Language of document : ECLI:EU:T:2006:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

11 ta' Lulju 2006 (*)

“Trade mark Komunitarja − Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva ASETRA − Trade mark nazzjonali u internazzjonali figurattiva preċedenti CAVIAR ASTARA − Raġunijiet relattivi għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Rifjut ta’ l-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dokumenti fit-termini mogħtija − Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta’ l-Appell − Ammissibbiltà − Portata ta’ l-eżami magħmul mill-Bordijiet ta’ l-Appell − Artikoli 62 u 74 tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑252/04,

Caviar Anzali SAS, stabbilita f’Colombes (Franza), irrappreżentata minn J.-F. Jésus, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Novomarket, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell tal-UASI tad-19 ta’ April 2004 (kawża R 479/2003-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Caviar Anzali SAS u Novomarket, SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Ġunju 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Settembru 2004,

wara s-seduta tat-8 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 59, l-Artikolu 62(1) u l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994 p. 1), kif emendat, jipprovdu :

“Artikolu 59

Terminu u forma ta’ l-appell

Għandha tiġi ppreżentata notifika ta’ l-appell [quddiem il-Bord ta' l-Appell] bil-miktub lill-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)] fi żmien xahrejn wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet ippreżentata biss meta l-miżata ta’ l-appell tkun ġiet imħallsa. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew ir-raġunijiet ta’ l-appell.

[...]

Artikolu 62

Deċiżjonijiet dwar appelli

1.      Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibbiltà ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

[...]

Artikolu 74

L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess

1.      Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji miltuba.

2. L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux ippreżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet ikkonċernati.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit-18 ta’ April 2001, Novomarket SA (iktar ‘il quddiem il-“parti l-oħra fill-proċedura quddiem l-UASI”), ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) , skond ir-Regolament Nru 40/94.

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv ASETRA, riprodott hawn isfel:

Image not foundImage not found

4        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29 (“kavjar, ħut u ħut fil-laned, bajd tal-ħut u frott tal-baħar fil-laned, frott tal-baħar fil-laned”), 31 (“bajd tal-ħut u frott tal-baħar”) u 35 (“servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza relatati mal-bejgħ bl-imnut, importazzjoni u esportazzjonijiet, ġestjoni ta’ affarijiet kummerċjali”) tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

5        Fis-6 ta’ Mejju 2002, Caviar Anzali SAS ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. L-oppożizzjoni kienet tikkonċerna parti biss mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jiġifieri l-prodotti li ġejjin:

–        “kavjar, ħut u ħut fil-laned, bajd tal-ħut u frott tal-baħar fil-laned, frott tal-baħar fil-laned”, li jaqgħu taħt il-klassi 29;

–        “bajd tal-ħut u frott tal-baħar bil-qoxra”, li jaqgħu taħt il-klassi 31.

6        Ir-raġuni invokata in sostenn ta’ l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta’ konfużjoni, imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti li tagħha r-rikorrenti hija l-proprjetarja. It-trade mark preċedenti in kwistjoni, li kienet irreġistrata fi Franza bin-numru 92 432 018, b'data ta’ reġistrazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 1992, għall-kavjar (klassi 29) u li kienet irreġistrata fir-reġistru internazzjonali bin-numru 597 147, b’data ta’ reġistrazzjoni tat-18 ta’ Frar 1993, għall-istess prodott, hija t-trade mark figurattiva CAVIAR ASTARA, riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

7        L-att ta’ oppożizzjoni kien miktub bil-Franċiż u kien fih, bħala prova tar-reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tad-19 ta’ Novembru 2001 ta’ l-Institut national de la propriété industrielle (Istitut nazzjonali tal-proprjetà industrijali), korp Franċiż kompetenti fil-qasam ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks, kif ukoll estratt tar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks ta’ l-14 ta’ Novembru 2001 mogħti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) ukoll fil-lingwa Franċiża.

8        Fit-18 ta’ Ġunju 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta' l-UASI talbet lir-rikorrenti sabiex tagħżel, bejn l-Ingliż u l-Ispanjol, il-lingwa li hija xtaqet tadotta bħala lingwa tal-proċedura u informatha li kull komunikazzjoni fil-futur kellha tiġi ppreżentata bil-lingwa tal-proċedura jew ikollha magħha traduzzjoni. Bħala risposta, ir-rikorrenti bagħtet, fl-1 ta’ Lulju 2002, att ta’ oppożizzjoni miktub bl-Ingliż.

