Language of document : ECLI:EU:C:2011:816

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing – Multi – Daqs tas-suq, tul tal-ksur u kooperazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Rimedju ġudizzjajru effettiv”

Fil-Kawża C‑389/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2010,

KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG, stabbilita f’Osnabrück (il-Ġermanja),

KME France SAS, li kienet Tréfimétaux SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA, stabbilita f’Firenze (l‑Italja),

irrappreżentati minn M. Siragusa, avukat, A. Winckler, G. C. Rizza, T. Graf, u M. Piergiovanni, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti, assistiti minn C. Thomas, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG (iktar ’il quddiem “KME Germany”), KME France SAS, li kienet Tréfimétaux SA (iktar ’il quddiem “KME France”), u KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA (iktar ’il quddiem “KME Italy”) (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, il-“grupp KME”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Mejju 2010, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (T‑25/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tagħhom għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom skont l-Artikolu 2(g) sa (i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 2826, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu [81KE] u skont l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess [permezz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover [dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) [KE] jew l-Artikolu [82 KE], jew

b)      dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

3        Ir-Regolament Nru 17 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.

4        L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa fformulat kif ġej:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat; [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[...]

3.      Fit-twaħħil [Fl-iffissar] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

5        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet [iffissat] multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

6        L-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), applikabbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-preambolu tiegħu, jistabbilixxi:

“Il-prinċipji indikati [mil-linji gwida] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa għandu jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew imnaqqsa biex jieħdu f’kunsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [attenwanti].”

7        Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida “l-ammont bażiku se jkun stabbilit skond il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17.”

8        F’dak li jikkonċerna l-gravità, il-punt 1, A, tal-Linji Gwida jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret fuq is-suq meta jkun kalkolabbli u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa kklassifikat taħt tliet kategoriji, ksur minuri, ksur serju u ksur serju ħafna.

9        Skont il-Linji Gwida, il-ksur serju ħafna huwa b’mod partikolari r-restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq. L-ammont bażiku tal-multa possibbli huwa ta’ “aktar minn [EUR]20 miljun”. Il-Linji Gwida juru n-neċessità li dan l-ammont bażiku jiġi ddifferenzjat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur imwettaq, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, l-effett dissważiv tal-multa kif ukoll l-għarfien u l-infrastrutturi legali-ekonomiċi tal-impriżi li jippermettulhom li jevalwaw in-natura illegali tal-aġir tagħhom. Huwa ppreċiżat ukoll li fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, jista’ jkun jaqbel li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta tkun teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura.

10      F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Linji Gwida jiddistingwu l-ksur għal tul qasir, b’mod ġenerali ta’ inqas minn sena, u l-ksur għal tul medju, b’mod ġenerali ta’ bejn sena u ħames snin u l-ksur għal żmien twil, b’mod ġenerali ta’ iktar minn ħames snin. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, huwa previst ammont addizzjonali tal-multa li jista’ jiġi stabbilit għal kull sena għal 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur. Il-Linji Gwida jipprovdu wkoll tkabbir fiż-żieda għall-ksur għal żmien twil, sabiex jiġu realment issanzjonati r-restrizzjonijiet li jkunu pproduċew għal żmien twil l-effetti dannużi tagħhom fil-konfronti tal-konsumaturi u sabiex tiżdied l-inċentiva sabiex jinkixef il-ksur jew għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

11      Skont il-punt 2 tal-Linji Gwida, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal, b’mod partikolari, ksur ripetut mill-istess impriża jew mill-istess impriżi għal ksur tal-istess tip. Skont il-punt 3 tal-imsemmija Linji Gwida, dan l-ammont bażiku jista’ jitnaqqas f’każ ta’ ċirkustanzi attenwanti partikolari bħar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew il-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċeduri, barra min-Notifika tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem in-“Notifika dwar il-kooperazzjoni”).

12      Il-Linji Gwida ġew sostitwiti, mill-1 ta’ Settembru 2006, bil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

13      In-Notifika dwar il-kooperazzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha dwar akkordju jkunu jistgħu jiġi eżentati minn multi jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu. Skont it-Titolu B ta’ din in-notifika, tibbenefika minn tnaqqis tal-anqas ta’ 75 % tal-ammont tal-multa jew minn nuqqas ta’ impożizzjoni totali ta’ multa b’mod partikolari l-impriża li tgħarraf lill-Kummissjoni bl-akkordju qabel ma din tagħmel verifika u mingħajr ma jkollha informazzjoni biżżejjed sabiex tagħti prova tal-eżistenza tal-akkordju mikxuf jew li tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dan l-akkordju. Skont it-Titolu D tal-imsemmija notifika, impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 % sa 50 % tal-ammont tal-multa b’mod partikolari meta, qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq.

14      In-Notifika dwar il-kooperazzjoni ġiet issostitwita mill-14 ta’ Frar 2002 permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155). Il-Kummissjoni madankollu f’dan il-każ applikat in-Notifika dwar il-kooperazzjoni, peress li l-impriżi ħadu inkunsiderazzjoni din in-notifika meta kkollaboraw magħha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Flimkien ma’ impriżi oħra produtturi ta’ prodotti semi-manifatturati tar-ram u ta’ liegi tar-ram, l-appellanti pparteċipaw f’akkordju intiż għall-iffissar tal-prezzijiet, sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq u sabiex jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali dwar is-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing.

16      Wara verifiki u investigazzjonijiet, fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 192, p. 21).

17      Sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, l-estensjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tal-imsemmi suq. Hija sostniet illi l-prattiki ta’ tqassim tas-swieq u ta’ ffissar tal-prezzijiet, bħal dawk imsemmija f’din il-kawża, kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur serju ħafna u kkunsidrat illi s-suq ġeografiku affettwat mill-kartell kien jikkorrispondi għat-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li s-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kien settur industrijali importanti ħafna. F’dak li jikkonċerna l-impatt reali fuq is-suq, il-Kummissjoni rrilevat illi kien hemm provi biżżejjed illi juru li l-kartell kien ipproduċa effetti fuq is-suq ikkonċernat b’mod globali. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna.

