Language of document : ECLI:EU:C:2012:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Marzu 2012 (*)

“Artikolu 82 KE — Impriża postali li għandha pożizzjoni dominanti u li għandha obbligu ta’ servizz universali f’dak li jikkonċerna d-distribuzzjoni ta’ ċerta posta indirizzata — Applikazzjoni ta’ prezzijiet baxxi fir-rigward ta’ ċerti ex klijenti ta’ kompetitur — Assenza ta’ provi li jirrigwardaw l-intenzjoni — Diskriminazzjoni permezz tal-prezzijiet — Prezzijiet baxxi u selettivi — Eliminazzjoni effettiva jew probabbli ta’ kompetitur — Effett fuq il-kompetizzjoni u, minħabba dan il-fatt, fuq il-konsumaturi — Ġustifikazzjoni oġġettiva”

Fil-Kawża C‑209/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Post Danmark A/S

vs

Konkurrencerådet,

fil-preżenza ta’:

Forbruger-Kontakt a-s,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Post Danmark A/S, minn S. Zinck, avukat, T. Lübbig, avukat, u N. Westergaard, avukat,

–        għal Forbruger-Kontakt a‑s, minn P. Stig Jakobsen, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent, assistit minn O. Koktvedgaard, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Müller u V. Štencel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Gencarelli u U. Nielsen kif ukoll minn K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, minn X. Lewis u M. Schneider, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Post Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Post Danmark”) u l-Konkurrencerådet (il-kunsill għall-kompetizzjoni), rigward il-prezzijiet offruti minn Dost Danmark lil tliet ex klijenti tal-kompetitriċi tagħha, Forbruger-Kontakt a-s (iktar ’il quddiem “Forbruger-Kontakt”).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3        Post Danmark u Forbruger-Kontakt huma, fid-Danimarka, l-iktar żewġ operaturi importanti fis-settur tad-distribuzzjoni ta’ posta mhux indirizzata (prospektus, elenki tat-telefon, gwidi, gazzetti lokali u reġjonali, eċċ). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan is-settur huwa totalment liberalizzat u ma jaqax taħt il-leġiżlazzjoni Daniża dwar is-servizzi postali. Huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li s-suq rilevanti jista’ jiġi limitat għal dak tad-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata fid-Danimarka.

4        Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, Post Danmark kienet tgawdi mill-monopolju tad-distribuzzjoni tal-enveloppijiet u ta’ pakketti indirizzati, li ma jeċċedux ċertu piż, li miegħu kien hemm marbut obbligu ta’ servizz universali għad-distribuzzjoni tal-posta indirizzata li ma kinitx teċċedi dan il-piż, minħabba d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni. Din l-impriża kellha għalhekk netwerk ta’ distribuzzjoni li kien ikopri t-territorju nazzjonali kollu, li kien ukoll użat għad-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata.

5        Forbruger‑Kontakt, entità tal-grupp ta’ stampa Søndagsavisen a‑s, għandha bħala attività prinċipali d-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata. Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, hija kienet ħolqot netwerk ta’ distribuzzjoni li jkopri kważi t-territorju nazzjonali kollu, speċjalment permezz ta’ xiri ta’ impriżi ta’ distribuzzjoni iżgħar.

6        Sas-sena 2004, il-gruppi SuperBest, Spar u Coop, impriżi tas-settur ta’ distribuzzjoni mifruxa, kienu klijenti importanti ta’ Forbruger‑Kontakt. Lejn tmiem is-sena 2003, Post Danmark ikkonkludiet kuntratti ma’ dawn it-tliet gruppi, fejn ġiet fdata d-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata minn dawn tal-aħħar mill-1 ta’ Jannar 2004.

7        Qabel ma kkonkluda kuntratt ma’ Post Danmark, il-grupp Coop kien wettaq negozjati kemm ma’ din l-impriża kif ukoll ma’ Forbruger Kontakt. L-offerti stabbiliti minn dawn iż-żewġ operaturi kienu paragunabbli f’termini ta’ prezz, fejn dik ta’ Post Danmark kienet biss marġinalment inferjuri.