9        Fl-14 ta’ Ottubru 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha terminu ta’ żmien li kien jiskadi fil-15 ta’ Frar 2003 sabiex tikkompleta l-fatti, provi jew osservazzjonijiet ippreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha. L-ittra kienet tindika dan li ġej:

“Jekk intom ma tipproduċux fatti, provi jew argumenti fit-terminu ta’ żmien mogħti, l-[UASI] ser jagħti deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni billi jibbaża ruħu fuq il-provi li għandu. Jekk id-dokumenti neċessarji sabiex jagħtu prova tad-dritt[ijiet] preċedent[i] li jservu bħala bażi għall-oppożizzjoni jew sabiex jagħtu prova tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ applikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti invokati ma jiġux ippreżentati fit-terminu ta’ żmien imsemmi iktar ‘il fuq, l-oppożizzjoni ser tiġi miċħuda mingħajr eżami tal-mertu.

[...]

Oqogħdu attenti li kull dokument jiġi pprovdut fil-lingwa tal-proċedura jew ikollu miegħu traduzzjoni. L-[UASI] mhux ser jieħu in kunsiderazzjoni dokumenti li ma jkunux ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedura [...]

Hija meħtieġa wkoll traduzzjoni ta' kull dokument jew ċertifikat li jkun diġà inkluż fl-inkartament u li ma jkunx fil-lingwa tal-proċedura [...] Tali traduzzjoni għandha tiġi pprovduta bħala dokument separat, li jirriproduċi fedelment il-forma u l-kontenut tad-dokument oriġinali. Hija għandha jkollha d-dettalji essenzjali kollha indikati fin-nota ta’ spjegazzjoni hawn mehmuża.

[...]

Fin-nuqqas ta’ dan, l-[UASI] mhux ser jieħu in kunsiderazzjoni dokumenti mhux tradotti u ser jagħti deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni bħallikieku dawn id-dokumenti ma ġewx ippreżentati.”

10      Ma’ l-ittra ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002, ġiet mehmuża nota ta’ spjegazzjoni inkwantu għall-provi li kellhom jiġu pprovduti in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, li kienet tispeċifika kif ġej:

“Traduzzjonijiet: meta huwa neċessajru li jiġi tradott iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni (jew kull dokument ekwivalenti) fil-lingwa tal-proċedura, il-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni għandha tittraduċi d-dokumenti kollha, fosthom il-lista li tinsab fit-taqsima [“Elementi li għandhom jiġu ppruvati”] relatata ma’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 iktar ‘il fuq, billi tuża t-titoli standard għal kull wieħed minn dawn id-dokumenti, ħaġa li hija neċessarja sabiex tkun tista' tiġi identifikata b’mod ċar u mingħajr ekwivoku n-natura ta’ l-informazzjoni li jkun hemm referenza għaliha. Huma biss l-indikazzjonijiet amministrattivi li huma mingħajr effett fuq l-oppożizzjoni li m’għandhomx bżonn jiġu tradotti.”

11      Fit-terminu ta’ żmien mogħti, li skada fil-15 ta’ Frar 2003 (ara punt 9 iktar ‘il fuq), ir-rikorrenti ma ppreżentat la fatt, la prova u lanqas osservazzjoni addizzjonali.

12      Fl-10 ta’ April 2003, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bagħtet lir-rikorrenti l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI u indikat:

“Qed tinġibed l-attenzjoni tagħkom għall-fatt li ma jistgħux isiru iktar osservazzjonijiet. L-[UASI] jinformakom li huwa ser jagħti deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni bħala mhux fondata, peress illi l-provi tad-drittijiet preċedenti ma ġewx ippreżentati fit-terminu ta’ żmien iffissat mill-[UASI]. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fuq din il-konklużjoni, intom għandkom il-possibbiltà li tappellaw wara li d-deċiżjoni tingħata (Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 40/94).”

