Language of document : ECLI:EU:T:2017:134

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

1 ta’ Marzu 2017 (1)

“Għajnuna mill-Istat – Kabotaġġ marittimu – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) u lil Compagnie méridionale de navigation – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għal servizz komplementari tas-servizz bażiku, intiż sabiex ikopri l-perijodi l-iktar iffrekwentati matul l-istaġun turistiku – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Sentenza Altmark – Determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna”

Fil-Kawża T-454/13,

Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM), stabbilita f’Marseille (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Winckler, F.‑C. Laprévote, J.‑P. Mignard u S. Mabile, sussegwentement minn A. Winckler u F.‑C. Laprévote u finalment minn F.‑C. Laprévote u C. Froitzheim, avukati,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Afonso u M. B. Stromsky, bħala aġenti,

il-konvenuta,

sostnuta minn

Corsica Ferries Franza SAS, stabbilita f’Bastia (Franza), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

l-intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/435/UE tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation (ĠU 2013, L 220, p. 20),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, A. M. Collins (Relatur) u V. Valančius, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-atturi prinċipali

1        Ir-rikorrenti, Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM), hija kumpannija marittima Franċiża li tipprovdi konnessjonijiet regolari lejn, b’mod partikolari, Korsika (Franza) mill-portijiet ta’ Marseille (Franza) u ta’ Nice (Franza), billi tgħaqqadhom ma’ dawk ta’ Ajaccio, ta’ Bastia, ta’ Calvi, tal-Île‑Rousse, ta’ Porto‑Vecchio u ta’ Propriano.

2        Fil-perijodu li fih seħħew il-fatti, SNCM kienet topera flotta ta’ għaxar vapuri, fosthom sitt laneċ, jiġifieri d-Danielle Casanova, in-Napoléon Bonaparte, il-Corse, il-Méditerranée, l-Île de Beauté u l-Excelsior, u erba’ vapuri tal-merkanzija mħalltin li jipprovdu t-trasport kemm tal‑passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, jiġifieri l-Jean Nicoli (li ssostitwixxa l-Monte Cinto fl-2009 għall-forniment tas-servizzi inkwistjoni), il-Pascal Paoli, il-Paglia Orba u l-Monte d’Oro.

3        Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2014, il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Marseille bdiet proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja fil-konfront ta’ SNCM. Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Novembru 2015, din il-qorti laqgħet waħda mill-offerti li saritilha għax-xiri ta’ SNCM. Konsegwentement, hija biddlet il-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja fi stralċ ġudizzjarju ta’ SNCM u stabbilixxiet id-data tad-dħul fis-seħħ tal‑akkwist mill-akkwirent għal 45 jum wara d-data tas-sentenza.

4        Compagnie méridionale de navigation (iktar ’il quddiem “CMN”) hija kumpannija marittima Franċiża li sservi b’mod partikolari l-portijiet ta’ Bastia, ta’ Ajaccio u ta’ Propriano minn Marseille.

5        Għall-forniment tas-servizzi inkwistjoni, CMN kienet tuża tliet vapuri tal-merkanzija mħalltin, il-Kalliste, il-Girolata u l-iScandola (sussegwentement issostitwit mill-Piana).

6        Corsica Ferries France SAS (iktar ’il quddiem “Corsica Ferries”) hija kumpannija marittima Franċiża li toffri konnessjonijiet marittimi regolari bejn, b’mod partikolari, Franza kontinentali u Korsika, jiġifieri l-linji Nice‑Ajaccio, Nice-L’Île-Rousse, Nice-Bastia, Nice-Calvi, Toulon‑Ajaccio, Toulon-Bastia u Toulon-L’Île-Rousse.

7        L-Awtorità territorjali ta’ Korsika (iktar ’il quddiem iċ-“CTC”) hija persuna ġuridika fid-dritt pubbliku Franċiż li tinkludi tliet entitajiet, jiġifieri l-Assemblea ta’ Korsika, il-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsika u l‑Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Kulturali ta’ Korsika.

8        L-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Korsika (iktar ’il quddiem l-“OTC”) huwa uffiċċju pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali Franċiż, maħluq miċ-CTC u nkarigat mill-implementazzjoni tal-politika tat-trasport bl‑ajru u bil-baħar tal-gżira. L-OTC għandu, b’mod partikolari, il‑funzjoni li jiġġestixxi l-allokazzjoni baġitarja mogħtija miċ-CTC sabiex tiżgura l-kontinwità territorjali u tqassam il-fondi bejn it-trasport bl-ajru u t-trasport bil-baħar. Għal dan il-għan, huwa jikkonkludi mal‑kumpanniji tat-trasport, delegati tas-servizz pubbliku, ftehim li jiddefinixxu b’mod partikolari t-tariffi, il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni u l-kwalità tas-servizz. Il-prinċipju ta’ kontinwità territorjali huwa intiż sabiex jikkumpensa l-insularità u jiżgura s-servizz tal-gżira b’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun simili għal dawk tal‑konnessjonijiet purament kontinentali u sabiex fuq il-konnessjonijiet marittimi bejn Franza kontinentali u Korsika jkun hemm tariffa komparabbli mat-tariffi tat-trasport bl-art.

 Servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Franza kontinentali u Korsika u ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku

9        Fil-perijodu meta seħħew il-fatti, is-servizz tat-trasport bil-baħar bejn Franza kontinentali u Korsika kien offrut minn tliet kumpanniji marittimi, jiġifieri, SNCM, CMN u Corsica Ferries. Ir-raba’ waħda, f’dan il-każ, Moby Lines, għamlet vjaġġi bejn Toulon u Korsika minn April 2010 sa Frar 2011.

10      It-traffiku ta’ passiġġieri bejn il-kontinent u Korsika huwa kkaratterizzat minn staġjonalità qawwija ferm, peress li l-maġġoranza ta’ dan it-traffiku jseħħ matul ix-xhur tas-sajf. Matul is-snin 2000, it-tendenza prinċipali tas-swieq tat-trasport bejn Franza kontinentali u Korsika kienet l-iżvilupp tal-offerta ta’ trasport bi tluq minn Toulon, li sar l-ikbar port ta’ servizz ta’ Korsika f’dak li jirrigwarda t-traffiku. Din it-tendenza għal żieda tat‑traffiku li jitlaq minn Toulon kienet konsistenti maż-żieda tas-sehem fis-suq ta’ Corsica Ferries.

11      Fil-31 ta’ Marzu 1976, SNCM u CMN, minn naħa, u r‑Repubblika Franċiża, min-naħa l-oħra, iffirmaw ftehim qafas, għal 25 sena, għall-ġestjoni tas-servizz pubbliku għas-servizz marittimu ta’ Korsika minn Franza kontinentali.

12      Meta ġiet fi tmiemha din il-konċessjoni ta’ servizz pubbliku, fil-31 ta’ Diċembru 2001, l-awtoritajiet ta’ Korsika bidlu l-iskema tas-servizz marittimu tal-gżira.

13      B’hekk, mill-1 ta’ Jannar 2002, kienu biss il-linji li jitilqu minn Marseille li kienu koperti fil-qafas ta’ ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku, li jwassal għal kumpens finanzjarju lid-delegati. Dan il-ftehim ġie konkluż bejn SNCM u CMN, minn naħa, u ċ-CTC u l-OTC, minn naħa l-oħra, għal perijodu ta’ ħames snin.

14      Għal-linji l-oħra, jiġifieri dawk li jitilqu minn Nice u minn Toulon, ġiet introdotta skema ta’ għajnuna ta’ natura soċjali, b’mod parallel mal‑ftehim imsemmi fil-punt 13 hawn fuq, mill-awtoritajiet ta’ Korsika għar‑residenti tal-gżira u għal ċerti kategoriji ta’ persuni soċjalment identifikati. Skema ta’ għajnuna soċjali tippermetti b’dan il-mod il-ħlas, għal kull passiġġier eliġibbli ta’ tariffa preferenzjali, ta’ għajnuna prefinanzjata mill-kumpanniji ta’ trasport li jaċċettaw li josservaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“OSP”), liema għajnuna unitarja mbagħad tiġi rrimborsata lilhom. Il-kategoriji involuti jirrappreżentaw kważi żewġ terzi tat-traffiku totali (residenti ta’ Korsika, persuni ta’ inqas minn 25 sena jew ta’ iktar minn 60 sena, studenti ta’ inqas minn 27 sena, familji u persuni b’diżabbiltà jew invalidi). Din l-iskema ta’ għajnuna ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea b’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2002 (Għajnuna mill-Istat Nru 781/2001 – Pjan ta’ għajnuna soċjali individwali għas-servizzi marittima ta’ Korsika). Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2007 (Għajnuna mill-Istat Nru 13/2007 – Estensjoni tal‑pjan ta’ għajnuna soċjali individwali għas-servizzi marittimi ta’ Korsika Nru 781/2001), il-Kummissjoni approvat li din l-iskema tkompli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Dawn il-vjaġġi marittimi bejn il‑portijiet ta’ Nice u ta’ Toulon, minn naħa, u dawk ta’ Korsika, min-naħa l‑oħra, huma prinċiparjament operati minn Corsica Ferries.

15      Permezz ta’ deliberazzjoni tal-24 ta’ Marzu 2006, l-Assemblea ta’ Korsika approvat il-prinċipju ta’ tiġdid ta’ delega ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem id-“DSP”) tas-servizz marittimu tal-portijiet ta’ Ajaccio, ta’ Bastia, ta’ Calvi, ta’ L’Île-Rousse, ta’ Porto-Vecchio u ta’ Propriano mill-port ta’ Marseille mill-1 ta’ Jannar 2007. Bl-istess deliberazzjoni, hija tat mandat lill-President tal-OTC sabiex għan-nom taċ-CTC, iniedi proċedura ta’ sejħa għal offerti, iħejji l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-offerti u jassisti liċ-CTC fl-għoti tad-DSP.

16      Avviż għal sejħa għal offerti ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Mejju 2006 kif ukoll fil-gazzetta Les Échos fid‑9 ta’ Ġunju 2006. Fl-4 ta’ Awwissu 2006, id-data tal-għeluq tal‑offerti, intefgħu erba’ offerti, jiġifieri offerta ta’ SNCM, offerta ta’ Corsica Ferries, offerta ta’ CMN u offerta ta’ grupp li ngħaqad għal din l-offerta bejn Corsica Ferries u CMN.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, il‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) annulla l-proċedura tal-għoti tad-DSP.

18      Permezz ta’ deliberazzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006, l-Assemblea ta’ Korsika ddeċidiet li terġa’ tibda mill-ġdid il-proċedura kollha tal-għoti tad-DSP, li testendi d-DSP sat-30 ta’ April 2007 u tistabbilixxi l‑1 ta’ Mejju 2007 bħala d-data tal-implementazzjoni tad-DSP il-ġdid.

19      Avviż ġdid ta’ sejħa għal offerti ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Diċembru 2006, f’Les Échos fl-4 ta’ Jannar 2007 u fil-magażin ta’ kull ġimgħa Le Journal de la Marine Marchande fil-5 ta’ Jannar 2007. Fid-9 ta’ Frar 2007, ġew ippreżentati żewġ offerti, li huma, minn naħa, offerta waħda ta’ SNCM u ta’ CMN li ngħaqdu għal din l-offerta (iktar ’il quddiem il-“grupp SNCM-CMN”) li tirrigwarda l-linji kollha, kemm bħala offerta globali kif ukoll offerta għal kull linja partikolari, u min-naħa l-oħra, offerta ta’ Corsica Ferries fir-rigward tal-linji Marseille-Ajaccio, Marseille-Porto-Vecchio u Marseille-Propriano, kemm bħala offerta globali għal dawn it‑tliet linji kif ukoll offerta għal kull linja partikolari.

20      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ April 2007, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-Tribunal Administratif de Bastia (tribunal amministrattiv ta’ Bastia), adit minn Corsica Ferries, annulla l-fażi ta’ negozjati tal-proċedura tal-għoti tad-DSP kif ukoll id-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsika u tal‑President tal-OTC li jagħżel l-offerta tal-grupp SNCM-CMN u li jipproponi lill-Assemblea ta’ Korsika li tagħti d-DSP lil dan il-grupp. Huwa ddeċieda li kellhom ikunu ċ-CTC u l-OTC li għandhom jibdew il‑proċedura ta’ diskussjoni mal-impriżi li tefgħu offerta.

21      Permezz ta’ deliberazzjoni tas-27 ta’ April 2007, l-Assemblea ta’ Korsika pprorogat b’xahrejn id-delega li kienet fis-seħħ u stabbilixxiet l-1 ta’ Lulju 2007 bħala d-data tal-implementazzjoni tad-DSP il-ġdid.

22      Wara fażi ġdida ta’ negozjati mal-grupp SNCM-CMN u Corsica Ferries, l-OTC ippropona li l-offerta ta’ din tal-aħħar tiġi miċħuda minħabba l‑fatt li ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti b’mod finali u definittiv id-data li fiha kienet ser tkun tista’ tiġġestixxi d-DSP u li ma kinitx tissodisfa l‑kundizzjoni ta’ età massima tal-vapuri kif mitlub mid-dispożizzjoni partikolari tas-sejħa għal offerti.

23      Permezz ta’ deliberazzjoni tas7 ta’ Ġunju 2007, l-Assemblea ta’ Korsika tat lill-grupp SNCM-CMN id-DSP tas-servizz marittimu bejn il-port ta’ Marseille u l-portijiet ta’ Korsika għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

24      L-Artikolu 1 ta’ din id-deliberazzjoni jipprovdi dan li ġej:

“Tapprova r-rapport tal-President tal-Kunsill Eżekuttiv [ta’ Korsika] li fih ġie espost, minn naħa, li l-offerta tal-grupp SNCM-CMN tissodisfa r-rekwiżiti u l-kriterji tad-dispożittiv partikolari tas-sejħa għal offerti u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għal kull waħda mill-ħames linji u, minn naħa l-oħra, li l-kumpannija Corsica Ferries ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti, b’mod finali u definittiv, id-data li fiha kienet ser tkun tista’ tiġġestixxi d-[DSP] li jmiss u li f’dan ir-rigward il-kundizzjonijiet li hija toffri, relatati ma’ elementi li ma jiffurmawx parti mill-kontenut tad-[DSP], ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.”

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsika ġie awtorizzat jiffirma l-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku dwar dan is-servizz marittimu (iktar ’il quddiem l-“FDSP”).

26      L-FDSP ġie konkluż fis-7 ta’ Ġunju 2007 għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

27      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, it-Tribunal Administratif de Bastia (tribunal amministrattiv ta’ Bastia) ċaħad talba ta’ Corsica Ferries għall-annullament tad‑deliberazzjoni u tad-deċiżjoni msemmija fil-punti 23 u 25 hawn fuq. Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2011, il-Cour administrative d’appel de Marseille (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Marseille, Franza) annullat din is-sentenza kif ukoll din id‑deliberazzjoni u din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2012, il‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), fuq appell ta’ SNCM u ta’ CMN, annulla s-sentenza tal-Cour administrative d’appel de Marseille u rrinvija l-kawża lura lilha. Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ April 2016, il‑Cour administrative d’appel de Marseille annullat is-sentenza tat‑Tribunal Administratif de Bastia tal-24 ta’ Jannar 2008 kif ukoll l‑imsemmija deliberazzjonijiet u deċiżjoni.

28      L-Artikolu 1 tal-FDSP jiddefinixxi l-għan tiegħu bħala fornitur ta’ servizzi marittimi regolari fuq il-linji kollha tad-DSP bejn il-port ta’ Marseille u l‑portijiet ta’ Bastia, ta’ Ajaccio, ta’ Porto-Vecchio, ta’ Propriano u ta’ Balagne (Calvi u L’Île-Rousse).

29      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jinsabu fl-Anness I tal-FDSP, jiddefinixxu n-natura tal-imsemmija servizzi. B’mod partikolari, jipprevedu:

–        servizz permanenti għall-“passiġġieri u merkanzija” li għandu jingħata matul is-sena kollha fuq ir-rotot kollha kkonċernati (iktar ’il quddiem is-“servizz bażiku”) u

–        servizz għall-“passiġġieri” addizzjonali li għandu jingħata matul il‑perijodi l-iktar iffrekwentati fuq ir-rotot Marseille-Ajaccio, Marseille-Bastia u Marseille-Propriano (iktar ’il quddiem is‑“servizz komplementari”).

30      L-Artikolu 2 tal-FDSP jispjega b’mod partikolari l-ammont ta’ kumpens finanzjarju ta’ referenza li fuqu d-delegati jaqblu għall-perijodu tad‑DSP.

31      L-Artikolu 3 tal-FDSP jipprevedi li d-DSP ma tagħtix lok għall‑esklużività fuq ir-rotot marittimi inkwistjoni, iżda jagħmilha possibbli għal kumpanniji oħrajn, billi madankollu jkunu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li jwettqu servizz regolari mingħajr kumpens finanzjarju. Dan l-artikolu jispjega wkoll li t-talbiet għall-kumpens finanzjarju tad-delegati kienu stabbiliti skont l-iskema ta’ għajnuna soċjali.

32      L-Artikolu 5 tal-FDSP, intitolat “kundizzjonijiet ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju”, jipprevedi, fit-tielet sentenza tal-paragrafu 2 tiegħu, li l‑kumpens finanzjarju finali ta’ kull delegat għal kull sena huwa limitat għall-ammont tad-defiċit operatorju li jirriżulta mill-obbligi tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, filwaqt li titqies produzzjoni raġonevoli tal-kapital tal-flotta fi proporzjon mal-jiem tal-użu effettiv tagħha għall‑vjaġġi li jikkorrispondi għal dawn l-obbligi. Huwa kkunsidrat bħala produzzjoni raġonevoli tal-kapital tal-flotta użata l‑perċentwali ta’ 15 % tal-valur konvenzjonali tagħha. Dan il-valur konvenzjonali huwa speċifikat fl-Anness 3 tal-FDSP.

33      L-Artikolu 7 tal-FDSP, intitolat “klawżola ta’ salvagwardja”, jistipula, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, f’każ ta’ tibdil sinjifikattiv fil‑kundizzjonijiet tekniċi, regolatorji jew ekonomiċi ta’ ġestjoni tas-servizzi ddelegati jew sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni avvenimenti esterni li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-impenji finanzjarji tad-delegat jew tad-delegati, il-partijiet jerġgħu jiftiehmu, fuq inizjattiva tal-parti l-iktar diliġenti, sabiex jieħdu miżuri li jirrestawraw il-bilanċ finanzjarju inizjali tal‑FDSP, “speċjalment, rigward it-tariffi massimi u l-adattament tas-servizzi”.

34      L-Artikolu 7(2) tal-FDSP ifakkar li l-ammonti tal-kumpens finanzjarju annwali ta’ referenza ġew stabbiliti skont il-previżjonijiet tad-dħul mill‑passiġġieri u mit-traffiku fl-offerta ta’ kull delegat. L-istess dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà ta’ aġġustament, ’il fuq jew ’l isfel, kull sena u f’ċerti każijiet, tal-kumpens finanzjarju għal kull kategorija ta’ dħul u għal kull delegat. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li dan il-mekkaniżmu ta’ aġġustament japplika biss sad-data ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ adattament prevista fl-Artikolu 8 tal-FDSP.

35      L-Artikolu 8 tal-FDSP, intitolat “klawżola ta’ adattament”, jipprevedi dan li ġej:

“Fid-dawl tal-perijodu tal-[FDSP], huwa previst rapport ta’ progress matul it-tielet sena sabiex jiġi analizzat, permezz ta’ proċedura u ta’ perizja kontradittorja, l-ekwilibriju finanzjarju tal-[FDSP] u jiġi deċiż, bi ftehim bejn il-partijiet, il-miżuri eventwali ta’ korrezzjoni tas-servizzi u ta’ aġġustamenti ta’ tariffi li jiżguraw il-kontroll għaċ-[CTC] tal-intervent fiannzjarju tagħha, b’mod partikolari bit-tnaqqis tal-kumpens, u għandhom jippreżervaw l-istruttura ġenerali tal-[FDSP].”

36      Bis-saħħa ta’ din il-klawżola ta’ adattament, l-FDSP ġie emendat permezz ta’ addendum fl-aħħar tas-sena 2009.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

37      Permezz ta’ posta elettronika tas-27 ta’ Settembru, tat-30 ta’ Novembru u tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand Corsica Ferries dwar għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, li minnha SNCM u CMN kienu qed jibbenefikaw permezz tal‑FDSP.

38      Permezz ta’ posta elettronika tal-20 ta’ Mejju 2010, tas‑16 ta’ Lulju 2010, tat-22 ta’ Marzu 2011, tat-22 ta’ Ġunju 2011, tal‑15 ta’ Diċembru 2011 u tal-10 ta’ Jannar 2012, Corsica Ferries bagħtet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni insostenn tal-ilment tagħha.

39      Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Marzu 2008, tat-12 ta’ Novembru 2008, tat-13 ta’ Ottubru 2011 u tal-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi. Dawn tal-aħħar irrispondew għal dawn it-talbiet permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ġunju 2008, tal-14 ta’ Jannar 2009, tas-7 ta’ Diċembru 2011 u tal-20 ta’ Jannar 2012, rispettivament.

40      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni informat lir‑Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna potenzjali favur SNCM u CMN fl-FDSP (ĠU 2012, C 301, p. 1).

41      L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din id-deċiżjoni u wieġbu għall-mistoqsijiet li kienu jinsabu fiha permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Lulju u tas-7 ta’ Settembru 2012. Corsica Ferries, SNCM u CMN ukoll ippreżentaw osservazzjonijiet fuq l‑imsemmija deċiżjoni li ntbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi u hija kkummentat dwarhom permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Novembru 2012 u tat-3 ta’ Jannar, tas-16 ta’ Jannar u tat-12 ta’ Frar 2013.

42      Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Mejju 2013, adottat id-Deċiżjoni 2013/435/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation (ĠU 2013, L 220, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

43      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fit‑3 ta’ Mejju 2013 u mibgħuta lil SNCM permezz ta’ posta elettronika tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Ġunju 2013.

44      Fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tistabbilixxi jekk il-kumpens mogħti lil SNCM u lil CMN fil-kuntest tal-FDSP jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kriterji kumulattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), kinux issodisfatti f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“kriterji Altmark”). B’mod iktar partikolari, hija tipproċedi għall-analiżi tal-ewwel u tar-raba’ kriterji (ara l-punti 87 u 90 iktar ’il quddiem).

45      Fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-“qafas tal-analiżi” li għandu jintuża sabiex dan jiġi evalwat (premessi 132 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, sabiex tkun aċċettabbli fir-rigward tar‑regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-firxa tas-settur pubbliku għandha tosserva r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas‑7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 2, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament kabotaġġ marittimu”), kif interpretat mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107). Minn dan hija kkonkludiet li “l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz pubbliku kif definit minn kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkun meħtieġ u proporzjonat mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, muri min-nuqqas ta’ servizzi regolari ta’ trasport f’kundizzjonijiet normali tas‑suq” (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-servizz bażiku u s-servizz komplementari għandhom jiġu kkunsidrati b’mod separat (premessi 137 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li l-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt annessi mal-FDSP kienu jagħmlu distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li s-servizz komplementari jista’ jkun iġġustifikat mill-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku ssodisfatta mis-servizz bażiku biss, jekk ikun stabbilit li t‑twettiq tiegħu huwa indispensabbli għal dak tas-servizz bażiku “abbażi ta’ sett ta’ konsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi” (premessa 139 tad‑deċiżjoni kkontestata). Issa, f’dan il-każ, ma ġiet stabbilita l-ebda komplementarjetà teknika bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi, peress li dawn huma suġġetti għal obbligi distinti, b’mod partikolari f’termini ta’ ħinijiet u ta’ frekwenza, u s-servizz bażiku jingħata permezz ta’ vapuri tal‑merkanzija mħallta filwaqt li s-servizz komplementari jingħata permezz ta’ laneċ. Barra minn hekk, il-kontabbiltà analitika ta’ SNCM turi b’mod permanenti, fir-rigward tas-servizz komplementari, defiċit operatorju, b’tali mod li l-argument tal-awtoritajiet Franċiż li l-inklużjoni ta’ dan is-servizz fil-firxa tad-DSP hija ġġustifikata minn ekwalizzazzjoni finanzjarja mas-servizz bażiku ma għandux jintlaqa’.

