2000, The Stilton Cheese Makers Association ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark li saret l-applikazzjoni għaliha għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 29 u 30. Sabiex tissostanzja l-oppożizzjoni tagħha, l-oppożitriċi għamlet użu mit-trademarks irreġistrati f'diversi Stati Membri u li jikkorrispondu mal-kelma "stilton", li kollha kemm huma jikkonċernaw prodotti tal-ħalib.

7       Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni f'dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 u ċaħdet l-oppożizzjoni fil-kumplament tagħha.

8       Fid-29 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet appell minn din id-deċiżjoni, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, liema appell ingħata n-numru tal-kawża R 982/2002-2 u ġie assenjat lit-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI. Hija talbet lill-imsemmi Bord ta' l-Appell jiċħad l-oppożizzjoni mhux biss għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16 iżda wkoll għal dawk li jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 30.

9       Fl-istess ġurnata, l-oppożitriċi wkoll ressqet appell kontra l-istess deċiżjoni, liema appell ingħata n-numru tal-kawża R 973/2002-2 u ġie assenjat ukoll lit-Tieni Bord ta' l-Appell tal-UASI. Hija talbet lill-imsemmi Bord ta' l-Appell jilqa' l-oppożizzjoni mhux biss għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 30, iżda wkoll għal dawk li jaqgħu taħt il-klassi 16.

10     F'erba' okkażjonijiet il-partijiet ippreżentaw talbiet konġunti għas-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża R 973/2002-2. Il-Bord ta' l-Appell laqa' dawn it-talbiet. Anki jekk, formalment, il-kawżi ma ġewx konġunti mill-Bord ta' l-Appell, it-talbiet konġunti għas-sospensjoni tal-proċedura ta' Appell ippreżentati fil-kawża R973/2002-2 ġew meqjusa bħala li jgħoddu wkoll għall-proċedura ta' Appell fil-kawża R 982/2002-2. F'dak li jirrigwarda r-raba' talba ta' sospensjoni, il-Bord ta' l-Appell fin-notifika tiegħu tat-2 ta' April indika dan li ġej lill-partijiet:

"Nikkonfermawlkhom li l-proċedura ta' appell hija sospiża għal perijodu ta' xahrejn, sal-5 ta' Ġunju 2004. Fid-dawl tat-talbiet preċedenti, dan il-perijodu ta' sospensjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala finali, ħlief jekk il-partijiet jistgħu jiġġustifikaw raġunijiet speċjali li jagħtu lok għall-sospensjoni supplementari."

11     B'ittra tat-3 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti talbet sabiex il-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi ristretta fis-sens li, minn naħa, f'dak li jirrigwarda l-klassi 29 titneħħa r-referenza għall-"prodotti tal-ħalib friski u ġobon" u, min-naħa l-oħra, tiżdied mal-klassi 30 il-preċiżazzjoni "[bl-]eċċezzjoni ta' kull aliment jew xarba bbażat fuq il-ġobon".

12     B'ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004, il-partijiet ippreżentaw talba konġunta lill-Bord ta' l-Appell sabiex jissospendi l-proċedura. F'din l-ittra, il-partijiet iddikjaraw ukoll, b'referenza għall-kontenut ta' l-ittra tat-3 ta' Ġunju 2004, li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet "talbet bdil fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti għall-applikazzjoni ta' din it-trademark" u, min-naħa l-oħra, "is-sitwazzjoni [ta' l-oppożitriċi kienet] kif ġej: l-oppożizzjoni tiġi rtirata biss la darba [...] l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti għal din l-applikazzjoni [jiġu modifikati] għal, f'dak li jirrigwarda l-klassi 29, [it-tneħħija tar-referenza għall-] 'ġobon, [għall-] prodotti tal-ħalib' u għall-'prodotti li jaqgħu taħt it-terminu wiesa "prodotti tal-ħalib", b'mod partikolari l-ħalib, il-prodotti bbażati fuq il-ħalib, il-butir, ix-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u l-jogurt', u, [f'dak li jirrigwarda] il-'klassi 30 [...], [it-tneħħija tar-referenza għal] kull aliment jew xarba li jkun fiha ġobon u bbażata fuq il-ġobon"

13     B'ittra tal-15 ta' Ġunju 2004, il-Bord ta' l-Appell informa lill-partijiet li huwa jinterpreta l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 bħala applikazzjoni konġunta għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u, għaldaqstant, ippreżenta lill-partijiet lista ristretta skond din l-applikazzjoni. Fl-istess ittra, il-Bord ta' l-Appell żied ukoll li, "fil-każ fejn [l-oppożitriċi] kellha tirtira l-oppożizzjoni", il-partijiet jiġu mistiedna jindikaw, qabel l-14 ta' Lulju 2004, jekk ftehmux fuq l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni u ta' l-appelli. Huwa ppreċiża wkoll li, fin-nuqqas ta' tali ftehim, jieħu deċiżjoni fuq l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż tal-proċedura huwa stess.

