Language of document : ECLI:EU:C:2012:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Frar 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordju, fit-territorju ta’ Stat Membru, li beda qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea — Akkordju ta’ portata internazzjonali li għandu effetti fit-territorju tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftuħ ta’ proċeduri kontra u sanzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ qabel id-data tal-adeżjoni u għall-perijodu ta’ wara din id-data — Multi — Delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u dawk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Impożizzjoni ta’ multi mill-Kummissjoni u mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikoli 3(1) u 11(6) — Konsegwenzi tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑17/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (Ir-Repubblika Ċeka), permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Toshiba Corporation,

T&D Holding, li qabel kienet Areva T&D Holding SA,

Alstom Grid SAS, li qabel kienet Areva T&D SAS,

Alstom Grid AG, li qabel kienet Areva T&D AG,

Mitsubishi Electric Corp.,

Alstom,

Fuji Electric Holdings Co. Ltd,

Fuji Electric Systems Co. Ltd,

Siemens Transmission & Distribution SA,

Siemens AG Österreich,

VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG,

Siemens AG,

Hitachi Ltd,

Hitachi Europe Ltd,

Japan AE Power Systems Corp.,

Nuova Magrini Galileo SpA,

vs

Úřad pro ochranu hospodářské soutěže,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský, U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, A. Arabadjiev, C. Toader u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Toshiba Corporation, minn I. Janda, advokát, u J. MacLennan, solicitor,

–        għal Mitsubishi Electric Corp., minn A. César u M. Abraham, advokáti,

–        għal Alstom, minn M. Dubovský u M. Nulíček, advokáti, J. Derenne, avocat, K. Wilson, solicitor, u G. Dolara, advocate,

–        għal Fuji Electric Holdings Co. Ltd u Fuji Electric Systems Co. Ltd, minn V. Glatzová, advokát,

–        għal Siemens Transmission & Distribution SA, Siemens AG Österreich u VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, minn M. Nedelka, advokát,

–        għal Siemens AG, minn M. Nedelka, advokát,

–        għal Hitachi Ltd, Hitachi Europe Ltd u Japan AE Power Systems Corp., minn M. Touška u I. Halamová Dobíšková, advokáti, M. Reynolds, u P. J. Mansfield, solicitors, W. Devroe, advocaat, N. Green, QC, u S. Singla, barrister,

–        għal Nuova Magrini Galileo SpA, minn M. Nedelka, advokát,

–        għall-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, minn M. Vráb, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn S. Kingston, barrister,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u K. Zawisza, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre u N. Khan, kif ukoll minn K. Walkerová u P. Němečková, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u O. Einarsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’mod partikolari l-Artikoli 3(1) u 11(6) tiegħu, kif ukoll il-punt 51 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn impriżi differenti u l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ċeka) dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li timponilhom multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Ċek.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”):

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

4        L-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), jipprojbixxi l-akkordji bl-istess termini bħal dawk tal-Artikolu 81 KE u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu testendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

5        Il-premessa 8 tar-Regolament Nru°1/2003 tipprovdi:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġu kreati kondizzjonijet ugwali għal ftehim, deċiżjonijiet permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ impriża u prattiċi miftiehma fi ħdan is-suq intern, huwa ukoll neċċessarju li jistabilixxi skond l-Artikolu 83(2)(e) [KE], ir-relazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità [...]”

6        Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1/2003 tipprovdi:

“L-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Dan ir-Regolament, li ġie adottat għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet tat-Trattat, dan ma jipprekludix l-Istati Membri li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tat-territorju nazzjonali, li jipproteġi interessi leġittimi oħra li jipprovdu leġislazzjoni kumpattibli b’ prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Komunità. Sa kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi b’mod predominanti għan differenti min dik tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri jistgħu japplikaw din il-leġiżlazzjoni fit-territorju tagħhom [...]”

7        Skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 1/2003:

“Jekk il-liġijiet tal-kompetizzjoni huma applikati b’mod konsistenti u, fl-istess ħin, in-networks huma ħa jkunu maniġjati fl-aqwa mod possibli, huwa essenzali li tinżam ir-regola li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu awtomatikament il-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda il-proċeduri propji tagħha [...]”

8        Il-premessa 18 tal-istess regolament tipprovdi:

“Biex ikun żgur li l-każijiet huma negozjati mil-awtoritajiet l-aktar xierqa fi ħdan in-network, disposizzjoni ġenerali trid tiġi stabbilita Sabiex tħalli l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tissuspendi jew tagħlaq każ bl-argument li awtorità oħra qed jinnegozjaw jew diġa negozjaw magħha, l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda [...]”

9        Il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003, li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, tipprovdi:

“Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’ hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

10      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 tirregola kif ġej “ir-[r]elazzjoni bejn l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. [...]

2.      L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE]. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.

3.      Mingħajr preġudizzju għal Prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġijiet tal-Komunità, paragrafu 1 u 2 ma japplikawx meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri japplikaw il-liġijiet tal-kontrol tal-għaqda u lanqas l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jsegwu b’mod predominanti għan differenti min dak segwut mil-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE].”