47      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni analizzat is-servizz bażiku fir-rigward tal‑ewwel kriterju Altmark (premessi 145 sa 150 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, qabel xejn, hija kkonstatat li l-provvista ta’ servizz minimu ta’ kontinwità territorjali bejn Marseille u l-ħames portijiet ta’ Korsika inkwistjoni tissodisfa ħtieġa ta’ servizz pubbliku ddefinit b’mod ċar (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Imbagħad, fir-rigward tan‑nuqqas ta’ inizjattiva privata, hija rrilevat li l-operaturi l‑oħrajn tas-suq jammettu huma stess li ma kinux kapaċi jipprovdu s‑servizz bażiku (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-ġbir tar-rotot f’servizz wieħed ma huwiex fih innifsu kuntrarju għar-regolament ta’ kabotaġġ marittimu. Għall‑kuntrarju, f’dan il-każ, il-ġbir tal-ħames linji kien jippermetti li jingħaqdu flimkien il-mezzi nawtiċi b’tali mod li titjieb il-kwalità tas‑servizz inkwistjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż tiegħu (premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, hija fakkret li l-FDSP u l-annessi tiegħu kienu jistabbilixxu standards ċari ta’ kontinwità, ta’ regolarità, ta’ kapaċità u ta’ tariffi li d‑delegati għandhom jirrispettaw sabiex jipprovdu s-servizz bażiku (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti hija kkonkludiet li l-inklużjoni tas‑servizz bażiku fil-firxa tal‑FDSP hija meħtieġa u proporzjonata meta mqabbla mal-ħtieġa reali tas-servizz pubbliku (premessa 150 tad‑deċiżjoni kkontestata).

48      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni analizzat is-servizz komplementari, mogħti biss minn SNCM, bl-użu ta’ żewġ laneċ, fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark (premessi 151 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkunsidrat li l-inklużjoni tiegħu fil-firxa tas-servizz pubbliku ma kienx jissodisfa bżonn reali ta’ servizz pubbliku u li r-Repubblika Franċiża kienet, għalhekk, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikatu bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”) (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li s‑servizz komplementari, li jitlaq minn Marseille, kien ġeneralment sostitwibbli, f’termini ta’ domanda ta’ passiġġieri, mis-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri mogħtija bi tluq minn Toulon lejn Bastia u Ajaccio meta ngħata l-FDSP (premessi 154 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li l‑evoluzzjoni tat‑traffiku fuq ir-rotot bejn Franza kontinentali u Korsika matul il‑perijodu 2002-2009 turi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ offerta kompetittiva ma’ dik taż-żewġ delegati. It-tqassim tat-traffiku bejn il‑portijiet servuti juri żieda kbira tat-traffiku li jitlaq minn Toulon u tnaqqis konkomitanti tat-traffiku li jitlaq minn Marseille. Minn dan joħroġ li ż-żieda fit-traffiku globali kienet ġeneralment assorbita mill-fornituri tas-servizz li joperaw minn Toulon, għad-detriment tal-offerta tad-delegati li joperaw minn Marseille. Hija semmiet ukoll id-distanza qasira bejn Marseille u Toulon, il-fatt li l-ħin tal-vjaġġ fuq l-art bejn iż-żewġt ibliet kien ħafna inqas mill‑ħin tal‑vjaġġ fuq il-baħar u l-fatt li l-bastimenti li jitilqu minn Toulon jaslu Korsika f’inqas ħin minn dawk li jitilqu minn Marseille.

50      Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat li ma ġiet stabbilita l-ebda evidenza tan-nuqqas ta’ inizjattiva privata għas-servizz komplementari mill-awtoritajiet Franċiżi (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonstatat b’mod partikolari li, għall-portijiet ta’ Bastia u ta’ Ajaccio, li jirrappreżentaw 90 % tal-kapaċitajiet meħtieġa mis-servizz komplementari, il-kombinazzjoni tal-kapaċitajiet offruti mis-servizz bażiku tad-DSP, bi tluq minn Marseille, u mis-servizz ta’ inizjattiva privata mogħti minn Corsica Ferries bi tluq minn Toulon kienet biżżejjed sabiex tissodisfa d-domanda effettivament ikkonstatata, kemm għall‑perijodu ta’ bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa, kif ukoll għall-perijodu tas‑sajf, għal kull wieħed miż-żewġ portijiet u għal kull sena bejn l-2004 u l-2006 (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, hija kkunsidrat li l-integrazzjoni tas-servizz komplementari fil-firxa tad-DSP la kienet meħtieġa u lanqas proporzjonata għas-sodisfazzjon ta’ domanda ta’ trasport ikkonstatata għar-rotot Marseille-Bastia u Marseille-Ajaccio. Rigward ir-rotta Marseille-Propriano, hija indikat li l-proporzjon żgħir ta’ traffiku rrappreżentat minn din ir-rotta ma jippermettix li wieħed jikkunsidra li n-nuqqas ta’ inizjattiva privata fuq din ir-rotta biss jinvalida l-konklużjoni tagħha dwar is-servizz komplementari kollu (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat ukoll li s-servizz ipprovdut minn Corsica Ferries kien jissodisfa l-istandards tal-OSP applikabbli għal kull konnessjoni bejn Franza kontinentali u Korsika, u ma kellu l-ebda differenza kwalitattiva mis-servizz komplementari (premessa 165 tad‑deċiżjoni kkontestata).

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l‑ewwel kriterju Altmark ma kienx issodisfat f’dak li jirrigwarda l‑kumpens mogħti għas-servizz komplementari (premessa 167 tad‑deċiżjoni kkontestata).

52      Fir-rigward tar-raba’ kriterju Altmark, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma kien issodisfatt mill-ebda wieħed miż-żewġ tipi ta’ servizzi inkwistjoni (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma ppermettewx li jintgħażel il-kandidat li kien jista’ jipprovdi s-servizzi inkwistjoni bl-inqas spiża għall-awtorità territorjali (premessi 169 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq dawn il-punti segwenti:

–        l-għoti tad-DSP sar wara proċedura nnegozjata wara pubblikazzjoni ta’ avviż għal sejħa għal offerti, jiġifieri proċedura li tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtorità kontraenti u tista’ tillimita l‑parteċipazzjoni ta’ operaturi interessati;

–        l-unika offerta rivali għal dik taż-żewġ delegati, jiġifieri dik ta’ Corsica Ferries, ma ġietx evalwata skont il-merti proprji tagħha (kriterji ta’ għoti), iżda abbażi ta’ kriterju ta’ selezzjoni, jiġifieri l‑kapaċità tal-kandidat li jopera mill-1 ta’ Lulju 2007;

–        il-proċedura għalhekk ma ppermettietx lill-OTC li jqabbel diversi offerti sabiex jagħżel dik l-iktar ekonomikament vantaġġjuża;

–        il-fatt li ġew ippreżentati żewġ offerti ma huwiex biżżejjed sabiex ikun hemm kompetizzjoni effettiva, peress li l-offerta rivali ta’ Corsica Ferries, li kienet tistabbilixxi d-data tal-bidu tas-servizzi fit‑12 ta’ Novembru 2007, ma kinitx, minħabba f’hekk, tista’ tikkostitwixxi alternattiva kredibbli;

–        id-diversi kawżi li saru f’dan il-każ ma humiex prova tal-effettività tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-FDSP;

–        il-grupp SNCM-CMN kellu vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv bħala operatur storiku li kellu diġà bastiment adattat għall‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP;

–        il-perijodu qasir wisq tat-terminu mogħti bejn id-data prevista għall-għoti tad-DSP (li finalment seħħ fis-7 ta’ Ġunju 2007) u d‑data tal-bidu tal-provvista tas-servizzi (1 ta’ Lulju 2007) kien tali li jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul sinjifikattiv ta’ operaturi ġodda;

–        flimkien mar-rekwiżiti tekniċi marbuta mal-ispeċifiċità tal-portijiet inkwistjoni, mal-kundizzjoni dwar l-età tal-flotta u mal-kapaċitajiet tal-unitajiet mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP, dan it-tul ta’ żmien qasir ħafna seta’ naqqas il-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti;

–        l-eżistenza ta’ għadd ta’ klawżoli każwali, assoċjati mal-libertà mogħtija lill-OTC li jiddeċiedi l-eżenzjonijiet għar-regoli applikabbli, setgħet ukoll għenet biex tiskoraġġixxi l‑parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti billi tefgħet dubju dwar ċerti parametri tekniċi u ekonomiċi kruċjali għat-tfassil ta’ offerta.

55      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-awtoritajiet Franċiżi ma tawha l-ebda informazzjoni li setgħet turi li l-kumpens ġie stabbilit fuq il-mudell ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra adegwatament bil‑mezzi meħtieġa (premessi 179 sa 180 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li l-kumpens ma ġiex iddefinit b’riferiment għal bażi ta’ spejjeż stabbiliti a priori jew b’paragun mal-istruttura tal-ispejjeż ta’ impriżi tat‑trasport marittimu paragunabbli oħrajn, iżda fid-dawl ta’ tbassir ta’ dħul u ta’ spejjeż ta’ fjuwil li huma biss parti mill-introjtu u mill-ispejjeż tas‑servizz (premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpens previst fid-DSP kien ogħla b’mod sinjifikattiv minn dak previst għall-perijodu 2002-2006, għal obbligi simili, jew saħansitra xi ftit inqas f’termini ta’ kapaċità offruta (premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, hija kkunsidrat li tqabbil mal-ispejjeż sostnuti minn impriża mmexxija tajjeb kien iktar u iktar meħtieġ peress li ċerti elementi kienu jindikaw li SNCM, li kienet għadha kemm ħarġet minn perijodu ta’ ristrutturar intensiv, ma kinitx tissodisfa tali rekwiżiti (premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti lid‑delegati (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Wara li kkonstatat li l-kumpens inkwistjoni kellu r-riskju li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li din kienet illegali għaliex ingħatat mingħajr notifika minn qabel (premessi 185 sa 187 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Fil-premessi 188 sa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

59      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat li, skont il‑punt 11 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-qafas tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“qafas SIEĠ”), l‑għajnuna mill-Istat li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tagħha 2012/21/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal‑Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ [SIEĠ] (ĠU L 7, p. 3), tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE jekk tkun meħtieġa għall-funzjonament tas-SIEĠ ikkonċernati u ma taffettwax l‑iżvilupp tal-kummerċ sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess tal‑Unjoni. Bilanċ bħal dan huwa possibbli biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 2.2 sa 2.10 tal-qafas SIEĠ jiġu ssodisfatti (premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fakkret li s-servizz bażiku kien jikkostitwixxi SIEĠ, iżda dan ma kienx il-każ għas-servizz komplementari, b’tali mod li l-kumpens mogħti għal dan l-aħħar servizz ma jistax jiġi ddikjarat bħala kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE (premessi 192 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tas-servizz bażiku, il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-qafas SIEĠ kienu ssodisfatti (premessi 194 sa 212 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Mill-punti preċedenti l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpens mogħti lil SNCM u lil CMN għas-servizz bażiku kien għajnuna mill-Istat illegali iżda kompatibbli mas-suq intern (premessa 213, Artikolu 1 u Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li dak mogħti biss lil SNCM minħabba s-servizz komplementari kien għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern (premessa 214, Artikolu 1 u Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat il-waqfien immedjat tal-ħlas tal-kumpens relatat mas-servizz komplementari u l-irkupru, mingħand il‑benefiċjarju, tal-għajnuna diġà mħallsa għal dan il-għan, bil-ħlas tal‑interessi, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-kumpens tħallas lill‑benefiċjarju sa meta jiġi rkuprat b’mod effettiv (premessi 215 sa 218 u 220 u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni spjegat li dan l-irkupru kellu jseħħ b’mod immedjat u effettiv u li l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni kkontestata tiġi implementata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha (premessa 219 u l‑Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri sat-3 ta’ Settembru 2013. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi kienu obbligati jibagħtu lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, l-ammont totali (kapital u imgħax) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju, deskrizzjoni ddettaljata tal‑miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati sabiex jikkonformaw ruħhom mad‑deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat jirrimborsa l-għajnuna (Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

64      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2013, SNCM ippreżentat dan ir-rikors.

65      Id-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Franċiża, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Lulju 2013 bir-referenza T‑366/13.

66      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2013, Corsica Ferries talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

67      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar u fl-10 ta’ Frar 2014, SNCM talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Corsica Ferries, jekk din tal-aħħar tiġi aċċettata sabiex tintervjeni, ta’ ċerti elementi li jinsabu, fir-rikors u fir-replika, rispettivament. Ma’ dawn it-talbiet hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti.

68      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Frar 2014, il-President tas-Sitt Awla tal‑Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Corsica Ferries. Id-deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali baqgħet rriżervata.

69      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Marzu 2014, Corsica Ferries ippreżentat oġġezzjonijiet kontra t-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali f’dak li jirrigwarda l-maġġoranza tal‑elementi msemmija minnhom.

70      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2014, SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑454/13, EU:T:2014:898), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali.

71      Corsica Ferries ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2015. SNCM ippreżentat osservazzjonijiet dawn din in-nota permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2015. Permezz ta’ ittra tal‑istess jum, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex osservazzjonijiet sabiex tippreżenta fuq din in-nota.

72      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

73      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni sabiex twieġeb bil-miktub għal xi mistoqsijiet, u dan għamlitu fit-terminu preskritt.

74      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2016, SNCM talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Corsica Ferries, ta’ xi partijiet mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal dawn il-mistoqsijiet. Corsica Ferries irċeviet biss verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din it-tweġiba u ma ressqet l-ebda oġġezzjoni kontra t-talba ta’ trattament kunfidenzjali li sar fil-konfront tagħha.

75      Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2016.

76      SNCM titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċiparjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tipprevedi li l-ammont tal-għajnuna jinkludi elementi ċċitati fil-premessa 218 tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

77      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lil SNCM għall-ispejjeż.

78      Corsica Ferries titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors prinċipali;

–        tikkundanna lil SNCM għall-ispejjeż.

 Id-dritt

79      Insostenn tar-rikors, SNCM tinvoka serje ta’ argumenti li jistgħu jiġu miġbura f’ħames motivi, li huma:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-servizz komplementari ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-FDSP ma kienx jissodisfa r-raba’ kriterju tal-kriterji Altmark;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi;

–        il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament.

 Osservazzjonijiet preliminari

80      Preliminarjament, għandhom jiġu spjegati ċerti prinċipji ġurisprudenzjali, relatati b’mod partikolari mal-klassifikazzjoni tal‑għajnuna mill-Istat ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku, li fid-dawl tagħhom dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat.

81      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

82      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill‑Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, titlob li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. B’dan il‑mod, l‑ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      L-ewwel żewġ motivi ta’ dan ir-rikors jikkonċernaw b’mod iktar partikolari t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri dik li l‑miżura inkwistjoni għandha tiġi evalwata bħala l-għoti ta’ vantaġġ lill‑benefiċjarju tagħha.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l‑interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l‑impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas‑suq (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Madankollu, intervent mill-Istat ikkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu OSP, b’mod illi dawn l-impriżi, fir-realtà ma jieħdux vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent m’għandux għalhekk l-effett li jpoġġi tali impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi kompetituri tagħhom, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 87, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 84).

86      Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens jista’ ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfatti erba’ kriterji b’mod kumulattiv (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 87 u 88).

87      L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq OSP u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 89). Il-kunċett ta’ OSP fis-sens ta’ dan l-ewwel kriterju jikkorrispondi għal dak ta’ SIEĠ imsemmi fl-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 162).

88      It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 90).

89      It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ OSP, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 92).

90      Ir-raba’ nett, meta, f’każ speċifiku, l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma hijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni bl-inqas spiża għall-awtorità territorjali, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal‑ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat‑twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 93).

91      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ewwel kriterju Altmark ma ġiex issodisfatt mis-servizz komplementari u li r-raba’ wieħed ma ġiex issodisfatt miż-żewġ tipi ta’ servizzi inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-servizz komplementari ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ

92      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, li jinqasam f’erba’ partijiet, SNCM issostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-servizz komplementari ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ.

93      Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward, minn naħa, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu Stat Membru fir-rigward ta’ definizzjoni ta’ funzjoni ta’ SIEĠ u tal-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħha u, min‑naħa l-oħra, tal-portata tal-istħarriġ limitat għall-iżball manifest li l‑Kummissjoni hija awtorizzata li teżerċita b’dan il-mod (ara l-punt 111 iktar ’il quddiem), l-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali dwar l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma għandu jaqbeż l-istess limitu u li, għalhekk, dan il-kontroll għandu jiġi limitat sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkonstatatx jew ċaħditx b’mod korrett l‑eżistenza ta’ żball manifest tal-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Iliad et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:472, punt 121 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi eżerċitat stħarriġ iddettaljat tal-ħtieġa tas-servizz fir-rigward tal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku

94      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, SNCM tikkontesta l‑fondatezza tat-test użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tivverifika l-osservanza tal-ewwel kriterju Altmark (ara l-punt 45 hawn fuq). Hija ssostni li din tal-aħħar ikkommettiet żball ta’ liġi meta eżerċitat, f’dan il-każ, stħarriġ iddettaljat tal-klassifikazzjoni ta’ SIEĠ u tal-ħtieġa tas-servizz komplementari fir-rigward ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku.

95      Din l-ewwel parti tista’ tiġi diviża f’erba’ subpartijiet. Hemm lok, qabel xejn, li tiġi eżaminata l-ewwel subparti, imbagħad it-tieni u r-raba’ u, fl‑aħħar nett, it-tielet waħda.

–       Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha kif ukoll il‑ġurisprudenza

96      SNCM tikkonferma li l-FDSP, li kellu bħala għan ewlieni li jimplementa l-prinċipju ta’ kontinwità territorjali, sabiex jissodisfa kollu kemm hu ħtieġa ċara ta’ servizz pubbliku. Billi kkunsidrat il‑kuntrarju fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha relatata mad-DSP preċedenti għas-servizz marittimu ta’ Korsika, mis-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198), u tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415). Fir-replika, SNCM iżżid li l-Kummissjoni, dwar l-istess suġġett, ma tistax tadotta pożizzjoni dijametrikament opposta għal dik użata sa issa, mingħajr motivazzjoni immotivata tajjeb.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa minn SNCM.

98      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni ta’ SNCM li l‑Kummissjoni aġixxiet b’mod “manifestament kontradittorju” inkwantu kienet diġà kkunsidrat f’deċiżjonijiet mogħtija qabel relatati ma’ DSP preċedenti li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri matul il-perijodi l-iktar iffrekwentati kien jissodisfa l-ħtieġa ta’ servizz pubbliku ma għadux jintlaqa’. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv li jintuża sempliċement sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk miżura tal-Istat tagħtix vantaġġ jew le lil xi impriża jew lil diversi impriżi. Il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fuq dan is-suġġett ma tistax għaldaqstant tirriżulta deċiżiva (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika fir-rigward tal-kwistjoni tal‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern (sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, EU:T:2005:219, punt 177).

99      Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija differenti mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar dan is‑suġġett ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li hija inkoerenti ma’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, l‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku xorta tista’ sseħħ matul iż-żmien, skont l-iżvilupp tal-forzi tas-suq. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, diġà fid-Deċiżjoni 2002/149/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil SNCM (ĠU 2002, L 50, p. 66), invokata diversi drabi minn SNCM fid‑dokumenti tagħha, il-Kummissjoni kienet enfasizzat li “f’dak li jirrigwarda s-servizzi li jitilqu mill-portijiet Franċiżi tal-kontinent, is‑sitwazzjoni tas-suq kienet evolviet b’mod sinjifikattiv matul l-aħħar snin, sal-punt li ġiet ikkonstatata l-ħtieġa tal-eżistenza tal-OSP għal-linji kollha matul is-sena kollha” (premessa 78) u li “l-konklużjoni tal‑Kummissjoni dwar il-ħtieġa reali tas-servizz pubbliku li tirriżulta mis‑sistema ta’ servizzi mill-Ftehim-Qafas bejn l-Istat u SNCM fl-1976 u, fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, permezz ta’ ftehim kull ħames snin konkluż bejn l-OTC u SNCM fl-1991 u 1996 ma tistax tiġi estrapolata lil hinn mid-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2001, data li fiha jiskadi l‑Ftehim-Qafas” (premessa 80).

100    Imbagħad, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 99 hawn fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li SNCM ma setgħetx tinvoka b’mod utli s‑sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), insostenn tal-allegazzjoni tagħha. Iż-żewġ partijiet ta’ din is-sentenza ċċitata minn SNCM kienu jirrigwardaw, fil-fatt, id-DSP relatat mal-perijodu 1996-2001.