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat erba’ gruppi li hija kkunsidrat bħala rappreżentattivi tal-importanza relattiva tal-impriżi fil-ksur inkwistjoni. Il-grupp KME ġie kkunsidrat bħala l-attur prinċipali fis-suq ikkonċernat u ġie kklassifikat fl-ewwel kategorija.

19      Il-partijiet tas-suq ġew stabbiliti abbażi tad-dħul mill-bejgħ, magħmul minn kull persuna li wettqet il-ksur, li kien ġej mill-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing fis-suq konġunt tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin. Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multi bħala EUR 70 miljun għall-grupp KME.

20      Fid-dawl tal-fatt li sax-xahar ta’ Ġunju 1995 KME France u KME Italy flimkien kienu impriża distinta minn KME Germany, l-ammont inizjali tal-multi ffissat għal EUR 70 miljun b’mod totali għall-grupp KME, tqassam kif ġej, jiġifieri EUR 35 miljun għall-grupp KME, EUR 17.5 miljun għal KME Germany, EUR 17.5 miljun għal KME Italy u KME France in solidum.

21      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % għall-perijodi l-oħra addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, iżda ta’ inqas minn sena. Għaldaqstant, ġie deċiż illi:

–        peress li l-grupp KME pparteċipa fil-kartell għal ħames snin u seba’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 35 miljun;

–        peress li KME Germany pparteċipat fil-kartell għal seba’ snin u xahrejn, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 70 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun; u

–        peress li KME France u KME Italy pparteċipaw fil-kartell għal ħames snin u għaxar xhur, fil-konfront tagħhom kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

22      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 719 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li ġiet ikkalkulata ż-żieda abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti huma s-segwenti:

–        il-grupp KME: EUR 54.25 miljun;

–        KME Germany: EUR 29.75 miljun, u

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 27.13 miljun;

23      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni ħadet inkunsierazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessi 758 u 759 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-fatt illi l-grupp KME u l-grupp iffurmat minn Outokumpu Oyj u Outokumpu Copper Products Oy (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, il-“grupp Outokumpu”), kienu tawha informazzjoni, fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom, li ma taqax taħt in-Notifika dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’EUR 40.17 miljun, ammont li kien jikkorrispondi għall-multa li kienet ġiet imposta fuqu għall-perijodu ta’ ksur minn Settembru 1989 sa Lulju 1997, li d-determinazzjoni tiegħu kienet possibbli minħabba l-informazzjoni li huwa kien ta lill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-grupp KME, hekk kif jirriżulta mill-premessa 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqu tnaqqas b’EUR 7.93 miljun minħabba l-kooperazzjoni tiegħu, li ppermettiet lill-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-ksur inkwistjoni kien jirrigwarda l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin.

24      B’mod konformi mal-Artikoli 15(2) tar-Regolament Nru 17, u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

–        il-grupp KME: EUR 32.75 miljun;

–        KME Germany: EUR 17.96 miljun, u

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 16.37 miljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Ir-rikorrenti invokaw seba’ motivi, kollha kemm huma dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Dawn il-motivi kienu bbażati, rispettivament, fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt reali tal-kartell fuq is-suq għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali tal-kartell, fuq evalwazzjoni żbaljata tad-daqs tas-settur affettwat mill-kartell, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-importanza tal-grupp KME fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, fuq żieda żbaljata tal-ammont inizjali minħabba t-tul tal-kartell, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, fuq applikazzjoni żbaljata tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tal-grupp KME.

26      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u r-rikors fl-intier tiegħu.

27      Hija ċaħdet ukoll il-kontrotalba tal-Kummissjoni għaż-żieda tal-ammont tal-multi.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28      Il-grupp KME talab li l-Qorti tal-Ġusitzzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        sa fejn huwa possibbli u abbażi tal-fatti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll ta’ dik quddiem il-Qorti Ġenerali; jew

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-grupp KME għall-ispejjeż.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’laqgħa ġenerali, iddeċidiet li din il-kawża għandha tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet u s-sottomissjonijiet jinstemgħu fl-istess jum tal-kawża Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P), dwar l-istess akkordju. Madankollu, billi l-appellanti kienu qajmu diversi aggravji simili għal dawk li kienu qajmu fil-kuntest tal-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P), li s-sottomissjonijiet tagħhom instemgħu qabel, ukoll f’kawża kontra l-Kummissjoni u li jirrigwardaw deċiżjoni preċedenti li tissanzjona akkordju parallel fis-suq tat-tubi industrijali tar-ram, il-partijiet ġew mistiedna li jieħdu inkunsiderazzjoni, matul is-seduta tas-sottomissjonijiet, il-konklużjonijiet mogħtija fl-10 ta’ Frar 2011 mill-Avukat Ġenerali Sharpston f’dik il-kawża.

 Fuq l-appell

31      Il-grupp KME iqajjem sitt aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq diversi żbalji ta’ liġi relatati mal-impatt tal-ksur fuq is-suq, mat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ u tat-tul tal-ksur, il-ksur tal-Linji Gwida kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, il-ksur tal-Linji Gwida u żball ta’ motivazzjoni u, fl-aħħar nett, il-ksur tad-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi relatati mal-impatt tal-ksur fuq is-suq

 L-argumenti tal-partijiet

32      L-appellanti jindikaw li l-ewwel aggravju tagħhom jirrigwarda l-punti 81 sa 92 tas-sentenza appellata. Dawn il-punti jsegwu taqsira tal-argumenti tal-partijiet u teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u ta’ żewġ rapporti ekonomiċi ġodda ppreżentati mill-appellanti sabiex juru n-nuqqas ta’ impatt reali tal-ksur fuq is-suq, bil-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija argumenti u rapporti huma ammissibbli.

33      Il-punti 81 sa 92 tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:

“81      Fir-rigward, imbagħad, tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu wkoll jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx tat prova li l-kartell kellu impatt reali fuq is-suq, dan ma kellux effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ‛serju ħafna’ u għaldaqstant fuq l-ammont tal-multa.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mis-sistema tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji, bħalma huma l-kartelli, jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt reali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 120 u 129, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mischo għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punti 95 sa 101).

83      Għandu jiżdied li, skont il-Linji Gwida jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jiffissaw il-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijentela jistgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew estensjoni ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur “serju” tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafna”, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt reali fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).

