Language of document : ECLI:EU:C:2011:496

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Lulju 2011 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarja u ta’ pariri legali kif ukoll tal-proċess deċiżjonali – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet – Dokumenti tal-Kummissjoni stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura li wasslet għal deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Dokumenti mfassla wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C-506/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-14 ta’ Novembru 2008,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska u A. Falk, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

MyTravel Group plc, stabbilita f’Rochdale (ir-Renju Unit),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis kif ukoll minn P. Costa de Oliveira u C. O’Reilly, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard kif ukoll minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti, 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Ossowski, bħala aġenti, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T-403/05, Ġabra p. II‑2027, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn MyTravel Group plc (iktar ’il quddiem “MyTravel”) kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2005) 8461, tal-5 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni inkwistjoni”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2005) 9763, tat-12 ta’ Ottubru 2005 (iktar ’il quddiem “it-tieni deċiżjoni inkwistjoni”), li jiċħdu parzjalment l-applikazzjoni ppreżentata minn MyTravel intiża li jinkiseb aċċess għal ċerti dokumenti preparatorji tal-Kummissjoni dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2, 4 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdu kif ġej:

“(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

3        L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

b)      li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

(ċ)      li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

4        Skont l-Artikolu 2(1) u (3) tal-istess regolament:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[...]

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5        L-Artikolu 4(2), (3) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        […]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

6        Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament:

“Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99, Ġabra p. II‑2585), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/276/KE, tat-22 ta’ Settembru 1999, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1524 – Airtours/First Choice) (ĠU 2000, L 93, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Airtours”). Din id-deċiżjoni tikkonċerna l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn l-aġenzija tal-ivvjaġġar Brittanika Airtours plc, li sussegwentement saret MyTravel, u l-kompetititriċi tagħha First Choice plc (iktar ’il quddiem “First Choice”).

8        Għalhekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ xogħol li jlaqqa’ uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali (DG) “Kompetizzjoni” u tas-servizz legali ta’ din l-istituzzjoni, sabiex jeżamina jekk jistax jiġi ppreżentat appell kontra din is-sentenza u jiġu evalwati l-implikazzjonijiet li din tal-aħħar jista’ jkollha fuq il-proċeduri applikabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew għal oqsma oħra. Dan il-grupp ta’ xogħol fassal rapport (iktar ’il quddiem ir-“rapport”) li ġie ppreżentat lill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni tal-25 ta’ Lulju 2002, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ appell minn din is-sentenza.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2005, MyTravel talbet lill-Kummissjoni, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ikollha aċċess għar-rapport, għad-dokumenti marbuta mal-preparazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokumenti ta’ xogħol”), kif ukoll għad-dokumenti inklużi fil-fajl tal-operazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, li kien fuqhom kien ibbażat ir-rapport u li kienu ċċitati f’tali rapport (iktar ’il quddiem id-“dokumenti interni l-oħra”).

10      Fid-dawl tan-numru ta’ dokumenti mitluba, MyTravel u l-Kummissjoni ftiehmu li din tal-aħħar tittratta b’mod separat, minn naħa, ir-rapport u d-dokumenti ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti interni l-oħra.

11      Peress li l-Kummissjoni inizjalment irrifjutat, minn tal-inqas parzjalment, l-aċċess għad-dokumenti kollha, permezz ta’ żewġ ittri tat-12 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Awwissu 2005, MyTravel ippreżentat żewġ talbiet konfermatorji, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li bħala risposta għalihom, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet inkwistjoni.

12      Permezz tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika lil MyTravel ir-rapport u d-dokumenti ta’ xogħol billi kkunsidrat, minn naħa, li dawn kienu koperti b’waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) dwar rispettivament, il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarja u ta’ pariri legali, l-għan ta’ spezzjoni, investigazzjoni u tal-proċess deċiżjonali u, min-naħa l-oħra, li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar ta’ tali dokumenti.

13      Permezz tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni bl-istess mod irrifjutat li tagħti aċċess għal uħud mid-dokumenti interni l-oħra. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ spezzjoni, investigazzjoni kif ukoll tal-proċess deċiżjonali japplikaw b’mod partikolari:

–        għan-noti indirizzati mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” lil membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni (iktar quddiem in-“noti lill-Kummissarju”);

–        għall-ħames noti indirizzati mid-DĠ “Kompetizzjoni” lil dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, inkluż lis-servizz legali, li pprovda u staqsa għall-parir tad-destinatarji fuq ċerti abbozzi tat-test (iktar ’il quddiem in-“noti lis-servizzi l-oħra”), u

–        għan-noti ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni bħala risposta għall-ħames noti ċċitati tad-DĠ “Kompetizzjoni” sabiex jesponu l-analiżi ta’ dawn is-servizzi kkonċernati fuq l-imsemmija proġetti (iktar ’il quddiem in-“in-noti bħala risposta tad-dipartimenti l-oħra minbarra s-servizz legali”).

14      Fir-rigward tal-ħames noti ppreżentati mis-servizz legali bħala risposta għall-ħames noti ċċitati iktar ’il fuq tad-DĠ “Kompetizzjoni” (iktar ’il quddiem in-“noti bħala risposta tas-servizz legali”), il-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika r-rifjut għal aċċess, invokat it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarja u tal-pariri legali.

15      Barra minn hekk, il-Kummissjoni evokat is-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti dokumenti li fir-rigward tagħhom ma ngħatax aċċess parzjali jew totali. Hemm inkwistjoni, b’mod partikolari, rapport tal-uffiċjal tas-seduta, ta’ nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u ta’ nota ta’ fajl dwar żjara tas-sit ta’ First Choice.

16      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li MyTravel ma kienet ippreżentat ebda argument li jista’ jistabbilixxi interess pubbliku superjuri li jiġġustifika li d-dokumenti li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess, fi kwalunkwe każ, jiġu żvelati.

 Is-sentenza appellata

17      Fil-15 ta’ Novembru 2005, MyTravel ippreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

18      Insostenn tar-rikors tagħha, MyTravel invokat numru ta’ motivi intiżi li juru li, bid-deċiżjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tat-tieni u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess intiż għall-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarja u ta’ parir legali, ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u tal-proċess deċiżjonali.

 Fuq l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

19      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, fid-deċiżjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni kinitx applikat b’mod tajjeb l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, ipprovduta fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      Fir-rigward tar-rapport, wara li kkonstatat, fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, li kien jikkonċerna dokument li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u li din setgħet tiġi invokata “anki wara li tittieħed id-deċiżjoni”, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 47 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet qieset li l-iżvelar tar-rapport seta’ jippreġudika l-proċess deċiżjonali tagħha fid-dawl tal-fatt li hija kkonfutat il-libertà ta’ espressjoni tal-awturi tiegħu.