8        Sussegwentement għal ilment imressaq minn Forbruger-Kontakt, il-Konkurrencerådet, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2004, ikkonkluda li Post Danmark kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Daniż tad-distibuzzjoni ta’ posta mhux indirizzata billi pprattikat politika fejn immirat lejn tnaqqis iddestinat għall-fedeltà tal-klijentela, minn naħa, billi ma ttrattatx lill-klijenti tagħha b’mod ugwali f’termini ta’ tariffi u ta’ tnaqqis (ikklassifikata mill-Konkurrencerådet bħala “diskriminazzjoni sekondarja permezz tal-prezzijiet”) u, min-naħa l-oħra, billi pprattikat fir-rigward tal-ex klijenti ta’ Forbruger-Kontakt tariffa differenti minn dik applikata għall-klijentela eżistenti tagħha, mingħajr ma setgħet tiġġustifika dawn id-differenzi kunsiderevoli fil-kundizzjonijiet tariffarji u ta’ tnaqqis tagħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-ispejjeż tagħha (prattika kklassifikata mill-Konkurrencerådet bħala “diskriminazzjoni prinċipali permezz tal-prezzijiet”).

9        Il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm il-prezz propost lill-grupp Coop ma kienx jippermetti lil Post Danmark li tkopri l-“ispejjeż totali medji”, dan kien jippermettilha li tkopri l-“ispejjeż inkrementali medji”.

10      Skont Post Danmark, il-kuntratt konkluż ma’ dan il-grupp ippermetta t-twettiq ta’ ekonomiji ta’ skala kunsiderevoli, dovuti b’mod partikolari għall-fatt li dan il-kuntratt kien jikkonċerna ħames ditti ta’ dan il-grupp, jiġifieri sa ħames oġġetti għal kull abitazzjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, minn Post Danmark, tal-posta mhux indirizzata tnaqqsu b’DKK 0.13 għal kull spedizzjoni bejn is-snin 2003 u 2004.

11      Il-Konkurrencerådet madankollu qies li, għall-analiżi tal-ispejjeż, dan l-element kien mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni totali tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn Post Danmark fir-rigward tal-grupp Coop. Fil-fatt, minn naħa, il-kriterju bbażat fuq it-twettiq ta’ ekonomiji ta’ skala ma jidhirx fost il-politika ġenerali ta’ tariffa u ta’ tnaqqis, ta’ roħs u ta’ skonti ta’ Post Danmark u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis marġinali tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni ta’ diversi enveloppijiet għal abitazzjoni waħda ma huwiex marbut mal-fatt li l-enveloppijiet huma indirizzati mill-istess persuna li tibgħathom.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2005, il-Konkurrenceankenævnet (kummissjoni ta’ appell tal-kompetizzjoni) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Konkurrencerådet tad-29 ta’ Settembru 2004.

13      Il-Konkurrenceankenævnet ikkonfermat minbarra dan deċiżjoni tal-Konkurrencerådet tal-24 ta’ Novembru 2004 li kkonstatat li ma setax jiġi stabbilit li Post Danmark kienet intenzjonalment fittxet li telimina l-kompetizzjoni u li, bħala konsegwenza, din l-impriża ma kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tad-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata billi pprattikat prezzijiet predatorji.

14      Dawn id-deċiżjonijiet tal-Konkurrencerådet u tal-Konkurrenceankenævnet saru definittivi fejn huma kkonstataw, minn naħa, l-assenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jirriżulta minn prezzijiet predaturi u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali abbuż minħabba politika ta’ “diskriminazzjoni sekondarja permezz tal-prezzijiet” fir-rigward tal-kljienti oħra ta’ Post Denmark barra l-gruppi SuperBest, Spar u Coop.

15      Peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba prezzijiet baxxi u selettivi applikati fir-rigward ta’ dawn il-gruppi tal-aħħar, dawn kienu ġew ikkontestati minn Post Danmark quddiem l-Østre Landsret (qorti reġjonali tal-Lvant).