101    Barra minn hekk, SNCM lanqas setgħet tinvoka s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198), u, minnha, ir‑rekwiżit li tiġi evitata prassi ta’ “xkumar”, jiġifieri l-fatt li l-operaturi kompetituri tad-delegat tas-servizz pubbliku li jikkonċentraw fuq l‑attivitajiet ta’ profitt tad-DSP u li jħallu lil dan tal-aħħar l-attivitajiet li ma jħallux profitt, li ma kinux jippermettulha għalhekk li tagħti kumpens bejn it-telf li jseħħ fis-setturi li ma jħallux profitt u l-benefiċċji li jirriżultaw fis-setturi li jħallsu iktar profitt. Fil-fatt, kif ser jiġi spjegat fid‑dettall fil-punt 155 iktar ’il quddiem, id-dokumenti tal-proċess juru li kemm is‑servizz bażiku kif ukoll is-servizz komplementari kienu jirrappreżentaw defiċit operatorju sinjifikattiv, li kien jeskludi kull possibbiltà ta’ ekwalizzazzjoni finanzjarja bejniethom (ara, b’mod partikolari, il-premessi 47 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

102    Finalment, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Minbarra l‑fatt li din tal-aħħar ma tistax tiġi kkritikata li adottat, f’dan il-każ, approċċ “dijametrikalment oppost” għal dak adottat fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar dan is-suġġett (ara l-punt 99 hawn fuq), għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija tindika b’mod ċar u preċiż ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku ma ġietx stabbilita fir-rigward tas-servizz komplementari. B’hekk, wara li ddefinit il-“kuntest ta’ analiżi” li hija kienet ser tuża sabiex tevalwa jekk l-ewwel kriterju Altmark kienx issodisfat f’dan il-każ (premessi 132 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata), il‑Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari billi ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża, minn SNCM u minn CMN, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ikkunsidrat li s-servizz bażiku u s-servizz komplementari kienu jikkostitwixxu żewġ tipi ta’ servizzi distinti u kellhom jiġu eżaminati b’mod separat (premessi 137 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma jiġi evalwat it-tieni wieħed minn dawn is-servizzi fir-rigward ta’ dan il-kriterju (premessi 151 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-inklużjoni tas-servizz komplementari fil-firxa tas-servizz pubbliku ma kinitx tissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku wara li kkonstatat, essenzjalment, abbażi ta’ sensiela ta’ punti, minn naħa, li dan is-servizz, li jitlaq minn Marseille, kien ġeneralment sostitwibbli, f’termini ta’ domanda ta’ passiġġieri, għas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri mogħtija bi tluq minn Toulon lejn Bastia u Ajaccio meta ngħata l-FDSP (premessi 154 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min‑naħa l-oħra, li ma nġabet l-ebda prova ta’ nuqqas ta’ inizjattiva privata li tirrigwarda l-imsemmi servizz komplementari (premessi 161 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

103    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni u r-raba’ subpartijiet, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Istati Membri kif ukoll il-portata tas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), u tar-regolament kabotaġġ marittimu

104    Fl-ewwel lok, SNCM targumenta li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, marret lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fid-definizzjoni tas-SIEĠ. Fil-fatt, minflok illimitat ruħha għas‑sempliċi stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, hija wettqet stħarriġ partikolarment iddettaljat tad-definizzjoni tas-SIEĠ inkwistjoni u tal-ħtieġa tas-servizz. Barra minn hekk, SNCM tikkunsidra li l‑Kummissjoni ma għandhiex tislet l-argument mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il‑Kummissjoni (T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463), peress li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kienu jeżistu linji gwida li espressament kienu jipprevedu l-ħtieġa li jiġi pprovat nuqqas tas-suq, f’dan il-każ il-Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-twessigħ rapidu tan-netwerks tal‑faxxa wiesa’ (ĠU 2009, C 235, p. 7).

105    Fit-tieni lok, SNCM tallega li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107) u tar-regolament kabotaġġ marittimu. Hija tiddikjara li la din is-sentenza u lanqas dan ir-regolament ma jikkonċernaw l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u li huma jikkonfermaw, fir-realtà, il-validità tal‑FDSP. Hija żżid li l-imsemmija sentenza u l-imsemmi regolament jirrigwardaw l-obbligi li jistgħu jiġu imposti bis-servizzi pubbliċi u li jistgħu jiġġustifikaw skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew kuntratt ta’ servizz pubbliku, u mhux fuq il-kamp tas-servizzi li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ kumpens fis-sens tal-ġurisprudenza Altmark jew fuq l‑ammont ta’ dan il-kumpens. Hija tenfasizza b’mod partikolari li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu bejn Franza kontinentali u Korsika ma hijiex suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Barra minn hekk, hija tikkontesta li l-kamp tas-servizz pubbliku, kif iddefinit minn kuntratt ta’ servizz pubbliku, għandu jkun neċessarju u proporzjonat meta mqabbel mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, muri mill-insuffiċjenza tas-servizzi regolari ta’ trasport f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Finalment, hija tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil‑premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-kumpens ta’ obbligi speċifiċi fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, bl-għoti ta’ sussidju lil offerta ta’ servizzi, jikkostitwixxi b’mod ċar restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi”. F’dan il-każ, il-kumpens tas-servizz pubbliku ma kellux l-għan u lanqas l-effett li jtellef il-moviment liberu tas-servizzi u l-ebda sentenza ċċitata mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienet tistabbilixxi l-kuntrarju.

106    Matul is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali sabiex tippreċiża x’kienu, fl-opinjoni tagħha, il-kriterji li abbażi tagħhom il‑mertu tas-SIEĠ u tal-firxa tiegħu kellhom jiġu stabbiliti, SNCM iddikjarat li kien biżżejjed għall-Istat Membru li “jidentifika interess ġenerali fis-sens wiesa’ ferm li seta’ jaffettwa dak li jaqa’ b’mod ġenerali taħt l-interess pubbliku”. Hija żiedet li fl-opinjoni tagħha l-kriterji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità, tal-inqas dawk li jirriżultaw mir-regolament kabotaġġ marittimu u mis-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), ma kellhomx jiġu kkunsidrati fil-qafas ta’ dan l-eżerċizzju għaliex kienu jirriżultaw minn kunċetti marbuta mal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

107    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Corsica Ferries, tiċħad l-argumenti ta’ SNCM.

108    Fl-ewwel lok, b’riferiment għall-punt 154 tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il‑Kummissjoni (T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463), il‑Kummissjoni u Corsica Ferries jiddikjaraw li, ikun xi jkun is-settur ikkonċernat, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas tas-suq għandha tkun preliminari għall-klassifikazzjoni ta’ attività ta’ SIEĠ u, għalhekk, li l-kundizzjoni dwar l-insuffiċjenza jew dwar in-nuqqas ta’ inizjattiva privata hija inerenti għall-ewwel kriterju Altmark u teħtieġ eżami ddettaljat.

109    Barra minn hekk, il-Kummissjoni u Corsica Ferries isostnu li s-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta mill-Istati Membri fid-definizzjoni tas-SIEĠ hija limitata bir-regolament kabotaġġ marittimu, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107). Dan jimplika li s-servizz inkwistjoni għandu jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, minħabba l‑insuffiċjenza tas-servizzi regolari tat-trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa, peress li l-portata tas-SIEĠ għandha tkun neċessarja u proporzjonata ma’ dan il-bżonn. Matul is-seduta, il‑Kummissjoni spjegat li l-prova tal-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku tikkostitwixxi rekwiżit iktar diffiċli mill-prova tal-eżistenza ta’ nuqqas tas-suq, kif imsemmi fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il‑Kummissjoni (T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463).

110    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni u Corsica Ferries jikkunsidraw li huwa żbaljat li SNCM tikkontesta l-eżistenza ta’ rabta bejn regolament kabotaġġ marittimu u l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Huwa wkoll manifestament skorrett li jiġi allegat li dan ir-regolament jikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet li fihom il-provvista ta’ servizzi hija suġġetta għal awtorizzazzjoni preliminari. Fir-rigward tas-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), din ma hijiex biss kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li tissuġġetta attività ta’ trasport marittimu għal awtorizzazzjoni preliminari, iżda tinkludi raġunament ċar ħafna dwar il-mod li bih għandhom jiġu interpretati d‑dispożizzjonijiet tar-regolament kabotaġġ marittimu, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-għan tiegħu, li jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu u li ma jistgħux jiġu aċċettati it-theddid għal din il-libertà ħlief jekk ikunu ġġustifikati minn ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u meħtieġa u proporzjonali għas-sodisfazzjon ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-fatt li tiġi ssussidjata offerta ta’ servizzi billi jiġi konkluż ma’ operatur partikolari kuntratt ta’ servizz pubbliku msemmi minn dan ir-regolament jista’ jwassal għal ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

111    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ x’jikkunsidraw bħala SIEĠ u li, konsegwentement, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru ma tistax tiġi kkontestata mill‑Kummissjoni ħlief f’każ ta’ żball manifest (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, EU:T:2005:218, punt 216 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 101 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

112    Għaldaqstant, is-setgħa ta’ definizzjoni tas-SIEĠ mill-Istat Membru ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju sempliċement sabiex settur partikolari jaħrab mill-applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 168).

113    B’mod partikolari, meta jeżistu regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jinkludu d-definizzjoni tal-kontenut u tal-portata tas-SIEĠ, dawn jorbtu l‑evalwazzjoni tal-Istati Membri, skont il-punt 46 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill‑Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni SIEĠ”). Kif korrettament tirrileva l‑Kummissjoni, dawn ir-regoli huma ġeneralment intiżi għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet sabiex ineħħu l-ostakoli għall‑moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-fatt li jiġu adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet tat-trattat oħra u mhux dawk li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u li għandhom bħala għan ewlieni t-twettiq tas-suq intern bl-ebda mod ma jillimita r‑rilevanza tagħhom fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark.

114    Issa, f’dan il-każ, kif isostnu ġustament il-Kummissjoni u Corsica Ferries, tali regoli kienu jeżistu, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet tar‑regolament kabotaġġ marittimu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu fl-Unjoni. Fl-istess sens, it-tielet premessa tiegħu tispjega li huwa intiż sabiex jabolixxi r‑restrizzjonijiet ta’ din il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

115    Fl-Artikolu 4 tiegħu, ir-regolament kabotaġġ marittimu jipprevedi eċċezzjonijiet possibbli għal dan il-prinċipju ewlieni, jiġifieri l-fakultà għall-Istati Membri li jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer jew li jimponu fuqhom OSP bħala kundizzjoni għall‑għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif fuq kollox tirrikonoxxih SNCM, l-FDSP mingħajr dubju jikkostitwixxi tali kuntratt ta’ servizz pubbliku, li huwa ddefinit mill‑punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bħala kuntratt konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u proprjetarju ta’ vapur tal‑Unjoni sabiex jiġu pprovduti lill-pubbliku servizzi ta’ trasport adegwati. Għandu jintqal ukoll li l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament jistipula li meta jiġu imposti OSP, l-Istati Membri għandhom ikunu illimitati għal ħtiġijiet dwar portijiet li jkunu servuti, regolarità, kontinwità, frekwenza, kapaċità li jipprovdu s-servizz, rati li għandhom jiġu mitluba u l-persunal tal-vapur. Skont din l-istess dispożizzjoni, kull kumpens dovut, meta jkun applikabbli, għal OSP għandu jkun disponibbli lill-proprjetarji kollha tal-vapuri tal-Unjoni.

116    Għalhekk għandha tiġi kkonfermata l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li, f’din il-kawża, is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet Franċiżi kienet limitata mid-dispożizzjonijiet tar-regolament kabotaġġ marittimu.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa korrett ukoll li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat l-interpretazzjoni mogħtija lill-imsemmija dispożizzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, din tal-aħħar kienet mitluba b’mod partikolari sabiex tinterpreta l-Artikoli 1 u 4 tar-regolament kabotaġġ marittimu u tispjega l-kundizzjonijiet li fihom il-provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu setgħet tkun suġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel.

118    Filwaqt li interpretat id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-regolament kabotaġġ marittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari żviluppat ir‑raġunament segwenti:

“34. [L]-applikazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel bħala metodu sabiex jiġu imposti [OSP] tippresupponi li l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu qabel xejn jikkonstataw, għal vjaġġi partikolari, li s-servizzi regolari ta’ trasport ma jkunux suffiċjenti jekk il-provvista tagħhom titħalla skont il-forzi tas-suq biss. Fi kliem ieħor, għandu jkun possibbli li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku.

35. Min-naħa l-oħra, sabiex skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tista’ tiġi ġġustifikata, għandu anki jintwera li tali skema hija neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti [OSP] u li din tkun proporzjonali għall-għan li għandu jiġi segwit, b’tali mod li l-istess għan ma kienx jintlaħaq minn miżuri inqas restrittivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’mod partikolari, minn sistema ta’ dikjarazzjonijiet a posteriori […]

36. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tkun fiha nnifisha mezz adegwat li jippermetti li jiġi kkonkretizzat il-kontenut ta’ [OSP] li għandu jiġi impost fuq proprjetarju ta’ vapur individwali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tiġi mistħarrġa minn qabel il-kapaċità ta’ proprjetarju ta’ vapur li jeżegwixxi tali obbligi.

37. Madankollu, tali skema ma tistax tilleġittimizza aġir diskrezzjonarju mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod li jtellfu lid-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari dawk relatati mal-libertà fundamentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effett utili tagħhom […].”

119    Fir-realtà, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), kienet tirrigwarda skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel u mhux, bħal f’din il-kawża, DSP akkumpanjata mill-għoti ta’ kumpens. Madankollu, ir-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li jistrieħ fuq interpretazzjoni tar-regolament kabotaġġ marittimu skont l-għan fundamentali tiegħu, jiġifieri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu u, għalhekk, li ma jiġux aċċettati restrizzjonijiet ta’ din il-libertà ħlief skont kundizzjonijiet stretti ħafna, huwa kompletament trasponibbli fil-każ inkwistjoni.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jeżiġix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tagħha jew minħabba l-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor minbarra dak li fih l-provvista għandha tingħata, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-persuni li jipprovdu servizz nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, fejn legalment tipprovdi servizzi simili (minbarra s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tad‑deċiżjoni kkontestata, ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 38; ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma għandux jiġi kkontestat li l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lil persuna li tipprovdi servizzi b’mod partikolari, id-delegat ta’ servizz pubbliku jista’ jfixkel, jew jirrendi inqas attraenti l-għoti ta’ dawn l-istess servizzi minn operaturi li ma jibbenefikawx mill-istess kumpens. Fil-fatt, l-ammont tal-kumpens jippermetti lill-benefiċjarju tiegħu li jgawdi vantaġġ deċiżiv fuq il-kompetituri tiegħu u, għalhekk, jiddiswadihom milli joffru s-servizzi kkonċernati.

121    F’dan il-każ, id-DSP kienet iktar u iktar ta’ natura li tikkawża preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-punt 44 tad‑deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, mill-FDSP, li fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha kienet timponi fuq l-eventwali operaturi ġodda fuq il-linji li jitilqu minn Marseille għal Korsika kundizzjonijiet partikolarment restrittivi. Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, taqra kif ġej:

“[K]ompetizzjoni tista’ tiġi eżerċitata fil-kuntest li ġej: għal kull waħda minn dawn il-linji, kull kumpannija tista’ topera, mingħajr kumpens finanzjarju, servizz regolari li jkun fih, is-sena kollha, tal-inqas żewġ rotot fil-ġimgħa, li għandhom isiru f’kundizzjonijet li ma jippreġudikawx il‑kundizzjonijiet ekonomiċi tal-operatur tas-servizz pubbliku u li konsegwentement l-għażla tal-ġranet ta’ tluq u ta’ wasla jiġu stabbiliti mill-OTC wara qbil mal-Assemblea ta’ Korsika. Din il-kundizzjoni tkun is-suġġett ta’ ftehim partikolari. F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-ftehim b’mod totali jew parzjali, tiġi applikata penalità ta’ EUR 2 miljuni lill-kumpannija u l-ħlas tagħha jiġi ggarantit permezz ta’ garanzija bankarja ta’ ammont ekwivalenti. Din il-garanzija bankarja għandha tingħata minn bank stabbilit fl-Unjoni Ewropea, ta’ long term rating ‘Standard and Poors A+’ (jew ekwivalenti).”

122    F’dan il-kuntest, l-osservazzjoni ta’ SNCM li l-eżistenza tad-DSP ma ttellifx lil Corsica Ferries milli tidħol fis-suq u takkwista b’mod veloċi “pożizzjoni dominanti” għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza tad-DSP, id-dħul ta’ Corsica Ferries fis-suq u l‑iżvilupp tal-attivitajiet tagħha fuqu kienu jkunu iktar mgħaġġla jew li kienu jidħlu wkoll operaturi oħra fih.

123    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega SNCM, mill-fatt li l-għoti tad-DSP sar fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, li fiha pparteċipat Corisa Ferries, ma jistax jiġi dedott li l-preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi li jirriżulta mill-ħlas tal-kumpens finanzjarju lid‑delegat uniku tas-servizz pubbliku kien tneħħa. Ċertament, meta d‑DSP isir wara sejħa għal offerti verament miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, dan jista’ jnaqqas l-importanza ta’ dan il-preġudizzju. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li dan iseħħ matul il-perijodu kollu tal‑provvista tas-servizz pubbliku inkwistjoni.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, b’mod partikolari, tal‑interpretazzjoni tar-regolament kabotaġġ marittimu magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107) (ara l-punt 118 hawn fuq), għandu jiġi konkluż li huwa korrett li, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi vverifikat l-ewwel kriterju Altmark, il-Kummissjoni kkunsidrat li “l-kamp ta’ applikazzjoni tas‑servizz pubbliku kif definit minn kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkun meħtieġ u proporzjonat mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, muri min-nuqqas ta’ servizzi regolari ta’ trasport f’kundizzjonijiet normali tas‑suq” (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata xi deċiżjoni dwar il‑kunsiderazzjonijiet magħmula mill-partijiet dwar ir-rilevanza għal din il-kawża tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il‑Kummissjoni (T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’każ bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jonqsu milli juru l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ inizjattiva privata. Fil-fatt, mill-punt 34 tas‑sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku hija marbuta mal-eżistenza ta’ tali nuqqas. Fi kliem ieħor, huwa abbażi ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ inizjattiva privata li hija stabbilita l-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni u r-raba’ subpartijiet tal-ewwel parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

–       Fuq it-tielet subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova

127    SNCM tallega li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-oneru tal‑prova fl-analiżi tagħha tal-ewwel kriterju Altmark. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tiddikjara li l-Kummissjoni imponiet b’mod sistematiku fuq ir-Repubblika Franċiża l-oneru li tipprova n-neċessità tas-servizz pubbliku kif ukoll in-nuqqas ta’ inizjattiva privata. Min-naħa l-oħra, filwaqt li tiċċita żewġ evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 165 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li, għall‑kuntrarju, din tal-aħħar eżonerat lilha nnifisha minn kull oneru ta’ prova f’diversi partijiet essenzjali tal-analiżi tagħha tal-imsemmi kriterju.

128    Fir-replika, SNCM iżżid li t-“test […] fi tliet stadji” invokat mill‑Kummissjoni (ara l-punt 130 hawn taħt) ma huwiex tas-soltu, la jissemma fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata u ma jistrieħ fuq l-ebda bażi ġuridika stabbilita minn qabel. Barra minn hekk, dan it-test huwa partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibbli, sabiex jiġi pprovat.

129    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Corsica Ferries, tikkontesta li interpretat b’mod żbaljat ir-regoli tal-oneru tal-prova.

130    Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiġġustifika l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll li jistabbilixxi l-ħtieġa u l-proporzjonalità tiegħu. B’mod iktar preċiż, f’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku li jiġġustifika l-għoti ta’ DSP, l‑awtoritajiet Franċiżi kellhom juru, l-ewwel nett, li kien hemm talba mill-utenti, it-tieni nett, li din it-talba ma setgħetx tiġi ssodisfatta mill‑operaturi tas-suq fl-assenza ta’ obbligu f’dan is-sens stabbilit mill‑awtoritajiet pubbliċi u, it-tielet nett, li l-użu ta’ OSP sempliċi ma kienx biżżejjed sabiex itaffi tali nuqqas. Hija tispjega li b’hekk hija mhux qed tistabbilixxi test kompletament ġdid, iżda sempliċement kienet qed tfakkar fil-qosor il-lakuni tal-awtoritajiet Franċiżi u ta’ SNCM fir‑rigward tal-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku. Hija żżid li din il-prova ma hijiex ġdida u lanqas partikolarment diffiċli sabiex tinġab.

131    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ SNCM li ċerti evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 165 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata ma huma bbażati fuq l-ebda prova.

132    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata li interpretat b’mod żbaljat ir-regoli tal-oneru tal-prova fl‑analiżi tagħha tal-ewwel kriterju Altmark.

133    Fil-fatt, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal‑eżami tat-tieni u tar-raba’ subpartijiet tal-ewwel parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 111 sa 126 hawn fuq) jirriżulta li, sabiex servizz ta’ kabotaġġ marittimu jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEĠ, jeħtieġ li jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, muri bl-insuffiċjenza tas-servizzi regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa, u li l-portata tas-SIEĠ hija meħtieġa u proporzjonata għal dan il-ħtieġa. Mingħajr dubju, għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat, u mhux il-Kummissjoni, li jressaq dawn il-provi, u dan billi jipproduċi provi suffiċjentement konvinċenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak sostnut minn SNCM waqt is-seduta (ara l-punt 106 hawn fuq), l-Istat Membru ma għandux jillimita ruħu li jinvoka l-eżistenza ta’ “interess ġenerali fis-sens wiesa’”. L-assenza ta’ prova, prodotta mill-Istati Membru, li l-kriterji hawn fuq imsemmija huma ssodisfatti jew li l-interpretazzjoni żbaljata tagħhom tista’ tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li l‑Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra.

134    Fir-rigward tal-prova fi tliet stadji msemmija mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku (ara l‑punt 130 hawn fuq), għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega SNCM, dan bl-ebda mod ma jirrappreżenta rekwiżit addizzjonali ta’ prova mhux prevista mid-deċiżjoni kkontestata. Din il-prova hija sempliċement preżentazzjoni alternattiva tat-test użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-ewwel kriterju Altmark (ara l-punt 45 hawn fuq) u li l-fondatezza tiegħu ġiet ikkonfermata waqt l-eżami tal-ewwel u tar-raba’ subpartijiet tal-ewwel parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 111 sa 126 hawn fuq). B’hekk, qabel xejn, jekk ma teżistix talba tal-utenti għas-servizzi kollha jew parti minnhom li jidħlu fil-firxa tas-servizz pubbliku, kif iddefinit mill‑awtoritajiet nazzjonali, dan is-servizz pubbliku jew il-firxa tiegħu ċertament ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala meħtieġa u proporzjonati meta mqabbla mal-ħtieġa reali tas-servizz pubbliku. Imbagħad, lanqas għandu jkun hemm tali ħtieġa jekk it-talba tal-utenti tista’ diġà tiġi ssodisfatta mill-operaturi tas-suq fl-assenza ta’ obbligu f’dan is-sens stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi. Fi kliem ieħor, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 125 hawn fuq, fl-assenza ta’ nuqqas ta’ inizjattiva privata, ma għandux ikun hemm ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku. Finalment, jekk hemm talba ta’ utenti u jekk din it-talba ma tistax tiġi ssodisfatta mis-sempliċi kompetizzjoni fis-suq, iktar u iktar għandhom l‑awtoritajiet nazzjonali jagħtu preferenza lill-approċċ li joħloq l-inqas preġudizzju għal-libertajiet essenzjali tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Issa, kif korrettament issostni l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tas-settur tal-kabotaġġ marittimu, l-impożizzjoni ta’ OSP applikabbli għat-trasportaturi kollha li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom fuq rotta partikolari u li mhux neċessarjament tagħti lok għal kumpens finanzjarju (ara l-Artikolu 4(2) tar-regolament kabotaġġ marittimu) iġġib magħha restrizzjonijiet inqas sinjifikattivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-għoti ta’ kumpens finanzjarju għal trasportatur partikolari jew għal numru limitat ta’ trasportaturi fil-kuntest ta’ DSP.

135    Għandu jintqal ukoll li l-prova hekk ikkritikata minn SNCM ma hijiex daqstant diffiċli li tiġi prodotta, peress li l-ħtiġiet ta’ servizz pubbliku jistgħu, fil-fatt, faċilment jiġu evalwati permezz ta’, b’mod partikolari, studji tas-suq, konsultazzjonijiet pubbliċi jew sejħiet għal proġetti, ħaġa li f’dan il-każ qatt ma saret mill-awtoritajiet Franċiżi qabel ma ġie approvat il-prinċipju ta’ tiġdid ta’ DSP tas-servizz marittimu ta’ Korsika.

136    Min-naħa l-oħra, huwa skorrett li SNCM tallega li ż-żewġ evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija kkwotat, li jidhru fil‑premessi 165 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huma bbażati fuq l‑ebda prova. Dawn l-evalwazzjonijiet jirriżultaw, fil-fatt, mill-eżami, mill-Kummissjoni, ta’ provi li jinsabu fil-proċess.