13      Fl-14 ta’ April 2003, bħala risposta għall-ittra ta' l-UASI, ir-rikorrenti ppreżentat it-traduzzjonijiet, bl-Ingliż, taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li preċedentement kienu ġew ippreżentati bil-Franċiż.

14      Fil-11 ta’ Ġunju 2003, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat id-dokumenti neċessarji sabiex tiġġustifika d-drittijiet preċedenti invokati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni. Hija ma ħaditx kunsiderazzjoni t-traduzzjonijiet ikkomunikati fl-14 ta’ April 2003, għar-raġuni li dawn kienu ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien mogħti sabiex tingħata prova tal-fatt li l-oppożizzjoni kienet fondata. Hija osservat li r-rikorrenti kienet għażlet l-Ingliż bħala lingwa tal-proċedura, li hija kienet taf li kellha tiġi ppreżentata traduzzjoni tad-dokumenti, skond ir-Regola 17(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 91), u li terminu ta’ żmien kien ingħatalha sabiex tippreżenta l-fatti, provi, osservazzjonijiet u traduzzjonijiet, skond ir-Regola 20(3), ir-Regola 16(3) u r-Regola 17(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

15      Fil-5 ta’ Awwissu 2003, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. In sostenn tan-nota li tesponi l-motivi ta’ l-appell tagħha, hija hemżet iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid, flimkien ma’ traduzzjoni bl-Ingliż.

16      Fid-19 ta’ April 2004, it-Tieni Bord ta’ l-Appell tal-UASI ċaħad l-appell magħmul mir-rikorrenti billi adotta d-deċiżjoni R 479/2003-2 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet iġġustifikata li tiċħad l-oppożizzjoni mingħajr ma eżaminat il-mertu tal-kawża, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ikkomunikat it-traduzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fit-terminu ta’ żmien mogħti lilha. Huwa kkonstata li r-rikorrenti kienet ġiet debitament informata mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bl-eżiġenzi li jikkonċernaw it-traduzzjonijiet, u l-penali eventwali fin-nuqqas ta’ rispett tagħhom, imma li hija la pprovdiet dawn it-traduzzjonijiet fit-terminu ta’ żmien iffissat u lanqas ma talbet l-għoti ta’ terminu ta’ żmien addizzjonali. Fl-aħħar nett, huwa ċaħad bħala inammissibbli t-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li kienu ġew annessi man-nota li tesponi l-motivi tar-rikors, għar-raġuni li dawn kienu ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni skond ir-Regola 17(2) u r-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

18      L-UASI jitolb lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–        tordna li l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Id-dritt

19      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, fis-sustanza, tliet motivi ta’ annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijet tar-Regolamenti Nru 40/94 u 2868/95 dwar it-trasferiment tal-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' dritt ta’ l-appell (effet dévolutif) lill-Bord ta’ l-Appell. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ta’ trattament. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-ksur ta’ l-“ispirtu” tar-Regolamenti Nru 40/94 u 2868/95.

 L-argumenti tal-partijiet

20      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza tal-Bord ta’ l-Appell. Hija tinvoka t-tnax-il premessa kif ukoll l-Artikolu 57(1) u l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 49(2) u r-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-Bord ta’ l-Appell jeżerċita funzjoni deċiżjonali kompluta u awtonoma mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Il-kontroll tiegħu mhuwiex sempliċi kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni li hija kkontestata, imma, minħabba l-effett dévolutif tal-proċedura ta’ appell, huwa evalwazzjoni ġdida tal-kawża, peress li l-Bord ta’ l-Appell għandu jeżamina mill-ġdid ir-rikors inizjali kollu u jikkunsidra l-provi ppreżentati fiż-żmien stipulat.

21      Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell għandu l-obbligu, skond ir-Regola 49(2) u r-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jinnotifika lir-rikorrenti bl-irregolaritajiet kollha konnessi mal-komunikazzjoni ta’ dokument jew mal-produzzjoni ta’ traduzzjonijiet. Hija tirrileva li, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell, li kien irċieva għat-tieni darba t-traduzzjonijiet meta dawn ġew mehmuża bħala anness man-nota li tesponi l-motivi ta' l-appell, ma kien infurmaha b’ebda diffikultà. Ir-rikorrenti tosserva li, jekk ma setgħetx tingħata deċiżjoni ġdida fuq ir-rikors u d-dokumenti, dan kien ikollu bħala effett li jippermetti lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tieħu pożizzjoni li tkun ta’ dannu għall-parti li tippreżenta oppożizzjoni, li tkun qed tistidinha sabiex tappella filwaqt li taf li dan l-appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell huwa ddestinat li ma jirnexxiex. Meta ma stedinx lir-rikorrenti sabiex tirrimedja l-irregolarità ikkonstatata, il-Bord ta’ l-Appell ċaħadha milli teżerċita rimedju legali b'mod effettiv.