84      Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni tat prova suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, tal-impatt reali tal-kartell fuq is-suq kkonċernat.

85      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fil-każ li hija tinvoka impatt reali tal-kartell sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, tkun meħtieġa turi b’mod xjentifiku l-eżistenza ta’ effett ekonomiku tanġibbli fuq is-suq u rabta kawżali bejn l-impatt u l-ksur, kienet ġiet miċħuda mill-ġurisprudenza.

86      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-impatt reali ta’ akkordju fuq is-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tipproduċi provi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali [tat-18 ta’ Lulju 2005], Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, [T‑241/01, Ġabra p. II‑2917], punt 122; tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 159 sa 161; Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 153 sa 155; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 176 sa 178; Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 73 sa 75).

87      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment sabiex tiddikjara l-eżistenza ta’ impatt reali tal-kartell fuq is-suq huma l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ skambju ta’ data dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet, l-eżistenza ta’ dokumenti, redatti matul laqgħat tal-kartell li juru żidiet fil-prezzijiet matul ċerti perijodi tal-kartell u li juru li l-kartell kien ippermetta lill-impriżi kkonċernati li jilħqu l-oġġettivi tagħhom dwar il-prezz, is-sehem sinjifikattiv mis-suq li l-membri kollha tal-akkordju kellhom, u l-fatt li l-partijiet mis-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju baqgħu relattivament stabbli matul it-tul kollu tal-ksur inkwistjoni [...].

88      Ir-rikorrenti jsostnu li l-implementazzjoni tal-kartell kienet ġiet limitata u li provi oħra mressqa mill-Kummissjoni ma jistgħux juru li l-ksur inkwistjoni kellu impatt konkret fuq is-suq.

89      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi, abbażi tal-provi ċċitati fil-punt 87 iktar ’il fuq, li l-ksur inkwistjoni kellu impatt konkret fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [iċċitati iktar ’il fuq] Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 159, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, punt 78, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, punt 165; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, punt 181, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 285 sa 287).

90      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkonstatat, fid-Deċiżjoni [kkontestata], li r-rapport inizjali ma kienx jippermetti li jiġu rribattuti l-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti reali tal-kartell fuq is-suq. Fil-fatt, ir-rapport inizjali jikkonċerna biss id-data ċifrata li tirrigwarda lir-rikorrenti. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li aġir effettiv li impriża tallega li tkun adottat huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur fit-totalità tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 150 u 152; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 342, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 167).

91      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li ma hemmx lok li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, kif stabbilita mill-Kummissjoni fil-premessa 693 tad-deċiżjoni [kkontestata].”

34      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata b’mod mhux loġiku u b’mod mhux xieraq u wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom minħabba l-gravità tal-ksur, tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti mingħajr ma tkun obbligata turi li l-ftehim tassew kellu tali impatt u, fi kwalunkwe każ, billi ddeduċiet dan l-impatt minn indikaturi sempliċi. Barra minn hekk, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, li l-ftehim kellu impatt fuq is-suq, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti u l-provi ta’ natura ekonomika li l-grupp KME kien ippreżenta quddiemha.

35      Il-Kummissjoni qabelxejn issostni li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, dan l-aggravju jinjora l-fatt li, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tikkonferma l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp KME, stabbilita skont il-gravità tal-ksur fil-premessa 693 tad-deċiżjoni kkontestata.

36      Imbagħad, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-konstatazzjonijiet dwar l-impatt tal-ksur fuq is-suq ma kinux determinanti u li, fi kwalunkwe każ, hija applikat il-kriterji legali rilevanti matul l-eżami ta’ dan l-impatt. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli fejn dan jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi u li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu debitament motivati, b’mod partikolari l-punt 90 tas-sentenza appellata, fejn fih il-Qorti Ġenerali tenfasizza li għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-ksur fit-totalità tagħhom, li huwa għaliex din ma taċċettax ir-rapporti ekonometriċi prodotti mill-appellanti u li jirrigwardaw lil dawn tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      L-appellanti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur fost il-“ksur serju ħafna” fis-sens tal-Linji Gwida, iżda dawk relattivi għall-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq bħala element meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa.

38      Skont il-punt 1 A tal-Linji Gwida, l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt reali tiegħu fuq is-suq biss meta dan ikun kalkolabbli.

39      Id-determinazzjoni tal-impatt reali ta’ akkordju fuq is-suq fil-fatt jippresupponi li titqabbel is-sitwazzjoni tas-suq li tirriżulta mill-akkordju ma’ dik li tirriżulta mill-kompetizzjoni libera. Tali tqabbil jimplika neċessarjament li wieħed jirrikorri għal ipoteżi, minħabba l-ammont ta’ fatturi varjabbli li jista’ jkollhom impatt fuq is-suq.

40      Fil-premessa 629 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-mod kif il-prezzijiet evolvew, fin-nuqqas ta’ akkordju, matul il-perijodu li matulu dam għaddej il-ksur. Wara li rribattiet l-argumenti sostnuti mill-appellanti, hija pproduċiet indizji li ppermettewlha li tikkonkludi, fil–premessa 673 ta’ din id-deċiżjoni, li s-sistema antikompetittiva pproduċiet, globalment, effetti fuq is-suq, anki jekk huwa impossibbli li dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż.

41      Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx possibbli, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fakultattiv li huwa l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, peress li ma kienx kalkolabbli. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata fis-sentenza appellata.

42      Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 86 u 89 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-eżiġenzi ta’ prova tal-impatt reali ta’ impriża fuq is-suq. Barra minn hekk, hija stħarrġet, fil-punti 87 u 90 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi impatt reali tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu, hija għamlet dan l-istħarriġ b’mod sussidjarju, kif indikat fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, u wara li fakkret korrettament, fil-punt 82 tagħha, li l-impatt reali tal-akkordji fuq is-suq ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi. Minn dan isegwi li l-aggravju intiż mill-appellanti kontra din il-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa ineffettiv.

43      Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-prova tal-impatt tal-ksur fuq is-suq jirrispondi għall-argument tal-appellanti, miġbur fl-aħħar sentenza tal-punti 58 sa 62 tas-sentenza appellata, li jgħid li tali provi ma jistgħux jiġu pprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li jeżistu elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali impatt, iżda ma kkontestatx l-impossibbiltà li tkejjel dan l-impatt b’mod preċiż.