137    B’hekk, fir-rigward tal-ewwel evalwazzjoni kkritikata, li tinsab fil‑premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-frażi li minnha tirriżulta tibda bil-konstatazzjoni li “[s]-servizz mogħti minn Corsica Ferries jissodisfa r-regoli tal-OSP applikabbli għal kull servizz bejn il-kontinent Franċiż u Korsika” u li din il-konstatazzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata. B’hekk, il-kumpanniji li, bħal Corsica Ferries, kienu joffru servizzi ta’ trasport marittimu fuq, b’mod partikolari, ir-rotta Toulon-Korsika kienu suġġetti għal OSP fir-rigward ta’ regolarità, kontinwità, frekwenza tal-vjaġġi, kapaċità li jipprovdu s-servizz, rati u l‑persunal tal-vapuri, u dan fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat ta’ natura soċjali deskritta fil‑punt 14 hawn fuq. Dawn il-kumpanniji għandhom jagħtu l-ġustifikazzjonijiet kollha fuq il-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiżguraw is-servizz, li jkunu konformi mal-obbligi fiskali u soċjali, jikkomunikaw minn qabel il-programm ta’ implementazzjoni tal-OTC u jiżguraw tal-inqas żewġ rotot fil-ġimgħa s-sena kollha bejn Toulon u Korsika. L-ekwipaġġ tal-vapuri tagħhom kienu suġġetti għar-regoli previsti mid-dritt Franċiż. Barra minn hekk, ir-rati soċjali massimi kienu stabbiliti għal kull kategorija kkonċernata.

138    Mill-paragun bejn ir-rekwiżiti marbuta ma’ dawn l-OSP u l-obbligi previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP għas-servizz komplementari, li kienu inqas stretti minn dawk applikabbli għas-servizz bażiku (ara l-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 151 iktar ’il quddiem), il-Kummissjoni setgħet leġittimament tislet l-evalwazzjoni kkritikata minn SNCM li s-servizz ipprovdut minn Corsica Ferries “ma kienx jippreżenta differenza kwalitattiva mis-servizz ipprovdut fil‑kuntest tas-servizz kumplimentari”.

139    Fir-rigward tat-tieni evalwazzjoni kkritikata, li tinsab fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li qari kumplessiv ta’ din il-premessa, li permezz tagħha l-Kummissjoni tixtieq issostni, essenzjalment, li s-servizzi pprovduti minn Corsica Ferries li jitilqu minn Toulon huma b’mod sodisfaċenti u b’kundizzjonijiet (prezz, karatteristiċi ta’ kwalità oġġettivi, kontinwità u aċċess għas-servizz) kompatibbli mal‑interess ġenerali. Issa, din l-evalwazzjoni tidher ibbażata mhux biss fir-rigward tal-argumenti li jinsabu fil-punt 137 hawn fuq, iżda wkoll, u b’mod iktar ġenerali, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, korrettament imqajjem mill-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet marbuta mal-OSP applikabbli għall-vjaġġi marittimi bejn Franza kontinentali u Korsika ġew iddefiniti bl-OTC skont ir-regolament kabotaġġ marittimu. Dawn l‑OSP għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala obbligi sabiex is-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu jiġu pprovduti b’kundizzjonijiet kompatibbli mal-interess ġenerali u li l-proprjetarju ta’ vapur tal-Unjoni ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jekk ikun qed jikkunsidra l‑interessi kummerċjali tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 4 tal‑Artikolu 2 tar-regolament kabotaġġ marittimu u l-punti 47 u 48 tal‑Komunikazzjoni SIEĠ). Għalhekk jista’ leġittimament jiġi kkunsidrat li kull provvista ta’ servizz ta’ kabotaġġ marittimu li taqa’ fil-kuntest ta’ dawn l-OSP saret skont l-interess ġenerali fir-rigward tal-firxa kwalitattiva rregolata mill-OSP u elenkata fl-Artikolu 4(2) tar‑regolament kabotaġġ marittimu, fosthom dawk imsemmija fil‑premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li t-tielet subparti tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u, għalhekk, din l-ewwel parti kollha kemm hi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi assimilat il‑kapaċitajiet addizzjonali sabiex jingħata servizz matul il-perijodi l-iktar iffrekwentati ma’ servizz komplementari u billi evalwat dan is-servizz b’mod separat mis-servizz bażiku fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark

141    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, SNCM issostni li l‑Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi assimilat il-kapaċitajiet addizzjonali sabiex jingħata servizz matul il-perijodi l-iktar iffrekwentati ma’ servizz komplementari u billi evalwat dan is-servizz b’mod separat mis-servizz bażiku fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark.

142    Din it-tieni parti tinqasam fi tliet subpartijiet, l-aħħar waħda invokata b’mod sussidjarju.

–       Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-FDSP ma jagħmilx distinzjoni bejn is-servizz bażiku u s-servizz komplementari

143    SNCM targumenta li l-FDSP ma jagħmilx distinzjoni bejn is-servizz bażiku u s-servizz komplementari, kuntrarjament għal dak indikat fil‑premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li fuqha huwa bbażat ir‑raġunament kollu tal-Kummissjoni. Il-kontenut tal-allegat servizz komplementari ma huwiex iddefinit f’dispożizzjonijiet speċifiċi u identifikabbli b’mod ċar mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Billi pprevedew il-kapaċitajiet minimi addizzjonali għal ċerti perijodi tas‑sena, il-partijiet tal-FDSP ma ridux joħolqu żewġ servizzi li jistgħu joperaw indipendentement minn xulxin. Fir-rigward tal-fatt li d-DSP il‑ġdid għall-perijodu 2014-2023 ma kienx għadu jkopri s-servizz komplementari, iżda kien limitat għas-servizz bażiku, dan ma huwiex rilevanti, peress li din l-esklużjoni hija dovuta għal raġunijiet baġitarji. Barra minn hekk, l-inklużjoni fil-firxa tas-servizz pubbliku ta’ servizzi li jikkonċernaw il-perijodi l-iktar iffrekwentati sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ xkumar hija l-unika soluzzjoni kompatibbli mal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198). Fl-aħħar nett, il-kumpens ta’ servizz pubbliku previst mill-FDSP jitħallas kull sena u huwa kkalkolat b’rata fissa għas-servizzi kollha pprovduti mid-delegati.

144    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Corsica Ferries, tikkontesta l-argumenti mressqa minn SNCM.

145    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni korrettament tiddikjara, fil‑premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-distinzjoni bejn is‑servizzi ta’ trasport li għandhom jiġu pprovduti matul is-sena kollha fil-kuntest tas-servizz bażiku u l-kapaċitajiet addizzjonali li għandhom jingħataw fil-perijodu l-iktar iffrekwentat, jiġifieri, is-servizz komplementari, tirriżulta b’mod ċar mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP.

146    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li s-servizz komplementari, li jirrigwarda biss tliet linji minn ħamsa koperti mid-DSP, huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt tal-FDSP, jiġifieri l-paragrafu 2, punt I(a) (linja Marseille‑Bastia), il-paragrafu 2, punt I(b) (linja Marseille-Ajaccio) u l‑paragrafu 1.4, punt I(d) (linja Marseille-Propriano) tiegħu.

147    Il-fatt, allegat minn SNCM f’dan il-kuntest, li l-FDSP ma tagħmel “riferiment fl-ebda ħin” għall-espressjoni “servizz kumplimentari” bħala tali għalhekk ma huwiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, din l-allegazzjoni ma hijiex fondata, peress li, fil-paġna 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt annessi mal-FDSP, huwa spjegat li s-servizzi kkonċernati “jinkludu, fuq kull linja, servizz tal-passiġġieri u tal-merkanzija permanenti u, fuq ċerti linji, servizz tal-passiġġieri addizzjonali fl-eqqel tat-traffiku”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li, kif korrettament tirrileva Corsica Ferries, SNCM stess, f’ċerti rapporti ta’ eżekuzzjoni tad-DSP li hija kienet obbligata tipprepara kull sena, tagħmel distinzjoni espliċita bejn is-servizz permanenti u s-servizz komplementari.

148    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni SNCM, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-servizz bażiku u s-servizz komplementari jikkostitwixxu żewġ tipi ta’ servizzi distinti ma tistrieħx “kompletament” fuq id-dikjarazzjoni kkritikata li tinsab fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li, permezz tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, tirreferi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ċċitati fil-punt 146 hawn fuq. Fil‑fatt, din il-konklużjoni hija bbażata wkoll fuq sensiela ta’ elementi oħra esposti iktar ’il quddiem.

149    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li s-servizz bażiku jikkonċerna t-trasport marittimu ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, filwaqt li s-servizz komplementari jikkonċerna biss it-trasport tal-passiġġieri.

150    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tas-servizz bażiku, l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP jistabbilixxu, għal kull linja kkonċernata u vjaġġ vjaġġ, kapaċitajiet minimi ta’ kuljum, filwaqt li fir‑rigward tas-servizz komplementari, jistabbilixxi biss, ukoll għal kull linja kkonċernata u vjaġġ vjaġġ, kapaċitajiet minimi globali skont il‑perijodi.

151    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ tipi ta’ servizzi huma suġġetti għal ċerti obbligi distinti, b’mod partikolari f’termini ta’ ħinijiet u frekwenzi ta’ vjaġġi, u li dawk applikabbli għas-servizz bażiku huma iktar stretti minn dawk applikabbli għas-servizz komplementari. B’hekk, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP jipprevedu ħinijiet riġidi ta’ tluq u ta’ wasla għas-servizz bażiku, ma jimponu l-ebda ħin partikolari għas-servizz komplementari. Bl-istess mod, filwaqt li dawn l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jistipulaw, fir-rigward tas-servizz bażiku, li t-trasport tal-passiġġieri għandu jkun żgurat f’kull direzzjoni, kuljum, (iżda tliet darbiet fil-ġimgħa biss fir-rigward tal-linja Marseille‑Propriano) u matul is-sena kollha, fir-rigward tas-servizz komplementari, ma jipprevedu l-ebda obbligu f’termini ta’ frekwenza ta’ vjaġġi. Ċertament, minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li, fil-każ tas-servizz komplementari, il-ġranet u ħinijiet tal-vjaġġi għandhom ikunu s-suġġett ta’ memorandum ta’ qbil “espliċitu u preliminari” qabel l-OTC. Madankollu, dan huwa spjegat qabel xejn min‑natura kuntrattwali tal-FDSP u xorta jibqa’ l-fatt li SNCM għandha b’dan il-mod ħafna iktar flessibbiltà milli fil-każ tas-servizz bażiku. Għandu jiżdied ukoll li, fir-rigward ta’ dan l-aħħar servizz, il-vjaġġi għandhom jingħataw mingħajr waqfa, filwaqt li, fir-rigward tas-servizz komplementari, tali rekwiżit ma huwiex previst.

152    Ir-raba’ nett, kif jirriżulta mill-anness 2 tal-FDSP u li se jkun spjegat f’iktar dettall fil-punti 160 u 161 iktar ’il quddiem, is-servizz bażiku jingħata billi jintużaw vapuri tal-merkanzija mħalltin, li jippermettu t‑transport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, filwaqt li s‑servizz komplementari jingħata bl-użu tal-laneċ, li jippermetti biss it‑trasport tal-passiġġieri (u tal-vetturi tagħhom).

153    Il-ħames nett, mill-anness 2 tal-FDSP jirriżulta wkoll li l-ġestjoni tas‑servizz komplementari kienet taħt ir-responsabbiltà ta’ SNCM biss. Fil-fatt, fih hemm previst li huma l-vapuri Danielle Casanova u Napoléon Bonaparte li huma użati sabiex “jiżguraw il-kapaċitajiet addizzjonali tas‑servizz tal-passiġġieri tal-linji ta’ Ajaccio, [ta’] Bastia u [ta’] Propriano”. Issa, dawn iż-żewġ vapuri jagħmlu parti mill-flotta ta’ SNCM u mhux minn dik ta’ CMN. Għalhekk, fil-prattika, kienet biss SNCM li żgurat il-ġestjoni tas-servizz komplementari.

154    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ SNCM li ma jistax jintuża l-argument li d-DSP il‑ġdid għall-perijodu 2014-2023 ma jkoprix iktar is-servizz komplementari, iżda huwa limitat għas-servizz bażiku, peress li, essenzjalment, din l-esklużjoni hija dovuta għal raġunijiet baġitarji, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, dan l-argument ibbażat fuq id-DSP il-ġdid huwa argument li kien invokat minn Corsica Ferries waqt il-proċedura amministrattiva, iżda li ma reġax intuża bħala tali mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tibbaża r‑raġunament tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li dan id-DSP il-ġdid ma għadux ikopri s-servizz komplementari juri effettivament li dan tal-aħħar ma huwiex indispensabbli sabiex is-servizz bażiku jingħata b’mod tajjeb, kemm jekk huwa għal raġunijiet tekniċi jew għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi huma inseparabbli.

155    Fir-raba’ lok, huwa żbaljat li SNCM tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C-320/91, EU:C:1993:198). Fil-fatt, kif dan diġà ġie rrilevat fil-punt 101 hawn fuq, mill-proċess jirriżulta li kemm is-servizz bażiku kif ukoll is-servizz komplementari jirrappreżentaw defiċit operatorju sinjifikattiv li jeskludi kull possibbiltà ta’ ekwalizzazzjoni finanzjarja bejniethom. Dan huwa muri b’mod iktar partikolari mill-analiżi tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ SNCM, annessi mal-osservazzjonijiet tal-5 ta’ Novembru 2012 li din tal-aħħar kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li juru li, għal kull sena fil-perijodu 2007-2011 u f’dak li jirrigwarda kemm il-laneċ kif ukoll il-vapuri tal-merkanzija mħalltin, l-ispejjeż diretti (jiġifieri, b’mod partikolari, l-ispejjeż marittimi, tal-persunal u ta’ provvisti) kienu ogħla mid-dħul nett.

156    Fil-ħames lok, jekk huwa veru, kif issostni SNCM u kif huwa qabel xejn ikkonstatat fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpens dovut lil din tal-aħħar kien stabbilit b’mod globali fl-Artikolu 2 tal-FDSP, xorta jibqa’ l-fatt li mill-analiżi tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul msemmija fil-punt 155 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-prattika, kien maqsum bejn is‑servizz bażiku, operat permezz ta’ vapuri tal-merkanzija mħalltin, u s‑servizz komplementari, operat permezz ta’ laneċ. Fi kwalunkwe każ, il‑fatt li dan l-artikolu jipprevedi kumpens globali għaż-żewġ tipi ta’ servizzi ma jindikax jekk dawn humiex separabbli jew le.

157    Minn dan jirriżulta li l-ewwel subparti tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat assimilat is-servizz bażiku mas-servizzi offruti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin u s-servizz komplementari ma’ dawk offruti permezz tal-laneċ

158    SNCM tiddikjara li l-Kummissjoni b’mod żbaljat assimilat is-servizz bażiku mas-servizzi offruti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin u s-servizz komplementari ma’ dawk offruti permezz tal-laneċ. Hija ssostni li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP bl-ebda mod ma jitlob l-użu ta’ vapuri differenti għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ servizzi. Għall‑kuntrarju, fil-prattika, parti mill-provvista tas-servizz komplementari operata permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin u l‑laneċ tista’ tintuża għall-provvista tas-servizz bażiku, b’mod partikolari fl-istaġun baxx jekk ikun hemm xi ħsarat tekniċi tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin. Sabiex tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha, SNCM tirreferi għal tabelli annessi mar-rikors tagħha.

159    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jiċħdu l-allegazzjonijiet ta’ SNCM.

160    Għandu jiġi kkonstatat li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 152 hawn fuq, mill‑anness 2 tal-FDSP jirriżulta li s-servizz bażiku huwa eżegwit permezz ta’ vapuri tal-merkanzija mħalltin, filwaqt li għas-servizz komplementari jintużaw il-laneċ. Kif issostni korrettament Corsica Ferries, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata wkoll fir-rapporti ta’ eżekuzzjoni tad-DSP stabbiliti minn SNCM. B’hekk, pereżempju, ir‑rapport ta’ eżekuzzjoni relatat mas-sena 2010 jirreferi għall-fatt li s‑servizz bażiku jingħata permezz ta’ “vapuri tal-merkanzija mħalltin” u li huma l-“car-ferries Napoléon Bonaparte u Danielle Casanova [li] żguraw il-kapaċitajiet addizzjonali għat-trasport tal-passiġġieri matul il‑perijodi frekwentati ħafna fil-portijiet ta’ Bastia, [ta’] Ajaccio u [ta’] Propriano”, u dan b’total ta’ 251 932 passiġġieri ttrasportati, “jiġifieri 47 % tat-traffiku tad-DSP SNCM”.

161    L-allegazzjoni ta’ SNCM li, fir-realtà, vapuri tal-merkanzija mħalltin intużaw għall-finijiet tas-servizz komplementari, u kuntrarjament, laneċ intużaw għall-finijiet tas-servizz bażiku ma ġietx ipprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt. B’mod iktar partikolari, it-tabelli mogħtija minn SNCM sabiex tipprova tikkorrobora din l-allegazzjoni ma humiex konklużivi. Fil-fatt, qabel xejn, waħda minn dawn it-tabelli, jiġifieri dik intitolata “servizz kumplimentari mogħti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin”, fiha żbalji ta’ kalkolu. Imbagħad u fuq kollox, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, l-imsemmija tabelli fihom allokazzjoni artifiċjali tal-kapaċitajiet żejda (fin-numru ta’ postijiet abbord) tal-vapuri differenti li ma għandux effett fuq il-mod li bih iż‑żewġ tipi ta’ servizzi ingħataw fil-prattika. B’hekk, it-tabella intitolata “servizz kumplimentari mogħti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin” tippreżenta, f’dak li jirrigwarda l-linji Marseille-Bastia u Marseille-Ajaccio u għat-tieni nofs tas-sena 2007 kif ukoll għal kull sena tal-perijodu 2008-2013, id-differenza bejn il-kapaċitajiet offruti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin tad-delegati għal dawn il-linji fil-kuntest tas‑servizz bażiku (tabella intitolata “servizz permanenti magħmul permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin”) u l-kapaċitajiet mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP għal dawn l-istess servizzi u linji (tabella intitolata “speċifikazzjonijiet tal-kuntratt servizz permanenti”). Fi kliem ieħor, l-imsemmija tabella tirrappreżenta biss sempliċi inventarju tal-kapaċitajiet żejda ta’ vapuri li jiżguraw is-servizz bażiku meta mqabbla mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kapaċitajiet żejda li SNCM talloka b’mod arbitrarju għal allegata provvista tas-servizz komplementari permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin. Fl-istess sens, it-tabella intitolata “servizz kumplimentari mogħti permezz tal-laneċ” turi b’mod arbitrarju l-kapaċitajiet offruti mil-laneċ ta’ SNCM fil-kuntest tas-servizz komplementari kif jirriżulta mid‑differenza bejn il-kapaċitajiet mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt tal-FDSP għal dan is-servizz (tabella intitolata “speċifikazzjonijiet tal-kuntratt servizz kumplimentari”) u l-kapaċitajiet żejda riprodotti fit-tabella bit-titolu “servizz kumplimentari mogħti bil‑vapuri tal-merkanzija mħalltin”. Issa, mill-proċess jirriżulta li l‑kapaċitajiet offruti mill-imsemmija laneċ kienu ferm ikbar minn dawk imsemmija fit-tabella intitolata “servizz kumplimentari mogħti bil‑laneċ”, b’tali mod li, minbarra f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma kienx hemm għalfejn jintużaw vapuri tal-merkanzija mħalltin sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizz komplementari. Fir-rigward tat-tabella “servizz permanenti bil-laneċ”, din sempliċement tindika, u mingħajr ma ngħatat xi forma ta’ ġustifikazzjoni, li l-laneċ ikkontribwixxew kull sena għas-servizz bażiku sa ċertu numru ta’ postijiet fuq il-linji Marseille‑Ajaccio u Marseille-Bastia (jiġifieri 13 000 post għat-tieni nofs tas-sena 2007 u 26 000 post fl-2008). Finalment, għandu jiġi rrilevat li l‑fatt li seta’ kien hemm każijiet iżolati li fihom vapur normalment intiż għas-servizz bażiku intuża fil-qafas tas-servizz komplementari, u kuntrarjament, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jikkontesta l‑konstatazzjoni ta’ prinċipju li l-vapuri tal-merkanzija mħalltin kienu intiżi għas-servizz bażiku u l-laneċ għas-servizz komplementari.

162    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni subparti tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tielet subparti, invokata b’mod sussidjarju, ibbażata fuq il-fatt li s-servizz komplementari huwa ġġustifikat bil-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku li kien jissodisfa s-servizz bażiku

163    B’mod sussidjarju, SNCM tallega li s-servizz komplementari huwa ġġustifikat bil-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku li kien jissodisfa s-servizz bażiku. Hija tiddikjara li, minkejja li kien jeżisti servizz komplementari li għandu jiġi distint mis-servizz bażiku, quod non, dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi ma jistgħux jiġu evalwati indipendentement minn xulxin għall‑finijiet tal-analiżi tal-ewwel kriterju Altmark.

164    Insostenn ta’ din it-tielet subparti, SNCM issostni żewġ settijiet ta’ argumenti. Permezz tal-ewwel, hija tixtieq tistabbilixxi, essenzjalment, li analiżi globali tas-servizz bażiku u tas-servizz komplementari kien impost abbażi ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet minbarra dawk tekniċi u ekonomiċi. Permezz tat-tieni, hija tixtieq turi li hemm komplementarjetà teknika u ekonomika bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi.

165    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Corsica Ferries, titlob li din it-tielet subparti tiġi miċħuda.

166    Fir-rigward tal-ewwel sett ta’ argumenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minnhom ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma pproċedietx, f’dan il-każ, għal analiżi globali tas-servizz komplementari u tas-servizz bażiku.

167    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li huwa żbaljat li SNCM tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma jkunx leġittimu li wieħed iqis li s-servizz kumplimentari jista’ jkun iġġustifikat mill-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku ssodisfata mis-servizz bażiku biss, jekk ikun stabbilit li t-twettiq tiegħu huwa […] indispensabbli għal dak tas-servizz bażiku, abbażi ta’ sett ta’ konsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi”. Fil‑fatt, jekk is-servizz komplementari, li huwa b’mod ċar servizz differenti mis-servizz bażiku (ara l-punti 145 sa 154 hawn fuq), kien inkluż fil-firxa tas-servizz pubbliku mingħajr ma kien iġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ komplementarjetajiet tekniċi bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi jew b’kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza ekonomika, dan manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità (fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, ara l-punt 124 hawn fuq).

168    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li huwa żbaljat ukoll li SNCM tallega li ma hemm l-ebda differenza bejn is-servizz bażiku u s-servizz komplementari. Fil-fatt, mill-punti spjegati fil-punti 145 sa 154 iktar ’il fuq jirriżulta li dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi fil-verità jippreżentaw differenzi sinjifikattivi.

169    Fit-tielet lok, anki jekk l-argument ta’ SNCM riprodott fil-punt 168 hawn fuq għandu jinftiehem ukoll bħala li huwa bbażat fuq il-fatt li ż-żewġ tipi ta’ servizzi għandhom għan komuni, jiġifieri li jiżguraw il-kontinwità territorjali, għandu jiġi kkonstatat li dan ma għandux jintlaqa’.