11      Taħt it-titolu “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, barra minn hekk, fl-ewwel sentenza, ir-regola segwenti:

“L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE].”

12      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Suspensjoni jew it-tmiem tal-proċeduri”, jipprovdi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ tnejn jew aktar min Stati Membri irċievew ilment jew qed jaggixxu fuq l-iniżjattiva tagħhom taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] kontra l-istess ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika, il-fatt li awtorità waħda qed tieħu ħsieb tal-każ ikun ta’ bażi suffiċjenti għal oħrajn biex jissuspendu il-proċeduri qabelhom jew jirriġetta ilment. Il-Kummissjoni tista’ bl-istess mod jirriġetta xi ilment fuq bażi li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ xi Stat Membru qed tieħu ħsieb il-każ.

2.      Fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni irċeviet xi ilment kontra xi ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika li diġa ħadet ħsieba awtorità tal-kompetizzjoni oħra, hi tista tirriġettha.”

13      L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jipprovdi:

“Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

14      Skont l-Artikolu 45(2), ir-Regolament Nru 1/2003 sar applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.

15      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkludi, b’mod partikolari, taħt it-titolu “3.2. Ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill”, l-ispjegazzjonijiet segwenti:

“[...]

51.      Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament [Nru 1/2003], il-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont ir-Regolament [Nru 1/2003], jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]. Dan ifisser li, ladarba l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux jaġixxu fuq l-istess bażi legali fir-rigward tal-istess akkordju, akkordji jew prattiki, tal-istess impriża jew impriżi fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[...]

53.      Żewġ sitwazzjonijiet jistgħu jirriżultaw. Minn naħa, ladarba l-Kummissjoni, bħala l-ewwel awtorità tal-kompetizzjoni, tibda l-proċedura inkwistjoni bil-għan li tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament [Nru 1/2003], l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jeżaminaw il-kwistjoni. L-Artikolu 11(6) tar-Regolament [Nru 1/2003] jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni jirrileva l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li jagħtu bidu għal proċedura bl-għan tal-applikazzzjoni tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], fir-rigward tal-istess akkordji jew prattiki tal-istess impriża jew impriżi, fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt nazzjonali

16      Id-dispożizzjoni tad-dritt Ċek rilevanti hija magħmula mill-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni kienet tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2001, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 63/991 Sb. (Zákon č. 63/1991 Sb., o ochraně hospodářské soutěže), kif emendata, u, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2001, fil-verżjoni tal-Liġi Nru 143/2001 Sb. (Zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže).

17      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, fil-verżjoni fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2001:

“Il-ftehim kollu bejn kompetituri, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha bejn kompetituri [...] li għandhom jew jista’ jkollhom l-effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti, għandhom jiġu preklużi u huma nulli, minbarra dispożizzjonijiet kuntrarji previsti mil-liġi preżenti jew minn liġi speċjali fil-każ ta’ eżenzjoni mogħtija mill-Ministeru tal-Kompetizzjoni [...]”

18      Il-projbizzjoni tal-ftehim u tal-prattiċi li jillimitaw il-kompetizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru°143/2001 Sb. li fl-1 ta’ Lulju 2001 issostitwixxiet il-Liġi Nru 63/1991 Sb., baqgħet essenzjalment l-istess.

 Il-fatti, il-proċedura amministrattiva u l-kawża prinċipali

19      Il-kawża preżenti tikkonċerna akkordju ta’ portata mondjali fis-suq tal-iswitchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem l-“IIG”), li fih ipparteċipaw, f’perijodi differenti bejn l-1988 u l-2004, serje ta’ impriżi magħrufa Ewropej u Ġappuniżi li jagħmlu parti mis-settur tal-inġinerija elettronika. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ħadu taħt idejhom ċerti aspetti ta’ din il-kawża matul is-snin 2006 u 2007, u imponew multi fuq l-impriżi kkonċernati.

 Il-proċedura amministrattiva fuq il-livell tal-Unjoni

20      Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-30 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka fejn informatha li kellha l-ħsieb tiftaħ proċedura li tikkonċerna akkordju fis-suq tal-IIG. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li l-aġir antikompetittiv eżaminat kien seħħ, fil-biċċa l-kbira tiegħu, qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li, fid-dawl tad-diffikultà li kellha l-impożizzjoni ta’ multa fir-rigward tal-aħħar jiem biss ta’ dan l-aġir (mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-11 ta’ Mejju 2004), il-proċedura quddiemha kienet tikkonċerna biss l-attivitajiet ta’ dan l-akkordju eżerċitati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea qabel it-tkabbir tagħha fl-1 ta’ Mejju 2004. Skont il-Kummissjoni, kien għalhekk probabbli li hija tibda proċeduri kontra r-Repubblika Ċeka.

21      Il-Kummissjoni bdiet proċedura għall-impożizzjoni ta’ multi fl-20 ta’ April 2006, abbażi tal-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE, flimkien mar-Regolament Nru 1/2003 Din il-proċedura, li seħħet wara talba għal klemenza u wara spezzjonijiet li saru matul is-sena 2004 fil-bini ta’ diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, kienet intiża kontra total ta’ 20 persuna ġuridika, fosthom Toshiba Corporation u l-15-il rikorrent l-ieħor fil-kawża prinċipali.

