Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Frar 2013 - LG Electronics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-91/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: LG Electronics, Inc. (Seul, il-Korea t'Isfel) (rappreżentanti: G. van Gerven u T. Franchoo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, kompletament jew parzjalment, l-Artikoli 1.1(d) u 1.2(g), l-Artikoli 2.1(d) u 2.1(e) u l-Artikoli 2.2(d) u 2.2(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2012) 8839 finali, tal-5 ta' Diċembru 2012, fil-Każ COMP/39.437 - Tubi għall-iskrinijiet tat-televiżjoni u tal-kompjuter, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u/jew

tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-Artikoli 2.1(d) u 2.1(e) u fl-Artikoli 2.2(d) u 2.2(e) tad-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ksur ta' rekwiżit proċedurali sostanzjali), sa fejn LG Philips Displays (iktar 'il quddiem "LPD") ma kinitx inkluża fil-proċeduri bħala konvenuta.

Motivi insostenn tal-annullament (parzjali) tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE u tat-tnaqqis korrispondenti tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 261 TFUE:

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23.2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 , fuq ksur tal-prinċipju ta' responsabbiltà personali, u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti nżammet responsabbli għal ksur imwettaq minn LPD.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata żżomm lir-rikorrenti responsabbli għal aġir li jippreċedi l-1 ta' Lulju 2001.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23.2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, u fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti pproċessati fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23.2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fuq ksur tal-prinċipju ta' responsabbiltà personali, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorenti, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-multa bbażata fuq il-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti pproċessati magħmul minn Philips.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament u ta' amministrazzjoni tajba, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata (i) ma tipprovdix raġunijiet suffiċjenti għalfejn il-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti pproċessati ma kienx inkluż fir-rigward ta' Samsung, u/jew (ii) tinkludi jew teskludi dan il-bejgħ b'mod arbitrarju b'tali mod li toħloq nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u Samsung.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 23.2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament u ta' amministrazzjoni tajba, sa fejn (i) id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex indirizzata lil LPD jew lis-sussidjarji ta' LPD li pparteċipaw fil-ksur filwaqt li impriża konġunta kienet indirizzata flimkien mal-kumpanniji parent tagħha, u (ii) il-kumpanniji parent l-oħra fl-istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti ma kinux indirizzati mid-deċiżjoni kkontestata.

Motiv ibbażat fuq il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

It-tmien motiv jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas il-multa tar-rikorrenti minħabba li hija eċċessiva u sproporzjonata.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).