170    Fil-fatt, minn naħa, u b’mod ġenerali, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex għaliex żewġ tipi ta’ servizzi għandhom l-istess għan li għandhom jiġu awtomatikament ikkunsidrati bħala li ma jikkostitwixxux fir-realtà l-istess servizz uniku.

171    Min-naħa l-oħra, il-fatt li s-servizz bażiku u s-servizz komplementari allegatament huma intiżi t-tnejn sabiex jiżguraw il-kontinwità territorjali ma jfissirx neċessarjament, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, bħala li jiffurmaw xi ħaġa unika inseparabbli.

172    Fil-fatt, kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, għan ta’ kontinwità territorjali jista’ tintlaħaq ukoll fl-istess ħin mill-forzi tas-suq u mis‑servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, anki jekk l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-qasam, ma jistax jistabbilixxi SIEĠ ħlief jekk dan jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u, min-naħa l-oħra, li, jekk it-talba hija diġà ssodisfatta mill-forzi tas-suq, tali ħtieġa ma għandhiex teżisti (ara l‑punti 111 sa 124 hawn fuq). Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit SIEĠ fis‑settur tal-kabotaġġ marittimu, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru jinvoka li għandu jintlaħaq għan ta’ kontinwità territorjali. Ikun meħtieġ li t-twettiq ta’ dan l-għan ma jiġix żgurat mis-sempliċi kompetizzjoni fis‑suq. Jekk dan tal-aħħar jippermetti li tintlaħaq parti mill-imsemmi għan, il-ħolqien ta’ tali SIEĠ ma huwiex iġġustifikat ħlief sabiex jissodisfa n-nuqqas korrispondenti tas-suq.

173    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, u dan b’mod korrett, kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv, li l-kontinwità territorjali bejn Korsika u l-kontinent Franċiż kienet diġà żgurata permezz tas-servizz bażiku komplut permezz tal-forzi tas‑suq, suġġetti għal OSP. Għalhekk, minbarra l-fatt li s-servizz komplementari ma kienx jissodisfa b’mod ċar il-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, lanqas kien indispensabbli għat-twettiq tal-għan teoretiku ta’ kontinwità territorjali li kienet mogħtija lilu mill-awtoritajiet Franċiżi.

174    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkunsidrat li huwa għalxejn li SNCM tallega li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni jfisser li huwa prattikament impossibbli li s-servizz pubbliku jopera b’mod tajjeb inkwantu hija tirriżervah biss għall-attivitajiet li ma jagħmlux profitt, u b’hekk teskludi kull mekkaniżmu ta’ ekwalizzazzjoni u tiddiswadi kull operatur ekonomiku prudenti u informat milli jipprovdi servizz pubbliku. Fil-fatt, kif diġà enfasizzat fil-punti 101 u 155 hawn fuq, kemm is-servizz bażiku kif ukoll is-servizz komplementari jippreżentaw defiċit operatorju sinjifikattiv u rikorrenti, li jeskludi kull possibbiltà ta’ ekwalizzazzjoni finanzjarja bejniethom.

175    Fil-ħames lok, SNCM tiddikjara li l-ħtieġa ta’ analiżi globali tas‑servizz bażiku u tas-servizz komplementari hija dedotta wkoll mill‑punt 6 tad-Deċiżjoni tal‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) tat-13 ta’ Lulju 2012 u mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni dwar id-DSP preċedenti għas-servizz marittimu ta’ Korsika.

176    Issa, minn naħa, SNCM ma għandhiex tuża l-passaġġ tal-punt 6 tad-Deċiżjoni tal‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) tat-13 ta’ Lulju 2012 li hija tiċċita. Fil‑fatt, la l-Kummissjoni u lanqas il-qorti tal-Unjoni ma huma marbuta bl-interpretazzjoni li l‑Conseil d’État jagħti għad-dispożizzjonijiet tar‑regolament kabotaġġ marittimu. F’dan il-każ, SNCM għandha wisq inqas bażi sabiex tinvoka l-imsemmi estratt li, fid-data li fiha l‑Conseil d’État ta d-deċiżjoni tiegħu, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet diġà infetħet mill-Kummissjoni.

177    Minn naħa l-oħra, SNCM ma għandhiex tinvoka l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni dwar id-DSP preċedenti għas-servizz marittimu ta’ Korsika, u dan għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 98 u 99 hawn fuq.

178    Fir-rigward tat-tieni sett ta’ argumenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li huwa korrett li l-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 141 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-ebda komplementarjetà teknika ma ġiet stabbilita bejn is-servizz bażiku u s-servizz komplementari.

179    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, minbarra l-fatt li dawn is‑servizzi huma suġġetti għal obbligi distinti, b’mod partikolari f’termini ta’ ħinijiet u ta’ frekwenza ta’ vjaġġi (ara l-punt 151 hawn fuq), huma eżegwiti wkoll bl-użu ta’ vapuri ta’ tipi differenti u li għandhom għanijiet distinti (ara l-punti 152, 160 u 161 hawn fuq). Fil-fatt, is-servizz bażiku huwa operat b’vapuri tal-merkanzija mħalltin, li jippermettu t-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, filwaqt li s-servizz komplementari huwa operat b’laneċ, li jippermettu biss t-trasport ta’ passiġġieri u tal-vetturi tagħhom. Id-differenzi tekniċi bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ vapuri jipprevjenu mhux biss li, b’mod partikolari, dawk użati għall-provvista tas-servizz komplementari jintużaw għall-provvista tas-servizz bażiku, iżda wkoll sabiex ikun hemm ekonomiji ta’ skala, b’mod partikolari fuq livell ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija tal-mezzi nawtiċi. Ma’ dan jiżdied il‑fatt li l-persunal għandu jkun suġġett ta’ ċertifikazzjoni differenti skont it-tip ta’ vapur u għalhekk ma huwiex sostitwibbli.

180    Dawn il-konstatazzjonijiet ma għandhomx jiġu kkontestati bl‑allegazzjoni ta’ SNCM li ż-żewġ tipi ta’ servizzi jippreżentaw “numru ta’ karatteristiċi tekniċi komuni, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalità ta’ servizz” u li fl-opinjoni tagħha jeżistu sinerġiji sinjifikattivi bejniethom minħabba l-fatt li għandhom l-istess infrastruttura tal‑portijiet, l-istess netwerk ta’ aġenziji u l-istess mezzi tat-telefon u telematiċi għar-riżervazzjoni tal-biljetti kif ukoll l-istess persunal fuq il‑moll u jistgħu jużaw l-istess proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u ta’ kontroll ta’ iġjene u ta’ sigurtà ta’ ikel. Fil-fatt, kif issostni b’mod korrett il‑Kummissjoni, minn naħa, is-sinerġiji hekk invokati għandhom natura relattivament marġinali, peress li s-sors tal-ispejjeż tas-servizzi kkonċernati jinsabu fil-mezzi nawtiċi u tal-persunal u, min-naħa l-oħra, il-qsim tal-istrutturi amministrattivi u kummerċjali komuni ma għandhomx jikkostitwixxu komplementarjetà valida għall-finijiet ta’ din il-problema peress li tista’, f’kull każ, tapplika għall-attivitajiet kollha ta’ SNCM.

181    Wara kollox ma għandiex tintlaqa’ l-allegazzjoni ta’ SNCM li l-laneċ għandhom jissostitwixxu l-vapuri tal-merkanzija mħalltin jekk dawn tal‑aħħar jieqfu bil-ħsara. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-laneċ ma jippermettux trasport tal-merkanzija, jirriżulta b’mod ċar mit-tabelli li jinsabu taħt il-punt B “Preżentazzjoni tas-snin tip” tal-anness 2 tal-FDSP li, meta jieqfu minħabba raġunijiet tekniċi l-vapuri tal-merkanzija mħalltin, il-vjaġġi kkonċernati għandhom dejjem isiru minn vapuri tal-merkanzija mħalltin oħra, imsemmija f’dawn it-tabelli, u mhux minn laneċ.

182    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda argument invokat minn SNCM ma jippermetti li jiġi konkluż li l-inklużjoni tas-servizz komplementari fil-firxa tas-servizz pubbliku kien iġġustifikat b’kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza ekonomika.

183    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat fil-punti 101, 155 u 174 hawn fuq li s-servizz komplementari jippreżenta defiċit operatorju.

184    L-argument ta’ SNCM li dan l-aħħar servizz jikkontribwixxi b’mod fundamentali, permezz tad-dħul li jiġġenera mill-ġestjoni tas‑servizz marittimu ta’ Korsika fil-perijodi li l-iktar huma ffrekwentati, għall‑ekwilibriju ekonomiku globali tas-servizz bażiku u tad-DSP kif ukoll għall-finanzjament tal-kontinwità territorjali, ma għandux jintlaqa’.

185    F’dan ir-rigward, qabel xejn, hem lok li jiġi kkunsidrat li huwa żbaljat li SNCM tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx jekk “[is-servizz komplementari], li jkopri tal-inqas l-ispejjeż varjabbli speċifiċi, setax jikkontribwixxi sabiex ikopri parti mill-ispejjeż stabbiliti komuni mas‑servizz [bażiku]”. Fil-fatt, mill-analiżi tad-dikjarazzjoni tad-dħul ta’ SNCM, prodotti minnha waqt il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li, għal kull sena tal-perijodu 2007-2011, id-dħul nett iġġenerat mil-laneċ kien inqas mill-ispejjeż diretti ta’ dan is-servizz (jiġifieri, b’mod partikolari, l-ispejjeż marittimi, ta’ persunal u ta’ provvisti) (ara l‑punt 155 hawn fuq).

186    Imbagħad, huwa għal xejn li, insostenn ta’ dan l-argument, SNCM issostni l-allegazzjoni tagħha li l-laneċ setgħu jintużaw ukoll għall‑provvista tas-servizz bażiku. Din l-allegazzjoni għandha, fil-fatt, tiġi miċħuda għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 152, 160, 161 u 181 hawn fuq.

187    Finalment, fir-rigward tal-argument ta’ SNCM li l-kontribut tad-dħul iġġenerat mis-servizz komplementari għar-remunerazzjoni globali ta’ din il-kumpannija huwa sinjifikattiv ferm peress li l-perijodi korrispondenti għal dan is-servizz huma dawk li l-iktar huma ta’ profitt, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa korrett, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi dħul ma kienx biżżejjed sabiex jikkumpensa l-ispejjeż diretti marbuta mal-provvista ta’ dan is-servizz (ara l-punti 101, 155, 174 u 185 hawn fuq).

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li t-tielet subparti tat-tieni parti tal-ewwel motiv u, għalhekk, din it-tieni parti kollha kemm hi, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, invokata b’mod sussidjarju, ibbażata fuq il-fatt li s‑servizz komplementari, ikkunsidrat waħdu, jissodisfa l-ewwel kriterju Altmark

189    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, invokata b’mod sussidjarju, SNCM issostni li s-servizz komplementari, ikkunsidrat waħdu, jissodisfa l-ewwel kriterju Altmark u li l-Kummissjoni għalhekk ikkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-inklużjoni ta’ dan is-servizz fil-firxa tas-servizz pubbliku ma kinitx tikkorrispondi għal ħtieġa reali tas-servizz pubbliku.

190    Din it-tielet parti tista’ tinqasam f’erba’ subpartijiet.

–       Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltà tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri li jitilqu minn Marseille ma’ dawk li jitilqu minn Toulon

191    SNCM issostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil‑premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[s]-servizz kumplimentari kien ġeneralment sostitwibbli f’termini ta’ domanda ta’ passiġġieri għas-servizzi li jitilqu minn Toulon lejn Bastia u Ajaccio, meta ngħata l-FDSP” tistrieħ fuq raġunament manifestament żbaljat.

192    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Corsica Ferries, tikkontesta l-argumenti mressqa minn SNCM.

193    Insostenn tal-argument tagħha, fl-ewwel lok, SNCM tiddikjara li r-raġunament tal-Kummissjoni jistrieħ fuq analiżi żbaljata u kontradittorja tal-istatistika tat-traffiku tal-passiġġieri.

194    Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda kritika magħmula minn SNCM insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni ma hija fondata.

195    B’hekk, l-ewwel nett, huwa għalxejn li SNCM tikkritika lill‑Kummissjoni li analizzat, fil-premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata, l-evoluzzjoni tat-traffiku tal-passiġġieri bejn il-kontinent Franċiż u Korsika bejn l-2002 u l-2009, jiġifieri perijodu li jinkludi sentejn wara l-għoti tad-DSP. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn is-sentejn, minbarra s-snin mill-2002 sal-2007, jippermetti li jiġu pperċepiti t-tendenzi l-kbar taż-żieda tat-traffiku tal-passiġġieri fuq perijodu itwal u li jiġi kkonstatat li dan ma kienx naqas wara l-għoti tad‑DSP. Qabel xejn, għandu jiġi rrimarkat li lanqas ma ġie allegat minn SNCM li ż-żieda tat-traffiku tal-passiġġieri wara s-sena 2007 kienet tirrappreżenta differenzi sinjifikattivi meta mqabbla ma’ dik relatata mas‑snin ta’ qabel.

196    It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-osservazzjoni ta’ SNCM li, matul il-perijodu 2002-2009, it-traffiku tal-passiġġieri li jitlaq minn Marseille baqa’ kważi stabbli filwaqt li dak li jitlaq minn Toulon żdied ħafna bl‑ebda mod ma jikkontradixxi l-konklużjoni tal-Kummissjoni relatata mal-eżistenza ta’ sostitwibbiltà, mill-perspettiva tat-talba, tas-servizzi ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri offerti fuq il-linja Marseille-Korsika ma’ dawk offerti fuq il-linja Toulon-Korsika.

197    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, kif dan ġie kkonstatat fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, it-traffiku globali għat-trasport marittimu ta’ passiġġieri bejn il-kontinent Franċiż u Korsika żdied b’mod sinjifikattiv matul il-perijodu 2002-2009 (+ 31.6 %) u li din iż-żieda ġiet assorbita, u dan fil-parti l-kbira tagħha, mill-fornituri li joperaw bi tluq minn Toulon (+ 150 %), u mhux minn dawk li joperaw bi tluq minn Marseille (- 1.7 %). L-osservazzjoni ta’ SNCM li filwaqt li kien hemm żieda fit‑traffiku bi tluq minn Toulon magħha kien hemm kważi-stabbiltà tat‑traffiku li jitlaq minn Marseille ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑evoluzzjoni tat-traffiku globali u l-iżvilupp ta’ sehem tas-suq tal‑operaturi. Issa, huwa inkontestabbli li, f’dan il-kuntest ta’ evoluzzjoni ġenerali tat-traffiku bejn Korsika u l-kontinent Franċiż, is-sehem tas-suq tal-fornituri li joperaw bi tluq minn Toulon żdied b’mod kunsiderevoli, filwaqt li dak tal-fornituri li joperaw bi tluq minn Marseille naqas. F’dan ir-rigward ma huwiex determinanti li f’termini tan-numru assolut ta’ passiġġieri, ir-rotta Marseille-Korsika kienet kważi staġnata, filwaqt li bħala proporzjon tal‑ishma tas-suq, hija kellha tnaqqis nett. Minn dan setgħet tiġi dedotta b’mod ċar l‑eżistenza ta’ ċaqliq tat-trasport marittimu ta’ passiġġieri mir‑rotta Marseille-Korsika lejn ir-rotta Toulon-Korsika u, għalhekk, ta’ sostitwibbiltà, mill-perspettiva tat-talba, tas-servizzi offruti fuq l-ewwel rotta ma’ dawk offruti fuq it-tieni.

198    Għandu jiżdied li SNCM ma tikkontestax l-argumenti li jidhru fil‑premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi dan li ġej:

“Fil-fatt, l-evoluzzjoni tat-traffiku bejn Franza kontinentali u Korsika għall-benefiċċju tat-traversati li jitilqu minn Toulon hija aktar qawwija għas-servizz kumplimentari. Bejn l-2002 u l-2005, it-traffiku reali osservat fuq is-servizz kumplimentari naqas b’208 213-il passiġġier fuq il-konnessjoni bejn Marsilja u Korsika, filwaqt li t-traffiku żdied bi 324 466 passiġġier fuq il-konnessjoni bejn Toulon u Korsika fl-istess perjodu. It-tnaqqis fil-proporzjon tat-traffiku pprovdut mis-servizz kumplimentari għall-benefiċċju ta’ operaturi oħrajn tas-suq, f’kuntest ta’ żieda globali tat-traffiku mill-2002, jindika grad għoli ta’ sostitwibbiltà bejn iż-żewġ servizzi.”

199    It-tielet nett, huwa żbaljat li SNCM tallega li l-analiżi tal-Kummissjoni li tidher fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi l‑premessa 155 ta’ din id-deċiżjoni, fejn din tal-aħħar iddikjarat li x‑xejra kkonstatata ma jidhirx li hija imputabbli għal effett ta’ assorbiment tad‑domanda mal-Italja peress li t-traffiku marittimu ta’ passiġġieri bejn Korsika u l-Italja kien baqa’ stabbli matul il-perijodu kkonċernat. Fil-fatt, fl-imsemmija premessa 155, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma rreferiet għal tali stabbiltà tat-traffiku bejn Korsika u l-Italja. Hija tirribatti argument tal-awtoritajiet Franċiżi li r-rotot bejn Korsika u l-Italja assorbew parti mit-traffiku tar-rotot Marseille-Korsika billi bbażat ruħha, għall-kuntrarju, fuq il-fatt li l-parti tat-traffiku marittimu tal-passiġġieri li minn jew lejn il-portijiet kollha ta’ Korsika rrappreżentata mir-rotot lejn l‑Italja kienet naqset b’mod globali matul il-perijodu kkonċernat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mid-data ppubblikata mill-osservazzjoni reġjonali tat-trasport ta’ Korsika li effettivament jirriżulta li, bejn l-2002 u l-2009, jekk it-traffiku bejn Korsika u l-Italja żdied b’4.6 %, madankollu, it-traffiku globali bejn Korsika u l-portijiet differenti kontinentali żdied b’iktar minn 21 %. B’hekk, il-parti tat-traffiku ta’ Korsika rrappreżentat mir-rotot lejn l-Italja naqas minn 39.1 % fl-2002 għal 33.8 % fl-2009.

200    Ir-raba’ nett, huwa żbaljat li SNCM tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tas-sostitwibbiltà tas-servizzi, iċ-ċaqliq tat-traffiku tar-rotta Marseille-Korsika lejn ir-rotta Toulon‑Korsika matul is-snin 2004 u 2005, minħabba l-fatt li dawn is‑snin kienu kkaratterizzati minn strajks sinjifikattivi li affettwaw b’mod qawwi t-traffiku li kien jitlaq minn Marseille.

201    Fil-fatt, qabel xejn, għandu jitfakkar li l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet fil-premessi 154 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata ma tillimitax ruħha għas-snin 2004 u 2005, iżda tkopri perijodu mill-2002 sal-2009. Sussegwentement, il-kunflitti soċjali li għalihom tirreferi SNCM saru biss matul ix-xhur ta’ Settembru 2004, Settembru 2005 u Ottubru 2005, u mhux matul is-snin 2004 u 2005, kif tidher qed issostni. Fl-aħħar nett, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni meta tirreferi għall-punt 38 tal‑Komunikazzjoni tagħha fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall‑finijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5), fid-dritt tal-kompetizzjoni, l-esperjenza ta’ strajk tista’ tintuża sabiex tillimita suq.

202    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li huwa żbaljat li SNCM tiddeskrivi l-analiżi tas-sostitwibbiltà tas-servizzi mogħtija mill-Kummissjoni bħala “partikolarment rudimentali” inkwantu tikkunsidra biss l-iżvilupp tal‑volumi, mingħajr ma tivverifika jekk is-servizzi offruti minn Corsica Ferries kinux sostitwibbli għas-servizzi tagħha stess, u dan f’termini ta’ ħinijiet li għandhom jiġu osservati, limiti ta’ tariffi, kwalità tas-servizzi u destinazzjonijiet koperti bir-rotot.

203    L-analiżi tal-Kummissjoni tistrieħ, fil-fatt, fuq eżami ddettaljat tal-aġir tal‑konsumaturi kif ukoll ta’ elementi razzjonali u ta’ konstatazzjonijiet fattwali li jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-data pubblika relatata mal‑offerta u mat-talba ta’ servizzi ta’ trasport marittimu. B’hekk, kif ġustament tirrimarka l-Kummissjoni, meta utent jagħmel l-għażla li jasal Korsika minn Toulon minflok jitlaq minn Marseille, bilfors jieħu inkunsiderazzjoni l-firxa kollha msemmija minn SNCM. Jista’ leġittimament jiġi preżunt li, kieku kienet verament teżisti differenza kwalitattiva bejn is-servizzi fornuti minn din il-kumpannija li jitilqu minn Marseille u dawk fornuti minn Corsica Ferries li jitilqu minn Toulon, dan kien iwaqqaf iċ-ċaqliq tat-traffiku kkonstatati fil-punti 197 u 198 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-punti 137 u 139 hawn fuq, is-servizzi offruti minn Corsica Ferries għandhom jissodisfaw numru ta’ rekwiżiti f’termini ta’ regolarità, kontinwità, frekwenza ta’ vjaġġi, kapaċità ta’ twettiq tas-servizzi, tariffi u persunal tal-vapuri u jingħataw f’kundizzjonijiet li huma kompatibbli mas-servizz ġenerali.

204    F’dan il-kuntest, għandu jiżdied li, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll, għall-finijiet tal-analiżi tagħha tas-sostitwibbiltà tas-servizzi “[b]’mod aktar kwalitattiv”, id‑distanza qasira bejn Marseille u Toulon. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa korrett li hija kkunsidrat li d-distanza qasira, jiġifieri madwar 50 km għad-dritt u 65 km bħala vjaġġ, u l-fatt li l-ħin tal-vjaġġ tar-rotta bejn iż-żewġt ibliet huwa biss ta’ 45 minuta, li huwa ħin ħafna inqas minn dak tal-vjaġġ lejn Korsika jekk titlaq mill-kontinent Franċiż, jikkostitwixxu indizji rilevanti tas-sostitwibbiltà, mill-perspettiva tat‑talba, tas-servizzi ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri li jitilqu minn Marseille u dawk li jitilqu minn Toulon. Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-port ta’ Toulon huwa eqreb lejn Korsika minn dak ta’ Marseille, li jippermetti lill-vapuri li joperaw bi tluq mill-ewwel port li jagħmlu l-vjaġġ f’inqas ħin minn dawk li joperaw bi tluq mit-tieni wieħed. Fid-dawl ta’ dawn il‑punti, ftit huwa plawżibbli li dawn il-45 minuta addizzjonali ta’ vjaġġ bil-karozza jiskoraġġixxu lill-persuni li jirrisjedu jew li jaħdmu f’Marseille li jibbukkjaw il-vjaġġ Toulon-Korsika. Ir-rilevanza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet differenti ma hijiex, qabel xejn, ikkontestata minn SNCM.