22      L-UASI jikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ma għamel ebda żball ta’ dritt meta rrifjuta t-traduzzjonijiet ippreżentati quddiemu.

23      L-UASI jikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, Ġabra p. II-3253) ma tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza parti sabiex tippreżenta elementi ta’ fatt u provi in sostenn ta’ l-oppożizzjoni għall-ewwel – jew, skond il-każ, għat-tieni darba, quddiem il-Bord ta’ l-Appell, meta din il-parti ma rrispettatx it-terminu ta’ żmien li kien ġie mogħti lilha sabiex tippreżenta dawn l-elementi ta’ fatt u dawn il-provi quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

24      L-UASI josserva li t-termini ffissati skond ir-Regoli 16, 17, 20 u r-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 huma termini perentorji. Meta, bħal f’dan il-każ, in-nuqqas ta' osservanza ta' tali terminu huwa ppenalizzat b'telf ta’ dritt, minħabba n-natura perentorja tat-terminu, l-UASI ma jistax japplika s-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jaċċetta jew jirrifjuta provi li ma kinux ġew ippreżentati fil-ħin preskritt. Din l-analiżi hija kkonfermata mit-test stess ta’ l-Artikolu 74(2), iċċitat iktar ‘il fuq, li huwa applikabbli biss meta l-provi ma jkunux ġew ippreżentati “fil-ħin preskritt” u mhux meta huma ppreżentati “barra t-terminu”.

25      L-UASI jqis li t-tressiq ta' appell quddiem il-Bordijiet ta’ l-Apell ma jistax ikollu bħala effett l-estensjoni tat-termini mogħtija mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Tali soluzzjoni twassal għal dewmien tal-proċeduri, li jkun ta’ dannu għall-prinċipju taċ-ċertezza legali, li tiegħu jagħmel parti l-għeluq tal-proċedimenti fi żmien raġonevoli. Skond l-UASI t-tressiq ta’ appell ma jistax ikollu effett retroattiv li jippermetti li jitħassru l-konsegweni tan-nuqqas ta’ rispett ta’ terminu oriġinarjament iffissat fl-ewwel istanza. F’każ kuntrarju, id-dispożizzjonijiet dwar it-termini jiġu mċaħħda mill-effetti tagħhom. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS) (T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 29).

26      L-UASI jiġġustifika wkoll l-inammissibbiltà tat-traduzzjonijiet minħabba l-ħtieġa li jirrispetta l-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-applikant u ta’ l-equality of arms bejn il-partijiet. Huwa jqis, minn naħa, li d-drittijiet tad-difiża ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni jinneċessitaw li huwa jkun f'pożizzjoni, sa mill-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li jassigura ruħu mill-eżistenza u mill-portata ta’ protezzjoni eżatta tad-dritt preċedenti invokat in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, li ma kienx il-każ hawnhekk. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ equality of arms bejn il-partijiet jiġi vvjolat jekk, ladarba l-oppożizzjoni ġiet miċħuda, il-persuna li għamlet l-oppożizzjoni setgħet tirrimedja a posteriori nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dokumenti. Il-persuna negliġenti li tagħmel l-oppożizzjoni ma tistax tiġġustifika n-nuqqas tagħha bil-ħtieġa li d-dritt tagħha li tinstema' jiġi rrispettat. Fil-fatt, tali dritt jiġi eżawrit ma’ l-iskadenza tat-termini ffissati mill-UASI, minbarra f’każ ta’ ċirkustanza straordinarja bħall-impossibbiltà materjali li jiġi ppreżentat fatt jew prova matul it-terminu ffissat jew ir-rivelazzjoni ta’ fatti u provi ġodda matul il-proċedura.