22      Fil-punti 2 u 3 tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”), li għalqet il-proċedura, il-Kummissjoni tesponi li l-akkordju inkwistjoni kkostitwixxa, mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ukoll, li jkopri t-territorju taż-ŻEE u li fih ħadu sehem diversi impriżi parteċipanti matul perijodi differenti. Fis-sezzjoni 6.6.2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeterminat id-data tal-waqfien ta’ dan l-akkordju, jiġifieri fl-11 ta’ Mejju 2004, b’referenza għad-data li fiha nżammet l-aħħar laqgħa ta’ xogħol li kellha għarfien tagħha, li ntemmet meta r-rappreżentanti ta’ Siemens AG informaw lill-membri l-oħra tal-imsemmi akkordju li dakinhar il-Kummissjoni kienet wettqet spezzjonijiet għal għarrieda.

23      Skont il-konstatazzjonijiet fil-punti 2, 3, 218 u 248 tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, hemm inkwistjoni akkordju kumpless u ta’ portata mondjali, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti u tal-Kanada, li kellu effetti fl-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE, u li fil-kuntest tiegħu l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, skambjaw informazzjoni sensittiva relatata mas-suq, qasmu s-swieq bejniethom, ikkonkludew ftehim li jikkonċerna prezzijiet u waqfu jikkollaboraw ma’ impriżi li ma kinux membri f’dan l-akkordju.

24      Minbarra impriża waħda, ABB Ltd, li bbenefikat mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klemenza, il-partijiet kollha fil-proċedura, fosthom ir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali, ġew ikkundannati għal multi f’ammont totali ta’ iktar minn EUR 750 miljun. L-ogħla multa individwali ġiet imposta fuq Siemens AG, ammont ta’ iktar minn EUR 396 miljun.

 Il-proċedura amministrattiva fuq livell nazzjonali

25      Fit-2 ta’ Awwissu 2006, l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže bdiet proċedura għall-ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, li tikkonċerna l-membri tal-akkordju fil-kawża prinċipali. Fid-9 ta’ Frar 2007, hija adottat l-ewwel deċiżjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ppreżentaw rikors amministrattiv intern. Wara dan ir-rikors, il-president tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007, emenda din id-deċiżjoni.

26      F’din id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007, l-imsemmija awtorità kkonstatat li ABB Management Services Ltd (aventi kawża ta’ ABB Power Technologies Management Ltd), ABB Switzerland Ltd, ABB Ltd, Alstom, Areva T&D SA, Fuji Electric Holdings Co. Ltd, Fuji Electric Systems Co. Ltd, Hitachi Ltd, Hitachi Europe Ltd, Mitsubishi Electric Corp., Toshiba Corporation, Schneider Electric SA, Siemens AG, Siemens AG Österreich (aventi kawża ta’ VA Technologie AG et de VA Tech T & D GmbH), VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, Siemens Transmission and Distribution Ltd (li qabel kienet VA Tech Transmission & Distribution Ltd) u Nuova Magrini Galileo SpA kienu pparteċipaw f’akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Billi għamlu dan, dawn l-impriżi kompetittivi kisru, matul il-perijodu sat-30 ta’ Ġunju 2011, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 63/1991 Sb., kif emendata, u matul il-perijodu tal-1 ta’ Lulju 2001 sat-3 ta’ Marzu 2004, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 143/2001 Sb. Għalhekk, dawn l-impriżi kienet kisru l-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni matul il-perijodu sat-3 ta’ Marzu 2004.

27      Sabiex tiddetermina l-waqfien tal-ksur, l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ħadet l-aħħar data li fiha setgħet tiġi prodotta prova tal-eżistenza ta’ ksur, jiġifieri fit-3 ta’ Marzu 2004, data li fiha ġiet irreġistrata l-aħħar komunikazzjoni permezz tal-posta elettronika li turi l-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-parteċipanti fl-akkordju fil-kawża prinċipali. Skont l-indikazzjonijiet, mogħtija matul is-seduta, mill-aġent tar-Repubblika Ċeka u mir-rappreżentant tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, id-dritt tal-kompetizzjoni Ċek huwa bbażat, għad-determinazzjoni tat-tmiem ta’ akkordju, fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti minn dawk applikati mill-Kummissjoni.

28      Bl-eċċezzjoni ta’ impriża waħda, li bbenefikat minn miżuri ta’ klemenza previsti mid-dritt intern, ġew imposti multi fuq l-impriżi kollha kkonċernati mill-proċedura li nbdiet fuq livell nazzjonali.

