Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Jannar 2010 - Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-6/10)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Sviluppo Globale GEIE (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti F. Sciaudone, avukat, R. Sciaudone, avukat, A. Neri, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet tal-10 ta' Novembru 2009 u tas-26 ta' Novembru 2009.

tikkundanna lil-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti huwa intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat l-offerta tal-konsorzju ITAK (li r-rikorrenti kienet membru tiegħu u responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-konsorzju stess) fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti EUROPEAID/127843/D/SER/KOS, li għandha bħala suġġett il-provvista ta' servizzi ta' sostenn lill-amministrazzjonijiet doganali u fiskali fil-Kosovo, u, min-naħa l-oħra, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Novembru 2009, dwar it-talba għal aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti inkwistjoni mressqa mill-imsemmi konsorzju ITAK.

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta' Novembru 2009, ir-rikorrenti tinvoka:

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qatt ma pprovdiet informazzjoni fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula;

ksur tal-obbligi tal-Kummissjoni abbażi tal-punt 2.4.15 tal-"Gwida Prattika għal proċeduri ta' kuntratt għal azzjonijiet barranin" tal-Komunità Ewropea kif ukoll l-obbligu ta' diliġenza fil-kuntest tal-azzjoni amministrattiva impost fuq il-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma rrispondietx għall-ilmenti mqajma skont il-metodu previst fil-punt 2.4.15 tal-Gwida Prattika;

żball manifest ta' evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta teknika ppreżentata mill-konsorzju ITAK, sa fejn il-kumitat ta' evalwazzjoni qies bħala insuffiċjenti u mhux teknikament adegwata offerta ppreżentata minn tliet amministrazzjonijiet (fiskali u doganali) ta' tliet Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;

żball manifest ta' evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta teknika magħżula. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat ta' evalwazzjoni attribwixxa punti għolja wisq lill-offerta mressqa minn konsorzju ta' esperti fl-informatika li kellu team leader li fil-passat kien kiseb evalwazzjonijiet medjokri mill-istess Kummissjoni.

Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 2009, ir-rikorrenti tinvoka:

ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001 1, sa fejn il-Kummissjoni ma ttratatx b'mod immedjat it-talba għal aċċess, ma bagħtet ebda rikonoxximent tal-irċevuta, u qieset li setgħet sempliċement tinjora t-talba;

ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma ttratatx b'mod immedjat it-talba għal konferma ppreżentata mill-konsorzju ITAK, ma bagħtet, lanqas f'din iċ-ċirkustanza, ebda rikonoxximent tal-irċevuta, u, fl-aħħar, qieset li setgħet tirrispondi għat-talba wara li ddekorra t-terminu stabbilit għar-risposta;

ksur tal-prinċipji ġenerali dwar l-aċċess għad-dokumenti stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mill-ġurisprudenza stess. B'mod partikolari, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni waslet sal-punt li lanqas biss ipprovdiet informazzjoni li kienet preċedentement intbagħtet lir-rikorrenti;

fl-aħħar, ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-ksur min-naħa tal-konvenuta tal-Artikolu 4(2), (3) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).