205    Ċertament, kif ġustament tirrileva SNCM, il-port ta’ Propriano, li kien wieħed mit-tliet portijiet ta’ Korsika koperti bis-servizz komplementari, ma kellux servizz bil-vapuri li jitilqu minn Toulon. Madankollu, huwa kien servut bil-vapuri tal-grupp SNCM-CMN li jitilqu minn Marseille fil‑qafas tas-servizz bażiku [ara l-punt I(d) tal-paragrafu 1.3 tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP]. Għal-linja Marseille‑Propriano u għal dan is-servizz, kienet ukoll prevista żieda tal‑kapaċitajiet minimi matul il-perijodu mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Settembru [ara l-punt I(d) tal-paragrafu 1.3(i) tal-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt tal-FDSP]. Kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li s-servizz bażiku, hekk imsaħħaħ matul il‑ħames xhur fil-perijodu tar-rebbiegħa-sajf, ma kienx biżżejjed sabiex waħdu jissodisfa t-talba tal-utenti fuq din il-linja, anki fil-perijodu l-iktar iffrekwentat. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li s-servizzi mogħtija bl‑imsemmija linja fil-qafas tas-servizz komplementari ma kinux jissodisfaw ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u li l-kwistjoni ta’ sostitwibbiltà tal-portijiet ta’ Marseille u ta’ Toulon għas-servizz ta’ Propriano għaldaqstant lanqas kienet tqum.

206    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 164 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 98 tad-deċiżjoni kkontestata, it-traffiku fuq il-linja Marseille‑Propriano kien jirrappreżenta biss proporzjon żgħir (madwar 10 %) tal-attività kollha koperta bis-servizz komplementari. Proporzjon daqstant żgħir ma kienx jippermetti li tkun iġġustifikata l-eżistenza ta’ servizz pubbliku kbir daqs is-servizz komplementari, li ma kienx kopert b’din il-linja. Kif huwa indikat fl-imsemmija premessa, “il-proporzjon żgħir ta’ traffiku rrappreżentat minn din ir-rotta ma jippermettix li wieħed jikkunsidra li n-nuqqas ta’ inizjattiva privata fuq din ir-rotta jinvalida l‑konklużjoni dwar is-servizz kumplimentari kollu”.

207    Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi konkluż li hemm sostitwibbiltà f’dan il-każ, ma kienx neċessarju li r-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi li jitilqu minn Marseille u dawk li jitilqu minn Toulon ikunu identiċi b’mod rigoruż.

208    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod korrett li s-servizzi ta’ transport marittimu mogħtija fir‑rotta Marseille-Korsika fil-kuntest tas-servizz komplementari u dawk mogħtija fir-rotta Toulon-Korsika kienu, mill-perspettiva tat-talba tal‑passiġġieri, sostitwibbli bejniethom.

–       Fuq it-tieni subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ inizjattiva privata

209    Fil-kuntest ta’ din it-tieni subparti, SNCM issostni li l-analiżi tan‑nuqqas ta’ inizjattiva privata magħmula mill-Kummissjoni fil‑premessi 161 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata u hija manifestament żbaljata.

210    Din l-analiżi kompliet bil-mod segwenti fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] qabblet it-traffiku reali tal-passiġġieri lejn kull wieħed mill-portijiet tas-servizz kumplimentari mal-offerta ta’ trasport ipprovduta minn Corsica Ferries bi tluq minn Toulon, u mis-servizz bażiku tad-DSP. Minn dan jirriżulta li, għall-portijiet ta’ Bastia u ta’ Ajaccio, li jirrappreżentaw 90 % tal-kapaċitajiet meħtieġa mis-servizz kumplimentari, il‑kombinazzjoni tal-kapaċitajiet offruti mis-servizz bażiku tad-DSP, bi tluq minn Marsilja, u mis-servizz tal-inizjattiva privata li kienet teżisti bejn l-2004 u l-2006 bi tluq minn Toulon kienet biżżejjed sabiex tissodisfa d-domanda effettivament osservata, kemm għall-perjodu ta’ bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa, kif ukoll għall-perjodu tas-sajf, għal kull wieħed mill-portijiet u għal kull sena bejn l-2004 u l-2006.”

211    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jikkontestaw l-allegazzjonijiet ta’ SNCM.

212    Insostenn tal-argument tagħha, fl-ewwel lok, SNCM tilmenta li l‑Kummissjoni ma tat l-ebda dettall u l-ebda ċifra fuq il-kalkolu ikkomparat tal-offerta u tat-talba deskritta fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata.

213    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, kif il‑Kummissjoni kkonfermat fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil‑miktub tal-Qorti Ġenerali, l-informazzjoni li hija użat sabiex tagħmel l-analiżi kkritikata hija informazzjoni pubblika li toħroġ mill-osservazzjoni reġjonali tat-trasport ta’ Korsika, li ġiet ikkomunikata lilha minn Corsica Ferries waqt il-proċedura amministrattiva u ma kinitx ikkontestata mill-awtoritajiet Franċiżi waqt din il-proċedura. SNCM, li tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tkun taf is-sitwazzjoni tal-offerta u d‑domanda ta’ trasport marittimu bejn il-kontinent Franċiż u Korsika kif ukoll l-informazzjoni relatata mal-kapaċitajiet previsti mill-FDSP, ma tistax għalhekk tallega b’mod serju, kif għamlet fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma setgħetx tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u tivverifika jekk id-data użata minn din tal-aħħar kinitx korretta jew le. Fir-rigward tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal‑analiżi tagħha, jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata li din hija sempliċement paragun, għal kull sena mill-2004 sa l-2006, bill issir distinzjoni bejn il-perijodu msejjaħ “rebbiegħa-ħarifa” u dak imsejjaħ tas-“sajf”, u għall kull wieħed mit-tliet portijiet koperti bis‑servizz komplementari, tal-kombinazzjoni tal-kapaċitajiet offruti minn Corsica Ferries li jitilqu minn Toulon u ta’ dawk offruti mill-kodelegati fil-qafas tas-servizz bażiku li jitlaq minn Marseille mat-talba kkonstatat b’mod reali (jiġifieri t-traffiku reali tal-passiġġieri). Billi kkonċentrat fuq il-portijiet ta’ Bastia u ta’ Ajaccio, li jirrappreżentaw 90 % tal-kapaċitajiet mitluba mis-servizz komplementari, il-Kummissjoni kkonstatat li din il-kombinazzjoni kienet biżżejjed sabiex tiżgura d‑domanda effettivament ikkonstatata, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li d‑differenza bejn l-ewwel u t-tieni kienet sistematikament pożittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni mmotivat l-analiżi tagħha tan-nuqqas ta’ inizjattiva privata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

214    Fit-tieni lok, SNCM issostni li l-analiżi kkomparata tat-traffiku reali ta’ passiġġieri mal-kombinazzjoni tal-offerta ta’ trasport ipprovduta minn Corsica Ferries u dik ipprovduta fil-qafas tas-servizz bażiku hija manifestament żbaljata inkwantu ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑karatteristiċi tas-suq u, b’mod iktar partikolari, l-iżbilanċ sinjifikattiv tat-talba fiż-żmien il-perijodu l-iktar iffrekwentat. Fil-fatt, anki fil-qofol tas-sajf, jeżistu perijodi ffrekwentati ferm, b’mod partikolari fi tmiem il‑ġimgħa, li l-imsemmija kombinazzjoni ma tistax tkopri totalment.

215    Għandu jiġi kkonstatat li SNCM ma turix b’mod suffiċjenti fid-dritt l‑iżbilanċ allegatament sinjifikattiv tat-talba li hija tinvoka. F’dan ir‑rigward, hija tirreferi biss għal estratt mid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2004/166/KE, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza tippjana li tagħti lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU 2004, L 61, p. 13), li tirreferi għal studju tas-suq li sar, fl-opinjoni tagħha, mill-Kummissjoni. Fil‑verità, kif jirriżulta mill-premessa 50 ta’ din id-deċiżjoni, dan l‑istudju tas-suq ma sarx mill-Kummissjoni, iżda ġie ppreżentat mill‑awtoritajiet Franċiżi. Barra minn hekk, l-imsemmi studju tas-suq kien ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal-2001. Issa, il‑kundizzjonijiet tas-suq żviluppaw b’mod sinjifikattiv bejn l-2001 u l‑2007. Finalment, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2004/166 ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑349/03, EU:T:2005:221).

216    Fit-tielet lok, SNCM tiddikjara li, sabiex teżamina l-kwistjoni tan‑nuqqas ta’ inizjattiva privata, il-Kummissjoni ma setgħetx tipproċedi b’analiżi kwantitattiva tal-offerta magħmula minn Corsica Ferries biss. Fil-fatt, hija kellha targumenta mhux f’termini ta’ kapaċità biss, iżda wkoll f’termini ta’ tariffi, kontinwità u regolarità u turi li Corsica Ferries kienet toffri s-servizzi tagħha f’kundizzjonijiet simili għal dawk mogħtija minn SNCM fil-qafas tas-servizz komplementari. SNCM tirrileva, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma turi li s-servizzi pprovduti minn Corsica Ferries kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

217    L-ilmenti hekk magħmula kontra l-Kummissjoni għalhekk ma għandhomx jintlaqgħu.

218    Ċertament, kif jirriżulta mill-proċess, u barra minn hekk kif inhu stabbilit bejn il-partijiet, l-obbligi tal-FDSP applikabbli għas-servizz komplementari u l-OSP li għalihom huma suġġetti s-servizzi ta’ trasport li jitilqu minn Toulon ma humiex strettament identiċi. Madankollu, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ differenza kwalitattiva sinjifikattiva bejn is‑servizzi tat-transport marittimu pprovduti li jitilqu minn Marseille fil‑qafas tas-servizz komplementari u s-servizzi ta’ trasport marittimu pprovduti li jitilqu minn Toulon li tista’ tiddiswadi lill-utenti tal-ewwel li jużaw it-tieni ma ġietx murija wara kollox.

219    F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jitfakkar li l-obbligi previsti mill‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP huma inqas mandatorji f’dak li jirrigwarda s-servizz komplementari minn dak li jirrigwarda s‑servizz bażiku (ara l-punt 151 hawn fuq). Imbagħad, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 202 sa 204 hawn taħt, li minnhom jirriżulta li, barra mill-fatt li s-servizzi pprovduti minn Corsica Ferries għandhom jissodisfaw numru ta’ rekwiżiti f’termini ta’ regolarità, kontinwità, frekwenza ta’ vjaġġi, kapaċità ta’ twettiq tas‑servizz, tariffi u persunal tal-vapuri u jintervjenu f’kundizzjonijiet kompatibbli mal-interess ġenerali, ma huwiex stabbilit li teżisti differenza kwalitattiva reali bejn l-imsemmija servizzi u dawk pprovduti minn SNCM li jitilqu minn Marseille. Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-obbligi ta’ kwalità tas-servizz offrut kif previsti fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP għas-servizz komplementari, invokati minn SNCM, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma pproduċietx l-iċken prova li tista’ tistabbilixxi li kien jeżisti xi ħtieġa partikolari tal-vjaġġaturi li ma kinitx ġiet issodisfatta fil-qafas tal‑provvista tas-servizzi ta’ trasport marittimu mill-kumpanniji li joperaw bi tluq minn Toulon. Barra minn hekk, is-servizz komplementari kien fih biss ftit obbligi f’termini ta’ kwalita tas-servizz offrut u dawn ma kinux differenti b’mod fundamentali minn dawk applikabbli għas‑servizzi ta’ trasport ipprovduti mill-kumpanniji kompetituri, b’mod partikolari Corsica Ferries.

220    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li f’dan il-każ ma kienet inġabet l-ebda prova tan-nuqqas ta’ inizjattiva privata li tirrigwarda s-servizz komplementari.

–       Fuq it-tielet subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tanalizza l-impatt li kien ikun hemm bit-tneħħija tas‑servizz komplementari fuq l-offerta effettivament ikkonstatata

221    SNCM tilmenta li l-Kummissjoni ma evalwatx l-impatt li kien ikollha t-tneħħija tas-servizz komplementari fuq l-offerta effettivament ikkonstatata, li kien iwassal lil din tal-aħħar sabiex tissopravaluta inizjattiva privata li tista’ tissostitwixxi dan is-servizz. Fil-fatt, qabel xejn, ma hemm xejn fid-deċiżjoni kkontestata li jindika li s-servizzi ta’ Corsica Ferries li jitilqu minn Toulon u dawk ta’ SNCM li jitilqu minn Marseille kienu perfettament sostitwibbli. Imbagħad, xejn ma jindika li, minbarra kull kuntratt ta’ servizz pubbliku, l-offerta ta’ Corsica Ferries kienet tali li tiżgura kontinwità u regolarità ta’ servizz ekwivalenti għal dawk tas-servizz komplementari. Finalment, f’każ ta’ tneħħija tal‑kumpens imħallas, il-preżenza stess ta’ SNCM fuq is-suq hija kkontestata, li tpoġġi lil Corsica Ferries f’sitwazzjoni ta’ kważi‑monopolju u timbotta lil din tal-aħħar sabiex iżżid it-tariffi tagħha b’mod sinjifikattiv u tnaqqas il-kwalità tas-servizz tagħha.

222    Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ SNCM.

223    Din it-tielet subparti ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, it-tliet premessi li fuqhom huwa bbażat l-ilment magħmul minn SNCM kontra l-Kummissjoni huma żbaljati.

224    B’hekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma għandhiex b’mod raġonevoli tintalab turi l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà perfetta bejn is-servizzi ta’ transport ipprovduti li jitilqu minn Toulon u dawk ipprovduti li jitilqu minn Marseille. Huwa korrett li hija ħadet inkunsiderazzjoni, fil‑premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn is-servizzi kienu “ġeneralment sostitwibbli”.

225    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi magħmula mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkonstatata tippermetti li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fl-assenza ta’ DSP għas-servizz komplementari, l-offerta ta’ Corsica Ferries li jitilqu minn Toulon, flimkien ma’ dik tal-grupp SNCM-CMN fil-kuntest tas-servizz bażiku, kienet tippermetti li tiġi żgurata l-kontinwità territorjali matul is-sena kollha, inkluż il-perijodi l-iktar iffrekwentati, jew, fi kliem ieħor, li t-talba tal-passiġġieri kienet tkun dejjem issodisfatta (ara l-eżami tal-ewwel u tat-tieni subpartijiet ta’ din it-tielet parti hawn fuq).

226    L-allegazzjoni li SNCM tagħmel f’dan il-kuntest, li, fl-assenza ta’ DSP għas-servizz komplementari, Corsica Ferries setgħet, b’mod progressiv jew f’daqqa, talloka mill-ġdid il-flotta tagħha lejn destinazzjonijiet oħra mhux Korsika, hija sempliċement spekulazzjoni u ma għandhiex tiġi aċċettata.

227    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkunsidrat li huma wkoll sempliċement spekulazzjonijiet u għandhom għalhekk jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ SNCM dwar il-konsegwenzi, fuq is-sitwazzjoni tagħha u dik ta’ Corsica Ferries, ta’ tneħħija ta’ kumpens imħallas għas-servizz komplementari.

–       Fuq ir-raba’ subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-kompetituri ta’ SNCM li joperaw servizzi li jitilqu minn Toulon ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq

228    SNCM tallega li, kuntrarjament għal dak indikat fil-premessa 166 tad‑deċiżjoni kkontestata, dawn il-kompetituri li joperaw servizzi li jitilqu minn Toulon ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw l‑attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-fatt, is-servizz li jitlaq minn Toulon huwa ssussidjat minn għajnuna mill-Istat, jiġifieri l‑iskema ta’ għajnuna soċjali, u huwa suġġett għal OSP bis-saħħa ta’ din l-iskema.

229    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jitolbu li din is-subparti tiġi miċħuda.

230    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta rrilevat, fl-aħħar sentenza tal-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-kompetituri tal-SNCM għat-trasport tal-passiġġieri u li joperaw bi tluq minn Toulon setgħu jitqiesu li qegħdin joperaw fil-kundizzjonijiet normali tas-suq”, ma kinitx qed tirreferi għal sitwazzjoni ta’ assenza ta’ intervent pubbliku fis-suq. Kif jirriżulta mill-ewwel parti tal-imsemmija sentenza – “minħabba l‑preżenza tal-OSP u tal-iskema ta’ għajnuna soċjali fuq ir-rotta kollha bejn Franza kontinentali u Korsika” –, il-Kummissjoni riedet sempliċement tindika li l-kumpanniji marittimi kollha li joffru servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn, b’mod partikolari, il-port ta’ Toulon u l‑portijiet ta’ Korsika kienu koperti minn skema ta’ għajnuna ta’ natura soċjali deskritta fil-punt 14 hawn fuq u, minħabba f’hekk, suġġetti għall‑obbligi imposti bl-OSP previsti fil-kuntest ta’ din l-iskema, b’tali mod li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq is-suq f’kundizzjonijiet simili. Fi kliem ieħor, il‑“kundizzjonijiet normali tas-suq” kienu dawk li kienu jorbtu l‑imsemmija skema u l-OSP relatati.

231    Għalhekk, ir-raba’ subparti tat-tielet parti u din l-aħħar parti kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ir-raba’ parti, invokata b’mod sussidjarju ferm, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma urietx li s-servizzi pprovduti bis-servizz komplementari jikkostitwixxu tranżazzjoni kummerċjali normali

232    B’mod iktar sussidjarju, jiġifieri fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat li s-servizz komplementari jikkostitwixxi SIEĠ, SNCM tikkritika lill-Kummissjoni li ma urietx li l-awtoritajiet Franċiżi, meta ftehmu ma’ SNCM fuq l-imsemmi servizz, ma aġixxewx bl-istess mod bħal investitur privat fil-kundizzjonijiet normali tas-suq u li x-xiri tas-servizzi pprovduti fil-qafas tal-imsemmi servizz ma setax għalhekk jiġi kklassifikat bħala tranżazzjoni kummerċjali normali.

233    Għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Kummissjoni u Corsica Ferries isostnu b’mod korrett, il-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq ma huwiex applikabbli fil-każ bħal dak f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, meta awtorità pubblika tippreżenta ruħha bħala awtorità organizzatriċi u delegata tas-servizz pubbliku, hija twarrab b’dan il-mod l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju peress li hija taġixxi, bħala prinċipju, bħala awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża minn SNCM, l-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi f’din il-kawża ma għandux jiġi assimilat għal xiri, minnhom, bil-ħlas ta’ prezz, ta’ servizzi ta’ trasport marittimu. Fir-realtà, dan il-każ jirrigwarda ftehim li bih awtorità pubblika tafda l-ġestjoni ta’ servizz pubbliku lil operaturi ekonomiċi, permezz tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lil dawn tal-aħħar. F’tali sitwazzjoni, huma l-erba’ kriterji Altmark li għandhom japplikaw sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-kumpens jikkostitwixxix għajnuna mill‑Istat u, b’mod partikolari, vantaġġ selettiv.

234    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv ma għandhiex tiġi milqugħa.

235    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li l-inklużjoni tas-servizz komplementari fil‑firxa tas-servizz pubbliku ma kienx jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u li r-Repubblika Franċiża kienet, għalhekk, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat is-servizz komplementari bħala SIEĠ.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-FDSP ma kienx jissodisfa r-raba’ kriterju Altmark

236    Permezz tat-tieni motiv tagħha, SNCM tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-raba’ kriterju Altmark ma kienx ġie ssodisfatt kemm fir-rigward tas-servizz bażiku kif ukoll fir-rigward tas‑servizz komplementari. Hija ssostni li l-proċedura ta’ għoti tal-FDSP ippermettiet li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva bejn il-partijiet u, għalhekk, li tintgħażel l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġjuża għall-Awtorità territorjali.

237    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jiċħdu l-argumenti ta’ SNCM.

238    Għandu jitfakkar li r-raba’ kriterju Altmark huwa ssodisfatt f’żewġ każijiet alternattivi. Skont l-ewwel wieħed, l-għażla tal-impriża li ser teżegwixxi l-OSP għandha ssir fil-qafas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li jippermetti li jintgħażel il-kandidat li kapaċi jipprovdi s‑servizzi inkwistjoni bl-inqas spiża għall-Awtorità territorjali. Skont it‑tieni, il-livell ta’ kumpens għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi tal‑ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra adegwatament bil-mezzi meħtieġa kienet issostni sabiex tissodisfa r‑rekwiżiti ta’ servizz pubbliku mitluba sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul li huwa relatat miegħu kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

239    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet ma seħħew f’dan il-każ (ara l-premessi 169 sa 178 u 179 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-qafas ta’ dan ir-rikors, SNCM tikkontesta biss il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-ewwel minn dawn il-każijiet.

240    Għandu jiġi kkonstatat li minn numru ta’ indizji konverġenti jirriżulta li s-sejħa għal offerti li saret f’dan il-każ manifestament ma wasslitx għal kompetizzjoni reali u miftuħa biżżejjed li tippermetti l-għażla ta’ kandidat li jista’ jipprovdi s-servizzi ta’ transport marittimu inkwistjoni bl-inqas spiża għall-Awtorità territorjali.

241    B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-FDSP ingħata lill-grupp SNCM-CMN fi tmiem proċedura nnegozjata wara pubblikazzjoni, u dan wara annullament, mill‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), fil-15 ta’ Diċembru 2006, tal‑ewwel proċedura ta’ għoti tad-DSP kollu kemm hu. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 66 tal‑Komunikazzjoni SIEĠ, proċedura nnegozjata b’pubblikazzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtorità kontraenti u tista’ tillimita l‑parteċipazzjoni tal-operaturi kkonċernati. Tali proċedura għalhekk ma tistax tkun ikkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tissodisfa r-raba’ kriterju Altmark ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Għandu jiżdied illi l-punt 68 tal‑istess komunikazzjoni ifakkar li jista’ jkun li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ma tistax tippermetti spiża inqas għall-Awtorità territorjali minħabba l-fatt li ma twassalx għal kompetizzjoni miftuħa u reali biżżejjed.

242    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li żewġ offerti biss ġew ippreżentati wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għal sejħa, jiġifieri l-offerta magħquda ta’ SNCM u ta’ CMN, minn naħa, u l-offerta ta’ Corsica Ferries, min-naħa l-oħra. Issa, fit-teorija, diversi kumpanniji oħra marittimi setgħu jitfgħu offerta għal din is-sejħa għal offerti, fosthom tal-inqas tliet kumpanniji li jipprovdu servizzi regolari ta’ trasport marittimu bejn il‑kontinent u Korsika [Saremar (Italja-Korsika), Lauro (Italja-Korsika) u Moby (Italja-Korsika iżda wkoll, f’ċertu perijodu Franza kontinentali‑Korsika)].

243    Fit-tielet lok, u bħala konsegwenza ta’ dak li ġie espost fil-punt 242 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessi 174 sa 177 tad‑deċiżjoni kkontestata, numru ta’ fatturi, fil-fatt, iddiswadew, jiġifieri impedixxew, lil kandidati potenzjali milli jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti.

244    L-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat li, kif ġie indikat fil-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta mill-punti 60 u 106 tad‑Deċiżjoni 06‑MC‑03 tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni (Franza), tal‑11 ta’ Diċembru 2006, dwar talbiet għal miżuri protettivi fis-settur tat‑trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent, il-grupp SNCM-CMN kellu vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv bil-pożizzjoni tiegħu ta’ operatur storiku fuq ir-rotta Marseille-Korsika billi kellu diġà vapuri adattati għall‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP.