14     B'ittra tas-16 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti talbet lill-Bord ta' l-Appell sabiex jirrevedi l-interpretazzjoni li donnu kien fiha l-ittra tal-15 ta' Ġunju 2004 u jikkonferma li l-unika restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet dik indikata fl-ittra tagħha tat-3 ta' Ġunju 2004. Hija sostniet li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 kienet biss talba konġunta għas-sospensjoni tal-proċedura ta' appell minħabba n-nuqqas ta' ftehim f'dak li riedu l-partijiet peress li l-oppożitriċi ppretendiet tibdiliet ulterjuri minn dawk indikati fl-ittra tat-3 ta' Ġunju 2004.

15     B'ittra tat-23 ta' Ġunju 2004, il-Bord ta' l-Appell ċaħad din it-talba. Qabel kollox, huwa fakkar li applikazzjoni għar-restrizzjoni tal-lista ta' prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rrevokata għaliex din saret obbligatorja. Wara, huwa kkunsidra li l-formulazzjoni ta' l-ittra konġunta tal-partijiet ta' l-4 ta' Ġunju 2004, jiġifieri "l-oppożizzjoni tiġi rtirata biss la darba l-ispeċifikazzjonijiet jiġu mibdula", tista' tinftiehem biss bħala applikazzjoni għar-restrizzjoni ta' l-imsemmija lista. Barra minn dan, huwa kkunsidra l-fatt li l-partijiet kienu ffirmaw u bagħtu l-ittra flimkien sabiex minn dan jikkonkludi li b'hekk ir-rikorrenti kienet indikat, bill-miktub, il-qbil tagħha ma din il-kundizzjoni. Il-Bord ta' l-Appell għaldaqstant qies li kien sempliċement irrisponda għall-applikazzjoni konġunta tal-partijiet li jilqa' l-konferma li r-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ġiet aċċettata mingħajr emendi.

16     B'ittra ta' l-1 ta' Lulju 2004, l-oppożitriċi fakkret lill-Bord ta' l-Appell li hija kien bi ħsiebha tirtira l-oppożizzjoni jekk, u biss jekk, il-lista li tidher fl-ittra tal-Bord ta' L-Appell tal-15 ta' Ġunju 2004 tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix modifikata.

17     B'ittra tat-23 ta' Lulju 2004, l-oppożitriċi stiednet il-Bord ta' l-Appell jikkonferma li l-imsemmija lista kienet ġiet ristretta b'mod definittiv skond it-termini ta' l-ittra tal-Bord ta' l-Appell tal-15 ta' Ġunju 2004.

18     B'ittra tad-29 ta' Lulju 2004, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma li r-restrizzjoni ta' l-imsemmija lista li ġiet aċċettata kienet dik indikata fl-ittra tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2004 u, għaldaqstant, li l-oppożizjoni kienet ikkunsidrata bħala rtirata.

19     Bid-deċiżjonijiet mogħtija fiż-żewġ kawżi fl-20 ta' Settembru 2004 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjonijet ikkontestati"), il-Bord ta' l-Appell qies li, peress li l-irtirar ta' l-oppożizzjoni kien ġab fit-tmiem il-proċedura, l-unika kwistjoni li kien baqa' tiġi deċiża kienet dik ta' l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż u li dwar dan ma kienx intlaħaq ftehim bejn il-partijiet. F'dan ir-rigward, hija ddeċidiet li tordna li kull parti tbati l-ispejjeż subiti fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni u ta' l-appelli, skond l-Artikolu 81(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

20     Ir-rikorrenti titlob, f'kull waħda mill-kawżi, sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tistabbilixxi li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004, indirizzata lill-UASI u ffirmata konġuntament mir-rikorrenti u mill-oppożitriċi, ma kienx fiha dikjarazzjonijiet intiżi li jtemmu l-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, iżda biss talba għas-sospensjoni ta' din il-proċedura;