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2007, din il-qorti tal-aħħar ikkonfermat l-istess deċiżjonijiet tal-Konkurrencerådet u tal-Konkurrenceankenævnet fejn dawn kienu kkonstataw li Post Danmark kienet wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq Daniż tad-distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata permezz tal-prattika tagħha, matul is-snin 2003 u 2004, ta’ politika ta’ prezzijiet fir-rigward tal-ex klijenti ta’ Forbruger-Kontakt differenti minn dik ipprattikata fir-rigward tal-klijentela eżistenti tagħha, mingħajr ma setgħet tiġġustifika din id-differenza permezz ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ispejjeż tagħha.

17      Post Danmark ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-Østre Landsret. Hija osservat b’mod partikolari li, skont il-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni (C‑62/86, Ġabra p. I‑3359), kif “emendati” bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/354/KE, tat-20 ta’ Marzu 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każ COMP/35.141 — Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27), it-tariffi offruti lill-grupp Coop jistgħu jiġu kkunsidrati bħala abbużivi biss jekk l-intenzjoni li jiġi eliminat kompetitur tista’ tiġi stabbilita. Min-naħa l-oħra, il-Konkurrencerådet sostna li l-intenzjoni li jiġi eliminat kompetitur ma hijiex meħtieġa imperattivament sabiex il-prattika ta’ prezzijiet selettivi, inqas mill-ispejjeż totali medji iżda ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji, tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża postali li tinsab f’pożizzjoni dominati u li għandha obbligu ta’ distribuzzjoni, tipprattika tnaqqis fil-prezz b’mod selettiv għal livelli li huma inqas mill-ispiża totali medja tagħha, iżda ogħla mill-ispiża inkrementali medja tagħha, jikkostitwixxi abbuż intiż li jelimina kompetitur [prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva], anki jekk jiġi stabbilit li l-prezz ma ġiex iffissat fit-tali livell bl-għan li sseħħ it-tali eliminazzjoni?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prattika ta’ tnaqqis selettiv tal-prezzijiet tista’, eventwalment, tikkostitwixxi abbuż intiż sabiex jeskludi, liema huma l-fatti li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom politika ta’ prezzijiet baxxi, applikata fir-rigward ta’ ċerti ex klijenti ta’ kompetitur minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva li tmur kontra l-Artikolu 82 KE, u, b’mod partikolari jekk il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali prattika tistax tibbaża ruħha fuq l-unika ċirkustanza li l-prezz applikat mill-impriża li għandha pożizzjoni dominanti għal klijent wieħed jinsab f’livell inqas mill-ispejjeż totali medji inkorsi fuq l-attività kkonċernata, iżda ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji relatati magħha.

20      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 82 KE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, Ġabra p. I‑527, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa f’dan l-aħħar sens li għandhom jinftehmu t-termini “abbuż intiż li jelimina kompetitur [prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva]” li jinsabu fid-domandi preliminari.

21      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali pożizzjoni dominanti ma timplikax waħedha akkuża fir-rigward tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. I‑1365, punt 57, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 37). Fil-fatt, l-Artikolu 82 KE bl-ebda mod ma għandu bħala għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża sabiex tiżgura li kompetituri inqas effettivi mill-impriża li għandha pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq.

22      Għalhekk, kull effett ta’ eliminazzjoni ma jwassalx neċessarjament għal dannu għall-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). B’definizzjoni, il-kompetizzjoni permezz tal-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni.

23      Skont ġurisrudenza wkoll stabbilita, hija l-impriża li għandha tali pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti toriġina minn ex monopolju legali, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 82 KE jkopri, b’mod partikolari, l-aġir ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti, li, għandu bħala effett, għad-dannu tal-konsumaturi, li jipprekludi, permezz tal-użu ta’ miżuri differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali abbażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, li jinżamm livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il‑kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AKZO vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 104 u 105, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punti 174, 176 u 180 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għalhekk, l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impiża li għandha pożizzjoni dominanti milli timplementa prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha kkunsidrati bħala li huma daqstant effettivi bħalha u li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AKZO vs Il‑Kummissjoni, punti 70 u 72; France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 106, kif ukoll Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, punt 177).

