Language of document : ECLI:EU:C:2011:620

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011 (*)

“Appell – Akkordji – Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE – Suq tal‑aċidu monokloroaċetiku – Regoli dwar l-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha – Preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑521/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-11 ta’ Diċembru 2009

Elf Aquitaine SA, stabbilita fi Courbevoie (Franza), irrappreżentata minn E. Morgan de Rivery, S. Thibault‑Liger u E. Lagathu, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Elf Aquitaine SA (iktar ’il quddiem “Elf Aquitaine”) titlob prinċipalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-30 ta’ Settembru 2009, Elf Aquitaine vs Il‑Kummisjoni (T‑174/05, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tal-appellanti, li jirrigwarda l-annullament tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4876 finali, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.773 – AMCA) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), u, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lilha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

2        Mill-informazzjoni li tinsab fil-punti 3 sa 7 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l‑inkjesta tal-Kummissjoni dwar l-akkordju tal-aċidu monokloroaċetiku (iktar ’il quddiem l-“AMCA”) bdiet fl-aħħar tas-sena 1999, wara d-denunzja ta’ parteċipant fl-akkordju. Fl-14 u fil-15 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fuq il-post, fosthom fil-bini ta’ sussidjarja tal-appellanti. Fis-7 u fit-8 ta’ April 2004, hija bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil tnax-il kumpannija differenti, fosthom Elf Aquitaine u din is-sussidjarja (li qabel kienet iġġib l-isem Elf Atochem SA, sussegwentement Atofina SA, u matul l-appell, Arkema SA, iktar ’il quddiem “Atofina” jew “Arkema”).

3        Mill-punt 8 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni kkunsidrat li, essenzjalment, l-impriżi kkonċernati b’din id‑deċiżjoni kienu pparteċipaw f’kartell bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

4        Hekk kif jirriżulta mill-punti 9 sa 12 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li ċaħdet l-argumenti tad-difiża ppreżentati minn Elf Aquitaine, sostniet li l-fatt li din tal-aħħar kellha 98 % tal-ishma ta’ Atofina kien biżżejjed sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-aġir tas‑sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, din ikkunsidrat ukoll li ċ-ċirkustanza li Elf Aquitaine ma pparteċipatx fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-AMCA, ma timpedixxix milli din tkun ikkunsidrata bħala entità ekonomika waħda mal-unitajiet operattivi l-oħrajn tal‑grupp.

5        Mill-punt 30 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-multa imposta fid-deċiżjoni inkwistjoni lil Elf Aquitaine u lil Arkema, għar-responsabbiltà flimkien u in solidum, titla għal EUR 45 miljun.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħdax-il motiv mressqa quddiemha u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż. Il-Qorti Ġenerali għamlet dan billi esponiet b’mod partikolari dawk il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu iktar ’il quddiem.

7        Bl-ewwel motiv tagħha, l-appellanti kienet argumentat li d-deċiżjoni inkwistjoni kisret darbtejn id-drittijiet tad-difiża tagħha, minħabba li minn naħa, ġiet adottata wara proċedura li fiha l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali ġie miksur (l-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, kienet ittieħdet mill-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu li tikkunsidra r-riżultat tal-proċedura amministrattiva (it-tieni parti).

8        Fil-punti 54 sa 72 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet l-ewwel motiv fl-intier tiegħu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej:

“[…]

64      Għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment li jgħid li l-imputabbiltà tar-rikorrenti għar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Arkema mhux suffiċjentement sostnut, fid-deċiżjoni [inkwistjoni], sabiex tiġi ġġustifikata r-responsabbiltà tagħha. Fil-fatt, jirriżulta espliċitament […] minn [din] id-deċiżjoni […] li l‑Kummissjoni fakkret il-prinċipji applikabbli għall-imputabbiltà lill-kumpanniji parent għall-ksur mwettaq mis-sussidjarji tagħhom. Il-fatt li l‑Kummissjoni ma wettqet l-ebda investigazzjoni kontriha, ma indirizzatilha l-ebda talba għal informazzjoni u ma kkuntattjathiex qabel ma bagħtet id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jwassalx biex jiġi kkontestat il-fatt li l‑Kummissjoni setgħet tinformaha bl-ilmenti mqajma kontriha, għall-ewwel darba fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, l-appellanti kienet f’pożizzjoni li twassal il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fis-seduta mal-uffiċjal tas-seduta.

[…]”

9        Meta ċaħdet bħala infondat it-tieni motiv invokat quddiemha, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“85      […] jirriżulta mill-premessa 258 tad-deċiżjoni [inkwistjoni] li ‘[l‑]Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li Elf Aquitaine għandha 98 % mill‑azzjonijiet ta’ Atofina huwa biżżejjed fih innifsu biex tatribbwixxi r‑responsabbiltà għall-azzjonijiet ta’ Atofina lil Elf Aquitaine. Il‑Kummissjoni tqis li l-argumenti msemmija [minn Elf Aquitaine] ma jikkostitwixxux prova biżżejjed sabiex il-preżunzjoni, ibbażata fuq il-fatt li għandha 98 % tal-azzjonijiet, tiġi eskluża. Fl-istess premessa, hija tippreċiża li ‘dawn l-argumenti huma affermazzjonijiet li ma jeskludux il-preżunzjoni li Elf Aquitaine hija responsabbli għall-atti tas-sussidjarja tagħha Atofina’ u li hija ma tikkunsidrax li d-‘dokumenti li jipprovdu ħarsa ġenerali tal-ġestjoni tan-negozju huma biżżejjed sabiex tirribatti din il-preżunzjoni’.

86      Għandu jiġi kkonstat li għalkemm il-Kummissjoni ddikjarat espliċitament fil-premessa 258 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li ż-żamma ta’ 98 % tal-kapital kien biżżejjed sabiex ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet ta’ Atofina tkun imputabbli lil Elf Aquitaine, din madankollu ppreċiżat fl-istess premessa, li l-provi pprovduti mir-rikorrenti ma jirribattux il-preżunzjoni. Tali kunsiderazzjonijiet huma parti mill-ġurisprudenza Komunitarja fuq l‑imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha. Minn dan jirriżulta li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa espliċitu biżżejjed u jippermetti li wieħed jifhem ir-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħatx l-argumenti mressqa minn Elf Aquitaine.

87      F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom l-argumenti ta’ Elf Aquitaine ġew esklużi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni semmiet dawn l-argumenti, fil-premessa 257 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], hekk kif kienu mressqa minn Elf Aquitaine fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija weġbithom fil-premessi 258 sa 261 tad-deċiżjoni [inkwistjoni].

88      B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat li Elf Aquitaine kienet illimitat ruħha li tagħmel dikjarazzjonijiet u li d-dokumenti li hija pprovdiet jagħtu biss ħarsa ġenerali tal-ġestjoni kummerċjali tal-kumpannija.

89      Tali risposta għall-argumenti mressqa minn Elf Aquitaine, għalkemm fil-qosor, jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ċaħdithom. Fil-fatt, il-Kummissjoni wieġbet għall-punti essenzjali tal-argumenti ta’ Elf Aquitaine, billi kkunsidrat il-provi kollha pprovduti minnha.

90      F’kull każ, ma kienx għall-Kummissjoni li twieġeb l-oġġezzjonijiet kollha tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni […]”

10      Fil-punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv invokat quddiemha, ibbażat fuq il-kontradizzjoni tal-motivi bejn l-imputazzjoni tal-ksur lil Elf Aquitaine u l-għarfien tal-livell ta’ parteċipazzjoni baxxa ta’ Atofina fil-ksur. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari ġie meqjus fil-punt 97 tas-sentenza appellata:

“[…] il-livell ta’ responsabbiltà tal-persunal li pparteċipa fl-akkordju ftit li xejn huwa ta’ rilevanza, peress li ma hijiex relazzjoni fejn il-kumpannija parent instigat lis-sussidjarja tagħħa biex tikkommetti l-ksur jew, a fortiori, għax il-kumpannija parent hija involuta fil-ksur, iżda għaliex jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għalhekk, il-fatt li l-kumpannija parent ma kellha l-ebda għarfien tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex tevita r-responsabbiltà.”

11      Din id-dikjarazzjoni tidher, f’kuntesti oħrajn, fil-punti 52, 167 u 186 tas-sentenza appellata.

12      Kif jirriżulta mill-punt 100 tas-sentenza appellata, ir-raba’ motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, kien maqsum fi tliet partijiet.

13      Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellanti sostniet b’mod partikolari li l‑Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina l‑kriterju rilevanti tal-imputabbiltà tal-ksur.