44      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx ruħha meta, minn naħa, fakkret il-prinċipju li l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u, min-naħa l-oħra stħarrġet il-prova tal-eżistenza ta’ tali impatt.

45      Konsegwentement, huwa żbaljat li l-appellanti jiddeduċu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel aggravju, mill-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali l-konsegwenza li l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali impost fuqhom. Dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

46      Fir-rigward tal-kritika ta’ żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi ekonomiċi li l-appellanti pproduċew quddiemha, ma huwiex allegat li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-rapporti ekonomiċi fis-sens li jmur manifestament kontra l-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni, C‑260/09 P, Ġabra p. I‑0419, punt 57), iżda pjuttost li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-kontenut ta’ dawn ir-rapporti. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma jindikawx b’mod preċiż il-partijiet ta’ dawn ir-rapporti li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sens ċar u preċiż tagħhom. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli.

47      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ

 L-argumenti tal-partijiet

48      It-tieni aggravju jirrigwarda essenzjalment il-punti 97 sa 101 tas-sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“97      Għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li l-ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jkun ikkalkolat billi jkunu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, imma li jikkostitwixxu xorta waħda element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jkun iffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491 punti 5030 u 5031). Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiv mill-prezz finali tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing jew li r-riskju ta’ ċaqliq fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji primi oħra ma jinvalidax din il-konklużjoni.

98      Rigward id-diversi lmenti tal-appellanti intiżi sabiex jaffermaw li, minflok wieħed jirrikorri għall-kriterju tad-dħul mill-bejgħ tas-suq rilevanti, ikun iktar opportun, fid-dawl tal-għan dissważiv tal-multi u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-ammont tagħhom jiġi ffissat skont il-qligħ tas-settur affettwat jew skont il-valur miżjud relatat magħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex rilevanti.

99      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li billi l-gravità tal-ksur hija ddeterminata b’riferiment għal diversi fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 65), u billi l-ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom b’mod obbligatorju jittieħdu inkunsiderazzjoni ma kienet ġiet stabbilta f’dan ir-rigward, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 129) ma hijiex il-qorti Komunitarja, iżda l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u skont il-limiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, il-fatturi u d-data ċċifrata li hija tieħu inkunsiderazzjoni sabiex timplementa politika li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 81 KE.

100      Sussegwentement ma jistax jiġi kkontestat li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa, inkwantu fattur tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, neċessarjament vag u imperfett. Ma ssir distinzjoni la bejn is-setturi b’valur miżjud qawwi u s-setturi b’valur miżjud dgħajjef, u lanqas bejn l-impriżi li jrendu qligħ u dawk li jrendu inqas qligħ. Madankollu, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, id-dħul mill-bejgħ huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala kriterju xieraq, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar ’il fuq], punt 121; l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-premessa 10 u l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 40)].

101      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq ikkonċernat.”

49      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u mmotivat b’mod inadegwat is-sentenza appellata meta approvat ir-riferiment li tagħmel il-Kummissjoni, sabiex tevalwa d-daqs tas-suq affettwat mill-ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-element ta’ gravità tal-multa, li ġiet imposta fuqhom, għal valur tas-suq li jinkludi, b’mod żbaljat, id-dħul mill-bejgħ imwettaq fi ħdan suq upstream distint mis-suq “tal-kartell”, minkejja li l-membri tal-kartell ma humiex vertikalment integrati fis-suq upstream.

50      Huma jsostnu li l-industrija tal-ipproċessar tar-ram għandha karatteristiċi speċifiċi. B’mod partikolari, huwa l-klijent li jiddetermina l-mument tax-xiri tal-metall fuq il-London Metal Exchange, u għalhekk il-prezz tiegħu. Anki jekk dan il-prezz huwa ffatturat mill-produttur tal-pajpijiet lill-klijent bil-marġni tal-ipproċessar, li jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża jkun ifisser li r-realtà ekonomika tas-suq tkun interpretata b’mod ħażin, li huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-parti importanti li tirrappreżenta l-materja prima fl-ispiża tal-prodott u l-varjazzjonijiet importanti ħafna tal-prezz ta’ din il-materja prima. Dawn il-fatti ġew stabbiliti mill-Qorti Ġenerali.

51      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ma kkunsidratx li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, li jgħidu li meta l-Kummissjoni tikkalkula l-ammont inizjali tal-multa u/jew meta tapplika l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni.

52      Barra minn hekk, huma jsostnu li, billi ma ddistingwietx lill-appellanti minn impriżi oħra li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ma kienx influwenzat ukoll mill-prezz tal-materja prima, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jimponi li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod differenti.

53      Fl-aħħar nett l-appellanti jikkontestaw il-ġurisprudenza li serrħet fuqha l-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-gravità tal-kartell kinux relevanti u adegwati.

54      Il-Kummissjoni ssostni li ġustament, il-Qorti Ġenerali setgħet tindika, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, iżda jikkostitwixxu madankollu element essenzjali tal-attivitajiet tiegħu kollha u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġi esklużi mid-dħul mill-bejgħ tagħha fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.

55      Barra minn hekk, hija ssostni li, sa fejn l-appellanti jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel evalwazzjoni differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali dwar il-karattru uniku jew le tas-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, l-aggravju huwa inammissibbli.

56      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni oġġettiva billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ minflok id-data kontroversjali li implikat it-tnaqqis tal-ispejjeż “li ma jistgħux jiġu kkontrollati”. Din il-konklużjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-appellanti f’dak li jikkonċerna l-metodu tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq inkwistjoni. Ikun żbaljat li wieħed jiddistingwi suq upstream distint mis-suq affettwat mill-akkordju. Kien hemm suq wieħed biss, dak tal-pajpijiet tar-ram, u r-ram jirrappreżenta biss spiża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm, skont il-każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

59      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li jaqbel, fid-determinazzjoni tal-multa, li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn din iċ-ċifra li toriġina mill-merkanzija suġġett tal-ksur u li għalhekk hija ta’ natura li tindika l-portata tagħha, hija madankollu rrikonoxxiet li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża jikkostitwixxi biss indikazzjoni approssimattiva u imperfetta tad-daqs ta’ din tal-aħħar (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121; tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 139; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243; tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 100, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 74).