 Il-proċedura quddiem il-qrati Ċeki

29      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže quddiem il-Krajský soud v Brně (qorti reġjonali ta’ Brno). Huma sostnew, b’mod partikolari, li din l-awtorità kienet iddeterminat b’mod żbaljat it-tul tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li kienet xjentement stabbilixxiet il-waqfien tiegħu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni, sabiex tkun tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Skont dawn ir-rikorrenti, mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-imsemmija awtorità kienet tilfet il-kompetenza tagħha li timplementa l-proċedura nazzjonali, peress li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet, fl-istess kawża, proċedura fuq livell Ewropew. Huma kkonkludew li l-proċedura mibdija fuq livell nazzjonali kienet tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jipprojbixxi l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet.

30      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008, il-Krajský soud v Brně annullat id-deċiżjoni tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže tas-26 ta’ April 2007, kif ukoll id-deċiżjoni inizjali, adottata fid-9 ta’ Frar 2007.

31      Il-Krajský soud v Brně kkonkluda li l-aġir tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jikkostitwixxi ksur amministrattiv uniku u kontinwu u bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže kienet qieset b’mod żbaljat li l-ksur kien intemm fit-3 ta’ Marzu 2004. Dan issokta sal-11 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala li seħħ taħt il-“liġi l-ġdida”, jiġifieri l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003. Peress li, fir-rigward ta’ dan l-akkordju ta’ “portata mondjali” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet proċedura abbażi tal-Artikolu 81 KE u imponiet sanzjonijiet, il-proċedura l-ġdida miftuħa f’din l-istess kawża kienet tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, il-Krajský soud v Brně qies li l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ma kinitx kompetenti, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) sabiex teżamina l-kawża inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 81 KE.

32      L-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema) kontra s-sentenza tal-Krajský soud v Brně. Hija tibqa’ tqis lilha nfisha kompetenti sabiex tibda proċeduri kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba l-aġir tagħhom fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni, peress li, sa din id-data, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda proċeduri kontra ebda ksur li kien jikkonċerna dan l-Istat. Skont din l-awtorità, il-fatt li jiġi ssanzjonat akkordju ta’ portata mondjali fil-kuntest ta’ kompetenzi differenti, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Hija sostniet li l-Kummissjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienu ttrattaw konsegwenzi ta’ dan l-aġir li kienu territorjalment differenti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1), tawtorizza l-applikazzjoni parallela tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

33      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ April 2009, in-Nejvyšší správní soud annullat is-sentenza tal-Krajský soud v Brně.

34      In-Nejvyšší správní soud qieset li l-Krajský soud v Brně kienet żbaljata meta kkwalifikat bħala ksur kontinwu l-parteċipazzjoni fl-akkordju tal-impriżi kkonċernati. Skont din l-ewwel qorti, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żewġ ksur differenti, peress li d-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni tikkostitwixxi data importanti peress li kien hemm bidla fil-kompetenzi. B’mod partikolari, sa din l-adeżjoni, l-akkordju pprattikat fit-territorju Ċek kien jaqa’ esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni nazzjonali u seta’ biss jitħarrek taħt id-dritt nazzjonali. In-Nejvyšší správní soud għalhekk irrinvjat il-kawża lill-Krajský soud v Brně sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid.

35      Il-Krajský soud v Brně tirrileva li, anki jekk skont l-Artikolu 110(3) tal-Liġi Nru 150/2002 Sb., li jistabbilixxi l-kodiċi proċedurali amministrattiv (Zákon č. 150/2002 Sb., soudní řád správní), hija marbuta ssegwi l-analiżi legali tan-Nejvyšší správní soud, jidhrilha li huwa madankollu neċessarju li tikkjarifika ċerti punti tad-dritt tal-Unjoni, dwar, minn naħa, l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.

36      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Krajský soud v Brně ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 TFUE) u tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 1/2003] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom jiġu applikati (fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004) għat-tul kollu ta’ akkordju li, fuq it-territorju tar-Repubblika Ċeka, beda qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004) u li kompla u ntemm wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea?

2)      L-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1), is-sbatax-il premessa tar-Regolament [Nru 1/2003], il-punt 51 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [...], il-prinċipju ta’ non bis in idem, kif jirriżulta mill-Karta [...], u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-Kummissjoni tibda proċedura għall-ksur tal-Artikolu 81 KE wara l-1 ta’ Mejju 2004 u tadotta deċiżjoni fuq il-mertu:

a)      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma awtomatikament u definittivament imċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni dwar l-istess fatti?

b)      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex japplikaw għal dawn l-istess fatti d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinkludu leġiżlazzjoni simili għall-Artikolu 81 KE [...]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Hemm lok li jsiru l-osservazzjonijiet segwenti fir-rigward tal-kliem tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fl-ewwel domanda, li hija intiża li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-effetti fit-territorju Ċek tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm riferiment għal proċedura mibdija wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, fir-rigward ta’ akkordju li, fit-territorju ta’ dan l-Istat, beda qabel din id-data, issokta u ntemm biss wara din id-data. It-tieni domanda tikkonċerna l-impatt tal-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni li tissanzjona aġir antikompetittiv dwar il-possibbiltà, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li tibda jew tkompli proċedura li tikkonċerna l-istess aġir (“dawn l-istess fatti”).