14      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn it-tliet motivi fil-punti 105 sa 109 tas-sentenza appellata. Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat:

“[…] il-Kummissjoni ma tippretendix li għandha setgħa diskrezzjonali sabiex timputa lil kumpannija r-responsabbiltà għal ksur imwettqa minn kumpannija oħra. Fil-fatt, waqt li l-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 260 tad-deċiżjoni [inkwistjoni] li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent f’ċerti ċirkustanzi bħal dawn, dan kien biss wara li enfasizzat, fil-premessa 258 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li r-rikorrenti kienet naqset milli tirribatti l-preżunzjoni ta’ awtonomija tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni [inkwistjoni] li l‑osservazzjoni magħmula fil-premessa 260 kienet tfittex biss li teskludi l‑argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà, f’deċiżjonijiet preċedenti indirizzati lil Atofina, dwar l-aġir ta’ din tal-aħħar lill-kumpannija parent. Barra minn hekk, matul is-seduta u fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub, il‑Kummissjoni indikat li hija effettivament qieset li l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha kellu jintervjeni fejn, meta hija kienet kapaċi li timputa r-responsabbiltà għal ksur lil diversi kumpanniji fi grupp, hija għażlet li timputa dan lill‑kumpanniji kollha tal-grupp jew biss lil dawk li direttament ipparteċipaw fil-ksur.”

15      Fil-punti 121 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata t-tieni parti tar-raba’ motiv invokat quddiemha, li jallega li l‑applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ imputabbiltà, li ma kinitx sostnuta minn provi konkreti, tikser il-prinċipju ta’ awtonomija tas-sussidjarja.

16      It-tielet parti tar-raba’ motiv jirriżulta minn ksur tar-regoli dwar il-provi li jirregolaw ir-responsabbiltà ta’ ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti fil-punti 150 sa 176 tas-sentenza appellata.

17      F’dan ir-rigward, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat:

“[…] l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni injorat ir-regoli dwar il-provi li jirregolaw ir-responsabbiltà ta’ ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, peress li kważi l-kapital kollu kien miżmum, meta seħħ il-ksur, minn Elf Aquitaine, kien korrett li wieħed jassumi li l-Kummissjoni setgħet tassumi nuqqas ta’ awtonomija u tikkunsidra li kien għal Elf Aquitaine li tipproduċi provi li juru li s-sussidjarja tagħha kienet tiddeċiedi b’mod awtonomu l-kors tal-azzjonijiet tagħha fis-suq.”

18      Fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li kellhom jiġu analizzati l-provi pprovduti minn Elf Aquitaine sabiex tirribatti l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, hija qieset dan li ġej:

“[…] il-Kummissjoni segwiet, fil-premessa 257 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], l‑argumenti mressqa minn Elf Aquitaine fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jinkludu l-argumenti li ma kinitx ħadet parti direttament jew indirettament fl-akkordju AMCA, li hija ‘holding pura’, mingħajr funzjonijiet operazzjonali, li Atofina tgawdi minn awtonomija sħiħa fir-rigward tal-politika kummerċjali tagħha u l-aġir tagħha fis-suq, li d-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni jirreferu esklużivament għal Atofina u li partijiet terzi wkoll jikkunsidraw li Atofina biss kienet topera fis-suq. Hija tikkonkludi fil-premessa segwenti li dawn l-argumenti huma sempliċi stqarrijiet li ma jeskludux il‑preżunzjoni li Elf Aquitaine hija responsabbli mill-atti tas-sussidjarja tagħha, u tinnota li d-dokumenti jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni tan-negozju huma insuffiċjenti biex tiġi eskluża din il-preżunzjoni.”

19      Barra minn hekk, fil-punti 160 sa 176 tar-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet numru ta’ argumenti mressqa mill-appellanti sabiex tirribatti l-preżunzjoni applikata fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni inkwistjoni.

20      Fil-punti 184 sa 188 u 192 sa 199 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames motiv fit-tliet partiijiet tiegħu, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ta’ legalità u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

21      Fil-punti 200 sa 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-sitt motiv quddiemha, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

22      Hekk kif jirriżulta mill-punt 208 tas-sentenza appellata, l-appellanti, permezz tas-seba’ motiv tagħha invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, argumentat li l-approċċ il‑ġdid tal-Kummissjoni dwar il-kriterju tal-imputabbiltà tal-ksur tas-sussidjarji ta’ gruppi lill-kumpanniji parent tagħhom, kif applikat fid-deċiżjoni inkwistjoni, joħloq inċertezza legali, b’mod li l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tirrigwarda lill-appellanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tapplika kriterji ta’ imputabbiltà differenti minn dawk użati fid-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ Akzo Nobel NV u Clariant AG u minn dawk applikati fir-rigward ta’ Atofina fid-Deċiżjoni C(2003) 4570 finali tagħha, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni perossidi organiċi”).

23      Waqt li fil-punti 210 sa 216 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il‑motiv, fil-punt 213 tas-sentenza appellata hija b’mod partikolari ddeċidiet:

“F’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li timputa r-responsabbiltà għall-ksur ikkonstatat lill-kumpannija li tikkonsisti mill-kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha, filwaqt li fil-prattika preċedenti tagħha hija kienet tonqos milli tagħmel hekk, id-deċiżjoni tagħha madankollu ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. […] Għalhekk, peress li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li Elf Aquitaine u s-sussidjarja tagħha Arkema flimkien jikkostitwixxu impriża, u imponiet il-multa liż-żewġ kumpanniji flimkien u in solidum, hija ma kisritx il‑prinċipju ta’ ċertezza legali.”

24      Fil-punti 220 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, wieħed wara l-ieħor, it-tmien motiv sal-ħdax-il motiv invokat quddiemha, qabel ma kkonkludiet, fil-punt 244 tas-sentenza appellata, li r-rikors ippreżentat quddiemha għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Bl-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hi;

–        tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza;

–        konsegwentement, tannulla l-Artikoli 1(d), 2(c), 3 u 4(9) tad-deċiżjoni inkwistjoni;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa ta’ EUR 45 miljun imposta flimkien u in solidum lil Arkema u lil Elf Aquitaine permezz tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni inkwistjoni skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, u

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      Prinċipalment, l-appellanti tinvoka ħames aggravji, ibbażati rispettivament fuq:

–        żball ta’ dritt tal-Qorti Ġenerali peress li din naqset milli tislet il‑konsegwenzi tan-natura repressiva tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE;

–        ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ekwità u opportunitajiet ugwali għall-partijiet;

–        żbalji ta’ dritt dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-Artikolu 263 TFUE li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-limiti ta’ stħarriġ tal-legalità, u

–        ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà tas-sanzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

28      Sussidjarjament, l-appellanti tinvoka s-sitt aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-iżbalji ta’ dritt u l-ksur imwettqa mill-Qorti Ġenerali għandhom minnn tal-inqas iwasslu għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq l-appellanti

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt tal-Qorti Ġenerali peress li din naqset milli tislet il-konsegwenzi tan-natura repressiva tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

29      L-appellanti ssostni li n-natura repressiva – fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”) – tas-sanzjonijiet imposti skont l-Artikolu 101 TFUE ma jistax jiġi kkontestat.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 185 sa 187 kif ukoll 194 u 197 tas-sentenza appellata, applikat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantiti mill-Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB.

31      Għalhekk, minn naħa, b’mod ġenerali, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat dawn l-aħħar prinċipji biss għall-impriża ffurmata minn Elf Aquitaine u Arkema, jiġifieri entità nieqsa minn kull personalità ġuridika, u mhux lil dawn iż-żewġ kumpanniji bħala persuni legali distinti, li għandhom biss il-karatteristiċi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv u konkret mid-drittijiet suġġettivi li jirriżultaw mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. B’dan il‑mod, il-Qorti Ġenerali qerdet l-effettività u l-konkretezza tad-drittijiet suġġettivi li jirriżultaw mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq billi ma tippermettix lil dawk l‑entitajiet li għandhom il-karatteristiċi sabiex jagħmlu dan li jitolbu dan il‑benefiċċju, li fl-aħħar nett kien jippermettilhom jirrestrinġu l-aċċess għall-imħallef.