245    It-tieni nett, it-termini qosra imposti fil-qafas tal-proċedura tal-għoti tal‑kuntratt tal-FDSP żgur kellhom effett projbittiv. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li s-sejħa għal offerti ġdida u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt finali ġew ippubblikati fit-30 ta’ Diċembru 2006, għal implementazzjoni tad-DSP li kellha tibda sseħħ mill-1 ta’ Mejju 2007, jiġifieri erba’ xhur iktar tard biss, b’din l-aħħar data saret l-1 ta’ Lulju 2007 permezz ta’ deliberazzjoni tal-Assemblea ta’ Korsika tas‑27 ta’ April 2007. Minn dan irriżulta li t-terminu bejn id-data tal-għoti tad-DSP, liema għoti sar finalment fis-7 ta’ Ġunju 2007, u d-data tal‑implementazzjoni tad-DSP kien qasir ferm. Fil-fatt, l-imsemmi terminu kien biss ta’ 23 jum. Issa, termini daqstant qosra manifestament ma jippermettux lill-operaturi li ma kinux diġà preżenti fuq ir-rotta Marseille-Korsika sabiex jużaw il-vapuri tagħhom li kienu jitilqu minn rotot oħra jew li jakkwistaw vapuri oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Dawn l-operaturi ma ħadux ir-riskju ekonomiku, għoli ferm, li jadattaw minn qabel il-flotta tagħhom fl‑assenza ta’ xi indikazzjoni favorevoli dwar il-possibbiltà li jidħlu fis‑suq.

246    Ċertament, minkejja l-ostakoli li kien hemm minħabba dawn it-termini qosra ħafna, Corsica Ferries setgħet titfa’ offerta għas-sejħa għal offerti inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar sabet ruħha f’sitwazzjoni impossibbli li tipproponi data qabel it-12 ta’ Novembru 2007 għall-bidu tal-implementazzjoni tad-DSP preċiżament minħabba l-fatt li l-flotta tagħha kellha tibqa’ mmobilizzata fuq Nice u Toulon sa din l-aħħar data, peress li l-biljetti ta’ trasport għall-istaġun turistiku kienu tpoġġew għall-bejgħ mix-xahar ta’ Jannar.

247    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li ċerti obbligi ta’ natura tekniċi illimitaw ukoll in-numru ta’ kandidati li setgħu jippreżentaw offerta għas‑sejħa għal offerti. B’hekk, il-vapuri kellhom jissodisfaw rekwiżiti tekniċi preċiżi sabiex ikunu jistgħu jimmanuvraw f’ċerti portijiet ta’ Korsika. Pereżempju, kif diġà ġie indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 107 tad‑deċiżjoni kkontestata, fl-2007, il-port ta’ Bastia ma kienx jippermetti l-manuvra ta’ vapuri li jkunu itwal minn 180 metru. Din ir-restrizzjoni, flimkien mar-rekwiżit tan-numru minimu għoli ta’ metri lineari previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP għat-trasport tal-merkanzija, kien ifisser il-bini ta’ vapuri kważi fuq miżura, simili għal xi vapuri ta’ SNCM, bħall-Paglia Orba u l-Pascal Paoli. Issa, kif irrilevat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 109 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża ta’ vapuri li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt kienet partikolarment għolja. Ma’ dawn il-punti jiżdied il-fatt li l-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu li l-vapuri intiżi sabiex jiżguraw is-servizz pubbliku ma setax ikollhom iktar minn 20 sena, bil-possibbiltà ta’ deroga għas-snin 2007 u 2008, li kienet tibbenefika direttament lil SNCM, filwaqt li għandhom l-effett li jeskludu ħames vapuri tal-flotta ta’ Corsica Ferries disponibbli għall‑implementazzjoni tad-DSP, kif tispjega b’mod konvinċenti ferm il‑Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

248    Għandu jiżdied li, fil-punt 56 tad-Deċiżjoni tagħha 06‑MC‑03 tal-11 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punt 244 hawn fuq), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonkluda li, “jekk, fit-teorija, diversi kumpanniji kellhom vapuri neċessarji u setgħu jissodisfaw is-sejħa għal offerti, ċertu numru ta’ karatteristiċi tar-regolament ta’ konsultazzjoni, it-termini mogħtija sabiex jipparteċipaw fis-sejħa kif ukoll diversi limitazzjonijiet ta’ natura teknika jew kummerċjali fir-realtà naqsu n-numru tagħhom għat-tliet kumpanniji diġà attivi fuq is-servizz ta’ Korsika mill-portijiet ta’ Marseille, [ta’] Toulon u [ta’] Nice” (ara wkoll il-punti 120 sa 133 tad‑Deċiżjoni 09‑D‑10 tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, tas-27 ta’ Frar 2009, dwar il-prassi implementati fis-settur tat-trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent).

249    Fir-raba’ lok, kif ġie korrettament ikkonstatat fil-premessa 172 tad‑deċiżjoni kkontestata, l-offerta ta’ Corsica Ferries, li kienet l-unika offerta rivali għal dik tal-grupp SNCM-CMN, ġiet miċħuda abbażi ta’ kriterji ta’ selezzjoni, u mhux ta’ kriterji ta’ għoti, jiġifieri mingħajr ma sar paragun tal-kontenut proprju tal-offerti sabiex tintgħażel l-iktar waħda vantaġġjuża mill-aspett ekonomiku. B’hekk, mid-deliberazzjoni tal‑Assemblea ta’ Korsika tas-7 ta’ Ġunju 2007 jirriżulta li l-offerta ta’ Corsica Ferries ġiet miċħuda minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma kinitx tista’ “tistabbilixxi, b’mod finali u definittiv, id-data li fiha hija setgħet timplementa d-[DSP]”. Iktar preċiżament, kif diġà ġie indikat fil‑punt 246 hawn fuq, Corsica Ferries sabet ruħha f’sitwazzjoni impossibbli li tipproponi data qabel it-12 ta’ Novembru 2007 għall‑implementazzjoni tad-DSP, minkejja li l-bidu tiegħu kien ġie stabbilit għall-1 ta’ Lulju 2007. Barra minn hekk, mir-rapport tal‑President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsika dwar is-servizz marittimu tas-servizz pubbliku bejn Marseille u Korsika, li fir-rigward tiegħu ġiet adottata din id-deliberazzjoni, jirriżulta li ċerti vapuri ta’ Corsica Ferries ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ età massima stabbilita bid‑dispożizzjoni partikolari ta’ sejħa għal offerti, peress li kienu bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1987 (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

250    Għalhekk ma għandux ikun ikkunsidrat li, kif tissottometti SNCM, l‑offerta ta’ Corsica Ferries ġiet miċħuda minħabba l-fatt li ma kinitx l‑iktar waħda ekonomikament vantaġġjuża. Għandu jiżdied li r-raġunijiet li ġġustifikaw dan ir-rifjut ma humiex fost il-kriterji ta’ għoti mħabbra permezz tad-dispożizzjonijiet partikolari tas-sejħa għal offerti, li taħt it‑titolu “kriterju ta’ għażla”, jipprevedu b’mod partikolari dan li ġej:

“Għall-għoti tal-kuntratti, iċ-[CTC] tiġi stabbilita skont l-impenn finanzjarju globali li hija għandha tieħu u skont elementi ta’ kwalità ta’ servizz u ta’ żvilupp ekonomiku tal-gżira mogħtija mill-impriżi li jitfgħu l-offerta, b’mod partikolari il-parti tas-servizzi u attivitajiet maħsuba fis‑suq insulari, fil-limiti tal-kapaċitajiet u tat-tipi ta’ produzzjoni.”

251    Fil-ħames lok, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal‑Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-eżistenza ta’ għadd ta’ klawsoli każwali assoċjati mal-libertà mogħtija lill-OTC li jiddeċiedi l-eżenzjonijiet għar-regoli applikabbli setgħet ukoll għenet biex tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni fis-sejħa għall-offerti billi tefgħet dubju dwar ċerti parametri tekniċi u ekonomiċi kruċjali għat-tfassil ta’ offerta”.

252    B’hekk, l-ewwel nett, l-Artikolu 2 tal-FDSP jipprevedi li l-obbligi tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jistgħu jiġu emendati matul perijodu tranżitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2008. L-obbligi hekk imsemmija, li jistgħu jitnaqqsu fid-diskrezzjoni tal-OTC, jirrigwardaw punti essenzjali tad-DSP, peress li jikkonċernaw il-kapaċitajiet minimi [ara l-punt I(a) tal-paragrafu 1.3, il-punt I(b) tal-paragrafu 1.3, il‑punt I(c) tal-paragrafu 1.3, il-punt I(d) tal-paragrafu 1.3 u l-punt I(e) tal-paragrafu 1.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt], il-kwalità tas‑servizz u d-data tad-dħul fis-servizz tal-vapuri (ara l-introduzzjoni tal‑punt III tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt). Ċertament, id-derogi kienu previsti biss għal perijodu ta’ 18-il xahar, iżda huma xorta kienu sinjifikattivi, peress li tali terminu kien biżżejjed sabiex tiġi organizzata mill-ġdid, jekk ikun il-każ, flotta ta’ vapuri.

253    It-tieni nett, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP jipprevedi li “jista’ jiġi aċċettat, wara l-ftehim tal-OTC, b’mod partikolari sabiex jiġu ssodisfatti obbligi leġiżlattivi ta’ manutenzjoni/[ta’] tiswija/[ta’] klassifikazzjoni mill-ġdid tal-vapuri, li livell ta’ servizz iktar imnaqqas, għall‑kapaċitajiet previsti hawn fuq, b’mod partikolari għall-passiġġieri (fil-limitu ta’ 30 % ta’ tnaqqis), jiġi introdott matul il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu, minbarra l-perijodu tal-vaganzi tal-iskola u kwalunkwe perijodu ieħor tas-sena f’każ ta’ avveniment imprevist” [ara l-punt I(a) tal-paragrafu 1.4, il-punt I(b) tal-paragrafu 1.4, il-punt I(c) tal‑paragrafu 1.4, il-punt I(d) tal-paragrafu 1.4 u l-punt I(e) tal-paragrafu 1.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt]. Għandu jiġi rrilevat li tnaqqis tas-servizz kien possibbli “b’mod partikolari” sabiex jissodisfa l‑obbligi leġiżlattivi ta’ manutenzjoni, ta’ tiswija u ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-vapuri, u mhux “biss” għal din ir-raġuni, kif jidher li tallega SNCM. Barra minn hekk, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-OTC kienet wiesgħa ferm, peress li hija kienet tħalli miftuħ kemm il-motiv li għalih ir-riduzzjonijiet setgħu isiru kif ukoll il-parametri tagħhom (“b’mod partikolari għall‑passiġġieri”) u d-daqs tagħhom (b’massimu ta’ 30 %), u dan matul il-perijodi kwieti, jiġifieri matul dawk li matulhom l-użu ta’ rotot differenti marittimi kien, bħala regola, bl-iktar defiċit u, għalhekk, li matulhom tnaqqis tas-servizzi kien l-iktar profittabbli għad-delegati.

254    It-tielet nett, fir-rigward tal-portata tagħhom, setgħu wkoll iwasslu għal dubju fuq ċerti parametri tekniċi u ekonomiċi l-klawżola ta’ protezzjoni u l-klawżola ta’ adattazzjoni previsti fl-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tal‑FDSP, rispettivament (ara l-punti 33 sa 35 hawn fuq).

255    Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa minn SNCM ma kien jippermetti li jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

256    B’hekk, fl-ewwel lok, huwa żbaljat li SNCM tallega li, fil-punt 59 tas‑sentenza tagħha tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-DSP għall-perijodu 2007-2013 kien inkiseb mill-grupp SNCM-CMN “[s]kont ir-regoli Komunitarji l-ġodda u wara sejħa għall‑offerti fil-livell Ewropew”. Fil-fatt, minn naħa, il-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda d-DSP għall‑perijodu 2007-2013, iżda SIEĠ għall-perijodu 1991-2001. Min‑naħa l-oħra, fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali illimitat ruħha sabiex tikkonstata li SNCM u CMN kienu kisbu flimkien id-DSP wara l-2001 skont ir-regoli ġodda tal-Unjoni, wara sejħa għal offerti fil-livell Ewropew, u dan mingħajr ma ġiet eżaminata r‑regolarità ta’ dawn is-sejħiet għal offerti, li fuq kollox ma kinux is‑suġġett tal-kawża, u lanqas, a fortiori, il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-raba’ kriterju Altmark.

257    Fit-tieni lok, SNCM ma għandhiex tinvoka b’mod effettiv il-fatt li ċ‑CTC qatt ma ġiet adita minn talba ta’ kandidati potenzjali li rrinunzjaw milli jipparteċipaw fil-konsultazzjoni minħabba obbligi imposti bl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew minħabba t-tempistika tal-għoti tad-DSP. Dan il-fatt, anki jekk jiġi preżunt stabbilit, fir-realtà, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jinfluwenza r-raġunament u l‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata relatati man-nuqqas ta’ osservanza tar-raba’ kriterju Altmark.

258    Fit-tielet lok, SNCM lanqas għandha tibbaża argument fuq il-fatt li l‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), f’deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2012 imsemmija fil-punt 27 hawn fuq, kif ukoll il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, fid-Deċiżjoni 07-D-13, tas-6 ta’ April 2007, dwar talbiet għal miżuri protettivi fis-settur tat-trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent, allegatament ikkunsidraw li l-proċedura użata miċ-CTC għall-għoti tal-FDSP kienet perfettament legali.

259    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) ta‑5 ta’ Ġunju 2007, hemm lok li jiġi rrimarkat li din kienet deċiżjoni li ngħatat wara appell ta’ kassazzjoni magħmula minn Corsica Ferries kontra d-digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-Tribunal Administratif de Bastia (tribunal amministrattiv ta’ Bastia) tas-27 ta’ April 2007 imsemmija fil-punt 20 hawn fuq, li kienet laqgħet parzjalment it-talba tagħha għall-annullament tal-proċedura kollha organizzata miċ-CTC u l-OTC għat-tiġdid tad-DSP tas-servizz marittimu ta’ Korsika li jitlaq minn Marseille. Minbarra l-fatt li, minn natura tagħha, il-kompetenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji hija limitata, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tiegħu, il‑Conseil d’État illimita ruħu, essenzjalment, fir-rigward tal-fondatezza tad‑digriet appellat, sabiex jikkonstata li l-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-Tribunal Administratif de Bastia ma kien wettaq l‑ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi tal-proċess. Għandu jintqal ukoll li l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda biss il-parti tat-talbiet ta’ Corsica Ferries li kienet ġiet miċħuda minn dan l-Imħallef, peress li dan barra minn hekk, minħabba nuqqas ta’ trattament ugwali bejn il‑kandidati, annulla l-fażi ta’ negozjati tal-proċedura u, bħala konsegwenza, id-deċiżjoni li tintgħażel l-offerta tal-grupp SNCM-CMN u li jiġi propost lill-Assemblea ta’ Korsika l-għoti tad-DSP lil dan il‑grupp.

260    Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega SNCM, ma jistax jiġi dedott mid-deċiżjoni tal‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) tat-13 ta’ Lulju 2012 li dan tal-aħħar ikkonferma fiha l-legalità tal-proċedura segwita miċ-CTC għall‑għoti tal-FDSP. Fit-tieni parti tad-deċiżjoni tiegħu, li tirrigwarda d‑dritt tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, l-osservanza tal‑obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, il‑Conseil d’État illimita ruħu sabiex jeżamina jekk il-klawżola ta’ protezzjoni prevista bl-Artikolu 7(1) tal-FDSP, ikkunsidrata waħedha, kinitx tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għandu jiżdied li, wara l‑annullament, permezz ta’ Deċiżjoni tal‑Conseil d’État tat-13 ta’ Lulju 2012, tas-sentenza tal-Cour administrative d’appel de Marseille (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Marseille, Franza) tas-7 ta’ Novembru 2011 u tar-rinviju tal-kawża lejn din il‑qorti, l-imsemmija qorti, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ April 2016, annullat is-sentenza tat-Tribunal administrative de Bastia tal-24 ta’ Jannar 2008 kif ukoll id-deliberazzjoni u d-deċiżjoni msemmija fil-punti 23 u 25 hawn fuq wara li preċiżament ikkonstatat li r-raba’ kriterju Altmark ma kienx ġie ssodisfatt.

261    Finalment, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tas‑6 ta’ April 2007, għandu jiġi rrilevat li din kienet relatata ma’ talbiet għal miżuri protettivi u ma setgħetx għalhekk tipprevedi d-deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża inkwistjoni. Barra minn hekk, minn din id-deċiżjoni ma setgħet tinsilet l‑ebda konklużjoni fir-rigward tal-osservanza tar‑raba’ kriterju Altmark. Fil-fatt, il-kwistjonijiet li minnhom kien adit il-Kunsill tal‑Kompetizzjoni kienu jirrigwardaw, fil-fatt, in-natura antikompetittiva eventwali tal-formazzjoni temporanja tal-grupp bejn SNCM u CMN kif ukoll l-ammont allegatament eċċessiv tas-sussidju mitlub minn dan il‑grupp fl-offerta tiegħu ppreżentata wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti ġdida. Finalment, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 46 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jenfasizza hu stess li d-deċiżjoni li tintgħażel l-1 ta’ Mejju 2007 bħala d-data ta’ implementazzjoni tad-DSP (b’din l-aħħar data titressaq għall-1 ta’ Lulju 2007) kellha effett projbittiv.

262    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkommettietx żball meta kkunsidrat li r-raba’ kriterju Altmark ma kienx ġie ssodisfatt kemm fir-rigward tas-servizz bażiku kif ukoll tas-servizz komplementari. It-tieni motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata

263    It-tielet motiv imqajjem minn SNCM huwa indirizzat kontra l‑premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, li taqra kif ġej:

“Biex tiddetermina l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, minbarra l-imgħaxijiet, il-Kummissjoni tqis li l-kontabilità analitika tal-SNCM hija bażi adegwata għall-allokazzjoni tal-kumpens bejn servizz bażiku u servizz kumplimentari. Fuq din il-bażi, l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi dan li ġej:

l-ammont tal-kumpens attwalment imħallas mill-2007 sal-2011 fil-qafas tas-servizz kumplimentari li jammonta għal EUR 172 744 miljun […];

il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kull xahar għas-sena 2012 fil-qafas tas-servizz kumplimentari, li huma stmati li jammontaw għal EUR 38 miljun kif ukoll il-bilanċ tal-kumpens, li għandu jitħallas wara li jintbagħat ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi, jekk dan diġà tħallas;

il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kull xahar għas-sena 2013 fil-qafas tas-servizz kumplimentari sad-data ta’ din id-deċiżjoni, bħalissa stmati għal EUR 9.5 miljun, filwaqt li jitfakkar li Franza għandha tħassar il-pagamenti kollha sussegwenti għal din id-data.”

264    Permezz ta’ dan il-motiv, li nqasam fi tliet partijiet, SNCM tallega li, anki jekk is-servizz komplementari jista’ jiġi distint mis-servizz bażiku u li l-kumpens imħallas għas-servizz komplementari ma jissodisfax il‑kriterji Altmark, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 106(2) u l-Artikolu 107 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu billi stabbilixxiet l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata f’ammont ogħla mill-imsemmi kumpens kollu kemm hu.

265    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jikkunsidraw li dan it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-partijiet kollha tiegħu.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal‑għajnuna li għandha tiġi rkuprata, l-ispejjeż sostnuti bil-provvista tas‑servizz komplementari

266    SNCM tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx, waqt l-iffissar tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, spejjeż li hija sostniet sabiex tipprovdi s-servizz komplementari, li kienu kunsiderevoli u ma ġewx koperti bl-ammont tal-kumpens imħallas għal dan is-servizz u lanqas bid-dħul mill-bejgħ li sar mingħand il-passiġġieri. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 106(2) u l‑Artikolu 107 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

267    Għandu jitfakkar li, kif diġà ġie espost fil-punt 233 hawn fuq, u kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, din il-kawża ma tirrigwardax sitwazzjoni li fiha l-Istat jakkwista, bi ħlas ta’ prezz, prodott jew servizz partikolari. Dak li huwa involut f’din il-kawża huwa ftehim li permezz tiegħu awtorità pubblika tafda l-ġestjoni ta’ servizz pubbliku lil operaturi ekonomiċi, permezz tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lil dawn tal-aħħar. F’tali każ, hija l-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), li għandha tapplika. B’hekk, jekk il‑kumpens ma kienx jissodisfa b’mod kumulattiv l-erba’ kriterji Altmark, jiġi kkunsidrat bħala li jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tiegħu u, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra mitluba sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern huma ssodisfatti, huwa għandu jiġi rrimborsat kollu kemm hu mill-imsemmija benefiċjarji.

268    F’dan il-każ, peress li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv hawn fuq, l-ewwel u r-raba’ kriterji Altmark ma kinux issodisfatti fir-rigward tal-kumpens imħallas lil SNCM għas-servizz komplementari, b’dan tal-aħħar jikkostitwixxi kollu kemm hu vantaġġ favur din il-kumpannija. Peress li l-kundizzjonijiet l-oħra li jippermettu li jiġi stabbilit li l-imsemmi kumpens għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern kienu ssodisfatti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma interpretatx b’mod żbaljat l‑Artikolu 106(2) u l-Artikolu 107 TFUE u lanqas il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu inkwistjoni meta ordnat l-irkupru tal-ammont kollu tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li t-tneħħija ta’ għajnuna mill-Istat illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Konsegwentement, tali rkupru, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma għandux, bħala regola, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad‑dispożizzjonijiet tat-trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 66).

269    B’mod partikolari, ma għandux jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ rimbors tal-imsemmi ammont lill-awtoritajiet Franċiżi iwassal sabiex dawn ikollhom arrikkiment indebitu għaliex huma jillimitaw ruħhom sabiex jirkupraw l-ammont li ma setax jitħallas lil SNCM.

270    Fir-rigward tal-allegazzjoni mressqa minn SNCM fir-replika, li l-irkupru tal-ammont iffissat mill-Kummissjoni jfisser il-“kundanna għall-mewt” tagħha u l-likwidazzjoni tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li l‑impriża kkonċernata tinsab f’diffikultà jew kienet iddikjarata falluta ma tinfluwenzax l-obbligu ta’ rkupru (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 71).

271    Finalment, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ SNCM li s-servizz komplementari rreġistra “kumpens nieqes b’mod kroniku”, għandu jiġi kkonstatat li hija ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt. Għall‑kuntrarju, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni bħala tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali kif ukoll waqt is‑seduta huma intiżi li juru li dan is-servizz, fir-realtà, kien ibbenefika minn kumpens żejjed.

272    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiffissa l-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat, il-kumpens nieqes li kellu s‑servizz bażiku

273    SNCM tallega li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fl‑evalwazzjoni tagħha tal-ammont tal-għajnuna li kellha tingħata lura, tal-kumpens nieqes “kroniku u massiv” tas-servizz bażiku, li kien kopert bl-istess DSP bħas-servizz komplementari, kellu bejn l-2007 u l-2011. Minħabba f’hekk, hija wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ mogħti lil SNCM u interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ proporzjonalità u l-projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu.

274    Dan l-ilment ma għandux jintlaqa’.

275    Fil-fatt, minn naħa, kif issostni korrettament il-Kummissjoni, ma għandux jiġi aċċettat li kumpens mogħti inkambju għat-twettiq ta’ servizz partikolari u li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ikun affettwat b’mod artifiċjali bil-kumpens ta’ servizz pubbliku, anki jekk dawn iż‑żewġ servizzi kienu previsti mill-istess ftehim wieħed. Kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lil impriża inkarigata mill-implementazzjoni ta’ SIEĠ għandu, fil-fatt, ikun stabbilit fir-rigward ta’ spejjeż sostnuti bil‑provvista ta’ dan is-SIEĠ biss.