38      Din il-formulazzjoni ta’ domandi magħmula hija spjegata mill-fatt li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa neċessarju li l-akkordju fis-suq tal-IIG inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqies bħala aġir uniku u kontinwu li ntemm biss wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, u li tevalwa dan l-aġir antikompetittiv, fl-intier tiegħu, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-jum li fih intemm, jiġifieri l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003.

39      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tikkunsidra li din tal-aħħar issanzjonat l-aġir tal-kumpanniji kkonċernati fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, b’mod li l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ma kinitx kompetenti, wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, tħarrek u tissanzjona l-effetti tal-akkordju fl-imsemmi territorju, anki fir-rigward ta’ perijodu qabel din l-adeżjoni.

40      F’dan ir-rigward, huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li, fit-30 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni informat lill-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže li hija kellha l-intenzjoni tiftaħ proċedura dwar l-akkordju fis-suq tal-IIG inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tiddeċiedi li l-aġir antikompetittiv eżaminat kien seħħ, fil-biċċa l-kbira tiegħu, qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-proċedura mibdija minnha kienet sempliċement tikkonċerna l-attivitajiet tal-akkordju eżerċitati fit-territorju tal-Unjoni, kif kien hemm qabel it-tkabbir ta’ din tal-aħħar fl-1 ta’ Mejju 2004.

41      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, inkluża fil-punt 29 tad-deċiżjoni tar-rinviju, hija żbaljata u li d-deċiżjoni tagħha ma tissanzjonax l-effetti tal-aġir kollużiv li seħħ fit-territorju Ċek qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

42      Fl-aħħar nett, mill-indikazzjonijiet stess tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tieħu inkunsiderazzjoni esklużivament l-effetti antikompetittivi li seħħew, fit-territorju Ċek, bl-akkordju bejn l-impriżi kkonċernati, qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni.

43      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.

 Fuq l-ewwel domanda

44      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura li bdiet wara l-1 ta’ Mejju 2004, jistgħu japplikaw għal akkordju li kellu effetti fit-territorju ta’ Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 matul perijodi qabel din id-data.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003, is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat, bħar-Repubblika Ċeka, li sar membru tal-Unjoni b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 (ara, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Optimus — Telecomunicações, C‑366/05, Ġabra p. I‑4985, punt 25, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Elektrownia Pątnów II, C‑441/08, Ġabra p. I‑10799, punt 30).

46      Skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda b’effett mill-adeżjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004, u huma applikabbli f’dawn l-Istati bil-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-Trattati u mill-Att ta’ Adeżjoni.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa li japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, b’differenza għar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et., 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9; tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C-121/91 u C-122/91, Ġabra p. I-3873, punt 22; tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, Ġabra p. I‑2049, punt 31, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punt 27).

48      Ir-Regolament Nru 1/2003 jinkludi regoli proċedurali u regoli sostantivi.

49      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, bħall-Artikolu 81 KE, jinkludi regoli sostantivi maħsuba għall-evalwazzjoni tal-akkordji bejn l-impriżi mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u li għalhekk jikkostitwixxu regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni.

50      Tali regoli sostantivi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu applikati retroattivament, indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuni kkonċernati. Fil-fatt, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt, bla ħsara għal dispożizzjoni espressa kuntrarja, tkun normalment evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt fis-seħħ dak iż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bayerischer Brauerbund, C‑120/08, Ġabra p. I-3393, punti 40 u 41).

51      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, fil-kawża preżenti, la l-kliem, la l-finalità u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Att tal-Adeżjoni ma jinkludu indikazzjoni ċara li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati retroattivament.

53      Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

54      L-ewwel nett, ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali jipprovaw jisiltu argument mill-punti 62 u 63 tas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165), sabiex isostnu li, fil-kawża preżenti, l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax tiġi llimitata għall-ksur biss li twettaq wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni u li l-Kummissjoni kellha kompetenza li tissanzjona l-ksur antikompetittiv imwettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat qabel din l-adeżjoni.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 62 tas-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’effett mill-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja, fl-1 ta’ Jannar 1986, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli (81) u (82) tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien applikabbli f’dan l-Istat Membru ġdid, b’mod li l-impriżi stabbiliti fi Spanja setgħu jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 1986. Mill-punt 63 tal-istess sentenza jirriżulta li l-kompetenza ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, wara din id-data, tal-impriżi stabbiliti fi Spanja setgħet biss tiġi limitata għal aġir ta’ wara l-adeżjoni u għalhekk setgħet tikkonċerna aġir antikompetittiv li twettaq qabel din id-data.

56      Madankollu, il-kawża li tat lok għas-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi, iżda biss dik ta’ regoli proċedurali, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar it-tfittxijiet tal-Kummissjoni fil-bini tal-impriżi.

57      Min-naħa l-oħra, is-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni humiex applikabbli għall-effetti antikompetittivi li nibtu minn akkordju fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni.

58      It-tieni nett, ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw il-ġurisprudenza li skontha regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt ir-regola qadima, sabiex isostnu li, wara l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni għandu japplika b’mod immedjat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fatti li nibtu qabel din l-adeżjoni. Fil-punt 14 tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325), li għamlu riferiment għalih dawn il-kumpanniji, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KE fl-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni ta’ Stat Membru, din id-dispożizzjoni għandha titqies li tapplika immedjatament u li hija vinkolanti fuq dan l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni tiegħu, b’mod li tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nibtu qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru ġdid.