32      Min-naħa loħra, b’mod iktar speċifiku, il-metodu msemmi hawn fuq kien iwassal lill-Qorti Ġenerali teskludi lill-appellanti mill-kamp ta’ applikazzjoni:

–        tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, billi tiċħad fir-rigward tagħha kull valur tal-investigazzjoni preliminari; u

–        tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni, billi tafferma, fil-punti 97, 152, 167 u 186 tas-sentenza appellata, li l‑imputabbiltà tar-responsabbiltà lil kumpannija parent ma hijiex ibbażata fuq “relazzjoni fejn il-kumpannija parent instigat lis-sussidjarja tagħħa biex tikkommetti l-ksur jew, a fortiori, għax il-kumpannija parent hija involuta fil-ksur”, u b’hekk teskludi r-rilevanza tal-gamma ta’ indizji invokati mill-appellanti sabiex turi li hija ma kinitx personalment wettqet xi ksur, li hija ma kinitx taf bit-twettiq tal-ksur ikkontestat u li s-sussidjarja tagħha kienet awtonoma fis-suq.

33      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinvoka, fil-punti 210 u 212 tas-sentenza appellata, prinċipju ta’ effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuna sabiex jitnaqqsu d-drittijiet fundamentali tiegħu favur it-tisħiħ tas-setgħat tal-Kummissjoni.

34      Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-ewwel aggravju ma jikkorrispondix ma’ motiv invokat fl-ewwel istanza u ma jirrigwarda l-ebda parti tas-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, parti ma tistax temenda s-suġġett ta’ kawża billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali iżda li hija ma qajmitx, għaliex hekk hija tkun qed tressaq kwistjoni iktar wiesgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali (ara f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C‑266/97 P, Ġabra p. I‑2135, punt 79, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34). Għalhekk, tali aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.

36      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx in-natura “kriminali”, fis-sens tal-ġurisprudenza taħt l‑Artikolu 6 tal-KEDB, tal-multi imposti skont l-Artikolu 81 KE, iżda, li essenzjalment, kisret id-drittijiet fundamentali li hija tgawdi bħala persuna ġuridika miżmuma responsabbli għal ksur li hemm marbutin miegħu xi sanzjonijiet, li fl-opinjoni tagħha, għandhom tali karattru. Billi, meta wieħed jaraha minn din il-perspettiva, dan l-aggravju ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ma hemm ebda raġuni sabiex din tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 66 u 67).

37      Madankollu, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 27, 87 u 99 ta’ din is‑sentenza, il-kritika speċifika mqajma minn Elf Aquitaine fil-kuntest ta’ dan l‑aggravju, essenzjalment tikkoinċidi ma’ dik imqajma fil-kuntest ta’ aggravji oħra, b’mod partikolari, it-tieni u l-ħames wieħed. Billi dawn il-kritiki ma għandhom l-ebda awtonomija reali fir-rigward ta’ dawn l-aggravji l-oħra, ma huwiex neċessarju li dawn jiġu eżaminati hawnhekk.

38      Bl-istess mod, billi l-ewwel aggravju li b’mod ġenerali huwa kkontestat lill-Qorti Ġenerali għax din applikat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza mhux biss lill-appellanti, iżda lill-“impriża” kkosistitwita b’mod partikolari minn Elf Aquitaine u mis-sussidjarja tagħha Arkema, dan l-aggravju iwassal għal ksur materjali ta’ dawn il-prinċipji fir-rigward tal-appellanti u sabiex l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE tiġi inkwistjoni. Billi dawn l-allegazzjonijiet jikkoinċidu f’ċerti aspetti mat-tieni u mal-ħames aggravju, dawn għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn l-aħħar aggravji.

39      Fir-rigward tal-kritika magħmula fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma qalitx, fil-punti 210 u 212 tas-sentenza appellata, li prinċipju ta’ effettività tad‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ persuna sabiex jitnaqqsu d-drittijiet fundamentali tagħha.

40      Billi din il-kritika hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel għandna nibdew bil-ħames aggravju.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà tas-sanzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames aggravju li tgħid li n-natura repressiva tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jsaħħu l-inammissibbiltà fid-dritt tal-Unjoni tal-preżunzjoni tar-responsabbiltà li de facto hija inkonfutabbli applikata lill-appellanti

–       L-argumenti tal-partijiet

42      L-appellanti ssostni li n-natura repressiva tas-sanzjonijiet taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-konfużjoni istituzzjonali tal-kompetenzi minn naħa tal-prosekuzzjoni kellhom jipprevjenu lill-Qorti Ġenerali milli tivvalida l‑applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà minflok il-ħtieġa għal prova ta’ interferenza tal-appellanti fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha.

43      Barra minn hekk, tali preżunzjoni hija de facto inkonfutabbli, sal-punt li l-karattru inkonfutabbli tiegħu jeqred b’mod partikolari r-regoli dwar l-oneru tal-prova u l‑preżunzjoni ta’ innoċenza.

44      Skont l-appellanti, in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni, kif interpretata mill-Qorti Ġenerali, tirriżulta mill-għaqda ta’ dawn l-elementi li ġejjin:

–        id-dikjarazzjoni fil-punti 86 u 150 tas-sentenza appellata li r-rabta li tikkonċerna l-kapital hija waħidha biżżejjed sabiex tapplika l-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja;

–        l-ammissjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li timputa r-responsabbiltà tal-ksur meta l-kumpannija parent għandha 98 % jew iktar tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, u

–        it-tip ta’ evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet, fil-punti 160 et seq tas-sentenza appellata, tal-gamma ta’ indizji prodotti mill-appellanti u li juru n‑nuqqas ta’ interferenza minn din tal-aħħar fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha.

45      F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tal-appellanti, il-Qorti Ġenereali ċaħdet il-valur probatorju ta’ din il-gamma ta’ indizji billi rrikjediet minnha provi ta’ nuqqas ta’ interferenza, li neċessarjament ikunu negattivi. Il-Qorti Ġenerali teħtieġ probatio diabolica li, b’mod ġenerali, hija inammissibbli fis-sistema tal-prova tal-Unjoni. Skont l-appellanti, din is-sistema ta’ prova inkonfutabbli għandha b’mod partikolari tiġi kkundannata billi din tikser id-dritt għal aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

46      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali illegalment qalbet l-oneru tal-prova fuq il‑prosekuzzjoni, partikolarment billi ċaħdet waħda wara l-oħra l-gamma ta’ indizji li l-appellanti pproduċiet quddiem il-Kummissjoni, b’mod konformi mas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 65). Għalhekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali introduċiet żbilanċ inaċċettabbli bejn, minn naħa, l-appellanti, li għandha fuqha piż li huwa impossibbli għaliha li tassumi, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, li tista’ tkun sodisfatta bi preżunzjoni ta’ responsabbiltà sabiex tapplika sanzjonijiet repressivi, filwaqt li tgawdi minn allegata setgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tapplika jew le tali preżunzjoni.

47      Barra minn hekk, l-appellanti targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li tgħid fil-punt 171 tas-sentenza appellata, ma evalwatx il-gamma ta’ indizji kollha. Skont l-appellanti, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dawn il-provi kienu jirrigwardaw rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn is-sussidjarja tagħha u hija stess u li juru li hija ma tikkostitwixxix entità ekonomika waħda. Madankollu, il-valur probatorju tal-provi jirriżulta mill-indizji kollha meħudin flimkien u mhux neċessarjament minn kull indizju meħud b’mod iżolat.

48      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 172 u 173 tas-sentenza appellata, indikat li l-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja ma hijiex inkonfutabbli. Hija tikkunsidra wkoll li l-motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-imputabbiltà, ġie rrifjutat minħabba li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 163 sa 165, 167 u 169 tas-sentenza appellata, l-appellanti llimitat ruħha li tibbaża fuq affermazzjonijiet li ma kinux sostnuti minn provi. Għall-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li ħtieġet provi insostenn ta’ sempliċi dikjarazzjoni ma jbiddilx il-preżunzjoni inkwistjoni fi preżunzjoni inkonfutabbli.

49      Skont il-Kummissjoni, iż-żamma minn kumpannija parent tal-kapital kollu jew ta’ kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja jippermetti biss li wieħed jassumi, sakemm ippruvat mod ieħor, li dawn il-kumpanniji jagħmlu parti mill-istess “impriża” taħt l-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan il-każ, l-appellanti ma tistax tikkontesta lill-Kummissjoni li kkunsidrat li l-preżunzjoni ma kinitx maqluba hekk kif hija ppreżentat provi ta’ “awtonomija” li ma kinux biżżejjed jew argumenti mhux rilevanti sabiex jiġi determinat jekk is-sussidjarja u l-kumpannija parent jiffurmaw entità ekonomika.