21      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 48 sa 53 tal-imsemmija sentenza, li r-rapport jaqa’ fil-kuntest tal-funzjonijiet purament amministrattivi tal-Kummissjoni. L-interess tal-pubbliku li jikseb aċċess għal dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza, ma għandux l-istess piż fir-rigward ta’ dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva bħal dokument dwar proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tintervjeni bħala leġiżlatur.

22      L-iżvelar tar-rapport għalhekk ikollu r-riskju li jesponi l-opinjoni, u possibbilment kritika, tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda wkoll li jippermetti li jsir paragun bejn il-kontenut tar-rapport u d-deċiżjonijiet li finalment jittieħdu. Barra minn hekk, l-awturi ta’ dan ir-rapport jistgħu jaslu jiċċensuraw lilhom infushom u ma jibqgħux jippreżentaw opinjonijiet li jistgħu jkunu ta’ riskju għad-destinatarju tar-rapport. Dan joħloq riskju kbir ta’ preġudizzju għal-libertà deċiżjonali tal-Kummissjoni, li l-membri tagħha għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa fl-interess ġenerali tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbenefika iktar mill-opinjonijiet liberi u kompleti tal-membri tal-persunal u uffiċjali.

23      Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li tali riskju ta’ preġudizzju gravi kien raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku. Fil-fatt, huwa possibbli li l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni jitħajjar jieqaf milli jagħmel talbiet għall-opinjonijiet bil-miktub, possibbilment ta’ kritika, tal-kollobaraturi tiegħu, jekk dokumenti bħal dak inkwistjoni jiġu żvelati.

24      Fir-rigward tad-dokumenti ta’ xogħol, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li, peress li r-rapport huwa protett skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti li wasslu għat-tfassil tiegħu u li jinkludu evalwazzjonijiet preparatorji jew konklużjonijiet provviżorji għal użu intern jaqgħu wkoll taħt din l-eċċezzjoni.

25      F’dak li jirrigwarda d-dokumenti interni l-oħra, jiġifieri, in-noti lill-Kummissarju, in-noti lis-servizzi l-oħra u n-noti b’risposta tas-servizzi l-oħra minbarra s-servizz legali, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 94 sa 100 tas-sentenza appellata, li huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni sostniet li l-iżvelar parzjali jew totali ta’ dawn id-dokumenti differenti kien inaqqas il-kapaċità tas-servizzi li jesprimu l-perspettiva tagħhom u kien idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

26      Fil-fatt, dawn id-dokumenti preparatorji jistgħu jindikaw l-opinjonijiet, l-eżitazzjonijiet jew il-bidliet li, fi tmiem il-proċess deċiżjonali inkwistjoni, jista’ jkun li ma jibqgħux jidhru fil-verżjonijiet finali tad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti li għalihom ġie miċħud l-aċċess ifisser li l-awturi tagħhom ikollhom jikkunsidraw fil-futur dan ir-riskju ta’ żvelar sa tali punt li jistgħu jiġu mġiegħla jiċċensuraw lilhom infushom u li ma jibqgħux jippreżentaw opinjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’riskju tad-destinatarju tad-dokument inkwistjoni.

27      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li r-riskju ta’ dannu serju għal proċess deċiżjonali ġie evalwat mill-Kummissjoni b’mod individwali u konkret, b’mod partikolari meta hija qieset li l-iżvelar tad-dokumenti kellu r-riskju li jfixkel l-evalwazzjoni tagħha ta’ konċentrazzjonijiet simili li jista’ jkun hemm bejn il-partijiet ikkonċernati jew fl-istess settur.

28      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li r-riskju ta’ dannu serju għall-proċess deċiżjonali fil-każ ta’ żvelar ta’ dawn id-dokumenti kien raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jitqies li tali dokumenti jistgħu jintużaw, anki jekk ma jirreferux neċessarjament għal pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, sabiex jinfluwenzaw il-pożizzjoni tas-servizzi tagħha waqt l-eżami ta’ kawżi simili li jikkonċernaw l-istess setturi ta’ attività jew l-istess kunċetti ekonomiċi.

29      Fir-rigward tar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata li, l-istess bħad-dokumenti interni l-oħra, il-Kummissjoni setgħet tirrifjuta l-aċċess, fid-dawl tal-fatt li, peress li dak ir-rapport kien jinkludi l-opinjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta fuq il-mertu u fuq aspetti proċedurali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-libertà ta’ opinjoni tiegħu. Dan jikkawża dannu serju għal proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, peress li din ma tkunx tista’ iktar tibbaża ruħha fil-futur fuq l-opinjonijiet indipendenti, ħielsa u kompleti tal-uffiċjali tas-seduta.

30      Fir-rigward tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, peress li l-konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv tagħmel ukoll parti minn dan il-proċess fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Anki jekk il-kumitat konsultattiv huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u li, minħabba dan, huwa distint mill-Kummissjoni, il-fatt li hija obbligata tibgħat lil dan il-kumitat konsultattiv dokumenti interni sabiex ikun jista’ jagħti opinjoni jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija nota tibqa’ dokument intern tal-Kummissjoni.

31      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-iżvelar tan-nota tal-fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice tippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li, għal ċerti partijiet, dan id-dokument kien jirrifletti l-opinjonijiet tal-uffiċjali tad-DĠ “Kompetizzjoni” matul iż-żjara.

32      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fil-kawża inkwistjoni, interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienx jiġġustifika li d-dokumenti inkwistjoni jkunu, fi kwalunkwe każ, żvelati. F’dan ir-rigward, ġie kkonstatat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li My Travel kienet allegat li “il-bżonn li jinftiehem x’ġara u x’wettqet il-Kummissjoni kif ukoll il-bżonn li tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” jikkostitwixxu interessi pubbliċi superjuri li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti.

33      Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat, fil-punti 61 sa 67 u 118 tas-sentenza appellata, li dawn l-argumenti la jippermettu li jiġi kkaratterizzat suffiċjentement id-dritt ta’ interess pubbliku superjuri meħtieġ mir-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas li jiġi vverifikat li, fir-rigward tal-bilanċ bejn l-allegat interess pubbliku superjuri u l-interess tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-konfront tal-pubbliku skont l-eċċezzjonijiet eżaminati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tasal għall-konklużjoni li dawn id-dokumenti kellhom madankollu jiġu żvelati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-interess privat ta’ MyTravel li tikseb id-dokumenti inkwistjoni sabiex tesprimi b’mod aħjar l-argumenti tagħha fil-kuntest ta’ rikors li kienet ippreżentat sabiex tikseb kumpens għal danni allegament subiti minnha minħabba l-ġestjoni u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ Airtours ma huwiex, bħala interess purament privat, rilevanti sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi pubbliċi.