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u tirrinvija l-kawżi quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI;

–       tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

21     L-UASI jitlob, f'kull waħda mill-kawżi, sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tikkundanna l-partijiet kollha li dehru quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 Fid-dritt

 L-Argumenti tal-partijiet

22     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li l-partijiet kienu wrew ir-rieda komuni li jtemmu l-proċedura quddiem il-UASI. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-ittra konġunta tal-partijiet ta' l-4 ta' Ġunju 2004 kienet sempliċi talba għas-sospensjoni tal-proċedura sabiex jintlaħaq ftehim bonarju dwar il-prodotti li għandhom jitneħħew mil-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

23     Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ittra ma kien fiha ebda dikjarazzjoni intiża sabiex ittemm il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell. Bil-kontra ta' dan, minnha jirriżulta b'mod ċar li l-partijiet ma kinux laħqu ftehim sabiex itemmu l-proċedura. Minn naħa, din l-ittra kienet tesponi li r-rikorrenti kienet, b'ittra tat-3 ta' Ġunju 2004, talbet lill-Bord ta' l-Appell jilqa' l-applikazzjoni tagħha sabiex il-lista tal-prodotti rrappreżentati tiġi ristretta skond ftehim bonarju konkluż ma' l-oppożitriċi fit-22 ta' Diċembru 2003. Min-naħa l-oħra, hija esponiet li, l-oppożitriċi, minkejja din l-applikazzjoni għar-restrizzjoni, kienet osservat li hija kienet ser tirrinunzja biss għall-oppożizzjoni jekk jitneħħew ukoll, minn fuq il-lista in kwistjoni, ċerti prodotti oħra, mhux koperti mill-imsemmi ftehim bonarju.

24     Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell interpreta ħażin it-talba ta' sospensjoni li l-partijiet ressqu quddiem il-UASI.

25     L-UASI tikkunsidra li r-rikors huwa fondat u li d-deċiżjonijiet kkontestati għandhom jiġu annullati. Huwa jsostni li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-ammissibbiltà ta' tali talbiet [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs l-UASI – Atofina Chemichals (BIOMATE), T-107/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 sa 36, u ta' l-4 ta' Mejju 2005, Reemaark vs l-UASI – Blunet (Westlife), T-22/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 16 sa 19].

26     Dwar il-mertu, huwa jikkunsidra, l-istess bħar-rikorrenti, li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 fiha biss talba konġunta tal-partijiet għas-sospensjoni tal-proċedura. Għalhekk huwa jikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta rrestrinġa l-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza


 Dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet tal-partijiet

27     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bl-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tistabbilixxi li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004, indirizzata lill-UASI u ffirmata konġuntament miż-żewġ partijiet, ma kienx fiha dikjarazzjonijiet maħsuba sabiex itemmu l-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, iżda biss talba għas-sospensjoni ta' din il-proċedura. Din it-talba mhijiex indipendenti mit-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għaliex din tikkostitwixxi argument in sostenn tagħha. Għaldaqstant, mhemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq din it-talba bħala tali.

28     F'dak li jirrigwarda l-UASI, permezz ta' l-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, huwa jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fi proċedura li għandha bħala suġġett rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell li kienet ġiet deċiża fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, l-UASI m'għandux is-setgħa li jemenda, minħabba fil-pożizzjoni li huwa għandu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, it-termini tal-kawża kif dawn jirriżultaw mit-talbiet rispettivi ta' l-applikant għar-reġistrazzjoni u ta' l-oppożitur [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs l-UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 26, li kkonfermat, fi stadju ta' appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs l-UASI - France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Westlife, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16, u tal-15 ta' Ġunju 2005, Spa Monopole vs l-UASI – Spaform (SPAFORM), T-186/04, għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 19].

30     Madankollu, minn dik il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-UASI huwa marbut jitlob iċ-ċaħda ta' rikors magħmul kontra deċiżjoni ta' waħda mill-Bordijiet ta' l-Appell tiegħu. Fil-fatt, jekk l-UASI m'għandux il-kompetenza legali meħtieġa sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell, għal kuntrarju, mhuwiex marbut li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta' Bord ta' l-Appell jew li neċessarjament jitlob iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha li jikkontestaw tali deċiżjoni (sentenzi BIOMATE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34; Westlife, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, u SPAFORMA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).