50      Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti esposti fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il‑Kummissjoni ssostni li, fir-realtà, l-appellanti tidher li qed tikkontesta l‑evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġeneral, li huwa inammissibbli fl-appell. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ġenerali. Jekk ma kellhiex l‑opportunità li tevalwa ċerti indizji allegati mill-Kummissjoni, dan kien biss minħabba li ħafna minn dawn l-indizji ma kinux sostnuti bi provi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Billi din l-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellanti tikkonstata konfużjoni fir-rwoli tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jingħad li din, bi ksur tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, qed tipprova tbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli taħt il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

52      Madankollu, huwa neċessarju li din l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli billi din hija diretta, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw minn din il-konfużjoni, kontra l-applikazzjoni, fis-sentenza appellata, ta’ preżunzjoni li essenzjalment kumpannija parent li żżomm il-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-ksur ta’ din is-sussidjarja skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li hija ġurisprudenza stabbilita li l‑kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li twettaq attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il‑prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 95).

54      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 58, kif ukoll General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 37).

55      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, u għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li fiha timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 59, kif ukoll General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 38).

56      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti”) (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50; Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60; General Química et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is‑sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lis-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s‑sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 29; Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; General Química et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

58      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex ikun żgurat jekk l-aġir ta’ sussidjarja huwiex indipendenti fuq is-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

59      Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti b’mod partikolari tfittex li jintlaħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jitrażżan aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, u sabiex dan l-aġir ma jerġax iseħħ, u, min-naħa l-oħra, tal-eżiġenzi ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ dritt tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali. B’mod partikolari huwa għal dan il-għan li huwa konfutabbli, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din il-preżunzjoni hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kumpannija li żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl ta’ din il-parti tal-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza normalment ikun iktar utli li tkun imfittxija fil-qasam tal-entitajiet li kontrihom tintuża din il‑preżunzjoni.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun biżżejjed għal parti kkonċernata li, sabiex tirribatti din il-preżunzjoni, sempliċement tressaq allegazzjonijiet mhux sostnuti, tali preżunzjoni ma tkunx utli.

62      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk huwa diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li tipprova mod ieħor u li d-drittijiet tad-difiża huma żgurati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, Ġabra p. I‑12073, punti 43 u 44, kif ukoll s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Janosevic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2002‑VII, punti 101 et seq).

63      F’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza li l-appellanti ma tikkontestax bħala tali l-legalità tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hekk kif stipulat fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza. Hija ma tikkontestax l-applikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ta’ tali preżunzjoni fil-każ fejn kumpannija parent iżżomm 98 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.

64      Madankollu, l-argumenti tal-appellanti esposti fil-punti 43 sa 47 ta’ din is‑sentenza huma bbażati fuq l-allegazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali, fil-fatt, applikat verżjoni inkonfutabbli ta’ din il-preżunzjoni.

65      Kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fir-rigward tal-provi prodotti mill-appellanti ma jirriżultax, meta kkunsidrati b’mod ġenerali, minn probatio diabolica. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, huwa għall-entitajiet li jixtiequ jirribattu l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja inkwistjoni mal-kumpannija parent u li huma jqisu ta’ natura tali li turi li ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

66      F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li entità ma tipproduċix f’każ partikolari, provi li jirribattu l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jfissirx li din il-preżunzjoni fl-ebda każ ma tista’ tkun irribattuta.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-kritika magħmula fit-tielet inċiż tal-punt 44 u fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza essenzjalment isostnu li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti mressqa mill-appellanti turi, sempliċement mill-konklużjoni tagħha – negattiva skont il-perspettiva tal-appellanti –, l-eżistenza ta’ probatio diabolica, dawn għandhom jiġu miċħuda.

68      Madankollu, sa fejn din il-kritika jkollha l-għan, fil-fatt, li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li din tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli fl-appell. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-iżnaturament tal-elementi ta’ prova li jiġu prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il‑Kummissjoni, C‑425/07 P, Ġabra p. I‑3205, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Sal-punt li, minn naħa, dawn l-istess kritiki jistgħu jiġu interpretati bħala li jirreferu għal nuqqas mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, dawn jaqblu mar-raba’ aggravju u għalhekk ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati b’mod indipendenti fi ħdan din il-parti tal-ħames aggravju.

70      F’dan li jirrigwarda, barra minn hekk, il-kritika, deskritta fl-ewwel inċiż tal-punt 44 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-ammont ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tas-sussidjarja jkun biżżejjed waħdu sabiex jattiva l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għandu jiġi osservat li l-fatt li huwa diffiċli li wieħed jipprova xort’oħra sabiex jirribatti l-preżunzjoni minnha nnifisha ma timplikax li din hija inkonfutabbli, speċjalment meta l-entitajiet li fil-konfront tagħhom topera l-preżunzjoni huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jipproduċu din il-prova fl-isfera tal-attivitajiet tagħhom.

71      Fir-rigward tat-tieni element invokat mill-appellanti sabiex turi n-natura, li fil-fatt hija inkonfutabbli, tal-preżunzjoni applikata mill-Qorti Ġenerali, imsemmija fit-tieni inċiż tal-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, jekk wieħed jassumi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, ippermettiet is‑setgħa diskrezzjonali fil-kap tal-Kummissjoni msemmi fl-istess tieni inċiż, tali ammissjoni jew tali setgħa ma taffettwax il-kwistjoni ta’ jekk il-preżunzjoni applikata fis-sentenza appellata hija inkonfutabbli. Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames aggravju li tgħid li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà applikata mill-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq il-kunċett ta’ impriża, teqred il‑prinċipju ta’ awtonomija tal-persuni ġuridiċi

–       L-argumenti tal-partijiet

73      L-appellanti tqis li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, billi tfixkel b’mod sinjifikattiv il-prinċipju ta’ awtonomija ta’ persuni ġuridiċi, wieħed mill-pedamenti ġuridiċi prinċipali tad-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri.

74      Skont l-appellanti, l-iżball ta’ dritt tal-Qorti Ġenerali kien li tippretendi li għandha l-għażla li tiddeċiedi li huwa minħabba fil-pożizzjoni tal-impriża li għandha tiddeċiedi li ma għandhiex tapplika lill-persuna ġuridika li tifforma din l-impriża la l-prinċipju ta’ awtonomija u lanqas id-drittijiet ta’ difiża.

75      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ieħor ta’ dritt meta kkunsidrat bħala superfluwu l-fatt li teżiġi mill-Kummissjoni li din tirreferi fid-deċiżjoni tagħha għall-indizji konkreti tan-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja tagħha fis-suq.

76      Il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma ġiex invokat quddiem il‑Qorti Ġenerali, b’mod li l-ksur tagħha jikkostitwixxi aggravju ġdid li huwa inammissibbli fl-appell. Fi kwalunkwe każ, fuq il-mertu, dan il-prinċipju ma japplikax f’dan il-każ, billi l-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam.

77      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-“awtonomija” ta’ kumpannija ma tkunx inkompatibbli mal-preżunzjoni li tinsab fil-ġurisprudenza tal-kontroll effettiv ta’ kumpannija parent ta’ ċerti sussidjarji tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Billi din il-parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, hija għandha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is‑sentenza, tiġi ddikjarata inammissibbli.

79      Barra minn hekk, hemm lok li l-ilment fil-punt 74 ta’ din is-sentenza jiġi miċħud, billi jirrigwarda kunsiderazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx, u lanqas ma ssuġġeriet, fis-sentenza appellata.

80      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument imsemmi fil-punt 75 ta’ din is‑sentenza, jirriżulta mill-punti 56 u 57 tiegħu li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, sabiex ikun hemm il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ partikolari, li tipprovdi indizji addizzjonali għal dawk li juru l‑applikabbiltà u l-operazzjoni ta’ din il-preżunzjoni (ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 62). Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma wettqet l-ebda żball billi din ma talbitx, irrispettivament mill-elementi dwar l-operat tal-preżunzjoni inkwistjoni, għal iktar indizji konkreti addizzjonali tan-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja tagħha fis-suq.

81      Għalhekk, billi l-argument imsemmi fil-punt 75 jikkritika n-nuqqas li tissanzjona l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-appellanti, hija tirriproduċi t-tielet aggravju b’tali mod li ma hemmx bżonn li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ħames aggravju.