59      Tali argument ma jistax jintuża favur applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ aġir li twettaq qabel l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni.

60      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huma biss applikabbli għall-effetti antikompetittivi possibbli li jirriżultaw mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-territorju Ċek sa fejn huwa neċessarju li jiġu ssanzjonati dawn l-effetti inkwantu ġew prodotti matul il-perijodu li beda fl-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tikkonċerna ksur tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka fil-qasam tal-kompetizzjoni li ntemm qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni. L-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže sempliċement applikat id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-effetti li seħħew qabel l-adeżjoni permezz tal-prattiki antikompetittivi implementati fit-territorju Ċek qabel din id-data. Hija ma tressaqx proċeduri kontra l-effetti futuri tal-aġir qabel l-imsemmija adeżjoni.

61      It-tielet nett, ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, applikabbli fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004, essenzjalment stabbilixxa l-istess projbizzjoni ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma bħal dik stabbilita fl-Artikolu 81 KE u li, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, id-dritt tal-kompetizzjoni Ċek kien essenzjalment allinjat mad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam. Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra (ĠU 1994, L 360, p. 2), iffirmat fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ottubru 1993 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995, kien diġà jinkludi, fl-Artikolu 64 tiegħu, dispożizzjoni simili għall-Artikolu 81 KE. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni għalhekk ma kellhiex bħala effett li, fir-rigward tal-kumpanniji, toħloq f’dan l-Istat regoli ġodda li jipprekludu prattiki li sa dakinhar kienu legali. L-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-akkordju fil-kawża prinċipali fl-intier tiegħu, inkluż il-parti li ġiet implementata qabel din l-adeżjoni, ma tippreġudikax, fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fir-rigward tat-trattament tal-effetti antikompetittivi prodotti fit-territorju Ċek, il-qrati nazzjonali biss kienu kompetenti li japplikaw u jimplementaw kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll l-imsemmi ftehim Ewropew. Barra minn hekk, qabel din id-data, ir-Regolament Nru 1/2003, li l-Artikolu 3(1) KE tiegħu jimponi għall-ewwel darba l-obbligu fuq id-diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw, skont il-kundizzjonijiet hemmhekk previsti, l-Artikolu 81 KE b’mod parallel mal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni, la kien applikabbli fl-Istati li kienu diġà membri u lanqas fl-Istat Membri l-ġodda. Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45, ir-Regolament japplika biss b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004.

63      Ċerti rikorrenti sostnew ukoll li l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar favorevoli jiġġustifika l-fatt li l-effetti antikompetittivi tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali prodotti fit-territorju Ċek qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003. Skont dawn il-kumpanniji, dan il-prinċipju, rikonoxxut fil-qasam kriminali, għandu wkoll jiġi applikat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni fi proċeduri dwar ksur amministrattiv.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar favorevoli, li jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali misjuba fl-Istati Membri u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punti 67 u 68; tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 59, kif ukoll tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 61), huwa inkluż ukoll fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

65      Għandu madankollu jiġi rrilevat li, billi jinvokaw tali prinċipju, ir-rikorrenti ma jirrakkommandawx l-applikazzjoni ta’ sanzjoni iktar favorevoli għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, iżda fil-fatt ifittxu li l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ma tieħu ebda deċiżjoni finali fir-rigward tal-effetti tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-territorju Ċek. Dawn il-kumpanniji jixtiequ li l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tas-sanzjoni l-iktar favorevoli jiġi finalment interpretat fis-sens li din l-awtorità ma hijiex kompetenti tissanzjona dan l-akkordju għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-effetti antikompetittivi li nibtu minnu matul dan il-perijodu jiġu kkunsidrati bħala koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

66      Kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn l-argumenti jkollhom l-intenzjoni li jikkontestaw il-kompetenza, bħala tali, tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže li timponi multi. Tali domanda hija marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mal-prinċipju ta’ ne bis in idem, li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni domanda, u mhux tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar favorevoli.

67      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004, dawn ma humiex applikabbli għal akkordju li pproduċa effetti, matul perijodi qabel din id-data, fit-territorju ta’ Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004.

 Fuq it-tieni domanda

68      Permezz tat-tieni domanda, li hija maqsuma f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk proċedura, mibdija mill-Kummissjoni wara l-1 ta’ Mejju 2004 u intiża għall-impożizzjoni ta’ multa, tipprekludix b’mod permanenti lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li jkun issieħeb f’din id-data milli tibda proċeduri, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha tal-kompetizzjoni, kontra akkordju li kellu effetti fit-territorju ta’ dan l-Istat qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fl-ewwel lok, tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni li tibda tali proċedura. Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-marġni ta’ manuvra li għandha din l-awtorità sabiex tapplika d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

 Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni fi proċeduri relatati ma’ akkordji

69      Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu, abbażi tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(6) flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže tilfet, b’mod definittiv, il-kompetenza tagħha li tistabbilixxi proċeduri kontra l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta l-Kummissjoni bdiet il-proċedura tagħha intiża għall-impożizzjoni ta’ multa. L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA tikkunsidra li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu rrilevati mill-kompetenza tagħhom li japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni meta l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura relatata mal-istess fatti bħal dawk koperti mill-proċedura mibdija mill-imsemmija awtoritajiet.