31     Għalhekk xejn ma jostakola lill-UASI milli jaqbel ma' talba tar-rikorrenti jew inkella jħalli d-deċiżjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jigwidaw il-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza BIOMATE, iċċitata iktar il-fuq, punt 36, u tal-25 ta' Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs l-UASI (Cloppenburg), T-379/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22].

32     Min-naħa l-oħra, huwa ma jistax jagħmel talbiet intiżi għall-annullament jew ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq punt li ma tqajjimx fir-rikors jew jippreżenta motivi li ma tqajmux fir-rikors (is-sentenzi Vedial vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34, u Cloppenburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

33     Fil-każ in eżami, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-UASI ressaq biss argumenti favur it-talbiet tar-rikorrenti, li jsostnu li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li l-partijiet kienu wrew ir-rieda komuni li jtemmu l-proċedura quddiem l-UASI. Għaldaqstant, it-talba mressqa mill-UASI u l-argumenti tressqu sabiex isostnuha huma ammissibli safejn dawn ma jmorrux lil hinn mill-kuntest tat-talbiet u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq il-mertu

34     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mill-UASI, tafferma li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li l-partijiet kienu wrew ir-rieda komuni li jtemmu l-proċedura quddiem l-UASI. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jindikawx espressament li l-proċeduri ġew mitmuma.

35     Madankollu, bid-deċiżjoni tiegħu fuq l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż tal-proċedura quddiem l-UASI bbażata fuq il-premessa li "l-irtirar ta' l-oppożizzjoni ġab fit-tmiem il-proċedura" (ara r-raġunijiet mogħtija rispettivament fil-premessi 20 u 21 tad-deċiżjonijiet ikkontestati), għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell iddeċieda, b'mod impliċitu, li jtemm il-proċedura.

36     Għalkemm ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq ma fihomx preċiżazzjonijiet, l-espożizzjoni tal-fatti li jirrigwardaw l-andament tal-proċedura u, b'mod partikolari, l-iskambju ta' ittri bejn il-partijiet u l-Bord ta' l-Appell (ara, rispettivament, il-premessi 9 sa 18 u 10 sa 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati) hija ddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tifhem u tivverifika r-raġunijiet li għalihom il-Bord ta' l-Appell qies li r-rikorrenti kienet irrestrinġiet l-applikazzjoni għat-trademark tagħha u li, minħabba f'dan, l-oppożitriċi kienet irtirat l-oppożizzjoni tagħha.

37     Hemm għalhekk lok li jiġi eżaminat jekk, fil-każ in eżami, il-Bord ta' l-Appell setax raġonevolment jikkonkludi li l-partijiet kellhom ir-rieda komuni li jtemmu l-proċedura li kienet quddiemu. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta' applikazzjoni għall-irtirar parzjali jew totali ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark jew ta' oppożizzjoni quddiem l-UASI, l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant jista', f'kull waqt, jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trademark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta' prodotti jew servizzi li din ikun fiha.

38     Barra minn dan, skond ir-Regola 20(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), jekk l-applikant jirrestrinġi l-lista tal-prodotti u tas-servizzi konformement ma' l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jinforma b'dan lill-oppożitur u jistiednu jinfurmaħ, fit-terminu ta' żmien preskritt minnu, jekk huwiex beħsiebu jkompli l-oppożizzjoni tiegħu u, jekk iva, kontra liema mill-prodotti u servizzi li jkun fadal.

39     Skond il-ġurisprudenza, il-possibbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni li tiġi ristretta l-lista ta' prodotti u ta' servizzi hija biss fid-diskrezzjoni ta' l-applikant għal trademark Komunitarja li f'dan ir-rigward jista', f'kull mument, jagħmel aplikazzjoni quddiem l-UASI. F'dan il-kuntest, l-irtirar totali jew parzjali ta' applikazzjoni għal trademark Komunitarja għandu jsir b'mod espress u mingħajr ebda kundizzjonijiet [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs l-UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 61].

