Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2013 – Borghezio vs Il-Parlament

(Kawża T-336/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Mario Borghezio (Turin, l-Italja) (rappreżentant: H. Laquay, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara t-talba ammissibbli u fondata u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, meħuda fil-forma ta’ dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tal-10 ta’ Ġunju 2013, li permezz tagħha r-rikorrent jipparteċipa mit-3 ta’ Ġunju 2013 bħala deputat “mhux inkluż” u għalhekk eskluż minn din id-data mill-grupp politiku “Europe Libertés Démocratie”;

tintaxxa l-ispejjeż skont id-dritt.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka – minbarra l-fatt li jsostni li d-deċiżjoni li ġġiegħlu jipparteċipa bħala deputat mhux inkluż tipproduċi effetti legali għaliex tipprekludi lir-rikorrent milli jeżerċita l-mandat parlamentari tiegħu fl-istess kundizzjonijiet bħad-deputati li jappartjenu għal grupp politiku – żewġ motivi dwar il-mertu. Ir-rikorrent isostni li l-Parlament għandu l-obbligu li jivverifika jekk l-istatuti tal-grupp politiku jew prinċipju ġenerali tad-dritt inkisrux b’mod gravi u manifest.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur gravi u evidenti tal-istatuti tal-grupp politiku “Europe Libertés Démocratie”, peress li d-deċiżjoni li teskludi lir-rikorrent mill-grupp ittieħdet qabel il-laqgħa li tmiss tal-imsemmi grupp, kuntrarjament għal dak li hemm ipprovdut fl-istatuti tiegħu.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, peress li dan tal-aħħar ma setax jippreżenta l-eċċezzjonijiet tiegħu matul laqgħa tal-grupp politiku “Europe Libertés Démocratie”.