Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2013 – BT Limited Belgian Branch vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BT Limited Belgian Branch (Diegem, il-Belġju) (rappreżentanti: T. Leeson, Solicitor, u C. Stockford, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni nnotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta’ April 2013, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ristrettiva DIGIT/R2/PR/2011/039 u li tagħti l-kuntratt lill-offerent ieħor;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż;

sussidjarjament, taħtar espert indipendenti responsabbli li jevalwa l-osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mill-offerta tal-offerent l-ieħor u li tissospendi d-deċiżjoni tagħha sakemm l-espert maħtur jagħti lura r-rapport tiegħu; sussegwentement, tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika (“DIGIT”) u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

fil-każ fejn id-DIGIT tiffirma l-kuntratt Servizzi Trans Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida (TESTA-ng), tordna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu li hija ġarrbet minħabba d-deċiżjoni illegali tad-DIGIT.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-DIGIT kisret il-prinċipju ta’ trasparenza kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni previsti fl-Artikolu 113 tar-Regolament Finanzjarju 1 u fl-Artikolu 296 TFUE. Dan minħabba l-fatt li – peress li l-awtorità kontraenti kienet ħbiet b’mod eċċessiv ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerent l-ieħor – BT ma kellhiex il-possibbiltà li tivverifika jekk l-awtorità kontraenti kinitx għamlet evalwazzjoni ġusta tal-offerta magħżulha.

Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-DIGIT naqas milli jagħti motivazzjoni suffiċjenti għall-ħabi ta’ partijiet importanti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent l-ieħor, u, it-tieni nett, li meta d-DIGIT pprovda motivi, dawn il-motivi ma kinux ammissibbli.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-metodu ta’ evalwazzjoni tad-DIGIT għall-evalwazzjoni tal-offerti jikser l-prinċipji ġenerali – inkluż il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ġust u indaqs – applikabbli għall-proċedura tas-sejħa għal-offerti pubbliċi. B’mod partikolari, il-fatt li i) it-tabella tal-marki tad-DIGIT ma kinitx ġiet ippubblikata minn qabel u li ii) l-istruttura insolita tiegħu pprovdiet lill-offerent l-ieħor vantaġġ illegali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-kummenti tad-DIGIT li jidhru fir-rapport ta’ evalwazzjoni kif ukoll fin-noti korrispondenti mogħtija lill-offerta tal-offerent l-ieħor huma inkonsistenti. Dawn il-kontradizzjonijiet jivvizzjaw id-deċiżjoni, peress li huma jrendu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni nulla.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-DIGIT aċċetta l-offerta ta’ offerent ieħor minkejja l-fatt li l-prezz li kien straordinarjament baxx kellu jinkoraġġixxih jelimina din l-offerta mill-proċedura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tafferma li dan il-motiv xorta jibqa’ b’saħħtu minkejja d-dikjarazzjoni tad-DIGIT li tgħid li huwa kien eżamina din l-offerta fid-dawl tar-regoli dwar l-offerti li huma straordinarjament baxxi. Riferiment ġenerali għal-leġiżlazzjoni applikabbli ma tistax tissostitwixxi motivazzjoni adegwata tar-raġunijiet li għalihom, fid-dawl tal-analiżi tiegħu, id-DIGIT madankollu xorta ddeċieda li ma jeliminax din l-offerta mill-proċedura.

Sussidjarjament għal dawn il-motiv, ir-rikorrenti tafferma li l-prezz propost mill-offerent l-ieħor fl-offerta tiegħu ma huwiex reali u ma jikkorrispondix għal offerta li tosserva l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, BT titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex taħtar espert indipendenti biex jiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni tosservawx effettivament ċerti elementi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni hija vvizzjata minħabba l-fatt li l-valur tal-kuntratt ikkalkolat f’dan id-dokument ma huwiex akkumpanjat minn motivazzjoni suffiċjenti.

Is-sitt motiv, bbażat fuq il-fatt li d-DIGIT ma għandux il-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li huwa ma għandux is-setgħat ta’ delega rikjesti.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)