34      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-iżvelar tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq jippreġudika l-proċess deċiżjonali tagħha u li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar tagħhom minkejja tali dannu.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-parir legali

35      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-Kummissjoni, fit-tieni deċiżjoni inkwistjoni, kinitx tabilħaqq applikat, fir-rigward tan-noti bħala risposta tas-servizz legali, l-eċċezzjoni pprovduta fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

36      F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, fil-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar ta’ dawn in-noti kien joħloq riskju li jittrażmetti lill-pubbliku informazzjoni dwar l-istat tad-diskussjonijiet interni bejn id-DĠ “Kompetizzjoni” u s-servizz legali fuq l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-operazzjoni li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni Airtours. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju ta’ dannu għall-protezzjoni ta’ pariri legali ma huwiex purament ipotetiku, peress li l-iżvelar ta’ dawn il-pariri joħloq riskju li jpoġġi lill-Kummissjoni fis-sitwazzjoni delikata fejn is-servizz legali tagħha jkun meħtieġ jiddefendi quddiem il-qorti tal-Unjoni pożizzjoni li ma kinitx dik li sostniet internament. Issa, tali riskju jista’ jaffettwa kunsiderevolment il-libertà ta’ opinjoni tas-servizz legali kif ukoll il-possibbiltà tiegħu li jiddefendi b’mod effikaċji quddiem din il-qorti, fuq livell ekwu mar-rappreżentanti l-oħra tal-partijiet fil-proċess ġudizzjarju, il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni.

37      Għall-istess raġunijiet bħal dawk evokati fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, imfakkra fil-punti 32 u 33 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 29 tas-sentenza apppellata, li ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija noti.

 Fuq il-konklużjonijiet tas-sentenza appellata

38      Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, laqgħet ir-rikors ta’ MyTravel fir-rigward tal-parti ta’ din id-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal wieħed mid-dokumenti ta’ xogħol, jiġifieri d-dokument ta’ xogħol 15, fuq is-sempliċi bażi ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din il-parti tas-sentenza appellata ma hijiex suġġett tal-appell preżenti.

39      Fir-rigward tal-kumplament, il-Qorti Ġenerali qieset li, minn naħa, fil-punt 709 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha li kienet intalbet tikkomunika.

40      Min-naħa l-oħra, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li, permezz tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni tagħha, il-Kummissjoni lanqas ma kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jew it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti interni differenti jew ta’ pariri legali li għalihom dawn l-eċċezzjonijiet ġew invokati mill-Kummissjoni.

41      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm iktar lok, għall-ekonomija tal-ġudizzju, li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ MyTravel intiżi kontra d-deċiżjonijiet inkwistjoni.

42      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-ilmenti dwar l-eċċezzjonijiet l-oħra li kienet invokat il-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-iżvelar ta’ parti waħda jew oħra tar-rapport jew tad-dokumenti ta’ xogħol, jiġifieri l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u dwar, rispettivament, il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarja u tal-pariri legali kif ukoll tal-għanijiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika.

43      Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli teżamina l-ilmenti marbuta mal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attività ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, flimkien mal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, invokata mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti interni oħra.

44      Fid-dawl ta’dawn il-kunsiderazzjonijiet u wara li annullat parzjalment l-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju ta’ Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll ir-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

46      Ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tannulla l-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, skont it-talbiet ippreżentati minn MyTravel quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn hija tirrifjuta l-aċċess għar-rapport u għad-dokumenti ta’ xogħol oħra tal-Kummissjoni;

–        tannulla t-tieni deċiżjoni inkwistjoni, sknot it-talbiet magħmula minn MyTravel quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti interni oħra tal-Kummissjoni, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.

47      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu l-annullament tal-punt 2 ta-dispożittiv tas-sentenza appellata kif ukoll taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni.

48      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitolbu li l-appell jinċaħad u li r-Renju tal-Isvezja jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

49      Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja essenzjalment iqajjem tliet aggravji, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, tat-tieni inċiż tal-istess Artikolu 4(2) u tal-aħħar parti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u (3).

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

50      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja, isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali peress li kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq ebda evalwazzjoni konkreta u individwali tad-dokumenti inkwistjoni, tikkonstata li l-iżvelar jikkawża dannu għall-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

51      Preliminarjament, il-Gvern Svediż ifakkar, qabelxejn li, skont il-punt 66 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389), kull eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza għandu jiġi interpretat b’mod strett u l-applikazzjoni tiegħu tirrikjedi eżami tal-kontenut tad-dokument konkretament ikkonċernat. Sussegwentement, il-prinċipju ta’ trasparenza japplika fir-rigward tal-attività kollha fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni skont in-natura amministrattiva jew leġiżlattiva tal-proċedura li għaliha jirreferi d-dokument li huwa kkonċernat bit-talba għal aċċess. Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni favur żvelar hija iktar b’saħħitha fil-każ, bħal dak inkwistjoni, fejn hemm kwistjoni li ngħalqet. Fil-fatt, kif isostni wkoll ir-Renju tad-Danimarka, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kronoloġija ta’ kawża.

52      Skont ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll it-tliet Stat Membri li intervjenew insostenn tagħha, il-ġurisprudenza, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723), teżiġi li, meta istituzzjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument billi tinvoka waħda mill-eċċezzjonijiet ipprovduti fir-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha teżamina b’mod partikolari jekk l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudikax b’mod konkret l-interess protett bl-eċċezzjoni inkwistjoni. Fil-każ inkwistjoni, anki jekk il-Kummissjoni, sa ċertu estent, wettqet evalwazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti mitluba, din l-evalwazzjoni madankollu ma kinitx daqstant kompleta kif meħtieġ mill-imsemmi regolament, fid-dawl tal-fatt li din l-istituzzjoni bbażat l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet fuq raġunament astratt li jikkonċerna l-libertà ta’ opinjoni tal-uffiċjali kif ukoll il-libertà ta’ komunikazzjoni interna u mhux il-kontenut tad-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal aċċess.