276    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, huwa żbaljat li jiġi allegat li s‑servizz bażiku kien suġġett ta’ kumpens nieqes “kroniku u massiv”. Fil‑fatt, minn kalkoli magħmula mill-Kummissjoni abbażi tal‑indikatur finanzjarju “return on assets” (ROA), li jkejjel f’perċentwali r‑rapport bejn ir-riżultat nett u t-total tal-attiv, u, minn analiżi tad‑dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ SNCM imsemmija fil-punt 155 hawn fuq, liema kalkoli kienu spjegati mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal waħda mill‑mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali kif ukoll waqt is-seduta, jirriżulta li dan is-servizz la kien b’kumpens nieqes u lanqas b’kumpens żejjed (ara wkoll it-tabella li tinsab fil-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-parti tal-kumpens annwali attribwibbli għas-servizz komplementari

277    SNCM issostni li, jekk l-ammont tal-vantaġġ li għandu jitħallas lura jikkorrispondi mal-kumpens kollu mogħti minħabba s-servizz komplementari, quod non, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ffissat dan l-ammont. Hija tikkunsidra li din tal-aħħar wettqet għażla arbitrarja u żbaljata billi bbażat ruħha fuq il-kontabbiltà analitika tagħha u, b’mod iktar preċiż, fuq l-allokazzjoni tad‑dikjarazzjoni tad-dħul magħmula skont it-tip ta’ vapur (id-dikjarazzjoni tad-dħul akkumulat tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin ġiet assimilata mad-dikjarazzjoni tad-dħul tas-servizz bażiku u dik tal-laneċ mad-dikjarazzjoni tad-dħul tas‑servizz komplementari) sabiex tistabbilixxi l-parti tal-kumpens annwali attribwibbli għas-servizz komplementari. Hija tipproponi żewġ metodi oħra li setgħu jintużaw mill‑Kummissjoni għal dan il-għan.

278    Għandu jiġi rrilevat li din il-parti tistrieħ kollha kemm hi fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma setgħetx tassimila s-servizz bażiku mas-servizzi offruti mill-vapuri tal-merkanzija mħalltin u s-servizz komplementari ma’ dawk offruti mil-laneċ. Issa, kif dan diġà ntwera fil-punti 158 sa 162 hawn fuq, din il-premessa hija żbaljata. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ammont tal-vantaġġ marbut mal-kumpens tas-servizz komplementari, li huwa bbażat fuq l‑analiżi tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ SNCM (li jagħmlu distinzjoni ċara bejn vapuri tal-passiġġieri/laneċ, minn naħa, u vapuri tal‑merkanzija mħalltin, min-naħa l-oħra), kien partikolarment adegwat, bid-differenza taż-żewġ metodi alternattivi proposti minn SNCM, li ma għandhomx jiġu aċċettati, peress li jirriżultaw f’konfużjoni tas-servizz bażiku u tas-servizz komplementari kif ukoll tal-mezzi użati sabiex jingħataw dawn is-servizzi.

279    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tat‑tielet motiv u dan il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

280    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, SNCM tinvoka erba’ fatti allegatament eċċezzjonali li kienu tali li jistabbilixxu aspettattiva leġittima tan-natura regolari tal-għajnuna inkwistjoni u, għalhekk, jipprekludu lill‑Kummissjoni milli tordna r-restituzzjoni tagħha.

281    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jikkontestaw l-argumenti ta’ SNCM.

282    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id‑dritt li tipprevalixxi ruħek mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun ħolqitlu aspettattivi fondati [sentenza tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44]. Huwa jippreżupponi s-sodisfazzjon ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li ġejjin minn sorsi awtorizzati u dgħajfa, għandhom jiġu pprovduti lill-persuna interessata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura sabiex inisslu aspettattiva leġittima fl-ispirtu tiegħu li għalih huma indirizzati. It-tielet nett, l‑assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, EU:T:2005:265, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrievs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 77, u tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑444/07, EU:T:2009:227, punt 126).

283    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna ma jistax ikollhom, bħala regola, aspettattivi leġittimi dwar ir‑regolarità tal-għajnuna ħlief jekk din tingħata skont il-proċedura prevista mit-Trattat FUE. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiddetermina normalment jekk din il-proċedura ġietx osservata jew le (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, EU:C:1997:163, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi dwar ir-regolarità tal-għoti tagħha (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Fedecom vs Il‑Kummissjoni, T‑243/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:497, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

284    Għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-erba’ fatti allegatament eċċezzjonali invokati minn SNCM ma kienu l-bażi għall-aspettattivi leġittimi dwar in-natura regolari tal-għajnuna inkwistjoni.

285    B’hekk, fl-ewwel lok, huwa għalxejn li SNCM tipprova tislet l‑argument mill-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar DSP preċedenti għas-servizz marittimu ta’ Korsika, jiġifieri d‑Deċiżjoni 2002/149 u d-Deċiżjoni 2009/611/CE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza tat lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU 2009, L 225, p. 180), ma kkonkludietx li kien meħtieġ li ssir analiżi separata tas-servizz bażiku u tas-servizz komplementari.

286    Fir-realtà, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li SIEĠ għal servizz marittimu ta’ Korsika kien jissodisfa l-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku matul perijodu preċedenti ma jagħti l-ebda indikazzjoni, u a fortiori l-ebda assigurazzjoni, fuq il-fatt li tali ħtieġa kienet teżisti diġà għall-perijodu 2007-2013. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 99 hawn fuq, l‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ħtieġa tista’ wara kollox tevolvi biż‑żmien, skont l-iżvilupp tal-forzi tas-suq. Issa, id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 285 hawn fuq ġew adottati mill-Kummissjoni fl-2001 u fl-2008 billi ġie kkunsidrat kuntest fattwali differenti minn dak li kien fis-seħħ meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari f’termini ta’ żvilupp tal-ishma tas-suq. Barra minn hekk, din il‑perspettiva hija kkonfermata mill-kliem tal-premessi 78 u 80 tad‑Deċiżjoni 2002/149 iċċitati fil-punt 99 hawn fuq u fil-punt 70 tas‑sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), sentenza li fuq kollox ġiet invokata minn SNCM insostenn tal-allegazzjoni preżenti, li minnha jirriżulta li, fir-rigward tal-iżvilupp partikolarment mgħaġġel tal-kuntest kompetittiv fuq is-suq ikkonċernat, l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ servizz pubbliku reali matul perijodu partikolari ma tistax tkun tali li tipproduċi xi prova li fiha nnifisha tikkontesta l-evalwazzjoni li l‑Kummissjoni tkun għamlet minħabba din l-istess ħtieġa għal perijodu ieħor.

287    Fit-tieni lok, SNCM ma għandhiex tikkritika lill-Kummissjoni li applikat il-punt 48 tal-Komunikazzjoni SIEĠ minħabba l-fatt li, fid-data tal-iffirmar tal-FDSP, din il-Komunikazzjoni kienet għadha ma ġietx adottata.

288    Il-punt 48 tal-Komunikazzjoni SIEĠ, li jidher taħt it-titolu 3.2 “Eżistenza ta’ [SIEĠ]”, jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni tikkunsidra […] li ma huwiex opportun li tgħaqqad [OSP] speċifiċi ma’ attività li diġà hija pprovduta jew li tista’ tiġi pprovduta b’mod sodisfaċenti u taħt kundizzjonijiet, (prezz, karatteristiċi oġġettivi tal-kwalità, kontinwità u aċċess għas-servizz) li huma kompatibbli mal-interess pubbliku, kif iddefinit mill-Istat, minn impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet normali tas-suq […]”

289    Fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li rriproduċiet il‑passaġġ imsemmi fil-punt 288 hawn fuq, il-Kummissjoni tindika li, “[f]’dan il-kuntest, [hija] tqis li l-elementi ta’ hawn fuq jistabbilixxu li l-kumpens tal-kosti mġarrba mill-SNCM minħabba l‑provvista tas-servizz kumplimentari wkoll imur kontra l-prassi [tagħha] f’dan il-qasam”.

290    Il-kritika li SNCM tagħmel kontra l-Kummissjoni ma għandhiex tintlaqa’. Fir-realtà, kif jirriżulta mill-punt 3 tiegħu, il-Komunikazzjoni SIEĠ għandha l-għan biss li tikkjarifika l-kunċetti fundamentali li fuqhom tistrieħ l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill‑Istat għall-kumpens ta’ servizz pubbliku. B’hekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-ewwel kriterju Altmark ġiex issodisfat f’dan il-każ jew le, il‑Kummissjoni applikat biss ir-regoli oġġettivi tat-trattat u wara li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament kabotaġġ marittimu, dawk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), jiġifieri prinċipji li, fil-mertu tagħhom, kienu diġà jeżistu waqt il‑konklużjoni tad-DSP.

291    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkunsidrat li SNCM ma għandhiex tipprevalixxi ruħha mill-perijodu allegatament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tibbaża l-aspettattivi leġittimi tagħha dwar ir-regolarità tal‑għajnuna inkwistjoni.

292    Fil-fatt, qabel xejn, hemm lok li jiġi enfasizzat li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta, bħal f’dan il-każ, għajnuna ma tiġix innotifikata lill‑Kummissjoni, l-inazzjoni tagħha fir-rigward ta’ din il-miżura ma għandhiex sinjifikat (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Àlava vs Il‑Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, EU:C:2004:701, punt 52, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Fedecom vs Il‑Kummissjoni, T‑243/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:497, punt 93). Qabel xejn, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil‑punti 294 sa 296 iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni fl-ebda ħin ma baqgħet inattiva wara li rċeviet l-ilment ippreżentat f’din il-kawża minn Corsica Ferries.

293    Imbagħad, għandu jitfakkar li, fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, fuq l-għajnuna potenzjali lil SNCM u CMN li jinsabu fil-FDSP u li din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Ottubru 2012. Anki jekk, qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, operatur ekonomiku diliġenti seta’ jkollu aspettattivi leġittimi fl-għoti tal‑għajnuna inkwistjoni, huwa ma setax jibqa’ jkollu tali aspettattivi mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Fil-fatt, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jimplika li l-Kummissjoni kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 47).

294    Finalment, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, jekk, ċertament, il-perijodu tal-proċedura amministrattiva kienet relattivament twila, madankollu, ma jistax jitqies bħala irraġonevoli. Jekk huwa veru li l‑prinċipji u l-kuntest li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma humiex fundamentalment differenti minn dawk li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar is-servizz marittimu ta’ Korsika, xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li din il-kawża kienet tippreżenta ċerta kumplessità u kellha bżonn li jiġu stabbiliti numru ta’ fatti, li sar iktar diffiċli minħabba l-assenza ta’ preavviż mill-awtoritajiet Franċiżi.

295    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega SNCM, il-Kummissjoni ma stennietx iktar minn sitt xhur qabel tadotta xi miżura wara l-preżentata, fis-27 ta’ Settembru 2007, tal-ilment ta’ Corsica Ferries. SNCM naqset, fil-fatt, milli ssemmi li dan l-ilment kien issostanzjat addizzjonalment minn Corsica Ferries fit-30 ta’ Novembru u fl-20 ta’ Diċembru 2007, b’tali mod li għandu jiġi kkunsidrat li f’terminu ta’ inqas minn tliet xhur, jiġifieri t-13 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel miżura konkreta f’dan il-każ, billi bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi, li għaliha dawn tal-aħħar wieġbu fit-3 ta’ Ġunju 2008. Talba għal informazzjoni oħra ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi fit-12 ta’ Novembru 2008, li għaliha huma wieġbu fl‑14 ta’ Jannar 2009.

296    L-allegazzjoni ta’ SNCM li l-Kummissjoni sussegwentement baqgħet inattiva matul perijodu ta’ kważi tliet snin, jiġifieri sat‑13 ta’ Ottubru 2011, data li fiha hija bagħtet it-tielet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi, hija żbaljata. Fil-fatt, fl‑20 ta’ Mejju u fis-16 ta’ Lulju 2010, fit-22 ta’ Marzu u fit‑22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand Corsica Ferries insostenn tal-ilment tagħha, li hija kellha teżamina u tittratta. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal din it-tielet talba għal informazzjoni fis-7 ta’ Diċembru 2011. Fil‑15 ta’ Diċembru 2011 u fl-10 ta’ Jannar 2012, Corsica Ferries bagħtet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni. Fl-20 ta’ Jannar 2012, l‑awtoritajiet Franċiżi rrispondew għar-raba’ talba għal informazzjoni tal‑Kummissjoni, li ntbagħtet lilhom fl-14 ta’ Diċembru 2011.

297    It-terminu ta’ madwar ħames xhur li sussegwentement baqa’ għaddej sas‑27 ta’ Ġunju 2012, data tan-notifika, mill-Kummissjoni, lir‑Repubblika Franċiża tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma għandux jitqies eċċessiv. L-istess jgħodd fir‑rigward tat-terminu ta’ ftit iktar minn għaxar xhur li għadda bejn din l-aħħar data u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit‑2 ta’ Mejju 2013. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ fit‑13 ta’ Lulju u fis-7 ta’ Settembru 2012, li Corsica Ferries, SNCM u CMN ukoll ippreżentaw osservazzjonijiet fuq l-imsemmija deċiżjoni, li ġew mibgħuta lill-awtoritajiet Franċiżi u li kienu s-suġġett ta’ kummenti li saru minnhom permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Novembru 2012 u tat-3 ta’ Jannar, tas-16 ta’ Jannar u tat‑12 ta’ Frar 2013.

298    Fir-raba’ lok, huwa għalxejn ukoll li SNCM tinvoka d-deċiżjoni tal‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) tat-13 ta’ Lulju 2012 u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li dan tal-aħħar kkonferma permezz tagħha l-ħtieġa ta’ analiżi globali tas‑servizz bażiku u tas-servizz komplementari.

299    Fil-fatt, qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 282 hawn fuq, huma biss l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni, u mhux qorti ta’ Stat Membru, li jistgħu jkunu l-oriġini ta’ aspettattivi leġittimi. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif dan diġà ġie espost fil-punt 176 hawn fuq, il-Kummissjoni barra minn hekk ma setgħetx tiġi marbuta bl-interpretazzjoni mogħtija mill‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) lid-dispożizzjonijiet tar-regolament kabotaġġ marittimu.

300    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, meta l‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) ta d-deċiżjoni tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, kontra l-għajnuna potenzjali lil SNCM u lil CMN li tinsab fil-FDSP. Għalhekk, fir-rigward ta’ dak li ġie espost fil-punt 293 hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-Kummissjoni ma tatx id-deċiżjoni finali tagħha, kwalunkwe aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni kienu esklużi, irrispettivament minn dak li seta’ jiddeċiedi l‑Conseil d’État.

301    Finalment, għandu jiġi rrimarkat li, kif tirrileva b’mod rilevanti l‑Kummissjoni, minn tmiem is-sena 2006, il-kwistjoni tad-DSP tas‑servizz marittimu ta’ Korsika kienet l-oġġett ta’ numru ta’ rikorsi quddiem il-qrati Franċiżi, li wasslu għal diversi bidliet ta’ ġurisprudenza u li tagħhom l-epilogu kienet is-sentenza tas-6 ta’ April 2016 tal-Cour administrative d’appel de Marseille (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Marseille, Franza) li annullat is-sentenza tat-Tribunal administrative de Bastia tal-24 ta’ Jannar 2008 kif ukoll id‑deliberazzjoni tal-Assemblea ta’ Korsika tas-7 ta’ Ġunju 2007 u d‑deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsika tal-istess jum (ara l-punti 17, 20 u 27 hawn fuq).

302    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

303    Fil-qafas tal-ħames motiv, SNCM tallega li d-deċiżjoni kkontestata, meta ordnat lir-Repubblika Franċiża tirkupra l-ammonti li tħallsu lilha skont l-FDSP bis-saħħa tas-servizz komplementari mingħajr ma ġiet prevista l-ebda possibbiltà oħra ta’ kumpens għal dan is-servizz, tistabbilixxi differenza ta’ trattament mhux iġġustifikata bejnha u l‑operaturi l-oħra ta’ linji marittimi bejn Korsika u l-kontinent, kemm jekk hija CMN jew kompetituri li joperaw barra mill-qafas tad-DSP.

304    Il-Kummissjoni u Corsica Ferries jitolbu li dan il-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat.

305    Għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C‑44/94, EU:C:1995:325, punt 46, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑87/03 u C‑100/03, EU:C:2006:207, punt 48).

306    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija minn SNCM ma hija tali li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

307    B’hekk, fl-ewwel lok, huwa żbaljat li SNCM tikkritika l-fatt li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet bħala għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas-suq intern il-kumpens li hija rċeviet għall-provvista tas-servizz komplementari fuq il-linja Marseille‑Propriano [ara l-punt I(d) tal-paragrafu 1.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-FDSP] minkejja li hija ma ddeskrivietx bl-istess mod il-kumpens li hija ħallset lil CMN għall‑“kapaċitajiet addizzjonali li din tal-aħħar implementat fuq din l‑istess linja bejn Mejju u Settembru”.

308    Fil-fatt, il-“kapaċitajiet addizzjonali” imsemmija minn SNCM jaqgħu taħt il-punt I(d) tal-paragrafu 1.3(i) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal‑FDSP u jagħmlu għalhekk parti integrali mis-servizz bażiku, u mhux mis-servizz komplementari kif tallega SNCM. Dan huwa kkonfermat b’mod partikolari b’waħda mit-tabelli li tidher taħt il-punt B “Preżentazzjoni tas-snin tipiċi” tal-Anness 2 tal-FDSP, li minnu jirriżulta li t-tisħiħ tas-servizz bażiku hekk previst minn din id-dispożizzjoni tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien sar fil-prattika biż-żieda ta’ rotazzjoni fil-ġimgħa ta’ vapuri tal-merkanzija mħalltin ta’ CMN, il‑Kalliste jew il-Girolata, mar-rotazzjonijiet tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin tagħha, l-iScandola. Issa, kif dan diġà ġie espost fil-punti 160 u 161 hawn fuq, is-servizz bażiku kien eżegwit billi jintużaw vapuri tal‑merkanzija mħalltin, filwaqt li s-servizz komplementari kien eżegwit billi intużaw laneċ.

309    Peress li s-servizz komplementari kien unikament ipprovdut minn SNCM u li kull kumpens imħallas bis-saħħa ta’ dan is-servizz kien ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta din tal-aħħar ordnat l-irkupru ta’ tali kumpens u mhux ta’ dak imħallas minn CMN għal servizzi li jaqgħu taħt is-servizz bażiku.

310    Fit-tieni lok, SNCM tinvoka b’mod żbaljat l-allegata differenza ta’ trattament bejnha u l-operaturi li joffru servizzi marittimi fuq ir-rotot Toulon-Korsika u Nice-Korsika. Fil-fatt, hija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ dawn l-operaturi, peress li hija kienet tagħti biss is-servizz komplementari fil-qafas tal-FDSP u kienet tibbenefika minn kumpens, minħabba f’hekk, filwaqt li l-imsemmija operaturi kienu koperti bl-iskema ta’ għajnuna soċjali msemmija fil‑punt 14 hawn fuq. Għandu jingħad ukoll li, b’differenza mill-imsemmi kumpens, din l-iskema ta’ għajnuna ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni (ara l-punt 14 hawn fuq).

311    F’dan il-kuntest, huwa żbaljat ukoll li SNCM tallega li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kienet obbligata toffri ċerti kapaċitajiet ta’ trasport fuq ir-rotta Marseille-Korsika mingħajr ma setgħet tippretendi xi kumpens, kemm jekk ikun bis-saħħa tal-FDSP jew taħt l-iskema ta’ għajnuna ta’ natura soċjali, filwaqt li l-kumpanniji marittimi li joperaw minn Toulon jew Nice setgħu jibbenefikaw minn kumpens minħabba din l-aħħar skema. Din is-sitwazzjoni hija, fil-fatt, imputabbli mhux għall‑Kummissjoni iżda għall-awtoritajiet Franċiżi li, mill‑1 ta’ Jannar 2002, organizzaw is-servizz pubbliku ta’ trasport marittimu bejn Korsika u Franza Kontinentali skont żewġ mudelli ta’ ġestjoni paralleli, jiġifieri, minn naħa, ftehim ta’ DSP għar-rotot li jitilqu minn Marseille, li wasslu għal kumpens finanzjarju għad-delegati, u, min-naħa l-oħra, sistema ta’ għajnuna soċjali għall-passiġġieri li nġarru bir-rotot li jitilqu minn Nice u Toulon.

312    Minn dan isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

313    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

314    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regolament tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li SNCM tilfet, hija għandha tiġi kkundannata, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Corsica Ferries, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea u minn Corsica Ferries France SAS.

Frimodt Nielsen

Collins

Valančius

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Marzu 2017.

Firem




Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-atturi prinċipali

Servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Franza kontinentali u Korsika u ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku

Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-servizz komplementari ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi eżerċitat stħarriġ iddettaljat tal-ħtieġa tas-servizz fir-rigward tal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku

– Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha kif ukoll il‑ġurisprudenza

– Fuq it-tieni u r-raba’ subpartijiet, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Istati Membri kif ukoll il-portata tas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107), u tar-regolament kabotaġġ marittimu

– Fuq it-tielet subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi assimilat il‑kapaċitajiet addizzjonali sabiex jingħata servizz matul il-perijodi l-iktar iffrekwentati ma’ servizz komplementari u billi evalwat dan is-servizz b’mod separat mis-servizz bażiku fir-rigward tal-ewwel kriterju Altmark

– Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-FDSP ma jagħmilx distinzjoni bejn is-servizz bażiku u s-servizz komplementari

– Fuq it-tieni subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat assimilat is-servizz bażiku mas-servizzi offruti permezz tal-vapuri tal-merkanzija mħalltin u s-servizz komplementari ma’ dawk offruti permezz tal-laneċ

– Fuq it-tielet subparti, invokata b’mod sussidjarju, ibbażata fuq il-fatt li s-servizz komplementari huwa ġġustifikat bil-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku li kien jissodisfa s-servizz bażiku

Fuq it-tielet parti, invokata b’mod sussidjarju, ibbażata fuq il-fatt li s‑servizz komplementari, ikkunsidrat waħdu, jissodisfa l-ewwel kriterju Altmark

– Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltŕ tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri li jitilqu minn Marseille ma’ dawk li jitilqu minn Toulon

– Fuq it-tieni subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ inizjattiva privata

– Fuq it-tielet subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tanalizza l-impatt li kien ikun hemm bit-tneħħija tas‑servizz komplementari fuq l-offerta effettivament ikkonstatata

– Fuq ir-raba’ subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-kompetituri ta’ SNCM li joperaw servizzi li jitilqu minn Toulon ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq

Fuq ir-raba’ parti, invokata b’mod sussidjarju ferm, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma urietx li s-servizzi pprovduti bis-servizz komplementari jikkostitwixxu tranżazzjoni kummerċjali normali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-FDSP ma kienx jissodisfa r-raba’ kriterju Altmark

Fuq it-tielet motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal‑għajnuna li għandha tiġi rkuprata, l-ispejjeż sostnuti bil-provvista tas‑servizz komplementari

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiffissa l-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat, il-kumpens nieqes li kellu s‑servizz bażiku

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-parti tal-kumpens annwali attribwibbli għas-servizz komplementari

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

Fuq l-ispejjeż


1* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.