Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2023 minn Deutsche Lufthansa AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-10 ta’ Mejju 2023 fil-Kawżi magħquda T-34/21 u T-87/21, Ryanair u Condor Flugdienst v Il-Kummissjoni (Lufthansa; COVID-19)

(Kawża C-457/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Deutsche Lufthansa AG (rappreżentanti: H.-J. Niemeyer, C. Wilken, J. Burger u C. Sielmann, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, Condor Flugdienst GmbH, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors ippreżentati minn Ryanair fil-Kawża T-34/21 u minn Condor fil-Kawża T-87/21;

tikkundanna lil Ryanair u lil Condor iħallsu flimkien l-ispejjeż tal-appell u lil Ryanair għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza fir-rigward tal-Kawża T-34/21 u lil Condor fir-rigward tal-Kawża T-87/21.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju 1 billi talbet lill-Kummissjoni Ewropea tevalwa jekk benefiċjarju jistax jikseb partijiet mhux negliġibbli tal-ħtiġijiet ta’ likwidità tiegħu fis-suq u billi injorat is-sentenza Tempus tal-Qorti tal-Ġustizzja2 , peress li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx meħtieġa tfittex u teżamina informazzjoni addizzjonali dwar id-disponibbiltà ta’ finanzjament tal-appellant dak iż-żmien.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali billi applikat kriterju ġuridiku żbaljat meta evalwat il-mekkaniżmu alternattiv għal dak ta’ mekkaniżmu ta’ żieda ta’ remunerazzjoni. Il-Qorti Ġenerali injorat l-effetti globali u kkombinati tar-rikapitalizzazzjoni u kkunsidrat b’mod żbaljat li mekkaniżmu alternattiv għandu dejjem ikollu element dinamiku ta’ inċentiv ex post. Peress li d-domandi sottostanti jikkonċernaw evalwazzjoni profondament ekonomika, il-Qorti Ġenerali indaħlet fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni Ewropea u ressqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti.

It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali meta kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea ma kellhiex id-dritt li taċċetta prezz ta’ konverżjoni alternattiv għal dak stabbilit fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju. Il-Qorti Ġenerali injorat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni Ewropea meta aċċettat metodoloġiji alternattivi kontra l-fatt li Prezz Teoretiku Ex-Drittijiet (Theoretical Ex-Rights Price) skont il-punt 67 tal-Qafas Temporanju ma kienx applikabbli.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u żbaljat meta kkonstatat li kien id-dmir tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra fatturi addizzjonali (eż. ishma tas-suq, frekwenzi) meta tevalwa l-eżistenza ta’ SSS (Saħħa fis-Suq Sinjifikattiva) (Qafas Temporanju punt 72) u li, abbażi tal-kriterji li applikat, il-Kummissjoni Ewropea ma setgħetx tikkonkludi validament li Deutsche Lufthansa AG ma kellhiex SSS fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna.

Il-ħames aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni Ewropea meta kkonstatat li ma kienx xieraq li teskludi l-kompetituri diġà bbażati fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München mit-trasferiment ta’ slots. Meta tevalwa l-effetti fuq il-preservazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva, tikkontradixxi ruħha mal-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-effikaċja tal-impenji ta’ slots.

Is-sitt aggravju fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-pakkett ta’ trasferiment ta’ slots.

____________

1 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020 intitolata “Qafas Temporanju għal Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex Jingħata Sostenn lill-Ekonomija Matul it-Tifqigħa Preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1) kif emendata fit-3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) u fit-8 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3).

1 Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C-57/19 P, EU:C:2021:663).