53      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tar-rapport, ir-Renju tal-Isvezja jsostni, qabel xejn li, anki mingħajr ma jaf bil-kontenut tiegħu, huwa raġonevoli li jitqies li jinkludi mhux biss l-informazzjoni kunfidenzjali, iżda wkoll partijiet li ma jikkostitwixxux elementi sensittivi, bħal pereżempju, tfakkira tad-deċiżjoni Airtours u tas-sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jew inkella dikjarazzjonijiet ġenerali, li jistgħu u għandhom jiġu żvelati, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li tipprovdi l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali.

54      Sussegwentement, ir-Renju tal-Isvezja jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat l-argument tal-Kummissjoni li l-uffiċjali ma jipprovdux l-opinjoni tagħhom b’mod liberu jekk kien hemm il-possibbiltà li dak li kitbu jiġi ppubblikat. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tapplika għandha tiġi deċiża mill-kontenut tar-rapport u mhux permezz ta’ raġunament ġenerali dwar il-libertà ta’ opinjoni ta’ awturi tiegħu u biża’ possibbli marbuta mal-konsegwenzi ta’ pubblikazzjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni wkoll f’dan ir-rigward li, peress li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jeżiġi l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu serju għal proċess deċiżjonali, ir-rekwiżit marbut mal-oneru tal-prova li għandha l-istituzzjoni huwa partikolarment għoli.

55      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riskju li l-iżvelar tal-opinjonijiet tal-uffiċjali jista’ jwassal sabiex jiċċensuraw lilhom infushom, ir-Renju tal-Isvezja jfakkar li l-uffiċjali huma marbuta jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-funzjoni tagħhom b’mod oġġettiv u imparzjali kif ukoll fl-osservanza tad-dmir ta’ lealtà tagħhom lejn l-Unjoni. Il-fatt li l-pubbliku għandu d-dritt li jiġi infurmat dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ma jistax jikkostitwixxi raġuni aċċettabbli sabiex dawn l-obbligi ma jitwettqux. Fi kwalunkwe każ, l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet għandhom ikunu jafu b’dan id-dritt li jiġu infurmati, mingħajr ma jippretendu leġittimament li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti miżuma mill-Kummissjoni tmur lil hinn minn dak li jipprovdi r-Regolament Nru 1049/2001.

56      Fir-rigward tad-dokumenti ta’ xogħol, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li l-aċċess għal dawn id-dokumenti jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-fatt li r-rapport innifsu kien protett mill-eċċezzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa wisq ġenerali u jestendi indebitament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni.

57      Fir-rigward tan-noti lill-kummissarju, in-noti lis-servizzi l-oħra u r-risposta lis-servizzi minbarra s-servizz legali, ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-Qorti Ġenerali segwiet ukoll raġunament ġenerali u ipotetiku, billi bbażat ruħha fuq il-biża’ li tipprekludi komunikazzjoni libera bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni.

58      Rigward ir-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-Artikolu 16(3) tad-Decizjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151), jeżiġi li dan ir-rapport jiġi ppubblikat fl-istess waqt bħad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża li fir-rigward tagħha ġie stabbilit dan ir-rapport. Konsegwentement, huwa wkoll dubjuż li l-imsemmi rapport jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet għall-użu intern” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa minnu li, fil-kawża inkwistjoni, il-kawża ngħalqet fl-1999, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, anki jekk fir-rigward tas-sistema applikabbli fl-1999 ir-rapport seta’ jibbenefika mill-eċċezzjoni dwar l-imsemmi kunċett, kien ikun neċessarju li jiġi ppruvat ir-rekwiżit effettiv tal-kunfidenzjalità.

59      Fir-rigward tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv, ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta l-fatt li din tista’ taqa’ taħt il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li dan il-kumitat huwa indipendenti mill-Kummissjoni, b’mod li l-eċċezzjoni inkwistjoni lanqas ma hija applikabbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdi, għall-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, regoli ta’ pubblikazzjoni simili għal dawk li jirregolaw ir-rapport tal-uffiċjal tas-seduta. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 19(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), il-kumitat konsultattiv seta’ jirrakkomanda lill-Kummissjoni l-pubblikazzjoni tal-opinjoni tiegħu. F’dawn il-kundizzjonijiet, skont l-Istat Membru, qabel ma jikklassifika bħala sensittiva nota indirizzata lill-kumitat konsultattiv dwar il-missjoni tiegħu, kien neċessarju li jsir eżami fid-dettall tal-kontenut ta’ din in-nota.

60      Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li ċ-ċirkustanzi marbuta man-nota tal-fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice ma jirriżultawx b’mod ċar mis-sentenza appellata. Jekk, kif ikkonfermat MyTravel, din in-nota kienet tikkonċerna osservazzjonijiet orali ta’ First Choice, lanqas ma huwa ċert li effettivament tinkludi opinjoni intiża għall-użu intern fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi vverifikat il-kontenut tal-imsemmija nota sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni kinitx applikabbli għaliha.

61      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, isostnu li l-appell tar-Renju tal-Isvezja huwa kompletament infondat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma implikatx li analiżi ta’ dokument b’dokument ma kinitx utli.

62      L-imsemmija partijiet jenfasizzaw, qabelxejn, li r-Renju tal-Isvezja ma kkontestax id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, inkluża fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-interess tal-pubbliku li jikseb il-komunikazzjoni ta’ dokument ma għandhiex l-istess piż bħal dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva li tikkonċerna, pereżempju, id-dritt tal-kompetizzjoni, fir-rigward ta’ dokument dwar proċedura leġiżlattiva. Id-differenza tat-trattament bejn dawn id-dokumenti hija ġġustifikata b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tal-kontroll ta’ legalità li huwa eżerċitat fuq atti amministrattivi.

63      Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li l-approċċ li stabbilixxa r-Renju tal-Isvezja jista’ jostakola t-twettiq tal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni intiż li jippriżerva “spazju għal riflessjoni” intern fl-istituzzjoni, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1049/2001.

64      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-interessi protetti mir-Regolament Nru 1049/2001 huma differenti mill-interessi tal-partijiet f’proċedura amministrattiva. Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar hija żgurata b’atti speċifiċi, bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), applikabbli fil-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-punt 22 tad-digriet tad-29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il-Parlament (C‑9/08), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ppreċiżat li l-intenzjoni li tuża dokumenti interni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja individwali kontra istituzzjoni tal-Unjoni, kif iddikjarat MyTravel, hija indizju ta’ interess purament partikolari.