70      Huwa minnu li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li skontu l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, hekk kif il-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, jistabbilixxi regola proċedurali u konsegwentement, huwa applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 fl-Istati Membri kollha, inkluż għall-proċeduri fil-qasam tal-akkordji li jikkonċernaw sitwazzjonijiet li nibtu qabel din id-data.

71      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, id-deċiżjoni tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna esklużivament l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk tikkonċerna l-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, li matulu l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli f’dan l-Istat. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jostakolawx, a priori, għal dan il-perijodu, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni bħal dawk fl-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

72      Madankollu, għandha tiġi eżaminata l-portata tat-telf tal-poter tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni previst fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-awtorità ta’ sorveljanza EFTA, b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, fl-1 ta’ Mejju 2004, dawn l-awtoritajiet mhux biss jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 KE iżda wkoll jitilfu definittivament il-kompetenza tagħhom li japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal aġir li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri li diġà kien suġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni.

73      Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12, u tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, Ġabra p. I-9217, punt 49).

74      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha u kif osservaw il-biċċa l-kbira tal-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa marbut mill-qrib mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

75      Minn analiżi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw mhux biss id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll parti mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom, ladarba l-Kummissjoni tibda proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

76      Il-partijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli jissemmew fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, deskritti fil-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdu li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jimplementaw liġijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk li jipprekludu jew jissanzjonaw “kondotta unilaterali [...minn] [...] impriża” u, fi kwalunkwe każ, huma liberi li japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontrolli tal-konċentrazzjonijiet u dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jfittxu prinċipalment għan differenti minn dak imfittex mill-Artikoli 81 KE u 82 KE.

77      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi rabta stretta bejn il-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 81 KE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Meta l-awtorità nazzjonali tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekludu akkordji għal ftehim ta’ impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 81 KE, l-imsemmija l-ewwel sentenza fl-Artikolu 3(1) teħtieġ li japplika wkoll, b’mod parallel, l-Artikolu 81 KE.

78      Sa fejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma hijiex awtorizzata, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 tapplika l-Artikolu 81 KE, fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun fetħet proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija awtorità nazzjonali titlef ukoll il-possibbiltà li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekludu l-akkordji.

79      Madankollu, ir-Regolament Nru 1/2003 ma jindikax li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni tirrileva, b’mod permanenti u definittiv, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni.

80      Kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tingħata mill-ġdid meta tintemm il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni.

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni japplikaw b’mod parallel (sentenzi Wilhelm et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 3; u tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C‑137/00, Ġabra p. I‑7975, punt 61, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 38). Ir-regoli tal-kompetizzjoni fuq livell Ewropew u fuq livell nazzjonali jikkunsidraw il-prattiċi miftiehma minn perspettivi differenti (ara sentenzi Wilhelm et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 3; Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 103) u l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jikkoinċidux (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Compañía Española de Comercialización de Aceite, C‑505/07, Ġabra p. I‑8963, punt 52).

82      Din is-sitwazzjoni ma nbidlitx bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003.

83      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87, ippreżentata mill-Kummissjoni (COM(2000) 582 finali) (ĠU 2000, C 365 E, p. 284), l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jitfassal b’tali mod li, fil-każ fejn akkordju fis-sens tal-Artikolu 81 KE jew abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ikun l-uniku dritt applikabbli, minbarra drittijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. B’differenza għal dak li ġie inizjalment propost mill-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti li kemm id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali japplikaw għall-istess kawża waħda.

84      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 81 jew 82 KE u li diġà huma suġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

85      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jżommu l-poter tagħhom li jaġixxu anki jekk il-Kummissjoni stess tkun diġà ħadet deċiżjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonstata li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jintervjenu wara l-Kummissjoni, iżda ma jistgħux imorru kontra deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni.

86      Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jidher li jkopri biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-istess leġiżlazzjoni għandha tapplika a fortiori fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom l-intenzjoni japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, peress li dawn l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu awtorizzati japplikaw id-dritt tal-Unjoni wara li l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni, għandhom ikollhom il-possibbiltà li japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, bil-kundizzjoni li josservaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003.

87      L-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax tiġi limitata għal każ ta’ konstatazzjoni preċedenti tal-inapplikabbiltà tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003. B’differenza għal dak li jikkunsidraw il-qorti tar-rinviju u ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali, bil-kliem ġeneriku u bl-istruttura tiegħu, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jinkludi d-deċiżjonijiet konċepibbli kollha li l-Kummissjoni setgħet adottat abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr ma tillimita ruħha għal ċertu tip ta’ deċiżjonijiet.