27      Skond l-UASI, il-fatt li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bordijiet ta’ l-Appell ma jippermettix li d-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra jiġu limitati għall-proċedura quddiem l-UASI. Għall-kuntrarju, il-kontinwità funzjonali teżiġi l-adozzjoni ta’ regoli proċedurali identiċi, fir-rigward tat-termini, ħaġa li timplika li l-konsegwenzi legali ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ terminu jibqgħu japplikaw quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

28      L-UASI jikkontesta li r-Regola 49(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tobbliga lill-Bord ta’ l-Appell jinnotifika lir-rikorrenti bl-irregolarità li tikkonċerna t-traduzzjonijiet. Skond l-UASI, jirriżulta mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs L-UASI – Massagué Marín (Chef) (T-232/00, Ġabra p. II-2749), li l-obbligu li jiġu nnotifikati l-irregolaritajiet ta’ att ta’ oppożizzjoni jikkonċerna biss l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-mertu ta’ l-inkartament. L-UASI (Diviżjonijiet ta’ l-Oppożizzjoni u Bordijiet ta’ l-Appell) m’għandux l-obbligu li jinforma lill-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni b’irregolarità li tikkonċerna l-prova tad-dritt preċedenti jew it-traduzzjoni tagħha, li huma kundizzjonijiet sostantivi ta’ l-oppożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

29      L-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-Bord ta’ l-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mis-sens tar-Regolament Nru 40/94 li l-Bord ta’ l-Appell, sabiex jiddeċiedi appell, għandu l-istess kompetenzi bħad-dipartiment li ħa d-deċiżjoni kkontestata u li l-eżami tiegħu jirrigwarda l-kawża kollha kif tinsab fil-ġurnata meta huwa jagħti deċiżjoni.

30      Jirriżulta wkoll minn dan l-Artikolu u minn ġurisprudenza stabbilita sewwa li teżisti kontinwità funzjonali bejn l-unitajiet differenti ta' l-UASI, jiġifieri, l-eżaminatur, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, id-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade marks u d-Diviżjonijiet ta’ Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bordijiet ta’ l-Appell, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza KLEENCARE iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Jirriżulta minn din il-kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti differenti tal-UASI li, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jagħmlu, tad-deċiżjonijiet meħuda mill-unitajiet tal-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, huma għandhom l-obbligu li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha li l-partijiet ikunu esponew jew fil-proċedura quddiem l-unità li ddeċidiet fl-ewwel istanza, jew fil-proċedura ta’ appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza KLEENCARE, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32; ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs L-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 18, u tad-9 ta’ Novembru 2005, Focus Magazin Verlag vs L-UASI – ECI Telecom (Hi-FOCuS), T-275/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37].

32      Għaldaqstant, il-Bordijiet ta’ l-Appell jistgħu, salv biss għall-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jilqgħu l-appell, fuq il-bażi tal-fatti l-ġodda invokati mill-parti li kienet appellat jew ukoll fuq il-bażi ta’ provi ġodda ppreżentati minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs L-UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 81, u KLEENCARE, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26]. Il-kontroll eżerċitat mill-Bordijiet ta’ l-Appell mhuwiex limitat għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, imma, minħabba l-effet dévolutif tal-proċedura ta’ appell, jimplika evalwazzjoni ġdida tal-kawża kollha, peress li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jeżaminaw mill-ġdid ir-rikors inizjali kollu u jieħdu in kunsiderazzjoni l-provi mressqa fil-ħin preskritt.

33      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, fir-rigward tal-proċedura inter partes, il-kontinwità funzjonali eżistenti bejn id-dipartimenti differenti ta' l-UASI m’għandhiex bħala konsegwenza li parti li, quddiem l-unità li tiddeċiedi fl-ewwel istanza, ma tkunx ipproduċiet ċerti elementi ta’ fatt jew ta’ dritt fit-termini mogħtija quddiem din l-unità ma tkunx tista’, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, tibbaża ruħha fuq l-imsemmija elementi quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Għall-kuntrarju, il-kontinwità funzjonali għandha bħala konsegwenza li tali parti tista’ tibbaża ruħha fuq l-imsemmija elementi quddiem il-Bord ta’ l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Hi-FOCuS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37]. L-argument ta' l-UASI jammonta għal ċaħda tal-kompetenza ġenerali tal-Bord ta’ l-Appell li jiddeċiedi l-kawża.

