Language of document : ECLI:EU:T:2007:129

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Mejju 2007

Kawża T-255/04

Monique Negenman

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave tal-maternità – Leave tal-mard – Data mistennija tal-ħlas – Bidu tal-leave tal-maternità”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa d-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-leave tal-maternità taħt l-Artikolu 58 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, talba għal danni.

Deċiżjoni: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2003 li tiffissa d-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-leave tal-maternità tar-rikorrenti hija annullata. Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Leave tal-maternità – Tul ta’ żmien – Punt ta’ bidu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 58 u 59)

Ir-Regolamenti tal-Persunal stabbilixxew sistema ta’ kalkolu tal-leave tal-maternità li hija ċara u mingħajr ambigwità, li hija intiża, skond il-prinċipju taċ-ċertezza legali, li tiddetermina bil-quddiem u b’mod ċert il-punt ta’ bidu tal-leave sabiex il-mara tqila tkun tista’ tkun taf is-sitwazzjoni amministrattiva tagħha qabel ma tibda l-leave tal-maternità. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Awtorità tal-Ħatra m’għandha l-ebda marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-fissazzjoni tad-data ta’ bidu u ta’ tmiem tal-leave tal-maternità. B’hekk, għalkemm hija ċertament għandha tieħu in kunsiderazzjoni d-data effettiva tal-ħlas sabiex tiddetermina d-data ta’ dħul lura għax-xogħol ta’ l-uffiċjal, madankollu hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni biss id-data probabbli tal-ħlas tagħha, hekk kif ġiet stabbilita minn ċertifikat mediku, sabiex tiddetermina l-bidu tal-leave tal-maternità tagħha u hija ma tistax, f’ebda każ, tiddeterminah a posteriori, skond id-data effettiva tal-ħlas. B’hekk, meta d-data reali tal-ħlas tkun qabel id-data probabbli tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-punt ta’ bidu tal-leave tal-maternità jibqa’ l-istess u li l-uffiċjal ikkonċernata għandha tibbenefika, wara l-ħlas, mill-bqija tal-leave li huwa neċessarju sabiex jassiguralha l-minimu ta’ protezzjoni regolatorja, jiġifieri leave tal-maternità għal tul ta’ żmien totali ta’ sittax-il ġimgħa.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fl-ipoteżi fejn il-mara tqila tkun diġà tinsab, qabel il-bidu ta’ leave tal-maternità tagħha, f’leave tal-mard minħabba raġunijiet marbuta mat-tqala tagħha, peress li l-Artikolu 58 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmel l-ebda distinzjoni f’dan ir-rigward. Metodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi a posteriori, f’tali ipoteżi, il-punt ta’ bidu tal-leave tal-maternità skond id-data reali tal-ħlas, flimkien mat-tibdil fi ġranet ta’ leave tal-maternità tal-ġranet tal-leave tal-mard inklużi fit-terminu ta’ sitt ġimgħat qabel din id-data, jikser l-Artikoli 58 u 59 tar-Regolamenti tal-Perusnal. Fil-fatt, it-tqala ma tistax titqies li tikkostitwixxi marda u ebda dispożizzjoni regolatorja ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza t-tibdil ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ leave li, filwaqt li jsegwu għanijiet differenti, huma ta’ natura differenti. Tali metodu jwassal, minbarra dan, sabiex joħloq diskriminazzjoni bejn in-nisa tqal li jkollhom tqala mingħajr diffikultajiet u li b’hekk m’għandhomx bżonn li jieħdu leave tal-mard u, min-naħa l-oħra, dawk li jkollhom jieħdu leave tal-mard qabel il-leave tal-maternità tagħhom, peress li ma jistgħux jaħdmu.

(ara l-punti 50 sa 56 u 58 sa 61)