82      Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ħames aggravju li tgħid li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tikser il‑prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali

–       L-argumenti tal-partijiet

83      L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser il-ħtieġa ta’ ċarezza tal-liġi u tal-prevedibbiltà li jimponu kemm il-prinċipju ta’ legalità kif ukoll dak ta’ ċertezza legali. Skont l-appellanti, jirriżulta mill-punti 97, 152, 167, 186 u 194 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tqis li jeżistu żewġ sistemi ta’ responsabbiltà fil-qasam tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. L-ewwel sistema tissanzjona l‑involviment dirett tal-kumpanniji parent fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala koawtur, b’tali parteċipazzjoni tkun “il-manifestazzjoni tar-rieda tagħhom stess”. It-tieni sistema tissanzjona l-kumpanniji parent bħala kompliċi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji li huma 100 % tagħhom, iżda mingħajr il-ħtieġa għal att fiżiku ta’ parteċipazzjoni li tistabbilixxi l-kompliċità tagħhom, li jagħmel is-sitwazzjoni komparabbli ma’ sistema ta’ responsabbiltà għal atti ta’ terzi.

84      Skont l-appellanti, jekk tali sistema ta’ responsabbiltà għal atti ta’ terzi teżisti fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, quod non, din għandha tkun perfettament definita u applikata b’mod ċar u b’mod konsistenti mill-istituzzjonijiet. Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata tkun inkonsistenti ma’ dan ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ konsistenza.

85      F’dan ir-rigward, l-appellanti jilmentaw minn dak li huma jsejħu “konfużjoni doppja” magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 213 tas-sentenza appellata, l‑ewwel nett, bejn l-imputabbiltà tar-responsabbiltà bejn il-kumpannija parent u r‑responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għall-ħlas tal-multa u, it-tieni nett, bejn l‑imputabbiltà tar-responsabbiltà u l-iffissar tal-multi, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiġġustifika l-allegata setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex timputa r‑responsabbiltà għall-marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-multi.

86      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tħalli l‑ebda marġni ta’ diskrezzjoni jew setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet jeżistu sabiex timputa lil kumpannija parent ir‑responsabbiltà għal ksur. Il-“marġni ta’ evalwazzjoni” jirriżulta biss fl-istadju fejn, meta l-Kummissjoni tkun tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ ksur lil diversi kumpanniji fi grupp, hija tagħżel li timputa lill-kumpanniji kollha tal-grupp jew biss lil xi wħud minnhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, kemm fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ħames aggravju kif ukoll fl-ewwel aggravju invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx, fil-punti 97, 152, 167, 186 u 194 tas-sentenza appellata, “sistema ta’ responsabbiltà għal atti ta’ terzi” fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, hekk kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment indikat fil-punti 97, 152, 167 u 186 tas-sentenza appellata, u hekk kif jirriulta mill-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, li meta kumpannija parent u sussidjarja tagħha huma parti minn “impriża” waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, dan ma huwiex neċessarjament sitwazzjoni fejn ikun hemm instigazzjoni għal ksur bejn il‑kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas, a fortiori, involviment f’dan il-ksur mill-kumpannija parent, li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, iżda l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati huma impriża waħda, fit-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE.

89      Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 105 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali ma għarfietx li għandha “setgħa diskrezzjonali sabiex timputa lil kumpannija r‑responsabbiltà għal ksur mwettqa minn kumpannija oħra” li ġiet ikkritikata mill-argument tal-appellanti fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, f’dan il-punt 105, il-Qorti Ġenerali essenzjalment innotat li l-osservazzjoni magħmula fil-premessa mitejn u sittin tad-deċiżjoni inkwistjoni kienet biss tiċħad l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà, f’deċiżjonijiet preċedenti indirizzati lil Atofina, tal-aġir ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-kumpannija parent. Billi essenzjalment indikat li l-Kummissjoni ma allegatx li tgawdi minn setgħa diskrezzjonali fil-kuntest ikkritikat mill-appellanti quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma affermatx, kuntrarjament għall-impressjoni li tipprova tagħti l-appellanti fil-kuntest tal-ħames aggravju, li teżisti fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni “sistema ta’ responsabbiltà għal atti ta’ terzi”.

90      L-argument fil-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza huma għalhekk ibbażati fuq premessi żbaljati u hemm lok li jiġu miċħuda.

91      Bl-istess mod, jirriżulta li, billi l-kritika fil-punt 85 ta’ din is-sentenza ma hijiex ammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza, fi kwalunkwe każ din għandha tiġi miċħuda, sa fejn din tmur id f’id mal-argumenti fil-punti 83 u 84 ta’ din is‑sentenza

92      Għalhekk, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ħames aggravju li tgħid li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali

–        L-argumenti tal-partijiet

93      L-appellanti ssostni ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-appellanti u l-kumpanniji parent l-oħra msemmija fid-deċiżjoni inkwistjoni kienu ġew ittrattati bl-istess mod.

94      Skont il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li fid-deċiżjoni inkwistjoni, minbarra r‑referenza tagħha għall-preżunzjoni ta’ kontroll eżerċitat 100 % mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha, issemmi wkoll indizji fir-rigward tal-kumpannija parent tal-grupp ta’ Akzo Nobel, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali wettqu diskriminazzjoni kontra l-appellanti. Dan ikun biss ifisser li l‑indizji sabiex tiġi attribwita r-responsabbiltà għal ksur ta’ Akzo Nobel NV kienu iktar “qawwija”, mingħajr dan ma jimplika li l-elementi li jippermettu li tiġi imputata lill-appellanti r-responsabbiltà tal-aġir li jikkawża ksur ta’ Atofina ma humiex biżżejjed.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma tikkontestax f’dan il-każ il-legalità tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti msemmi fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza bħala tali, jew l‑applikabbiltà ta’ tali preżunzjoni fil-każ fejn kumpannija parent iżżomm 98 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.

96      Jirriżulta mill-punti 56, 57 u 80 ta’ din is-sentenza li l-implementazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kellha tali indizji addizzjonali f’dak li jirrigwarda ċerti kumpanniji parent, u mhux oħrajn, u li semmiethom fid-deċiżjoni inkwistjoni ma jikkostitwixxix nuqqas legali li l-Qorti Ġenerali kienet meħtieġa li tissanzjona fis-sentenza appellata.

98      Minn dan jirriżulta li r-raba’ parti tal-ħames aggravju u għalhekk dan l-aggravju kollu kemm hu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ekwità u opportunitajiet ugwali

99      Pemezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-punt 64 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ dritt billi l-Qorti Ġenerali injorat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali. Hekk kif espressament jirriżulta mill-istess appell, din il‑parti tiżdied mal-kritika, imqajma fl-ewwel aggravju quddiem il-Qorti Ġenerali, li tinsab fl-ewwel inċiż tal-punt 32 ta’ din is-sentenza.

100    Essenzjalment, it-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

101    L-ewwel parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti fl-ewwel fażi tal-proċeduri.

102    Skont Elf Aquitaine, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fir-rigward tad-drittijiet tagħha tad-difiża, kwalunkwe valur tal-investigazzjoni qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali ġie osservat minkejja li l-appellanti kienet informatha għall-ewwel darba bis-suspetti kontra tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

103    Tali nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti sa mill-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva hija inaċċettabbli għal tliet raġunijiet:

–        l-ewwel nett, in-natura repressiva tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa biżżejjed li l-garanziji taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw mill-mument li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-esklużjoni tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni;

–        imbagħad, id-dritt li tkun informat u li mismugħ fil-bidu tal-investigazzjoni kien iktar u iktar xieraq, skont l-appellanti, billi ma kinitx involuta fil-ksur u li meta seħħ dan hija ma kinitx taf bl-eżistenza stess tiegħu, u

–        fl-aħħar nett, billi kienet biss informata bis-suspetti fir-rigward tagħha fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu l-passi neċessarji sabiex tipprepara d-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx l-argumenti mqajma mill-appellanti matul is-seduta li hija setgħet tħalli jinqerdu l-provi tal-awtonomija tas-sussidjarja tagħha matul l-erba’ snin ta’ investigazzjoni qabel id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li inevitabbilment affettwa d-drittijiet tagħha ta’ difiża.

104    Il-Kummissjoni ssostni li, billi bħal f’dan il-każ, hija ma eżerċitatx atti investigattivi fir-rigward tal-appellanti, hija għalhekk ma kinitx meħtieġa li tikkomunika lil din tal-aħħar is-suspetti tagħha mill-investigazzjoni preliminari.