26      Sabiex jiġi stabbilit jekk l‑impriża li għandha pożizzjoni dominanti sfruttatx b’mod abbużiv din il‑pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-prattiki għandhomx it-tendenza li jneħħu jew jirrestrinġu l-possibbiltà ta’ għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ provvista, li jwaqqfu l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, li japplikaw fir-rigward ta’ sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti, billi jimponu fuqhom minħabba dan il-fatt żvantaġġ fil-kompetizzjoni, jew isaħħu l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenza Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fis-sentenza tagħha AKZO vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn kellu jiġi stabbilit jekk impriża kinitx applikat prezzijiet predaturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li l-prezzijiet li huma inqas mill-medja tal-ispejjeż “varjabbli” (jiġifieri dawk li jvarjaw skont kwantitajiet prodotti) għandhom bħala prinċipju jiġu kkunsidati bħala abbużivi, peress li, meta tapplika tali prezzijiet, impriża li għandha pożizzjoni dominanti hija preżunta li ma ssegwi ebda għan ekonomiku ieħor ħlief dak li telimina l-kompetituri tagħha. Fit-tieni lok, hija ddeċidiet, fil-punt 72 ta’ din l-istess sentenza, li l-prezzijiet inferjuri għall-medja tal-ispejjeż totali iżda ogħla mill-medija tal-ispejjeż varjabbli għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi meta huma ffissati fil-kuntest ta’ pjan li għandu bħala għan li jiġi eliminat kompetitur.

28      Għalhekk, sabiex tevalwa l-legalità ta’ politika ta’ prezzijiet baxxi applikata minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal kriterji bbażati fuq paragun tal-prezzijiet ikkonċernati u ta’ ċerti spejjeż sostnuti mill-impriża dominanti kif ukoll fuq l-istrateġija tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AKZO vs Il‑Kummissjoni, punt 74, u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 108).

29      F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ evenwtali strateġija antikompetittiva ta’ Post Danmark, mill-proċess jirriżulta li l-ilment li wassal għall-kawża prinċipali kien ibbażat fuq il-possibbiltà li, permezz ta’ politika ta’ prezzijiet baxxi intiża għal ċerti klijenti importanti għall-kompetitur tagħha, Post Danmark setgħet telimina lil dan tal-aħħar mis-suq ikkonċernat. Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma setax jiġi stabbilit li Post Danmark kienet intenzjonalment fittxet li telimina lil dan il-kompetitur.

30      Barra minn hekk, untrarjament għall-argument tal-Gvern Daniż, li jressaq osservazzjonijiet f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet ippreżentati mill-Konkurrencerådet fil-kawża prinċipali, il-fatt li prattika ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti tista’, abbażi tal-politika ta’ prezzijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi kklassifikata bħala “diskriminazzjoni permezz tal-prezzijiet”, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ prezzijiet differenti għal klijenti differenti jew għal kategoriji differenti ta’ klijenti għal prodotti jew servizzi li l-ispejjeż tagħhom huma l-istess, jew, bil-kontra, l-applikazzjoni ta’ prezz uniku għal klijenti li għalihom l-ispejjeż tal-offerta jvarjaw, ma jistax waħdu jissuġġerixxi l-preżenza ta’ prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva.