60      Barra minn hekk hija enfasizzat diversi drabi li ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata la lil ċifra minn dawn u lanqas lill-oħra meta mqabbla mal-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur l-oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 243; tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 100, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 74).

61      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u, b’mod partikolari, la kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas dak ta’ nondiskriminazzjoni, meta hija fakkret, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li d-dħul mill-bejgħ, minkejja li huwa vag u imperfett, jibqa’ kriterju adegwat sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati.

62      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi lanqas meta ddeċidiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ produzzjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ llum stess ta’ bejn l-appellanti u l-Kummissjoni (C‑272/09 P), li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ gross f’ċerti każijiet iżda li ma jiġix kkunsidrat f’każijiet oħra, jimponi li jiġi ddeterminat livell, f’forma ta’ relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ nett u d-dħul mill-bejgħ gross, li huwa diffiċli li jiġi applikat, u jiftaħ il-bieb għal kawżi mingħajr tmiem u mingħajr soluzzjoni, inkluż allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

63      Fir-rigward tal-kritika li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-gravità tal-kartell kinux rilevanti u adegwati, għandu jitfakkar li, f’rikors intiż kontra deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa r-rikorrent li għandu jifformula l-motivi f’dan ir-rigward u ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ ex officio l-evalwazzjoni tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.

64      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet l-istħarriġ li kellha tagħmel. Hija rrispondiet għall-motiv invokat mir-rikorrenti u ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun li tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-daqs tas-suq ikkonċernat.

65      Għaldaqstant it-tieni aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

66      L-appellanti jindikaw li t-tielet aggravju tagħhom jirreferi għall-punti 111 sa 117 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u mmotivat din is-sentenza b’mod konfuż, illoġiku u inadegwat, filwaqt li kkonfermat il-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn fiha l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet il-perċentwali massimu ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuhom minħabba t-tul tal-ksur.

67      Skont l-appellanti, mill-punt 1 B tal-Linji Gwida jirriżulta li l-għan taż-żieda tal-multa minħabba t-tul tal-ksur huwa li “jiġu mposti sanzjonijiet effettivi fuq restrizzjonijiet li kellhom impatt negattiv [dannuż] fuq konsumaturi għal perijodu twil”. Ir-rabta li għandha teżisti bejn it-tul tal-ksur u l-effett dannuż tiegħu tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza. Issa, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni, meta evalwat il-gravità tal-ksur, realment tatx l-importanza li kellha tagħti għall-fatt li l-intensita u l-effettività tal-kartell varjaw matul iż-żmien. Għalhekk, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li ż-żieda ta’ 125 % tal-ammont inizjali tal-multa ma huwiex manifestament sproporzjonat.

68      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ rikonoxximent min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-fatt li l-grupp KME kien jinsab f’sitwazzjoni li tixxiebah ħafna ma’ dik tal-impriżi rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑18/05, Ġabra p. II‑1769), u r-rifjut tagħha li tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa mill-ġdid, kuntrarjament għal dak li għamlet f’dik is-sentenza, wasslu għal trattament differenti illegali fir-rigward tal-grupp KME u ta’ dawn l-impriżi.

69      Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma rribattewx il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 111 sa 115 tas-sentenza appellata. Hija żżid li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 stess jistabbilixxi distinzjoni bejn il-gravità tal-ksur u t-tul ta’ tali ksur, u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel mat-tul tal-ksur jeħtieġ li jiġi eżaminat dan it-tul u mhux l-elementi relattivi għall-gravità tal-ksur, bħalma huma l-intensità tal-akkordju u l-effetti tiegħu.

70      Fir-rigward tal-impriżi rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza IMI et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ ksur kontra dawn l-impriżi għal perijodu ta’ sittax-il xahar. L-imsemmija impriżi għaldaqstant kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-appellanti.

71      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex jirriflettu d-dannu ta’ akkordju, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu għaż-żieda tal-multa b’100 % għal kull sena li matulha jseħħ l-akkordju. Iż-żieda ta’ 10 % għal kull sena addizzjonali, li hija applikata f’dan il-każ, fir-realtà hija baxxa ħafna u jidher ċar li din ma hijiex sproporzjonata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw kemm il-prinċipju ta’ żieda tal-multa sabiex tirrifletti t-tul tal-ksur kif ukoll ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna lilhom, jiġifieri ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa, stabbilit għal EUR70 miljun, b’125 % sabiex jirrifletti tul tal-ksur ta’ 12-il sena u 9 xhur, b’kull sena ta’ parteċipazzjoni tkun tikkorrispondi għal 10 % żieda. Skont iċ-ċifri li jidhru fil-premessa 719 tad-deċiżjoni kkontestata u riprodotta fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-amont bażiku għall-grupp KME żdied għal EUR 111.13 miljun.

73      Madankollu, il-kritika tar-riżultat hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rata ta’ żieda kienet ta’ 125 %, meta din kienet biss ta’ 58.75 % (111.13/70 = 1.5875).

74      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ żieda tal-multa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita effettivament relazzjoni diretta bejn dan it-tul u dannu akkumulat ikkawżat lill-għanijiet tal-Unjoni intiżi mir-regoli tal-kompetizzjoni.

75      Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrelevanti minn meta jkun jidher li għandu l-għan li jillimita, li jfixkel jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429). B’mod partikolari, hekk hija s-sitwazzjoni, bħal f’dan il-każ, tal-ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. Jekk akkordju jiffissa l-istat tas-suq fil-mument meta jiġi konkluż, it-tul tiegħu jista’ jrendi riġidi l-istrutturi, u jnaqqas il-ħeġġa għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tal-parteċipanti fl-akkordju. Ir-ritorn għall-istat liberu ta’ kompetizzjoni jkun għalhekk diffiċli u twil skont kemm kien dam l-akkordju nnifsu.

76      Anki jekk l-intensità u l-effettività tal-kartell ivarjaw fiż-żmien, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi kartell ikompli jeżisti u, għaldaqstant, ikompli jirriġidixxi l-istrutturi tas-suq.