88      Ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali jippruvaw ukoll jisiltu argument mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003, li tipprovdi li, sabiex tiżgura li l-każijiet jiġu ttrattati fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, awtorità tal-kompetizzjoni għandha jkollha l-possibbiltà tissospendi jew tagħlaq kawża peress li tkun qiegħda tiġi ttrattata jew tkun ġiet ittrattata minn awtorità oħra, l-għan huwa li kull kawża tiġi ttrattata minn awtorità waħda biss. Waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbaża ruħha fuq din il-premessa sabiex issostni li l-imsemmi regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li kull każ għandu jiġi eżaminat minn awtorità waħda biss, jiġifieri dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni għal dan il-għan.

89      Madankollu, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ladarba l-Kummissjoni stess tkun adottat deċiżjoni.

90      Fil-fatt, din il-premessa ma għandha l-ebda rabta mat-telf tal-poter tal-awtoritajiet nazzjonali previst fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan għandu jiġi moqri flimkien mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li kull awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandha l-possibbiltà — mhux l-obbligu — li tissospendi l-proċedura li tkun fetħet jew li tiċħad ilment li jkun tressaq quddiemha, meta awtorità nazzjonali ta’ dan in-netwerk tkun diġà ttrattat il-kawża. L-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriflettu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu l-awtoritajiet nazzjonali miġbura flimkien taħt l-imsemmi netwerk sabiex jiżguraw l-aħjar attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan tal-aħħar.

91      Mill-premessi ċċitati fil-punti 74 sa 90 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma titlifx, b’mod permanenti u definittiv, il-kompetenza tagħha li tapplika d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni meta l-Kummissjoni tibda proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003. A fortiori, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tissanzjona, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodi qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(6) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 3(1) ma jistgħux, għal dawn il-perijodi, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni.

92      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li, il-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ akkordju, ma jċaħħadx, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodi qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni.

 Il-prinċipju ta’ ne bis in idem

93      It-tieni parti tat-tieni domanda tikkonċerna l-punt dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

94      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C 250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 338 sa 340, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 50). Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

95      Ma huwiex importanti li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže imponiet multi tikkonċerna perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikabbiltà ratione temporis tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni ma jiddependix fuq id-data li fiha seħħew il-fatti li fir-rigward tagħhom tressqu proċeduri, iżda f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, fuq dik tal-ftuħ tal-proċedura intiża għall-impożizzjoni ta’ multa. Fit-2 ta’ Awwissu 2006, meta l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže fetħet il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Ċeka diġà kienet Stat Membru tal-Unjoni tant li din l-awtorità kellha tosserva dan il-prinċipju.

96      Għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

97      F’kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet suġġetta għall-kundizzjoni tripla tal-identiċità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 338).

98      Fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li hemm nuqqas ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti, dik tal-identiċità tal-fatti.

99      Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk impriżi adottawx aġir li kellu bħala suġġett jew effett li jipprekludi, li jillimita jew li jfixkel il-kompetizzjoni ma tistax tiġi eżaminata b’mod astratt, iżda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-territorju, fi ħdan jew barra l-Unjoni, li fih l-aġir ikkonċernat kellu tali suġġett jew tali effett u tal-perijodu li matul tiegħu l-aġir ikkonċernat kellu tali suġġett jew tali effett.

100    Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi t-territorju tar-Repubblika Ċeka, kemm għall-perijodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kif ukoll għal dak sussegwenti. Huma jibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq il-fatt li f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni tkopri akkordju ta’ portata mondjali u li hija ma eskludietx b’mod espliċitu t-territorju tar-Repubblika Ċeka mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

101    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirreferi speċifikament, f’diversi siltiet minnha, għall-konsegwenzi tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġewwa l-Komunità Ewropea u ż-ŻEE, u tirreferi espliċitament għall-“Istati Membri ta’ dak iż-żmien” u għall-Istati “li kienu partijiet kontraenti” fil-Ftehim ŻEE. Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, din id-deċiżjoni ma tissanzjonax l-effetti antikompetittivi li setgħu nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni. Fl-aħħar nett, mill-modalitajiet tal-kalkolu tal-multi jirriżulta li, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni Stati li kienu ssieħbu fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004. Skont il-punt 478 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, din ħadet bħala bażi għall-kalkolu tal-multi, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-imsemmi akkordju fiż-ŻEE matul is-sena 2003.

102    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiġbor fiha ebda waħda mill-konsegwenzi antikompetittivi tal-imsemmi akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže ma imponietx multi, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ħlief għal dan it-territorju u għal dan il-perijodu.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, fil-każ fejn il-multi imposti fuq il-membri ta’ dan l-akkordju b’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata qabel id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

 Fuq l-ispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004, dawn ma humiex applikabbli għal akkordju li pproduċa effetti, matul perijodi qabel din id-data, fit-territorju ta’ Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

2)      Il-ftuħ mill-Kummissjoni Ewropea ta’ proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ akkordju, ma jċaħħadx, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodi qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, fil-każ fejn il-multi imposti fuq il-membri ta’ dan l-akkordju b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata qabel id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.