31      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, sabiex iseħħ paragun prezzijiet/spejjeż, l-awtoritajiet Daniżi tal-kompetizzjoni kellhom il-possibbiltà li jużaw, mhux il-kunċett ta’ “spejjeż varjabbli” msemmi fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza AKZO vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iżda kunċett ieħor, jiġifieri dak li dawn l-awtoritajiet kienu indikaw permezz tal-espressjoni “spejjeż inkrementali”. F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Daniż kif ukoll mit-tweġibiet bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawn l-awtoritajiet iddefinixxew l-“ispejjeż inkrementali” bħala “l-ispejjeż intiżi li jieqfu f’terminu qasir jew medju (tlieta sa ħames snin) jekk Post Danmark kienet tieqaf milli teżerċita l-attività ta’ distribuzzjoni ta’ posta mhux indirizzata”. Minbarra dan, dan il-Gvern indika li l-“ispejjeż totali medji”, fir-rigward tagħhom, ġew iddefiniti bħala “spejjeż inkremetnali medji li magħhom ġiet miżjuda parti, iddeterminata permezz ta’ evalwazzjoni, tal-ispejjeż komuni ta’ Post Danmark marbuta mal-attivitajiet mhux relatati mal-obbligu ta’ servizz universali”.

32      Issa, hekk kif dan il-Gvern irrileva fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu għal dawn il-mistoqsijiet, il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ spejjeż sinjifikattivi relatati kemm mal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali ta’ Post Danmark kif ukoll mal-attività ta’ distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata. Dawn l-ispejjeż “komuni” huma dovuti b’mod partikolari għall-fatt li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, Post Danmark kienet essenzjalment tuża l-istess infrastruttura u l-istess persunal kemm għall-attività ta’ distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata u għal dik li kienet irriżervata għaliha taħt l-obbligu tagħha ta’ servizz universali relatat ma’ ċerta posta indirizzata. L-istess Gvern jindika li, skont il-Konkurrencerådet, peress li l-attività ta’ distribuzzjoni, minn Post Danmark, tal-posta mhux indirizzata kienet tgawdi minn “riżorsi komuni ta’ moviment ta’ distribuzzjoni” tagħha, l-ispejjeż tal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali jistgħu jitnaqqsu fuq perijodu minn tlieta sa ħames snin jekk Post Danmark kienet twaqqaf id-distribuzzjoni ta’ posta mhux indirizzata.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-proċess jirriżulta, partikolarment mill-punti 148 sa 151 sa 200 tad-deċiżjoni tal-Konkurrencerådet tal-24 ta’ Novembru 2004 msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ispejjeż li huwa kklassifika bħala “inkrementali medji”, il-Konkurrencerådet ħa inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż fissi u varjabbli esklużivament attribwibbli għall-attività ta’ distribuzzjoni ta’ posta mhux indirizzata, iżda minbarra dan tal-elementi kklassifikati bħala “spejjeż varjabbli komuni”, “75 % tal-ispejjeż ta’ kapaċitajiet loġistiċi komuni imputabbli” kif ukoll 25 % tal-ispejjeż komuni mhux imputabbli”.

34      Għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali, tali metodu ta’ attribuzzjoni jidher li huwa intiż li jidentifika s-sostanza tal-ispejjeż imputabbli għall-attività ta’ distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata.

35      Skont din l-evalwazzjoni, huwa paċifiku b’mod partikolari li l-prezz propost lill-grupp Coop ma ppermettiex lil Post Danmark tkopri l-ispejjeż totali medji imputabbli għall-attività globali ta’ distribuzzjoni tal-posta mhux indirizzata, iżda kien jippermettilha tkopri l-ispejjeż inkrementali medji relatati ma’ din l-attività, kif evalwati mill-awtoritajiet Daniżi tal-kompetizzjoni.

36      Minbarra dan, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, il-prezzijiet proposti lill-gruppi Spar u SuperBest ġew evalwati fuq livell ogħla mill-imsemmija spejjeż totali medji, hekk kif evalwati minn dawn l-awtoritajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li tali prezzijiet għandhom effetti antikompetittivi.

37      Fir-rigward tal-prezzijiet applikati fir-rigward tal-grupp Coop, politika ta’ prezzijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kklassifikata bħala prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva għar-raġuni biss li l-prezz applikat mill-impriża li għandha pożizzjoni dominanti għal klijent wieħed jinsab f’livell inqas mill-ispejjeż totali medji imputabbli għall-attività kkonċernata, iżda huwa ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji relatati magħha, bħal dawk li kienu ġew rispettivament evalwati fil-kawża prinċipali.