34      Ir-regola msemmija fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tgħid li l-UASI għandu jeżamina l-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess, tipprovdi żewġ limitazzjonijiet. Minn naħa, fil-kuntest tal-proċedimenti li jikkonċernaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami huwa limitat għall-fatti, provi, argumenti u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jagħti lill-UASI, b’mod fakultattiv, is-setgħa li ma jikkunsidrax provi li l-partijiet ma jkunux ippreżentaw “fil-ħin preskritt”.

35      Jirriżulta mill-kontinwità funzjonali li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn id-dipartimenti ta' l-UASI li l-kunċett ta’ “ħin preskritt” għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell quddiem Bord ta’ l-Appell bħala li jirreferi għal terminu applikabbli għat-tressiq ta’ appell kif ukoll għat-termini mogħtija matul il-proċedura in kwistjoni. Peress li dan il-kunċett japplika fil-kuntest ta’ kull waħda mill-proċeduri quddiem l-UASI, il-fatt li t-termini mogħtija mill-unità li tiddeċiedi fl-ewwel istanza sabiex jiġu ppreżentati elementi ta’ prova jibdew jiddekorru, huwa irrilevanti għall-kwistjoni jekk dawn kinux ġew ippreżentati “fil-ħin preskritt” quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Il-Bord ta’ l-Appell huwa għaldaqstant obbligat jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiemu, indipendentement mill-fatt jekk huma kinux ġew ippreżentati jew le quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

36      L-argument ta' l-UASI li l-kunċett ta’ “barra l-ħin preskritt” mhuwiex l-istess bħal dak ta’ “barra t-terminu” u l-eżistenza ta’ terminu mogħti mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni skond ir-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 timpedixxi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tostakola s-setgħa diskrezzjonali li din id-dispożizzjoni tagħti lill-UASI, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jagħti lill-UASI diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ elementi ppreżentati wara l-iskadenza ta' terminu [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs L-UASI (HIPOVITON), T-334/01, Ġabra p. II-2787, punt 57]. Fit-tieni lok, l-argument ta' l-UASI jfisser li l-interpretazzjoni ta’ regola tar-regolament ta’ implementazzjoni tipprevali fuq it-termini ċari tal-leġiżlazzjoni ġenerali.

37      F’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, għalkemm ir-rikorrenti pprovdiet it-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedura taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni invokati wara l-iskadenza tat-terminu li kien ġie mogħti lilha mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, hija kienet ippreżentat dawn id-dokumenti fl-anness tan-nota tagħha li tesponi l-motivi ta’ l-appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

38      Għaldaqstant, peress illi d-dokumenti in kwistjoni kienu ġew ippreżentati mir-rikorrenti fl-Anness tan-nota tagħha quddiem il-Bord ta’ l-Appell qabel ma għalaq it-terminu ta’ erba’ xhur mogħti mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-produzzjoni tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tardiva skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ma setax jirrifjuta li jeħodhom in kunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex rilevanti r-referenza magħmula mill-UASI għas-sentenza Chef, iċċitata iktar ‘il fuq, li ma kinitx tikkonċerna provi ppreżentati quddiem il-Bord ta’ l-Appell, imma kienet tikkonċerna l-kwistjoni jekk id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kellhiex l-obbligu li tinforma lill-persuna li għamlet l-oppożizzjoni bl-irregolarità li kienet tikkonsisti fin-nuqqas tagħha li tippreżenta, fit-terminu ta’ żmien mogħti għal dan il-għan, it-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti. Minbarra dan, f’din il-kawża, peress illi l-persuna li għamlet l-oppożizzjoni lanqas ma kienet ippreżentat it-traduzzjoni wara l-iskadenza tat-terminu, il-Qorti tal-Prim’Isatnza ma kkunsidratx li kien neċessarju li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk, u safejn, fatti jew provi ppreżentati wara l-iskadenza ta’ terminu mogħti mill-UASI setgħux jiġu kkunsidrati jew le minn dan ta’ l-aħħar skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi Chef, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 63 sa 65, u Hi-FOCuS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39).