105    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li fi kwalunkwe każ, anki jekk tiġi pprovata l-allegata irregolarità invokata mill-appellanti, xorta jkollha tikkunsidra jekk tali irregolarità kienet ta’ natura li effettivament taffettwa d‑drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċedura kkontestata. Madankollu, il-possibbiltà għall-appellanti li tipprova tirribatti l-preżunzjoni inkwistjoni, jew li targumenta li din il-preżunzjoni ma hijiex applikabbli, bl-ebda mod ma ġiet affettwata mill-fatt li huwa biss malli tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li saret taf bis-suspetti kontra tagħha. Skont il-Kummissjoni, billi l-allegat telf ta’ provi tal-awtonomija tas-sussidjarja matul dak il-perijodu kien biss imsemmi matul is-seduta, l‑argument li kien ibbażat fuq dan huwa inammissibbli. Barra minn hekk, din ma hija sostnuta mill-ebda indizju.

106    It-tieni parti tat-tieni aggravju huwa bbażat fuq iċ-ċaħda tal-ħtieġa għal investigazzjoni imparzjali.

107    L-appellanti ssostni f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħtiega anki fir-rigward tal-Kummissjoni sabiex twettaq investigazzjoni preliminari b’mod imparzjali.

108    Tali ċaħda hija, fil-fehma tal-appellanti, inammissibbli peress li, l-ewwel nett, investigazzjoni imparzjali hija pass preliminari meqjus bħala meħtieġ sabiex il‑Kummissjoni tkun tista’ tindirizza, fejn xieraq, att ta’ prosekuzzjoni bħalma hija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

109    It-tieni nett, billi ċaħdet il-ħtieġa għal tali investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, injorat il-ħtieġa ta’ tmexxija imparzjali tal-investigazzjoni, ħtieġa li hija rekwiżit b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali. Minħabba din il-pożizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali, b’nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, tilfet kull kontroll imparzjali tal-investigazzjoni. In-nuqqas ta’ tali kontroll mill-Qorti Ġenerali tan-natura imparzjali tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tiġi, skont l-appellanti, mill-validazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-appellanti sa mill-bidu tal-investigazzjoni, anki minn meta l-ksur kien għall-ewwel darba ddenunzjat lill-Kummissjoni.

110    F’dan ir-rigward, l-appellanti targumenta li n-natura neċessarjament parzjali tal-investigazzjoni fir-rigward tagħha tirriżulta mill-konċentrazzjoni, f’idejn id‑Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni fil-Kummissjoni, ta’ tliet poteri separati ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u ta’ deċiżjoni. Hija qalet li ma setgħetx tkun permessa tali konfużjoni ta’ poteri f’idejn il-Kummissjoni fid-dawl tas-sanzjonijiet punittivi taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

111    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appellanti naqset milli turi li l‑Qorti Ġenerali rrifjutat li tivverifika l-imparzjalità tal-investigazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-konċentrazzjoni tal-poteri f’idejn il-Kummissjoni (ara l-punt 110 ta’ din is-sentenza), hija sostniet prinċipalment li huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112    Skont ġurisprudenza stabbilita, u kif huwa kkonfermat fl-Artikolu 6(3) TUE, id‑drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija ta’ proċeduri amministrattivi dwar il-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

113    Fir-rigward ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u sabiex tieħu l-ewwel pożizzjoni dwar l-orjentazzjoni kif ukoll is‑segwitu tal-proċedura. Min-naħa tagħha, il-fażi kontenzjuża, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur ikkontestat (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 181 sa 183, kif ukoll Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

114    Fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-fażi tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (ara s-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iktar ’il fuq, punt 182, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 38).

115    Huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontenzjuża li l-entità kkonċernata hija nformata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Għalhekk, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l‑impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu bis-sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punti 315 u 316; Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 59).

116    Jibqa’ l-fatt li l-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t‑talbiet għal informazzjoni, jistgħu f’ċerti sitwazzjonijiet, jimplikaw min-natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur għar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati.

117    Huwa għalhekk importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva billi l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi ta’ natura illegali ta’ mġiba ta’ impriżi li tista’ timplika r‑responsabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 15, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 63).

118    Għalhekk, fir-rigward tal-osservazzjoni ta’ terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tas-sors ta’ ostakoli eventwali għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat biss għall-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iżda għandu jestendi għall-proċedura kollha billi ssir referenza għat-tul totali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punti 54 u 55).

119    Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għad-domanda dwar jekk u sa fejn il‑Kummissjoni hija obbligata tipprovdi lill-impriża kkonċernata, diġà fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, ċerti elementi ta’ informazzjoni dwar is‑suġġett u l-għan tal-investigazzjoni, li jippermettulha żżomm l-effikaċja tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża.

120    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, qabel l-ewwel azzjoni meħuda fir-rigward ta’ entità speċifika, hija meħtieġa li fi kwalunkwe każ, tinnotifika lil din l‑entità bil-possibbiltà stess ta’ miżuri istruttorji jew ta’ prosekuzzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, speċjalment jekk minħabba f’tali twissija, l‑effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi kompromessa bla bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

121    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jipprekludix intenzjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-kumpannija li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel ma tesplora jekk eventwalment, il-ksur jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha (ara s‑sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82).

122    Għalhekk, sakemm id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikun f’pożizzjoni li jesprimi l-fehma tiegħu matul il-proċedura amministrattiva kontenzjuża fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar fil-prinċipju ma hijiex mistennija, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, li tinvestiga lil dan id-destinatarju qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

123    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata f’dan il-każ mill-argumenti esposti fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza.

124    Fil-fatt, l-argument fil-punt 110 ta’ din is-sentenza għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli minħabba l-istess raġunijiet stabbiliti fil-punti 35 u 51 ta’ din is‑sentenza.

125    Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument imsemmi fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, jekk huwa minnu li jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali li l-appellanti tkun irrapportat lil din in-nuqqas ta’ miżuri istruttorji minn qabel meħuda direttament fir-rigward tagħha, huwa ċar, madankollu, li l-appellanti talbitha sabiex tissanzjona l-allegata imparzjalità tal-investigazzjoni tal-każ mill-Kummissjoni jew din in-nuqqas ta’ miżura investigattiva bħala tali.

126    Minn dan isegwi li l-argument imqajjem f’dan il-punt 109 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli taħt il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is‑sentenza.

127    Għal dak li jirrigwarda l-argument imsemmi fl-ewwel inċiż tal-punt 103 ta’ din is‑sentenza, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li dan jirrigwarda kunsiderazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx jew ssuġġeriet, fis-sentenza appellata, b’tali mod li għalhekk għandu jiġi miċħud.

128    Insegwitu, f’dak li jirrigwarda l-argumenti esposti fit-tieni inċiż tal-punt 103 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mill-punti 88 u 121 ta’ din is-sentenza li r-responsabbiltà personali ma tipprekludix li l-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat, inizjalment, li tissanzjona l-kumpannija li għamlet il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, li tesplora jekk, eventwalment, il-ksur jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha.

129    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument fit-tielet inċiż tal-punt 103 ta’ din is‑sentenza, anki jekk wieħed jassumi li hija ammissibbli, minkejja l-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, billi din tikkostitwixxi estensjoni tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ motiv invokat fir-rikors promotur fl-ewwel istanza, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma dikjarazzjonijiet sempliċi li ma humiex sostnuti minn l-ebda element konkret.

130    Dan l-argument ġenerali, astratt u mhux iddettaljat, fl-aħħar nett ma huwiex ta’ natura li tiġi stabbilita f’dan il-każ ir-realtà ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punti 52 sa 61).

131    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it‑tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ dritt dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt dwar il-kunċett ta’ motivazzjoni u ta’ ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali billi din tal-aħħar qieset bħala suffiċjenti l-motivazzjoni sommarja tad-deċiżjoni inkwistjoni


 L-argumenti tal-partijiet

132    Permezz tal-ewwel parti tal-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ibbażat fuq kunċett żbaljat tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

133    Elf Aquitaine tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fuq l-imputabbiltà tagħha tal-ksur inkwistjoni ma kienx biżżejjed sabiex tippermettilha li tkun taf jekk din id-deċiżjoni kinitx fondata jew jekk kinitx possibbilment ivvizjata bi żball fuq il-mertu jew fuq il-forma.

134    Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 81, 82 u 89 tas-sentenza appellata, ma kienx biżżejjed f’dan il-każ, skont l-appellanti, li hija tista’ tifhem id-deċiżjoni inkwistjoni li l-Kummissjoni sempliċement akkużatha li teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Atofina. Għall-kuntrarju, billi d-deċiżjoni inkwistjoni ma hijiex, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, att preparatorju, il-motivazzjoni tagħha kellha tkun ċara biżżejjed sabiex tippermetti, minn naħa, lill-appellanti tkun taf ir-raġunijiet għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni u sabiex tevalwa l-argumenti tagħha sabiex tiddeċiedi jekk tintroduċix rikors jew le u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità jekk id-deċiżjoni inkwistjoni kellha tiġi mressqa quddiemha.