38      Fil-fatt, sa fejn l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell li jkopri l-ispejjeż imputabbli essenzjali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, kompetitur daqstant effettiv bħal din l-impriża bħala prinċipju jkollu l-possibbiltà li jikkompeti ma’ dawn il-prezzijiet mingħajr ma jsostni telf li ma jiflaħx għalih għal żmien twil.

39      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża prinċipali fid-dawl tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li l-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juri, b’mod partikolari, li Forbruger-Kontakt setgħet iżżomm in-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha minkejja t-telf tal-volum tal-posta pprovduta mit-tliet klijenti kkonċernati u tieħu mill-ġdid, matul is-sena 2007, il-posta tal-grupp Coop kif ukoll dik tal-grupp Spar minn dak iż-żmien.

40      Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju għandha madankollu tikkonstata, fi tmiem din l-evalwazzjoni, l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi dovuti għall-aġir ta’ Post Danmark, għandu jitfakkar li impriża li għandha pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifka aġir li jista’ jaqa’ taħt l-ambitu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 82 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Contintental vs Il‑Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 184; tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punti 54 u 55, kif ukoll TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 75).

41      B’mod partikolari, tali impriża tista’ turi, għal dan il-għan, kemm li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, Ġabra p. 3261, punt 27), kif ukoll li l-effett ta’ eliminazzjoni li jwassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 86, u TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

42      F’dan l-aħħar rigward, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-aġir ikkunsidrat tinnewtralizza l-effetti dannużi probabbli fuq il-kompetizzjoni u fuq l-interessi tal-konsumaturi fis-swieq affettwati, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ dan l-aġir, li dan tal-aħħar huwa indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali.

43      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, rigward kunsiderazzjonijiet meħuda fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, li l-uniku fatt li kriterju bbażat espressament fuq il-vantaġġi ta’ effiċjenza ma jidhirx fost l-elementi li jirriżultaw mil-lista ta’ prezzijiet applikati minn Post Danmark ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni, skont il-każ, ta’ tali żieda fl-effiċjenza, bil-kundizzjoni li r-realtà u l-portata tagħha jkunu stabbiliti skont ir-rekwiżiti li jinsabu fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

44      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li politika ta’ prezzijiet baxxi applikati fir-rigward ta’ ċerti ex klijenti importanti ta’ kompetitur minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva għar-raġuni biss li l-prezz applikat minn din l-impriża lil wieħed minn dawn il-klijenti huwa f’livell inferjuri għall-ispejjeż totali medji imputabbli lill-attività kkonċernata, iżda ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji relatati magħha, kif evalwati fil-proċedura li wasslet għall-kawża prinċipali. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, hemm lok li jiġi eżaminat jekk din il-politika ta’ prezzijiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, għandhiex bħala riżultat l-eliminazzjoni effettiva jew probabbli ta’ dan il-kompetitur għad-dannu tal-kompetizzjoni u, minħabba dan il-fatt, tal-interessi tal-konsumaturi.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li politika ta’ prezzijiet baxxi applikati fir-rigward ta’ ċerti ex klijenti importanti ta’ kompetitur minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prattika ta’ eliminazzjoni abbużiva għar-raġuni biss li l-prezz applikat minn din l-impriża lil wieħed minn dawn il-klijenti huwa f’livell inferjuri għall-ispejjeż totali medji imputabbli lill-attività kkonċernata, iżda ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji relatati magħha, kif evalwati fil-proċedura li wasslet għall-kawża prinċipali. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, hemm lok li jiġi eżaminat jekk din il-politika ta’ prezzijiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, għandhiex bħala riżultat l-eliminazzjoni effettiva jew probabbli ta’ dan il-kompetitur għad-dannu tal-kompetizzjoni u, minħabba dan il-fatt, tal-interessi tal-konsumaturi

Firem


*Lingwa tal-kawża: id-Daniż.