40     Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-leġiżlatur m'għamilx espressament dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta' rtirar ta' l-oppożizzjoni, peress li l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi biss għall-irtirar ta' applikazzjoni għal trademark, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, peress illi, skond l-istruttura ta' dan l-istess Regolament, fil-proċedura ta' oppożizzjoni l-applikant u l-oppożitur huma mqegħda fl-istess livell, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-ugwaljanza tgħodd ukoll għall-possibbiltà li jiġu rtirati l-atti proċedurali [digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Lichtwer Pharma vs l-UASI – Bioforma (Sedonium), T-10/01, Ġabra p. II-2225, punt 15, u tad-9 ta' Frar 2004, Synopharm vs l-UASI – Pentafarma (DERMAZYN), T-120/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19].

41     Fil-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-partijiet kienu wrew ir-rieda komuni li jtemmu l-proċedura mhijiex ibbażata fuq il-fatti.

42     Fil-fatt, qabel kollox hemm lok li jiġi osservat li l-unika applikazzjoni espressa u mingħajr kundizzjonijiet għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija dik magħmula bl-ittra tar-rikorrenti tat-3 ta' Ġunju 2004.

43     Wara dan, bil-kontra tal-ħtiġijiet imfakkra mill-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, l-ittra konġunta tal-partijiet ta' l-4 ta' Ġunju 2004 ma fiha ebda applikazzjoni espressa u mingħajr kundizzjonijiet għall-irtirar parzjali ta' l-applikazzjoni għat-trademark jew ta' rtirar ta' l-oppożizzjoni.

44     Fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, ir-rikorrenti u l-UASI huma korretti meta jaffermaw li l-imsemmija ittra fiha biss talba komuni għas-sospensjoni tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, l-unika talba espressament indirizzata lill-Bord ta' l-Appell f'din l-ittra hija din li ġejja:

"F'isem iż-żewġ partijiet, permezz ta' din l-ittra aħna nitolbu s-sospensjoni tal-proċedura ta' appell"

45     Iktar minn hekk, din l-ittra tesponi biss in-nuqqas ta' ftehim bejn il-pożizzjoni tar-rikorrenti, kif espressa fl-ittra tat-3 ta' Ġunju 2004, u dik ta' l-oppożitriċi dwar ir-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

46     Għaldaqstant huwa kontradittorju li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 tiġi kkunsidrata bħala li tinvolvi talba komuni tal-partijiet għas-sospensjoni tal-proċedura u, fl-istess ħin, applikazzjoni sabiex tintemm il-proċedura, safejn talba għas-sospensjoni tal-proċedura titlef l-għan tagħha fil-każ ta' l-irtirar ta' l-oppożizzjoni.

47     It-talba li tgħid li l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 kien fiha biss talba għas-sospensjoni hija sostnuta mill-avvenimenti li seħħu qabel l-imsemmija talba. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li f'diversi drabi l-partijiet kienu diġà bbenefikaw minn sospensjoni tal-proċedura sabiex ikunu jistgħu jaslu għal ftehim. Fl-ittra tagħha tat-2 ta' April 2004, fejn għar-raba' darba kkonċeda s-sospensjoni tal-proċedura, il-Bord ta' l-Appell enfasizza li, "Wara li ġew meqjusa t-talbiet preċedenti, dan il-perijodu ta' sospensjoni [għandu] jiġi kkunsidrat bħala finali, ħlief jekk il-partijiet [ikunu] jistgħu jiġġustifikaw raġunijiet speċjali li jagħtu lok għall-sospensjoni supplementari". Huwa għalhekk f'dan il-kuntest li għandha tiġi interpretata l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004, jiġifieri li kien għaliex il-Bord ta' l-Appell kien indika lill-partijiet li huwa ma kienx ser jilqa', f'kundizzjonijiet normali, talbiet oħra għas-sospensjoni tal-proċedura li l-partijiet kien beħsiebhom jesponu r-raġunijiet eċċezzjonali li jiġġustifikaw sospensjoni supplementari fil-każ in eżami.

48     Barra minn dan, ebda element ta' l-atti tal-proċess ma jwassal għall-konklużjoni li kien hemm ftehim ulterjuri li jiġġustifika li tiġi mitmuma l-proċedura. Bil-kontra ta' dan, l-ittri li l-partijiet bagħtu wara l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004 sad-data ta' meta ttieħdu d-deċiżjonijiet ikkontestati juru li kien għad hemm nuqqas ta' ftehim dwar ir-restrizzjoni tal-lista ta' prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni li r-rikorrenti kellha tagħmel sabiex l-oppożitriċi tirtira l-oppożizzjoni tagħha.