40      Lanqas ma tista' tiġi aċċettata f’dan ir-rigward ir-referenza magħmula mill-UASI għas-sentenza ELS, iċċitata iktar ‘il fuq, dwar il-produzzjoni tal-provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-UASI quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, peress illi, jekk elementi ta’ prova quddiem il-Bord ta’ l-Appell kienu ġew ippreżentati qabel ma għalaq it-terminu, il-Bord ta’ l-Appell għandu l-obbligu li jeħodhom in kunsiderazzjoni fl-eżami tiegħu ta’ l-appell (sentenzi KLEENCARE, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32 u Hi-FOCuS iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

41      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, l-ammissjoni ta’ provi ġodda quddiem il-Bord ta’ l-Appell b’ebda mod ma tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni peress li dan huwa f'pożizzjoni li jassigura ruħu mill-eżistenza u mill-portata eżatta tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti invokat in sostenn ta’ l-oppożizzjoni. Jekk dawn id-dokumenti ma jagħmlux parti mill-proċedura orali ħlief fl-istadju tal-proċedura ta’ appell, id-drittiad-difiża ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni mhumiex miksura jekk huwa jista’ jikkontesta l-eżistenza jew il-portata tad-drittijiet preċedenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94.

42      F’dan il-każ, fin-nota tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2002 ippreżentata quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI pprovdiet l-ispjegazzjonijiet tagħha inkwantu għall-mertu tal-kawża qabel ma l-UASI talab lir-rikorrenti li tipprovdi l-provi ta’ l-oppożizzjoni fil-lingwa tal-proċedura u ma lmentax li ma setax jifhem iċ-ċertifikati miktuba bil-Franċiż u ppreżentati mir-rikorrenti. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-UASI ma jistax isostni li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI ma kinitx f'pożizzjoni li tassigura ruħha mill-eżistenza u mill-portata ta’ protezzjoni eżatta tad-drittijiet preċedenti invokati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni. Għandu jiġi konkluż li, f’din il-kawża, l-ammissibbiltà tat-traduzzjonijiet, fl-istadju tal-proċedura ta’appell, mhijiex ta' dannu għad-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI jew għall-prinċipju ta’ l-equality of arms bejn il-partijiet.

43      Barra minn hekk, l-argument ta' l-UASI li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji tbati minn dewmien kunsiderevoli jekk il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu aktar elementi ta’ fatt jew provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma jistax jiġi aċċettat. Għall-kuntrarju, il-fatt li rrifjuta li jaċċetta t-traduzzjoni addizzjonali ppreżentata quddiem il-Bord ta’ l-Appell kellu bħala konsegwenza li jtawwal din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42).

44      Minn dan isegwi li, meta naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati quddiemu mir-rikorrenti fit-terminu mogħti mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fil-kuntest ta’ l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-imsemmi Regolament u kiser l-Artikolu 74 ta’ l-imsemmi Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).

45      Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li għandhom joħorġu minn dan l-iżball ta’ dritt. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, irregolarità ta’ proċedura twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni sħiħa jew ta' parti minnha biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkonstestata seta’ kellha kontenut differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 20/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 2111, punt 47, u tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punti 28; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 283, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 416). Bl-istess mod, jirriżulta minn qari ta’ l-Artikolu 63(2) flimkien ma' l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 li deċiżjoni tal-Bordijiet ta’ l-Appell tal-UASI tista’ tiġi annullata jew riformata biss f’każ li din hija vvizzjata minn illegalità sostantiva jew proċedurali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 46]

46      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-provi li l-Bord ta’ l-Appell indebitament irrifjuta li jikkunsidra jistgħu jkunu ta’ natura li jibdlu l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti biex tissostitwixxi l-UASI fl-evalwazzjoni ta’ l-elementi in kwistjoni.

47      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-rikorrenti.

49      It-talba tal-UASI li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta' l-UASI, Novomarket, tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdux il-possibbiltà li parti li ma ntervjenietx f’kawża quddiem il-Qorti ta’Prim’Istanza, kif inhuwa l-każ ta’ Novomarket f’din il-kawża, tiġi ordnata tbati l-ispejjeż,ta' l-istanza.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-19 ta’ April 2004 (kawża R 479/2003-2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.