65      Sussegwentement, il-Kummissjoni u l-Istati Membri li intervjenew insostenn tagħha sostnew li, fid-deċiżjonijiet inkwistjoni, hija eżaminat b’mod konkret kull dokument li ntalab aċċess għalih, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li hija kienet ikkomunikat uħud minnhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni f’dan ir-rigward li r-relazzjoni bejn id-digriet ta’ importanza tal-motivazzjoni ta’ rifjut u l-każ inkwistjoni jiddependu direttament mis-sitwazzjoni konkreta inkwistjoni. Fir-rigward tal-kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni, id-diverġenzi ta’ opinjoni bejn is-servizzi matul proċedura amministrattiva, li huma konkretizzati fl-opinjonijiet interni tas-servizz legali jew ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, ma jistgħux jonqsu li jiġu użati. Għalhekk, il-Kummissjoni jkollha riskju li taffaċċja, fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarja futuri, opinjonijiet preċedenti diverġenti.

66      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Renju tal-Isvezja li jipprovdi li l-uffiċjal huwa marbut iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’imparzjalità u oġġettività huwa nieqes minn kull rilevanza fil-każ inkwistjoni.

67      Fir-rigward tad-dokumenti differenti inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tar-Renju tal-Isvezja li jipprovdu li jkun raġonevoli li jitqies, mingħajr konoxxenza tal-fatt, li r-rapport jinkludi partijiet li ma għandhomx natura sensittiva, u għalhekk jistgħu jkunu suġġett ta’ żvelar parzjali, ma humiex ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, aċċess parzjali ma huwiex prevedibbli meta ebda parti tad-dokument ma hija inseparabbli mill-oħrajn.

68      Rigward id-dokumenti ta’ xogħol, il-Kummissjoni ssostni li hija rrifjutat l-aċċess wara eżami konkret ta’ kull wieħed minnhom. Fil-fatt, dawn id-dokumenti ġew imfassla sabiex jippreparaw rapport u huma riprodotti litteralment hemmhekk. Konsegwentement, huma ma setgħux jiġu żvelati għall-istess raġunijiet invokati fir-rigward tar-rapport innifsu.

69      Fir-rigward tar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni ssostni li, matul investigazzjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, l-uffiċjal tas-seduta jistabbilixxi żewġ rapporti, jiġifieri rapport intermedjarju, li huwa purament intern, u rapport finali, li huwa intiż għall-pubblikazzjoni, skont l-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni 2001/462. Ir-rapport inkwistjoni huwa rapport intermedjarju, imfassal għall-attenzjoni ta’ membru tal-Kummissjoni inkarigat minn kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom dan ir-rapport ma għandux jiġi żvelat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tippreċiża li s-sistema preċedenti għall-imsemmija deċiżjoni, applikabbli ratione temporis inkwistjoni, ma tipprovdi ebda pubblikazzjoni tar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta.

70      Fir-rigward tan-nota interna tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkunsidraw li l-fatt li l-opinjoni tal-imsemmi kumitat hija pubblika ma hijiex rilevanti fil-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, in-nota inkwistjoni, li fiha dan id-direttorat ġenerali jagħmel sunt tal-abbozz tad-deċiżjoni, għandha kontenut differenti minn din tal-aħħar u għandha tiġi kkunsidrata, minħabba f’dan, bħala dokument intern.

71      Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħar nett li n-nota tal-fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice tirrifletti l-impressjonijiet tal-uffiċjali tad-DĠ “Kompetizzjoni” matul iż-żjara. Jekk jingħataw iżjed dettalji dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument dan jista’ jwassal sabiex iċaħħad l-eċċezzjoni inkwistjoni mill-effett utli tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 UE, inkluż bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-iktar eqreb possibbli lejn iċ-ċittadin. Kif tfakkar it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, p. I‑8533).

73      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru r-raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, p. I‑5885, punt 51, kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

74      Huwa minnu li dan id-dritt huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa ħdax, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi illi l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 62, kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 71).

75      Madankollu, peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sison vs Il-Kunsill, punt 36, kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 73).

76      Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu, fil-prinċipju għandu jiġi spjegat kif l-iżvelar ta’ dan id-dokument jista’ speċifikament u effettivament jippreġudika l-interess protett bl-eċċezzjoni – fost dawn ipprovduti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li invokat din l-istituzzjoni (sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali dannu għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

77      Fir-rigward tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pprovduta fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, il-fatt li d-dokumenti msemmija minn din id-dispożizzjoni jikkonċernaw proċedura amministrattiva li kienet diġà ngħalqet huwiex rilevanti għall-applikazzjoni konkreta tal-eċċezzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għall-fatti inkwistjoni fil-kawża li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18), imsemmija mir-Renju tal-Isvezja waqt is-seduta, u kif jirriżulta mill-punt 9 tas-sentenza preżenti, MyTravel ippreżentat talba għall-aċċess tad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni Airtours fit-23 ta’ Mejju 2005, jiġifieri f’mument li fih din id-deċiżjoni, tat-22 ta’ Settembru 1999, mhux biss kienet diġà ġiet adottata, iżda kienet ukoll ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li kontra tagħha t-terminu ta’ appell kien barra minn hekk skada.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi Artikolu 4(3) jagħmel distinzjoni ċara preċiżament skont il-fatt dwar jekk proċedura ngħalqitx jew le. Għalhekk, minn naħa, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal protezzjoni kull dokument stabbilit minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn istituzzjoni u li jikkonċerna l-kwistjoni li dwarha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, l-eċċezzjoni inkwistjoni tkopri biss id-dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata.

79      Huwa għalhekk għal parti waħda mid-dokumenti għall-użu intern, jiġifieri dawn li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fejn l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

80      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, ladarba d-deċiżjoni adottata, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali huma inqas akuti, b’mod li l-iżvelar ta’ kull dokument minbarra dawn imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ qatt jippreġudika l-imsemmi proċess u r-rifjut ta’ żvelar ta’ tali dokument ma jistax jiġi awtorizzat, minkejja li l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament dan il-proċess kieku seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

81      Huwa minnu li, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tas-sentenza appellata, is-sempliċi possibbiltà li tiġi invokata l-eċċezzjoni inkwistjoni sabiex jiġi rrifjutat aċċess għal dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata b’ebda mod ma huwa affettwat mill-fatt li ġiet adottata d-deċiżjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-evalwazzjoni li tintalab tagħmel l-istituzzjoni kkonċernata sabiex tistabbilixxi jekk l-iżvelar ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti huwiex possibbli jew le li jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tagħha ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura amministrattiva li huma marbuta magħha dawn id-dokumenti tkun ngħalqet.