77      Fir-rigward tal-ipoteżi ta’ nuqqas totali tal-implementazzjoni ta’ ftehim, għandu jitfakkar li l-punt 3 tal-Linji Gwida jipprovdi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li twassal għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Madankollu ma jidhirx li dan kien il-każ fiċ-ċirkustanzi preżenti, peress li l-appellanti ma kkontestawx l-implementazzjoni tal-akkordju sa fejn jikkonċernahom, iżda unikament in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità varjabbli ta’ din l-implementazzjoni u l-impatt reali u oġġettiv tal-akkordju fuq il-konsumaturi.

78      Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat dannu reali għall-konsumatur, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ fatturi varjabbli possibbli, b’mod partikolari fil-formazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodott immanifatturat.

79      Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-ksur huwa msemmi mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multi.

80      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kellha raġun il-Qorti Ġenerali, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li tiċħad bħala infondat il-motiv dwar iż-żieda tal-ammont tal-multa skont it-tul tal-akkordju.

81      Fir-rigward tal-impriżi rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza IMI et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm interruzzjoni tal-ksur matul perijodu ta’ ftit iktar minn sittax-il xahar. Is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi għaldaqstant kienet differenti sew minn dik tal-appellanti, li qatt ma allegaw interruzzjoni tal-ksur, iżda li invokaw biss bidla fl-intensità tiegħu. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta ttrattat lill-appellanti u lill-imsemmija impriżi b’mod differenti.

82      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li t-tielet aggravju huwa infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ugwaljanza fit-trattament fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

83      L-appellanti jindikaw li r-raba’ aggravju tagħhom jirrigwarda l-punti 125 sa 142 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ċaħdet il-ħames motiv tar-rikors u meta kkonfermat il-parti li tirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata, li fiha, il-Kummissjoni, bi ksur tal-Linji Gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ċaħditilhom il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa minħabba, l-ewwel nett, l-implementazzjoni limitata tal-ftehim, it-tieni nett, il-kriżi fl-industrija tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing u t-tielet nett, il-kooperazzjoni tagħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni.

84      L-ewwel nett l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, fis-sentenza appellata, injorat totalment il-fatt li huma astjenew milli jeżegwixxu l-ftehim u li huma adottaw aġir kompetittiv. F’dan ir-rigward huma jikkontestaw il-kriterju indikat fil-punt 127 ta’ dik is-sentenza u applikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa jekk dawn kinux issodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti, jiġifieri li jiksru b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi intiżi sabiex jimplementaw l-akkordju, sal-punt li jkunu fixklu l-funzjonament tiegħu. Skont l-appellanti, tali kriterju huwa iktar strett minn dak li huwa applikat sabiex jiġi stabbilit il-mument li fih waqfet il-parteċipazzjoni, jiġifieri li jitbiegħdu b’mod miftuħ mill-prattika miftiehma illegali, u dan huwa illoġiku.

85      It-tieni nett, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li din kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni diffiċli li ffaċċjat l-industrija tal-pajpijiet għall-plumbing bħala ċirkustanza attenwanti.

86      It-tielet nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta kkonfermat il-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn fiha l-Kummissjoni ċaħditilhom il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa għall-kooperazzjoni tagħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni. Skont l-appellanti, huma biss kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis jew minn immunità parzjali tal-multa, peress li huma taw prova tat-tul tal-ksur, kuntrarjament għall-grupp Outokumpu, li ma ta l-ebda informazzjoni dwar it-tul totali tal-kartell.

87      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza li tgħid li jista’ jkun hemm tnaqqis tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju.

88      Barra minn hekk hija tfakkar li deċiżjonijiet dwar akkordji oħra ma jistgħux iservu ta’ bażi għal aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-perijodu diffiċli li ffaċċja s-settur seħħ wara l-akkordju.

89      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-grupp KME jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali, ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli.

90      Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa infondat. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali pprovdiet spjegazzjoni ċara u loġika għall-evalwazzjoni tagħha fil-każijiet fejn tista’ tingħata immunità parzjali, b’risposta għall-argumenti ta’ dritt kollha mressqa mill-grupp KME.

91      Jekk il-grupp Outokumpu bbenefika minn tnaqqis tal-multa, dan kien minħabba li l-informazzjoni mogħtija minnu ppermettiet lill-Kummissjoni li tistħarreġ u tirriċerka xi provi. L-appellanti ffaċilitaw il-kompitu billi pprovdew provi, iżda xejn iktar. Kuntrarjament għal dak li taw x’jifhem l-appellanti fl-appell tagħhom, huma lanqas ma setgħu jibbenefikaw minn immunità parzjali skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità ta’ multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji, minħabba li tali immunità hija intiża għall-provi ta’ “fatt li, qabel, ikunu ġew injorati mill-Kummissjoni”, li ma kienx il-każ għat-tul totali tal-kartell.

92      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ immunità parzjali fl-ipoteżi invokata mill-appellanti tmur kontra t-Titolu D tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni li diġà tipprovdi għal tnaqqis tal-multa meta impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Fir-rigward tal-ewwel argument, dan jirrigwarda l-punt 127 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess li tgħid li, sabiex jibbenefikaw miċ-ċirkustanza attenwanti tat-tieni inċiż tal-Punt 3 tal-Linji Gwida, dawk li wettqu l-ksur għandhom juru li huma adottaw aġir kompetittiv jew, għall-inqas, li huma kisru, b’mod ċar u b’mod kunsiderevoli, l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni tal-akkordju, sal-punt li fixklu l-funzjonament tiegħu, u li huma jkunu taw l-impressjoni li ma aderixxewx mal-ftehim u, minħabba f’hekk, ma ħeġġewx lil impriżi oħra jimplementaw l-akkordju inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 292, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

94      Fil-punt 491 tas-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ċċarat din il-ġurisprudenza meta fakkret li impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politika bejn wieħed u ieħor indipendenti fis-suq tista’ sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha. Kieku, f’każ bħal dan, jiġu rikonoxxuti xi ċirkustanzi attenwanti, ikun faċli wisq għall-impriżi li jiminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multa ħarxa, peress li huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw imbagħad minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma jkollhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-imġiba tagħhom tkun ħeġġet lil impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni (ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 277 sa 279).