135    Fil-fatt, skont Elf Aquitaine, din il-motivazzjoni kellha tkun iktar preċiża kieku: i) l-appellanti ma kinitx ġiet avżata dwar il-prosekuzzjoni kontra tagħha qabel ma rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet; ii) din il-prosekuzzjoni kienet ibbażata biss fuq preżunzjoni ta’ responsabbiltà mhux sostnuta minn l-ebda fatt konkret u li kien ikun impossibbli li tirribatti; iii) il-Kummissjoni titbiegħed mill-prassi deċiżjonali tagħha abitwali, u iv) id-deċiżjoni inkwistjoni twassal sabiex jiġu kkontestati numru ta’ drittijiet fundamentali tal-appellanti.

136    Fir-rigward tat-tielet argument elenkat fil-punt (iii) preċedenti, l-appellanti ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa ħames mija erbgħa u sebgħin tas-sommarju tad-deċiżjoni tagħha, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/C.39181 – Xama’ għal xemgħa) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2009, C 295, p. 17) li d-deċiżjoni inkwistjoni tindika waqfa mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-appellanti. F’dan ir-rigward, din tirreferi wkoll għad-deċiżjoni perossidi organiċi (iċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza) fejn, f’ċirkustanzi simili ħafna għal dawk ta’ din il-kawża, hija ma kienet mibgħuta l-ebda ilment minħabba fl-aġir kollużiv tas-sussidjarja tagħha, Atofina.

137    It-tieni nett, Elf Aquitaine ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tan-natura adegwata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali li huma materjalment ineżatti, sal-punt li l-motivazzjoni mhux biss hija qasira, iżda skont l-appellanti hija insuffiċjenti jew kompletament nieqsa.

138    Minn naħa, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tat l-ebda tweġiba għal ċerti argumenti speċifiċi mqajma insegwitu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

139    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sempliċement ċaħdet, fid-deċiżjoni inkwistjoni, l-argumenti kollha kemm huma tal-appellanti, mingħajr spjegazzjoni, b’mod ġenerali u indiskriminat. Pereżempju, il-Kummissjoni ma tindikax liema dokumenti fost dawk sottomessi lilha ma jipprovdux, fil-fehma tagħha, “ħarsa ġenerali tal-ġestjoni tan-negozju”.

140    Għalhekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

141    Il-Kummissjoni l-ewwel nett tikkunsidra li din il-parti għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli, peress li ma tidentifikax b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata jew l-argumenti ġuridiċi invokati insostenn ta’ din il-parti.

142    Hija żżid li l-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent kienu magħrufa sew sa mill-bidu tal-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni inkwistjoni.

143    Skont il-Kummissjoni, għalkemm ma jidhirx li hemm, f’termini ta’ fatti rilevanti, differenzi oġġettivament sinjifikattivi bejn il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni inkwistjoni u dik li twassal għad-deċiżjoni perossidi organiċi, id-differenza fl-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tiġi spjegata, minn naħa, mill-fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071) taqa’ bejn id-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar id-deċiżjoni perossidi organiċi u d-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar id-deċiżjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ bidla fl-approċċ mill-Kummissjoni madwar is-snin 2002 u 2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

144    Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it‑talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-punt 141 ta’ din is‑sentenza, din il-parti tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din il-ġurisprudenza u hija ammissibbli.

146    Fuq il-mertu, għandu jiġi l-ewwel nett imfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst taħt l-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, b’dan tal-aħħar ikun ibbażat fuq il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67 kif ukoll tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

147    F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 35, u Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, punt 130).

148    Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-obbligazzjoni li tiġġustifika deċiżjoni individwali għandha l-għan, minbarra li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’xi żball li jagħmilha possibbli li tiġi kkontestata l-validità (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 145, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 462).

149    Għaldaqstant il-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien mad-deċiżjoni li takkużaha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 84; tad-29 ta’ April 2004, IPK‑München u Il‑Kummissjoni, C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627, punt 66, kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 463).

150    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE tkun trid tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 178, kif ukoll Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 131).

151    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-motivazzjoni ta’ att għandha madankollu tkun loġika u partikolarment din ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-fehim tar-raġunijiet wara dan l-att (ara, b’analoġija, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

152    Meta, bħal fil-każ ineżami, deċiżjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jirrigwardaw numru ta’ destinatarji u jirrigwardaw l‑imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha fil-prinċipju jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifikaw l‑imputabbiltà tal-ksur lil dik il‑kumpannija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punti 93 sa 101).

153    Fir-rigward, b’mod partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata esklużivament, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji, fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hija fi kwalunkwe każ – jekk dan ma jkunx il-każ, tali preżunzjoni, fil-fatt, tkun inkonfutabbli – obbligata li tipprovdi b’mod adegwat lil dawn id-destinatarji r‑raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jirribattu din il-preżunzjoni. Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dak il-punt jirriżulta b’mod ċar min-natura konfutabbli tal-preżunzjoni inkwistjoni, li sabiex tingħeleb l-appellanti għandha tipproduċi prova li tirrigwarda r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha bejn il-kumpanniji kkonċernati.

154    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li f’tali kuntest il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni dwar elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr tifsira jew b’mod ċar sekondarji (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, iċċitati iktar ’il fuq, punt 64; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 89, kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167).

155    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija parti minn prassi deċiżjonali stabblita tista’ tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ referenza għal din il-prassi, billi din tmur b’mod sinjifikattiv iktar lil hinn minn deċiżjonijiet preċedenti, huwa għall-Kummissjoni li tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il‑Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 44).

156    Permezz ta’ din il-parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l‑Qorti Ġenerali għandha tissanzjona nuqqas ta’ motivazzjoni li tivvizzja d‑deċiżjoni inkwistjoni billi din tirrigwarda l-appellanti.

157    Hekk kif jirriżulta mill-punt 87 tas-sentenza appellata u tal-elementi tal-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti mressqa mill-appellanti bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tirribatti l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni huma elenkati, fil-qosor, fil-premessa mitejn sebgħa u ħamsin tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l‑elementi tinsab fil-premessi mitejn tmienja u ħamsin sa mitejn wieħed u sittin ta’ din id-deċiżjoni.

158    Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, li indikat il-parti essenzjali tal-premessa mitejn tmienja u ħamsin ta’ din id-deċiżjoni fil-punt 85 tas-sentenza appellata, tikkonstata, fil-punt li jmiss, li “għalkemm il-Kummissjoni ddikjarat espliċitament [f’din il-premessa], li ż-żamma ta’ 98 % tal-kapital kien biżżejjed sabiex ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet ta’ Atofina tkun imputabbli lil Elf Aquitaine, din madankollu ppreċiżat fl-istess premessa, li l-provi pprovduti mill-appellanti ma jirribattux il-preżunzjoni.”

159    Jekk huwa minnu li fil-premessi mitejn disgħa u ħamsin sa mitejn wieħed u sittin tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tirrispondi għal xi wħud mill-argumenti mqajma mill-appellanti quddiemha, xorta jibqa’ il-fatt li dawn il‑+kunsiderazzjonijiet ma jindirizzawx numru ta’ argumenti oħra li fir-rigward tagħhom l-uniku teħid ta’ pożizzjoni li jinsab fid-deċiżjoni inkwistjoni huwa magħmul minn dik il-premessa 258. Skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza, dawn l-argumenti kienu partikolarment jirrigwardaw aspetti ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li juru li fiż-żmien tal-fatti, Atofina kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u li ma kinitx tapplika l-istruzzjonijiet li kienet tingħata mill-kumpannija parent tagħha.

160    Essenzjalment, dawn huma l-argumenti li ġejjin:

–        Elf Aquitaine hija biss “holding pura” mingħajr funzjonijiet operazzjonali, fi ħdan grupp kkaratterizzat minn ġestjoni deċentralizzata tas-sussidjarji tagħha;

–        il-ġestjoni tal-attività ta’ Atofina fis-suq ma hijiex suġġetta għall-istruzzjonijiet ta’ Elf Aquitaine;

–        Atofina ma informatx lil Elf Aquitaine tal-azzjoni tagħha fis-suq;

–        Atofina tiddisponi mis-setgħa li tidħol fi kuntratt mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ Elf Aquitaine;

–        Atofina tiddisponi minn awtonomija finanzjarja minn Elf Aquitaine;

–        Atofina dejjem iddefiniet l-istrateġija legali tagħha b’mod awtonomu, u

–        il-perċezzjoni ta’ terzi.