82      Fil-fatt, ir-raġunijiet invokati minn istituzzjoni u li jistgħu jiġġustifikaw aċċess għal tali dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva jistgħu ma jkunux suffiċjenti sabiex jopponu r-rifjut ta’ żvelar tal-istess dokument wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, mingħajr ma din l-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet speċifiċi li għalihom hija tqis li l-għeluq tal-proċedura ma jeskludix li r-rifjut ta’ aċċess jibqa’ ġġustifikat fir-rigward tar-riskju ta’ dannu serju għal proċess deċiżjonali tagħha (ara, b’analoġija mat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sentenza L-Isvezja et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 132 sa 134).

83      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju invokat mir-Renju tal-Isvezja insostenn tal-appell tiegħu.

84      Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali applikatx b’mod korrett it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward ta’ kull dokument li l-aċċess tiegħu ġie rrifjutat lil MyTravel permezz tad-deċiżjonijiet inkwistjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

85      Fir-rigward tar-rapport, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, kkonkludietx li l-iżvelar tar-rapport kienx jikkawża dannu serju lill-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

86      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkunsidrat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata li, l-interess tal-pubbliku li jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza ma għandux l-istess piż f’dak li jirrigwarda dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali li jikkonċerna dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni Komunitarja tintervjeni bħala leġiżlatur. Sussegwentement, fil-punti 50 sa 52 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li, f’tali ċirkustanzi, l-iżvelar tal-pubbliku ta’ dokument,, bħar-rapport, jipprekludi li l-Kummissjoni jkollha opinjoni libera u kompleta tas-servizzi tagħha, fid-dawl tal-fatt li hija wasslet lill-awturi ta’ dan id-dokument sabiex jiċċensuraw lilhom infushom. Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ żvelar ta’ tali dokumenti jinkoraġġixxi l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni ma jitlobx iktar opinjoni bil-miktub, possibbilment kritika, tal-kolloboraturi tiegħu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jew dik tal-Kummissjoni, li tippreġudika kunsiderevolment l-effiċjenza tal-proċess deċiżjonali intern tagħha.

87      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li huwa minnu, kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma teżiġix aċċess estensiv għad-dokumenti bħal dak li jikkonċerna l-attività leġiżlattiva tal-istituzzjoni tal-Unjoni (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 60, kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 77).

88      Madankollu, dan b’ebda mod ma jfisser li, kif sostnew b’mod ġust ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlanda, tali attività taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li dan japplika għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri stabbiliti jew irċevuti minnha u fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni.

89      It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 86 tas-sentenza preżenti u li tqiesu mill-Qorti Ġenerali bħala insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tal-Kummissjoni għat-talba għal aċċess ta’ MyTravel b’ebda mod ma huma ġġustifikati b’evidenza dettaljata, fid-dawl tal-kontenut attwali tar-rapport, u li jista’ jispjega r-raġunijiet li għalihom l-iżvelar tiegħu seta’ jikkawża dannu gravi għal proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, anki jekk il-proċedura li jirreferi għaliha dokument kienet diġà ngħalqet. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali kellha teżiġi li l-Kummissjoni tindika, skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 81 u 82 tas-sentenza preżenti, ir-raġunijiet speċifiċi li għalihom din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-għeluq tal-proċedura amministrattiva ma kinitx teskludi li r-rifjut għal aċċess tar-rapport jibqa’ ġġustifikat fir-rigward tad-dannu serju għall-imsemmi proċess deċiżjonali.

90      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, f’tali ċirkustanzi, tirrifjuta l-aċċess għar-rapport kollu.

91      Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra, hemm lok li jiġu eżaminati mill-bidu l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Isvezja sabiex jikkontestaw il-fatt li r-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, in-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u n-nota tal-fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice jistgħu jiġu kkunsidrati, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali inkluża fil-punti 105, 111 u 116 tas-sentenza appellata, rispettivament, bħala dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

92      Fir-rigward, qabelxejn, tar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-Renju tal-Isvezja għandu dubji dwar il-possibbiltà li japplika l-eċċezzjoni inkwistjoni għal tali rapport, li huwa suġġett għar-regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni 2001/462, huwa stess jirrikonoxxi li, fir-rigward tas-sistema konkretament applikabbli fl-1999 għar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta li MyTravel talbet il-komunikazzjoni tiegħu, dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

93      Fir-rigward, sussegwentement, tan-nota ta’ DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv, huwa ovvju li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Isvezja, il-fatt li dokument jista’ jiġi ppubblikat ma jeskludix, fih innifsu, li dan l-istess dokument jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li dan japplika għal kull dokument li jinkludi opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni. Kif ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, mingħajr ma hija kontradetta fuq dan il-punt la mir-Renju tal-Isvezja u lanqas mill-Istati Membri intervenjenti insostenn ta’ din tal-aħħar, dak li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dokument inkwistjoni huwa dokument intern tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa preċiżament il-fatt li l-Kummissjoni kienet obbligata tittrażmetti lil dan il-kumitat konsultattiv dokumenti interni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 4064/89 sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni skont il-proċedura li teħtieġ l-intervent tagħha.

94      Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nota tal-fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Isvezja ma jsostnix li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li dan id-dokument kien jinkludi deliberazzjoni interni tad-DĠ “Kompetizzjoni” dwar l-investigazzjoni sa fejn, għal ċerti partijiet, dan id-dokument kien jirrifletti l-impressjonijiet tal-uffiċjali ta’ dan id-direttorat ġenerali matul iż-żjara u mhux, bħal ma ssostni MyTravel fl-ewwel istanza, tal-osservazzjonijiet orali ta’ First Choice. F’dawn il-kundizzjonijiet, din l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkonfutata fl-istadju ta’ appell.

95      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, in-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u n-nota ta’ fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice jikkostitwixxu dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-Kummissjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Madankollu, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta essenzjalment ikkonkludiet, fil-punti 59, 94, 104, 111 u 115 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar ta’ tliet dokumenti msemmija fil-punt 92 tas-sentenza preżenti kif ukoll, minn naħa, tad-dokumenti ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, tan-noti tal-kummissarju, tan-noti ta’ servizzi oħra u tar-risposti tas-servizzi minbarra s-servizz legali kienu jippreġudikaw b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

97      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tar-rapport tal-uffiċjal tas-seduta, in-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u n-nota ta’ fajl dwar żjara fuq il-post ta’ First Choice, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 106, 111 u 116 tas-sentenza appellata, ibbażat il-legalità tar-rifjut tal-Kummissjoni tat-talba għall-iżvelar ta’ MyTravel biss fuq kunsiderazzjonijiet dwar l-impatt li tali żvelar seta’ kellu fuq il-libertà ta’ opinjoni tal-uffiċjal tas-seduta, in-natura tad-dokumenti inkwistjoni u l-fatt li dawn kienu jirriflettu l-impressjonijiet tal-uffiċjali tal-Kummissjoni.