95      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, l-impriża li tieqaf tipparteċipa f’akkordju ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni tal-impriża li taderixxi mal-akkordju iżda ma timplemenentahx jew tieqaf timplementah. F’dan il-każ tal-aħħar, fil-fatt, l-impriża tkompli tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fid-diskussjonijiet eventwali u bil-fatt, kif irrilevat mill-Qorti Ġenerali, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju jista’ jħeġġeġ impriżi oħra sabiex jaġixxu b’mod li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni.

96      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat b’mod strett il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn ċirkustanza attenwanti msemmija fit-tieni inċiż tal-Punt 3 tal-Linji Gwida. Issa, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma sostnewx li huma ssodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk, l-ewwel argument huwa infondat.

97      Fir-rigward tat-tieni argument, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħala regola ġenerali, il-kartelli jinħolqu fil-mument fejn settur ekonomiku jaffaċċja diffikultajiet, u li tali diffikultajiet ma jistgħux, bħala prinċipju, iservu ta’ ċirkustanza attenwanti.

98      Barra minn hekk, id-diffikultà sabiex jitqabbel il-livell ta’ multi imposti fuq impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim differenti, fi swieq differenti, fi żminijiet li jkunu xi drabi ’l bogħod minn xulxin, tista’ tirriżulta mill-kundizzjonjiet meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ politika effettiva ta’ kompetizzjoni (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 81). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta kkunsidrat, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li minkejja li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi.

99      Fir-rigward tat-tielet argument, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza appellata, mingħajr ma madankollu jippreċiżaw u jimmotivaw, fiex il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-raġunament żviluppat fil-punti 136 sa 140 ta’ din is-sentenza u mingħajr ma tispjega fiex, il-produzzjoni ta’ provi ta’ fatti diġà magħrufa tal-Kummissjoni tiġġustifika iktar l-għoti ta’ ċirkustanzi attenwanti milli l-produzzjoni preċedenti ta’ informazzjoni ġdida għall-Kummissjoni. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli, billi huwa wisq impreċiż.

100    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li r-raba’ aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida u fuq żball ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

101    L-appellanti jindikaw li l-ħames aggravju jirrigwarda l-punti 163 sa 174 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u mmotivat b’mod illoġiku u inadegwat iċ-ċaħda tagħha tas-seba’ motiv tar-rikors u l-konferma tagħha tar-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tnaqqsilhom il-multa minħabba l-inabbiltà tagħhom li jħallsu, b’mod partikolari wara l-piż finanzjarju li kien diġà ġie impost fuqhom fil-kuntest tal-kawża dwar il-pajpijiet industrijali tar-ram. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju xieraq, peress li l-impriża kellha biss turi li l-ksur tas-sanzjoni ħarxa se tikkawżalha dannu ekonomiku u finanzjarju serju ħafna. Barra minn hekk huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni parti tal-kriterju previst fil-punt 5(b) tal-Linji Gwida, billi kkonkludiet għaldaqstant li l-ebda “kuntest soċjali speċifiku” fis-sens tal-imsemmi punt ma kien jiġġustifika tnaqqis tal-multa. Fl-aħħar nett huma jsostnu li s-sentenza appellata ma rrimedjatx għad-diskriminazzjoni illegali mwettqa mill-Kummissjoni għad-detriment tagħhom meta mqabbla ma’ SGL Carbon AG fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921).

102    Il-Kummissjoni qabelxejn tirrileva li l-ewwel argument tal-appellanti ma jirrigwardax żball ta’ liġi osservat fis-sentenza appellata u li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar is-sens tal-frażi “inabbiltà tagħhom li jħallsu”. Barra minn hekk hija tirrileva li l-kwistjoni tal-“kuntest soċjali speċifiku” ma ġietx sottomessa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, l-affermazzjonijiet tal-appellanti huma vagi u jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet dwar il-fatti u dwar il-provi. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar id-diskriminazzjoni, peress li l-prassi tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti ma jservux bħala qafas legali għall-multi. Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni ta’ SGL Carbon AG kienet differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fil-punt 165 tas-sentenza appellata fakkret li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ tal-impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal għal vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adegwati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 327; tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100).

104    Il-Kummissjoni hija inqas u inqas marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni inabbiltà allegata li wieħed iħallas ikkawżata minn sanzjoni finanzjarja imposta minħabba ksur ieħor tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li l-impriża hija l-persuna primarjament responsabbli għal tali sitwazzjoni li hija kkawżat permezz ta’ aġir illegali.

105    Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, id-diffikultà li jitqabbel il-livell ta’ multi imposti fuq impriżi li pparteċipaw fi ftehim differenti, fi swieq differenti, fi żminijiet xi drabi ’l bogħod minn xulxin, tista’ tirriżulta mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ politika effettiva tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta fil-punt 164 tas-sentenza appellata kkunsidrat li billi l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’kawżi preċedenti, tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ impriża, ma jfissirx li din hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’kawża sussegwenti.

106    Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju huwa, fir-rigward tal-bqija, partikolarment ġenerali, bl-appellanti jillimitaw ruħhom li jallegaw żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti Ġenerali mingħajr madankollu ma jispeċifika fiex dan kien jikkonsisti eżattament. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tistħarreġ l-evalwazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali, bħal dawk li jinsabu fil-punti 169 u 170 tas-sentenza appellata.

107    Minn dan jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondant.

 Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv

 L-argumenti tal-partijiet

108    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u d-dritt fundamentali tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv u mingħajr xkiel billi naqset mili teżamina b’mod mill-qrib u rigoruż l-argumenti tagħhom u hija bbażat ruħha b’mod eċċessiv u mhux raġonevoli fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Huma jikkontestaw b’mod iktar partikolari l-mod kif il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni motiv tar-rikors, li jirrigwarda d-daqs tas-suq, ir-raba’ motiv tar-rikors, li jirrigwarda t-tul tal-ksur, kif ukoll il-ħames motiv tar-rikors, li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi attenwanti. Skont l-appellanti, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li teżamina b’mod rigoruż u bir-reqqa l-motivi u l-argumenti li huma żviluppaw fir-rikors tagħhom huwa ekwivalenti għal ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għal stħarrig ġuridiku sħiħ, effettiv u ġust tad-deċiżjoni kkontestata, minn qorti imparzjali u indipendenti.