161    Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 150 u 154 ta’ din is-sentenza, u hekk kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni mhux neċessarjament hija meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati mill-partijiet ikkonċernati.

162    Madankollu, jirriżulta wkoll mill-punt 150 ta’ din is-sentenza li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

163    Skont l-appellanti, id-deċiżjoni inkwistjoni u l-proċedura li fiha tidħol huma kkaratterizzati b’mod partikolari mill-fatt li din id-deċiżjoni, b’mod partikolari billi biss fir-rigward tal-appellanti tibbaża fuq preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, mingħajr ma tipproduċi provi li juru interferenza fl-aġir kummerċjali ta’ din is-sussidjarja, tbiegħdet mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

164    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent kienet magħrufa sewwa fil-bidu tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, fin-noti tagħha, hija indikat li “l-prattika tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tal-kapital kollu ma kienx dejjem l-istess”. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tgħid li ddeċidiet “madwar fl-2002-2003”, sabiex tapplika din il-preżunzjoni b’mod iktar sistematiku, hija ma tagħmel l-ebda referenza għal xi deċiżjoni jew dokument ieħor li jenfasizza din il-bidla fl-approċċ. Għalhekk, hija ma indirizzatx direttament l-affermazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-premessa ħames mija erbgħa u sebgħin tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008 iċċitata fil-punt 136 ta’ din is-sentenza kienet tirrikonoxxi li d-deċiżjoni inkwistjoni turi waqfa mill-prassi deċiżjonali preċedenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-appellanti.

165    Fi kwalunkwe każ huwa stabbilit li f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 136 u 143 ta’ din is-sentenza, li fid-deċiżjoni perossidi organiċi, l-appellanti ma ġietx imposta flimkien u in solidum mas-sussidjarja tagħha multa dwar l-aġir li jwassal il-ksur ta’ din tal-aħħar, meta kien jidher li ma hemm l-ebda differenza oġġettiva, mill-perspettiva tal-appellanti għall-inqas, dwar ir-relazzjoni bejn din u s-sussidjarja tagħha fiż-żewġ każijiet.

166    Id-deċiżjoni inkwistjoni u l-proċedura li fiha tidħol huma iktar ikkaratterizzati miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        billi l-multa relatata mal-aġir li jwassal għal ksur ta’ Atofina hija imposta fuq din tal-aħħar u fuq l-appellanti flimkien u in solidum, fattur multiplikatur ta’ importanza ikbar huwa użat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa, sabiex l-ammont finali ta’ din ikun ferm ogħla milli kieku kien ikun jekk is-sussidjarja biss kienet destinatarja ta’ multa;

–        il-multa hija imposta fuq l-appellanti fuq il-bażi biss ta’ “preżunzjoni li Elf Aquitaine hija responsabbli għall-atti tas-sussidjarja tagħha Atofina”, preżunzjoni li ma hijiex neċessarjament identika fl-applikazzjoni tagħha għall-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, esposta fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza;

–        hekk kif jirriżulta mill-parti ta’ din is-sentenza ddedikata għat-tieni aggravju, l-appellanti ma kinitx formalment informata dwar il-possibbiltà li tkun imputata bir-responsabbiltà tal-aġir li wassal għal ksur tas-sussidjarja tagħha fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri erba’ snin wara l-bidu tal-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni, u

–        bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti, hekk kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, għamlet serje ta’ argumenti, li jibbażaw partikolarment fuq il-ġurisprudenza tal-Unjoni, il‑prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u fuq ċerti dokumenti mehmuża fl-anness.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mill-punti 146 sa 155 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari mill-punti 148, 152, 153 u 155 ta’ dan, kien għall-Qorti Ġenerali li fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-bdil fil-metodu – mhux ikkontestat f’dawn il-proċeduri – fil-konfront tal-appellanti bejn id-deċiżjoni dwar il-perossidi organiċi u d-deċiżjoni inkwistjoni, li tingħata attenzjoni partikolari dwar jekk din l-aħħar deċiżjoni tinkludi stqarrija dettaljata tar-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi prodotti mill-appellanti ma kinux biżżejjed sabiex tirribatti l-preżunzjoni applikata f’din id-deċiżjoni.

168    Kif jirriżulta mill-punt 85 tas-sentenza appellata, il-premessa mitejn tmienja u ħamsin tad-deċiżjoni inkwistjoni, li hija l-unika pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni korrispondenti għall-argumenti elenkati fil-punt 160 ta’ din is‑sentenza, tikkonsisti biss f’serje ta’ sempliċi allegazzjonijiet u ċħid, ripetittiv u mhux dettaljat. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, fin-nuqqas ta’ kjarifiki ulterjuri, din is-serje ta’ allegazzjonijiet u ċħid ma hijiex ta’ natura li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jistħarrġu ġ-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda jew li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Pereżempju, minħabba l-kliem ta’ din il‑premessa, jidher li huwa ferm diffiċli jekk mhux impossibbli, li b’mod partikolari wieħed ikun jaf jekk l-indizji prodotti mill-appellanti sabiex tirribatti l-preżunzjoni lilha applikata mill-Kummissjoni ġiet miċħuda għaliex ma kinitx konvinċenti jew għaliex, fl-għajnejn tal-Kummissjoni, il-fatt biss li l-appellanti żżomm 98 % tal-kapital ta’ Atofina kien biżżejjed sabiex l-azzjonijiet ta’ Atofina jkunu imputabbli lill-appellanti, irrispettivament mill-indizji prodotti minn din tal-aħħar bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

169    Għalhekk, il-premessa mitejn tmienja u ħamsin tad-deċiżjoni inkwistjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timmotiva biżżejjed il-pożizzjoni legali tal-Kummissjoni dwar numru ta’ argumenti ddettaljati tal-appellanti.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Qorti Ġenerali, minħabba fil-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 147 sa 155 ta’ din is-sentenza, wettqet zball ta’ dritt meta kkunsidrat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet konformi mal-Artikolu 253 KE u billi ma ssanzjonatx nuqqas ta’ motivazzjoni li tivvizzja d‑deċiżjoni inkwistjoni f’dak illi jirrigwarda l-multa imposta fuq l-appellanti.

171    Għalhekk l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma hijiex fondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju kif ukoll fuq ir-raba’ u s-sitt aggravji

172    Essenzjalment, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija bbażata fuq in-natura inkomprensibbli u ċ-ċirkolarità ta’ ċerti elementi tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

173    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li, fil-punti 160 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik, insuffiċjenti, tal-Kummissjoni.

174    Hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, is-sitt aggravju huwa invokat b’mod sussidjarju.

175    Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel parti tat-tielet aggravju, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan u lanqas ir-raba’ u s-sitt aggravji.

176    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li l‑appell jiġi milqugħ u li s-sentenza appellata tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

177    B’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

178    Hekk kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ din is-sentenza, it-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Permezz ta’ dan il‑motiv, l-appellanti essenzjalment kienet qieset nuqqas ta’ motivazzjoni li tivvizzja d-deċiżjoni inkwistjoni peress li din timputalha r-responsabbiltà għall‑aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha biss fuq il-fatt li din iżżomm sehem mill-kapital ta’ din tal-aħħar u mingħajr l-ebda spjegazzjoni oħra.

179    Fid-dawl tal-iżviluppi fil-punti 144 sa 171 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal‑ewwel parti tat-tielet aggravju, it-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

180    Għalhekk, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni billi din, mingħajr motivazzjoni xierqa għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, timputa l-ksur inkwistjoni lill-appellanti u timmultaha.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

182    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja jipprovdu li meta l-appell ma huwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

183    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dan, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli jippreċiża madankollu li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat‑talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

184    Billi, kemm l-appellanti kif ukoll il-Kummissjoni parzjalment tilfu fuq uħud mill-kapijiet fl-appell, ġie deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ din il-proċedura.

185    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mar-rikors fl-ewwel istanza, billi l-Kummissjoni kienet tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal‑proċeduri fl-ewwel istanza, hekk kif mitlub mill-appellanti.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-30 ta’ Settembru 2009, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑174/05), hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4876 finali, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.773 – AMCA) hija annullata peress li din timputa l-ksur inkwistjoni lil Elf Aquitaine SA u timmultaha.

3)      Elf Aquitaine SA u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess li huma relatati ma’ dan l-appell.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tal-ewwel istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.