49     Fl-ittra tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2004, bi tweġiba għall-ittra konġunta tal-partijiet ta' l-4 ta' Ġunju 2004, il-Bord ta' l-Appell informa lil dawn ta' l-aħħar b'dak li huwa kien fehem bħala li kienet il-pożizzjoni komuni fir-rigward tar-restrizzjoni tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, b'mod konformi mal-pożizzjoni ta' l-oppożitriċi, iżda mingħajr ma saqsiet lir-rikorrenti jekk kinitx taqbel ma din l-interpretazzjoni.

50     Huwa għalhekk li r-rikorrenti, fl-ittra li bagħtet lill-UASI fis-16 ta' Ġunju 2004, ikkontestat li kienet aċċettat ir-restrizzjoni hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-Bord ta' l-Appell tal-15 ta' Ġunju 2004. Hija fakkret li kienet aċċettat biss ir-restrizzjonijiet li hija indikat fl-ittra tat-3 ta' Ġunju 2004 u, għaldaqstant, talbet lill-Bord ta' l-Appell jemenda l-ittra tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2004.

51     Minkejja din il-kontestazzjoni, il-Bord ta' l-Appell, b'ittra tat-23 ta' Ġunju 2004, ikkonferma l-interpretazzjoni tiegħu li tgħid li kienet tirrigwarda applikazzjoni għar-restrizzjoni tal-prodotti rrappreżentati, mingħajr ma kkonsulta l-partijiet sabiex jiċċara s-sinifikat eżatt ta' l-ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004. Huwa indika li l-imsemmija ittra, minħabba l-formulazzjoni tagħha u minħabba l-fatt li kienet ġiet iffirmata mill-partijiet, setgħet biss tinftiehem bħala applikazzjoni għar-restrizzjoni tal-prodotti rrappreżentati u li tali applikazzjoni, li kienet saret obbligatorja, ma setgħetx tiġi revokata.

52     In-nuqqas ta' ftehim espress u mingħajr kundizzjonijiet intiż sabiex itemm il-proċedura huwa enfasizzat ukoll mill-fatt li l-oppożitriċi fakkret, bl-ittra ta' l-1 ta' Lulju 2004, li hija xtaqet tirtira l-oppożizzjoni tagħha biss bil-"kundizzjoni formali" li l-lista ta' prodotti rrappreżentati mit-trademark li saret applikazzjoni għaliha, kif tirriżulta mill-ittra tal-Bord ta' l-Appell tal-15 ta' Ġunju 2004, ma tiġix modifikata. Bl-ittra tat-23 ta' Lulju 2004, l-oppożitriċi talbet lill-Bord ta' l-Appell jikkonferma wkoll li l-imsemmija restrizzjoni kienet ġiet imwettqa u li l-oppożizzjoni kienet ikkunsidrata bħala rtirata.

53     Fl-aħħar nett, minkejja r-rifjut espress tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-ittra tagħha tas-16 ta' Ġunju 2004, li tirrestrinġi l-lista tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni skond ir-rieda ta' l-oppożitriċi, il-Bord ta' l-Appell, b'ittra tad-29 ta' Lulju 2004, li kopja tagħha ntbagħtet lir-rikorrenti, ikkonferma lil oppożitriċi li "Ir-restrizzjoni li ġiet aċċettata kienet dik indikata fl-ittra tiegħu [tal-15 ta' Ġunju 2004] u, għaldaqstant l-oppożizzjoni kienet ikkunsidrata bħala rtirata." Issa, wara li ġiet meqjusa l-pożizzjoni li r-rikorrenti kienet ħadet fl-ittra tagħha tas-16 ta' Ġunju 2004 u peress li din ma ppreżentat ebda applikazzjoni espressa oħra li tixhed il-kontra, il-Bord ta' l-Appell ma kellu ebda bażi sabiex jasal għal tali konklużjoni.

54     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet kkontestati huma vvizzjati bi żball ta' fatt u għandhom, għaldaqstant, jiġu annullati.

 Fuq l-ispejjeż

55     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ġew annullati u minkejja t-talbiet tagħha l-UASI għandha tiġi kkunsidrata bħala telliefa u għalhekk hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitluba minn din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks, Disinni u mudelli) (UASI) ta' l-20 ta' Settembru 2004 (kawżi R 973/2002-2 u R 982/2002-2) huma annullati.

2)      L-UASI hija kkundannata tbati l-ispejjeż.


Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta' Frar 2006.

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.