98      Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 81 u 82 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovdiet raġunijiet speċifiċi li għalihom tali kunsiderazzjonijiet kienu jippermettu li jiġi konkluż li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kien jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, minkejja li dawn id-dokumenti relatati kienu ntemmu.

99      Sussegwentement, fir-rigward tad-dokumenti ta’ xogħol, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li dawn kienu ppermettew it-twettiq tar-rapport u kienu jinkludu evalwazzjonijiet preparatorji jew konklużjonijiet provviżorji għall-użu intern u kienu għalhekk jaqgħu taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni.

100    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fi-dawl tal-fatt li, kif ġie deċiż fil-punt 89 tas-sentenza preżenti, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-aċċess għar-rapport seta’ jiġi rrifjutat ma kienx suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma kienet iġġustifikata tikkunsidra, sempliċement abbażi tal-fatt li l-imsemmija dokumenti ta’ xogħol kienu ppermettew it-twettiq tar-rapport, li l-iżvelar ta’ din tal-aħħar kien jippreġudika serjament l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li, għalhekk, dawn id-dokumenti ma kellhomx jiġu żvelati.

101    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-noti tal-kummissajru, tan-noti tas-servizzi l-oħra u tar-risposti għas-servizzi minbarra s-servizz legali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, min-naħa l-oħra, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet spjegat li r-rifjut tal-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kien iġġustifikat anki wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li tali żvelar kien joħloq riskju li jfixkel l-evalwazzjoni tagħha ta’ proġetti simili li jistgħu jseħħu bejn il-partijiet ikkonċernati jew fl-istess settur jew ukoll “għall-kawżi li jirrigwardaw il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet ukoll b’mod speċifiku għall-kawża EMI vs Time Warner, li fil-konfront tagħha rrifjutat talba għall-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tipproteġi d-deliberazzjonijiet tas-servizzi tagħha fil-kawża BMG vs Sony li kkonċernat l-istess settur ta’ attività.

102    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 84 tal-konklużjonijiet tagħha, li tali argumenti ma huma sostnuti b’ebda mod. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma pprovdietx, kif huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 76 tas-sentenza preżenti, ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-aċċess għall-imsemmija dokumenti kellu effett konkret fuq proċeduri amministrattivi oħra speċifiċi. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni, f’każ iżolat, kienet korrettament irrifjutat talba għal aċċess tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tipproteġi d-deliberazzjonijiet tas-servizzi tagħha f’kawża oħra li kienet tikkonċerna l-istess settur ta’ attivitajiet, dan b’ebda mod ma juri li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti fuq il-bażi tal-eċċezzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata bħala tali.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv invokat mir-Renju tal-Isvezja insostenn tal-appell tiegħu, għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

104    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlanda, isostni li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi qieset, bi ksur tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet ġustament irrifjutat l-aċċess għan-noti bħala risposta għas-servizz legali abbażi tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-pariri legali, mingħajr ma wettqet minn qabel eżami tal-kontenut ta’ dawn in-noti.

105    Fil-fatt, il-fatt li l-legalità ta’ deċiżjoni għandha r-riskju li tiġi kkonfutata bl-iżvelar ta’ dokument, ma jikkostitwixxix raġuni li tiġġustifika li dan id-dokument ma jkunx żvelat. Min-naħa l-oħra, huwa preċiżament in-nuqqas ta’ informazzjoni li jista’ jnissel dubji fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet. Dan ir-riskju jiġi evitat jekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tindika b’mod ċar il-motivi li wassluha tagħżel soluzzjoni li fir-rigward tagħha s-servizz legali kien ħareġ opinjoni sfavorevoli. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni li tipprovdi li, fil-każ ta’ żvelar, is-servizz ġuridiku kien jasal jipprova, fil-futur, retiċenza u kawtela, hija infondata. Fl-aħħar nett, l-argument li jipprovdi li huwa diffiċli għal dan tal-aħħar jiddefendi opinjoni differenti minn tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni hija ġenerali wisq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu għall-interess protett mill-imsemmija dispożizzjoni.

106    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit, tqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

107    Fil-fatt, id-dokument inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kien jikkonċerna proċedura leġiżlattiva, filwaqt li, fil-kawża inkwistjoni, in-noti bħala risposta għas-servizz legali kienu jikkonċernaw proċedura ta’ natura amministrattiva. Il-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall, fil-punti 123 sa 127 tas-sentenza appellata, li r-riskju għal dannu għal protezzjoni tal-opinjonjiet legali implikat bl-iżvelar ta’ dawn in-noti huwa konkret u huwa marbut mal-fatt li, jekk il-kulleġġ ta’ kummissarji ma jsegwix l-opinjoni tas-servizz legali u jadotta deċiżjoni differenti minn dik prevista minn dan tal-aħħar, l-iżvelar ta’ dawn l-opinjonijiet idgħajjef il-benefiċċju li tista’ tikseb il-Kummissjoni minn dawn l-opinjonijiet.

108    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt tad-digriet tagħha Donnici vs Il-Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, li, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq jekk, pereżempju, is-servizz legali jkun obbligat, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-parir li huwa ta u d-deċiżjoni li tkun finalment adottata, li jiddefendi fi proċeduri pożizzjoni li huwa stess kien ħa fil-passat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    Sabiex tingħata risposta għat-tieni aggravju, għandu jitfakkar mill-bidu li, kif intqal fil-punti 87 u 88 tas-sentenza preżenti u kuntrarjament għal dak li tidher li tissuġġerixxi, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, l-attività amministrattiva tal-istituzzjonijiet b’ebda mod ma taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

110    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif tfakkar fil-punt 76 tas-sentenza preżenti, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu, huwa għandu, fil-prinċipju, jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jikkawża b’mod konkret u effettiv dannu għall-interess protett b’eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, invokat minn din l-istituzzjoni.

111    Fir-rigward, fil-kawża inkwistjoni, tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-parir legali, inkluża fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-Renju tal-Isvezja u l-Istati Membri oħra intervenjenti insostenn tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali kinux effettivament suffiċjententi sabiex jikkonkludu li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni kienet irrifjutat l-aċċess għan-noti bħala risposta tas-servizz legali.