109    L-appellanti jesponu li d-duttrina tal-“marġni ta’ diskrezzjoni” u tas-“sottomissjoni ġudizzjarja” ma għandhiex tiġi applikata f’dan il-mument, peress li bħalissa, id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn numru enormi ta’ multi imposti mill-Kummissjoni, żvilupp li ta’ spiss huwa iddefinit bħala “ssanzjonar” de facto tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

110    Barra minn hekk, l-applikabbiltà diretta tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE introdotta bir-Regolament Nru 1/2003, bħala sostitut tas-sistema preċedenti ta’ awtorizzazzjoni, teskludi, b’definizzjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni kollu tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u għalhekk timponi biss grad imnaqqas ħafna ta’ sottomissjoni ġudizzjarja mill-qrati li jistħarrġu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni fil-każ ta’ individwi.

111    L-appellanti jsostnu wkoll li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni ma għandux jiġi ġġustifikat bl-allegata kompetenza ikbar tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-fatti kumplessi jew kwistjonijiet ekonomiċi. Huma jirrelevaw f’dan ir-rigward li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali wettqu b’suċċess stħarriġ ġuridiku partikolarment intens ta’ każijiet kumplessi.

112    Bl-istess mod, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikoli 261 KE, u 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali ma għandha tirrikonoxxi lill-Kummissjoni l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, mhux biss f’dak li jikkonċerna n-natura xierqa u proporzjonata tal-multa, iżda wkoll għall-metodu ta’ ħidma adottat mill-Kummissjoni sabiex tagħmel il-kalkoli tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina kif, f’kull każ partikolari, il-Kummissjoni evalwat il-gravità u t-tul ta’ aġir illegali u għalhekk tista’ tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni billi tannulla, billi tnaqqas jew billi żżid il-multa.

113    Skont l-appellanti, il-Kummissjoni għandha tesprimi ruħha fuq linja politika koerenti u nondiskriminatorja fil-każijiet kollha fejn hija tistabbilixxi l-ammont tas-sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dan jimplika li din titratta bl-istess mod lil impriżi li jinsabu f’sitwazzjonijiet ekwivalenti fil-kuntest ta’ ksur differenti, stabbiliti minn deċiżjonijiet differenti. Jekk dan ma jseħħx, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni jittrasforma ruħu f’aġir purament arbitrarju, billi jitqies li l-Kummissjoni tkun tista’ temenda fid-diskrezzjoni tagħha l-politika tagħha dwar il-multi għal kull każ individwali.

114    L-appellanti jfakkru wkoll li, għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-implementazzjoni tad-dritt amministrattiv permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u multi ma tiksirx fiha nfisha l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu din għandha tkun irregolata b’garanziji proċedurali b’saħħithom biżżejjed u miżjuda b’sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li tinkludi ġurisidzzjoni sħiħa għall-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi. Id-dritt għal “rimedju effettiv quddiem qorti” ġie inkluż ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

115    Preliminarjament, il-Kummissjoni tenfasizza li l-appellanti bbażaw l-appell tagħhom għal tnaqqis tal-multa, fuq l-Artikolu 230 KE u mhux fuq il-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

116    Fir-rigward tar-risposta għat-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja r-riferimenti li saru għas-setgħa diskrezzjonali eżerċitata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ effettiv u rigoruż tal-kalkolu tal-multa imposta fuq il-grupp KME u waslet għall-konklużjonijiet affermattivi tagħha stess li dawn il-motivi kienu infondati.

117    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-grupp KME jillimita ruħu li jagħmel biss riferiment għal “akkużi kriminali” u għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, iżda ma jeżaminax il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118    L-appellanti jikkontestaw kemm il-mod kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni u kif ukoll il-mod kif effettivament stħarrġet id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward huma jinvokaw l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll il-Karta.

119    Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 30 u 31; digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, Ġabra p. I‑0819, punt 25, kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C-69/10, Ġabra p. I‑0000, punt 49).

120    L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ġie rregolat mit-trattati fundaturi. Minbarra l-istħarriġ tal-legalità, previst attwalment fl-Artikolu 263 TFUE, ġie previst stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet previsti minn regolamenti.

121    Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha relevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 56 u 57).

122    Għal dak li jikkonċerna s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu. L-istess kliem jinsab fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

123    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li ħadu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Komunità Ewropea (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 242, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 96).

124    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, l-estensjoni tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 91).

125    Dan in-numru kbir ta’ elementi jimponi fuq il-Kummissjoni eżami fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-ksur.

126    Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida, fejn indikat fuq liema bażi se tikkunsidra tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnhom fuq l-ammont tal-multa.

127    Il-Linji Gwida, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax taħrab minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91), sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa.

128    Huwa importanti li jitfakkar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Komunità. F’dan il-każ, dan l-obbligu jerġa’ għandu importanza partikolari. Hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari li tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87). Il-preżenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi vverifikata ex officio mill-qorti.

129    Barra minn hekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

130    L-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692).

131    Għaldaqstant huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, tali nuqqas ta’ motivazzjoni huwa r-rikorrent li għandu jqajjmu kontra d-deċiżjoni kkontestata u jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi tiegħu.

132    Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati.

133    L-istħarriġ previst mit-trattati jimplika għalhekk li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk ma jidhirx li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta.

134    Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna r-regoli tal-istħarriġ ġuridiku fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, is-sitt aggravju huwa infondat.

135    Sa fejn jikkonċerna l-mod kif il-Qorti Ġenerali għamlet l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tat-tieni, ir-raba’ u l-ħames aggravji, dan l-aggravju jingħaqad mat-tieni sar-raba’ aggravji tal-appell u għalhekk diġà ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

136    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, diversi drabi, b’mod partikolari fil-punti 52 sa 54, 99, 114, 136 u 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rriferiet għas-“setgħa diskrezzjonali”, għall-“marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali” u għall-“marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa” tal-Kummissjoni, tali riferimenti ma fixklux lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt, kif għandha tagħmel.

137    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li s-sitt aggravju huwa infondat.

138    Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-grupp KME insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-grupp KME tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      KME Germany AG, KME France SAS u KME Italy SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.