112    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, l-ewwel nett, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar tal-imsemmija noti kellu r-riskju li jittrażmetti lill-pubbliku informazzjoni dwar l-istat tad-diskussjonijiet interni bejn id-DĠ “Kompetizzjoni” u s-servizz legali fuq l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni u l-operazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni Airtours, li, bħala tali, kienet toħloq riskju li tippreġudika d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati bejn l-istess partijiet jew l-istess settur. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 125 tal-imsemmija sentenza, qieset li l-fatt li tilqa’ t-talba għall-iżvelar tan-noti inkwistjoni seta’ jwassal lis-servizz legali jipprova, fil-futur, retiċenza u kawtela fir-redazzjoni ta’ tali noti sabiex ma jaffettwax il-kapaċità tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fl-oqsma li fihom tintervjeni fil-kwalità ta’ amministrazzjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 126 tal-istess sentenza, irrilevat li l-iżvelar ta’ dawn in-noti kellu r-riskju li jqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni delikata fejn is-servizzi legali tagħha jistgħu jiġu obbligati jiddefendu quddiem il-Qorti Ġenerali pożizzjoni li ma hijiex dik li sostna fl-intern fil-kuntest tar-rwol ta’ kunsillier tas-servizzi responsabbli tal-fajl fi ħdan il-proċedura amministrattiva.

113    Fir-rigward, qabelxejn, tal-preokkupazzjoni espressa mill-Kunsill li l-iżvelar ta’ opinjoni tas-servizz legali tiegħu dwar proposta leġiżlattiva jista’ jħalli dubju dwar il-legalità tad-deċiżjoni definittiva, għandu jiġi rrilevat, kif jirrileva b’mod ġust ir-Renju tal-Isvezja, li hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem akbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

114    Barra minn hekk, ir-riskju li dubji jitqajmu f’moħħ iċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-legalità ta’ att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju mill-fatt li s-servizz legali tal-Kunsill kien ħareġ parir mhux favorevoli fir-rigward ta’ dan l-att l-iktar spiss ma jitwettaqx jekk il-motivazzjoni ta’ dan l-att issaħħet b’mod li turi r-raġunijiet li għalihom dan il-parir mhux favorevoli ma kienx ġie segwit (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

115    Fir-rigward, sussegwentement, tal-argument li jipprovdi li s-servizz legali għandu jkun prova ta’ retiċenza u ta’ prudenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma vverifikat b’ebda mod jekk dan l-argument kienx sostnut b’elementi konkreti u fattwali, ibbażat ruħha biss fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti.

116    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li s-servizz legali jista’ jsib ruħu obbligat li jiddefendi quddiem il-qrati tal-Unjoni l-legalità ta’ deċiżjoni li fir-rigward tagħha adotta opinjoni negattiva, għandu jiġi nnutat li, kif issostni r-Renju tal-Isvezja, argument ta’ natura ġenerali ma jistax jiġġustifika eċċezzjoni għat.-trasparenza prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 65).

117    Fil-fatt, fil-kawża inkwistjoni, kif tfakkar fil-punt 77 tas-sentenza preżenti, it-talba għal aċċess ta’ MyTravel ġiet ippreżentata wara li d-deċiżjoni Airtours kienet ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u kien skada it-terminu ta’ appell minn din is-sentenza. F’tali ċirkustanza, kif ġie essenzjalment irrilevat fil-punt 96 tal-konklużjonijiet, is-servizz legali ma setax isib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik evokata fil-punt preċedenti, peress li ma kien prevedibbli ebda rikors dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni.

118    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument imqajjem mir-Repubblika tal-Ġermanja li bbażat ruħha fuq id-digriet Donnici vs Il-Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-fatti li taw lok għal dan id-digriet huma differenti minn dawk tal-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi digriet ma kienx jikkonċerna talba għal aċċess fis-sens tar-Regolment Nru°1049/2001, iżda talba intiża sabiex l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni tiġi inkluża fil-fajl tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, tali talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża pendenti li kienet tirrigwarda preċiżament il-validità tad-deċiżjoni tal-Parlament li kienet relatata miegħu l-opinjoni. Konsegwentement, l-imsemmi digriet ma huwiex rilevanti sabiex jiġġustifika l-legalità ta’ rifjut għal aċċess inkwistjoni fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv invokat mir-Renju tal-Isvezja insostenn tal-appell tiegħu għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-partijiet tas-sentenza inklużi fi tmiem l-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

120    Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti, minkejja li tali żvelar kellu r-riskju li jippreġudika l-interessi protetti, skont l-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 rispettivament.

121    Madankollu, fid-dawl tar-risposta li ngħatat lill-ewwel u lit-tieni aggravji invokati mir-Renju tal-Isvezja insostenn tal-appell tiegħu, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet aggravju.

 Fuq ir-rikors u r-rinviju lill-Qorti Ġenerali

122    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

123    Fil-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi definittivament fuq il-motivi invokati insostenn tar-rikors ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiż kontra ż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, intiż kontra t-tieni deċiżjoni inkwistjoni.

124    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 89, 98, 100, 102 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet inkwistjoni, ma applikatx b’mod korrett l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tar-raġunijiet esposti fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza preżenti, din tal-aħħar applikat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-opinjonijiet legali.

125    Minn dan isegwi li, minn naħa, id-deċiżjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu annullati sa fejn huma bbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, it-tieni deċiżjoni inkwistjoni għandha wkoll tiġi annullata sa fejn hija bbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

126    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-motivi invokati minn MyTravel insostenn tar-rikors tagħha, imfakkra fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, intiżi kontra l-ewwel deċiżjoni inkwistjoni u bbażati fuq il-ksur tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas fuq il-motivi, imfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, intiżi kontra t-tieni deċiżjoni inkwistjoni u li jikkonċernaw l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u ta’ verifika, flimkien mal-eċċezzjoni dwar l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

127    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 42 u 43 u kif jirriżulta mill-punti 79 u 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dawn il-motivi.

128    Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-motivi tar-rikors ippreżentati quddiemha minn MyTravel li fir-rigward tagħhom ma tatx deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

129    Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑403/05, Ġabra p. II‑2027), huwa annullat.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2005) 8461 tal-5 ta’ Settembru 2005, li tiċħad it-talba ppreżentata minn MyTravel Group plc intiża li jingħata aċċess għal ċerti dokumenti preparatorji tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, hija annullata sa fejn hija bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

3)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2005) 9763, tat-12 ta’ Ottubru 2005, li tiċħad parzjalment it-talba ppreżentata minn MyTravel Group plc intiża li jingħata aċċess għal ċerti dokumenti preparatorji tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, hija annullata sa fejn hija bbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

4)      Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni fuq il-motivi tar-rikors ippreżentati quddiemha minn MyTravel Group plc li fir-rigward tagħhom ma tatx deċiżjoni.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż