Language of document : ECLI:EU:C:2010:346

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Appell – Akkordju – Folji tal-ġibs – Żnaturament tal-provi – Oneru tal-prova – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Regolament Nru17 – Artikolu 15(2) – Sanzjoni – Reċidiva – L-istadju meta l-effett dissważiv tal-multa jiġi kkunsidrat”

Fil-Kawża C‑413/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2008

Lafarge SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Winckler, F. Brunet, E. Paroche, H. Kanellopoulos u C. Medina, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Lafarge SA (iktar ’il quddiem “Lafarge”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni (T‑54/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż li jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Settembru 2002, skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE kontra BPB plc, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ COMP/E-1/37.152 – Folji tal-ġibs) (ĠU 2005, L 166, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81(1)] jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, jew

[…]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur”.

3        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA”(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 131, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) tistabbilixxi fil-preambolu tagħha:

“Il-prinċipji ndikati mil-linji gwidi preżenti għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi. […]

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont tal-multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew jitnaqqas biex jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti”.

4        Skont il-punt 1 tal-imsemmiji linji gwida, intitolat “Ammont bażiku”:

“dan l-ammont bażiku tal-multa huwa ddeterminat skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17.

A.      Gravità

[…]

“Se jkun wkoll neċessarju li tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv.

F’sens ġenerali, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skond il-liġi tal-kompetizzjoni.

[…]”

5        Skont il-Punt 2 tal-istess linji gwida, l-ammont bażiku jista’ jiżdied fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti bħalma huma r-reċidiva tal-istess kumpannija jew tal-istess kumpanniji għal ksur tal-istess tip.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet sunt tal-kuntest fattwali li wassal għall-kawża billi uża l-kliem segwenti:

“1      Ir-rikorrenti […] hija impriża Franċiża attiva fuq livell dinji fis-settur tal-materjali għall-kostruzzjoni. Hija għandha 99.99 % mill-kapital ta’ Lafarge Gypsum International SA (iktar ’il quddiem ’Lafarge Plâtres’), li tipproduċi u tikkummerċjalizza diversi prodotti magħmula mill-ġibs, fosthom il-folji tal-ġibs.

2      Hemm erba’ produtturi prinċipali li huma attivi fil-qasam tal-folji tal-ġibs fl-Ewropa: BPB plc [(iktar ’il quddiem BPB’)], Gebrüder Knauf Westdeutsche ‘Gipswerke KG (iktar ’il quddiem ‘Knauf’), Gyproc Benelux NV (iktar ’il quddiem ‛Gyproc’) u Lafarge Plâtres.

3      Abbażi ta’ informazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Novembru 1998, wettqet stħarriġ fuq il-post għand tmien impriżi li joperaw fil-qasam tal-folji tal-ġibs, fosthom Lafarge Plâtres fl-Isle-sur-la-Sorgue (Franza) u Lafarge f’Pariġi (Franza). Fl-1 ta’ Lulju 1999, hija kompliet l-investigazzjonijiet tagħha fl-istabbilimenti ta’ żewġ impriżi oħra.

4      Wara, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 […], lid-diversi impriżi kkonċernati, fosthom Lafarge fil-21 ta’ Settembru 1999. Din tal-aħħar irrispondiet fid-29 ta’ Ottubru 1999.

5      Fit-18 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri amministrattivi u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kontra BPB, Knauf, Lafarge, Etex SA u Gyproc […]

[…]

8      Fis-27 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [ikkontestata].

9      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni[ikkontestata] jistabbilixxi:

“L-ewwel Artikolu

BPB […], il-grupp Knauf, […] Lafarge […] u Gyproc […] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-folji tal-ġibs.

It-tul tal-ksur kien is-segwenti:

a) BPB […]: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998

b) [il-grupp] Knauf: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998

ċ) […] Lafarge […]: mill-31 ta’ Awwissu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998

d) Gyproc […]: mis-6 ta’ Ġunju 1996, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998

[…]

Artikolu 3

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, il-multi segwenti huma imposti fuq l-impriżi segwenti:

a) BPB […] : EUR 138.6 miljun

b) […] Knauf […] : EUR 85.8 miljun

ċ) […] Lafarge […] : EUR 249.6 miljuni

d) Gyproc […] : EUR 4.32 miljun

[…]’

10      Il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi inkwistjoni ħadu sehem fi ksur wieħed u kontinwu li seħħ permezz tal-aġir segwenti, li jikkostitwixxu akkordji jew prattiki miftiehma:

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf iltaqgħu f’Londra (ir-Renju Unit) fl-1992 u wrew ix-xewqa komuni li jistabilizzaw is-swieq tal-folji tal-ġibs fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Benelux;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf introduċew, mill-1992, sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, li ssieħbu magħhom Lafarge u wara Gyproc, fir-rigward tal-volumi tal-bejgħ tagħhom fis-swieq tal-Ġermanja, tar-Renju Unit, ta’ Franza u tal-Benelux;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf u ta’ Lafarge kemm-il darba infurmaw lil xulxin, b’mod reċiproku, minn qabel dwar żiediet fil-prezzijiet fis-suq tar-Renju Unit;

–        sabiex jaffrontaw żviluppi partikolari fis-suq Ġermaniż, ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc iltaqgħu f’Versailles (Franza) fl-1996, fi Brussell (il-Belġju) fl-1997 u f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1998, bil-għan li jaqsmu bejniethom jew, għall-inqas, li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc kemm-il darba infurmaw lil xulxin, b’mod reċiproku, u ftehmu fuq l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż bejn l-1996 u l-1998.

11      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida [tal-1998].

12      Għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur li min-natura tiegħu stess kien gravi ħafna, peress li l-prattiki inkwistjoni kellhom l-għan li jwaqqfu l-ġlieda tal-prezzijiet u li jistabilizzaw is-suq permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-prattiki inkwistjoni kellhom impatt fis-suq, peress li l-impriżi kkonċernati kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-offerta ta’ folji tal-ġibs u peress li d-diversi forom tal-akkordju ġew implementati f’suq ikkonċentrat u oligopolistiku ħafna. Fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien kopra l-erba’ swieq prinċipali fi ħdan il-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza u l-Benelux.

13      Peress li qieset, wara dan, li kienet teżisti disparità kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat, u għalhekk ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fis-swieq ikkonċernati, matul l-aħħar sena kompluta tal-ksur. Abbażi ta’ dan, l-ammont bażiku tal-multi ġie stabbilit fl-ammonti ta’ EUR 80 miljun għal BPB, ta’ EUR 52 miljun għal Knauf u għal Lafarge, u ta’ EUR 8 miljun għal Gyproc.

14      Sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriżi, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Lafarge ġie miżjud b’100 %, u sar EUR 104 miljun.

15      Wara, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, l-ammont bażiku ġie miżjud b’65 % għal BPB u għal Knauf, b’60 % għal Lafarge u b’20 % għal Gyproc, peress li l-Kummissjoni kkwalifikat il-perijodu tal-ksur bħala twil ħafna fil-każ ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ BPB u bħala medju fil-każ ta’ Gyproc.

16      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq BPB u fuq Lafarge ġie miżjud b’50 % minħabba r-reċidiva.

17      Wara dan, il-Kummissjoni naqset b’25 % il-multa imposta fuq Gyproc minħabba ċirkustanzi attenwanti, dovuti għall-fatt li hija kienet element distabilizzanti li kien jikkontribwixxi sabiex jillimita l-effetti tal-akkordju fis-suq Ġermaniż u li hija ma kinitx topera fis-suq tar-Renju Unit.

18      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqset l-ammont tal-multi bi 30 % għal BPB u b’40 % għal Gyproc, b’applikazzjoni tat-Taqsima D(2) tal-avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”). Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multi imposti kien ta’ EUR 138.6 miljun għal BPB, EUR 85.8 miljun għal Knauf, EUR 249.6 miljun għal Lafarge u EUR 4.32 miljun għal Gyproc”.

 Is-sentenza appellata

7        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2003, Lafarge ressqet rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija talbet lill-Qorti Ġenerali tnaqqas il-multa imposta fuqha.

8        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Permezz tal-appell tagħha, Lafarge titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet imressqa minnha, b’mod prinċipali, fl-ewwel istanza billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din timponilha multa;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet imressqa sussidjarjament minnha fl-ewwel istanza billi tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

11      Insostenn tat-talbiet tagħha, Lafarge tqajjem sitt aggravji, li l-ewwel wieħed fosthom, ippreżentat b’mod prinċipali, huwa intiż li jannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u l-ħamsa l-oħra, ippreżentati sussidjarjament, intiżi li jannullaw parzjalment dik is-sentenza.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-provi

L-argumenti tal-partijiet

12      Lafarge tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat il-provi inkwantu tirreferi sistematikament għal “kuntest globali” sabiex tistabbilixxi kull aġir deċiż bħala ksur. B’mod partikolari, dan l-iżnaturament jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tas-sentenza appellata fir-rigward tal-fatti dwar is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni (punti 270 u 271 tas-sentenza appellata), l-iskambju ta’ informazzjoni speċifiċi għar-Renju Unit (punt 303 tas-sentenza appellata), iż-żieda fil-prezz fir-Renju Unit għal perijodu qabel is-7 ta’ Settembru 1996 (punt 324 tas-sentenza appellata), l-eżistenza ta’ ftehim biex jiġi stabilizzat is-suq Ġermaniż (punti 398 u 402 tas-sentenza appellata) kif ukoll iż-żidiet fil-prezz fil-Ġermanja fl-1994 u fl-1995 (punti 426 u 430 tas-sentenza appellata).

13      Globalment, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq kuntest globali, minkejja l-fatt li dan tal-aħħar ma huwiex stabbilit u jista’ jiġi stabbilit biss abbażi ta’ aġir ieħor li jikkostitwixxi ksur li, fih innifsu, jista’ jiġi hekk deskritt mill-Qorti Ġenerali biss abbażi ta’ dan l-istess “kuntest globali”. L-argument tal-Qorti Ġenerali huwa, għalhekk, ċirkulari.

14      Il-Kummissjoni tqis li Lafarge ma tindikax, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-provi li kienu ġew żnaturati u ma turix l-iżbalji fl-analiżi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Fi kwanluke każ, il-Qorti Ġenerali la tista’ tiġi kkritikata talli tirreferi għal kuntest ġenerali li ma huwiex stabbilit u lanqas talli bbażat ruħha fuq argument ċirkulari, peress li hija pproċediet għal eżami dettaljat ta’ diversi provi.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, ħlief b’eċċezzjoni, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Sakemm dawn il-provi nkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali ta’ dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C‑122/01 P, Ġabra p. I-4261, punt 27, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C-167/06 P, punt 40). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C-8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 26).

16      Meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu, skont l-Artikolu 225 KE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 50).

17      It-tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra I‑439, punt 37).

18      L-unika prova preċiża li Lafarge tallega hija l-iżnaturament ta’ nota interna tax-xahar ta’ Ottubru 1994 misjuba fil-bini ta’ BPB. Skont Lafarge, ma hemm xejn f’din in-nota li jippermetti li jiġi konkluż li l-kompetituri kellhom kuntatti bejniethom.

19      F’dan ir-rigward, fil-punt 430 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ Lafarge li tipprovdi li BPB kienet taf biż-żieda fil-prezzijiet ta’ Knauf, imħabbra fin-nota inkwistjoni, mingħand il-klijenti. Il-Qorti Ġenerali osservat li “l-awtur ta’ din in-nota, filwaqt li, l-ewwel nett, ġabar is-sitwazzjoni fis-suq, jispjega li d-direttur tal-bejgħ ta’ Gyproc ilmenta li l-impriża tiegħu kienet tilfet ishma fis-suq u li kellha terġa’ takkwisthom. Barra minn hekk, fin-nota kien previst li jiġu ffriżati l-prezzijiet għal-livell imsemmi fiha u li żieda fil-prezzijiet kellha sseħħ b’effett mill-1 ta’ Frar 1995. Din l-aħħar rimarka hija partikolarment rivelatriċi. Fil-fatt, li kieku l-komunikazzjoni min-naħa ta’ Knauf tal-avviżi ta’ żiediet fil-prezzijiet kienet unilaterali u li kieku BPB kienet biss isegwi din iż-żieda fil-prezzijiet, BPB ma setgħetx tkun taf fix-xahar ta’ Ottubru 1994 li kienet prevista żieda fil-prezzijiet għall-1 ta’ Frar 1995, peress li kien biss f’Novembru 1994 li Knauf ħabbret din iż-żieda fil-prezzijiet”. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset elementi oħra preċiżi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li Knauf kienet indikat, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li minn żmien ilu ħafna ġiet stabbilita prattika fejn it-tħabbir taż-żieda tal-prezzijiet flimkien mal-listi tal-prezzijiet jintbagħtu lill-kompetituri fl-istess ħin li jintbagħtu lill-klijenti, it-tieni nett, il-fatt li, matul il-verifiki magħmula fil-bini ta’ BPB u Lafarge, il-Kummissjoni sabet bosta kopji tal-avviżi ta’ żidiet fil-prezz tal-kompetituri, u, it-tielet nett, li żieda fil-prezz fil-fatt seħħet fl-1 ta’ Frar 1995.

20      Għalhekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat in-nota interna mhux b’mod iżolat, iżda flimkien ma’ elementi oħra preċiżi tal-proċess. Għaldaqstant, l-oġġezzjoni marbuta ma’ din in-nota ma għandhiex tintlaqa’.

21      Dwar il-punti l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma indikatx b’mod preċiż il-provi l-oħra li kienu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, hija tindika biss il-partijiet tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-“kuntest globali”, jiġifieri l-punti 271, 303, 324, 398, 402, 426 u 430, mingħajr, madankollu, ma tidentifika l-provi konkreti li tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

22      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, l-eżistenza ta’ żnaturament tal-provi għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-fatt li huwa abitwali, peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u akkordji antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jista’ jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatti illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew akkordju antikompetittivi jkollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

23      Għalkemm hija tinvoka żnaturament tal-provi, l-appellanti titlob, fil-verità, li tikseb evalwazzjoni mill-ġdid tal-provi, fatt li jmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-aggravji mqajma sussidjarjament mill-appellanti.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova, fuq il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipju in dubio pro reo

L-argumenti tal-partijiet

26      L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipju in dubio pro reo, peress li kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet kif titlob il-liġi li l-parteċipazzjoni ta’ Lafarge fil-ksur imur lura għall-31 ta’ Awwissu 1992. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura ruħha li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija responsabbli mill-oneru tal-prova ta’ ksur u mit-tul tiegħu.

27      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, fil-punti 507, 508 u 510 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet kif titlob il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ Lafarge fil-ksur mill-31 ta’ Awwissu 1992, peress li Lafarge la indikat id-data tal-bidu ta’ din il-parteċipazzjoni u lanqas iċ-ċirkustanzi li wassluha tinvolvi ruħha fl-iskambju ta’ informazzjoni antikompetittiva. Kieku indikat dan, hija kienet tbiddel l-oneru tal-prova. Issa, it-tali bdil tal-oneru tal-prova jikkostitwixxi wkoll ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo.

28      Il-Kummissjoni tikkontesta d-dikjarazzjonijiet ta’ Lafarge u ssostni li l-Qorti Ġenerali sempliċiment ikkunsidrat li l-provi msemmija fil-punti 503, 507, u 512 tas-sentenza appellata jikkostitwixxu indizzji suffiċjenti sabiex juru l-parteċipazzjoni ta’ Lafarge fil-ksur minn nofs l-1992, iżda li Lafarge setgħet, iżda naqset milli, tipproduċi elementi kuntrarji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa f’idejn il-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan u hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka d-difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

30      Għalkemm skont dawk il-prinċipji l-oneru tal-prova jaqa’ jew fuq il-Kummissjoni jew inkella fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-punti ta’ fatt invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l-oħra biex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permissibbli li wieħed jikkonkludi li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew sodisfatti (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

31      Mill-punt 515 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni wriet kif titlob il-liġi li BPB kienet informat, l-iktar tard sa l-aħħar ta’ Awwissu 1992, lil Lafarge bil-ftehim bejn BPB u Knauf dwar l-iskambju ta’ data, u li, f’din l-okkażjoni, Lafarge kienet daħlet f’dan il-ftehim. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, minn naħa, fuq ċerti dikjarazzjonijiet ta’ BPB (punt 503 et seq tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li s-sehem fis-suq ta’ Lafarge fis-swieq prinċipali Ewropej ġie deskritt b’valur assolut u b’perċentwali fit-tabelli ta’ BPB mill-1991 (punt 512 tas-sentenza appellata).

32      Għalhekk, għandu jitqies li, billi indikat, fil-punt 508 tas-sentenza appellata, li l-appellanti llimitat ruħha billi enfasizzat l-impreċiżazzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet ta’ BPB, mingħajr, madankollu, la pprovdiet data preċiża u lanqas iċ-ċirkustanzi li wassluha sabiex tidħol fit-tali skambju ta’ data, il-Qorti Ġenerali qieset, billi applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 29 u 30 tas-sentenza preżenti, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni kienu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra biex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li din l-istituzzjoni tkun issodisfat l-obbligi tagħha dwar l-oneru tal-prova. B’hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha billi indikat li l-appellanti naqset milli tipproduċi l-provi insostenn tal-allegazzjoni tagħha li tipprovdi li l-adeżjoni tagħha fil-ftehim dwar l-iskambju ta’ data seħħ bilfors wara Ġunju 1993, u probabbilment anki fil-bidu tal-1994.

33      Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kisritx ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova.

34      Sa fejn l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo jistrieħu fuq l-allegat bdil fl-oneru tal-prova, dawn għandhom jiġu miċħuda wkoll.

35      Għaldaqstant, it-tieni aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

36      Lafarge tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma weġbitx għall-argument tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ trattament ugwali bejnha u Gyproc, kif ifformulat fil-punti 374 u 375 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, u talli għalhekk naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fil-punti 500 sa 518 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li, fir-rigward ta’ Lafarge, l-provi użati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li jissemmew l-ishma fis-suq ta’ Lafarge fit-tabelli ta’ [D] u d-dikjarazzjonijet ta’ BPB juru, kif titlob il-liġi, il-parteċipazzjoni ta’ Lafarge fi ksur wieħed, kumpless u kontinwu li beda mill-31 ta’ Awwissu 1992, filwaqt li, fir-rigward ta’ Gyproc, il-Kummissjoni kienet qieset li dawn iż-żewġ elementi ma jikkostitwixxux provi biżżejjed. Fir-replika tagħha, Lafarge żżid tgħid li hija kienet qajmet il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-punti 124, 511 u 512 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, mingħajr ma ngħatat risposta mill-Qorti Ġenerali.

37      Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa inammissibbli peress li l-appellanti ma setgħetx issostni, fl-istadju tal-appell, aggravju li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni tosserva li Lafarge ma tistax tippretendi li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħala Gyproc, għaliex din tal-aħħar ipparteċipat direttament fl-iskambju ta’ informazzjoni biss mill-1996 u ma pparteċipatx bl-ebda mod fit-tali skambju fir-rigward tas-suq tar-Renju Unit, peress li hija ma hijiex attiva f’dan is-suq. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-elementi supplimentari li Lafarge tqajjem fir-replika jikkostitwixxu aggravju ġdid li ma huwiex ammissibbli fl-istadju tar-replika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Fir-rigward tal-kritika lill-Qorti Ġenerali għal nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex hija ma weġbitx fis-sentenza appellata għall-argument tal-appellanti, ifformulat fil-punti 374 sa 375 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, dwar in-nuqqas ta’ trattament ugwali bejnha u Gyproc, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija punti jipprovdu s-segwenti:

“Peress li l-parteċipazzjoni ta’ [Lafarge] ma ġietx stabbilita qabel it-tmiem tal-1993, jew saħansitra l-bidu tal-1994, l-iskambju ta’ data mhuwiex l-ewwel ‘manifestazzjoni’ ta’ [Lafarge], għaliex l-iskambju dwar il-volum u l-kuntatti dwar il-prezzijiet allegati mill-Kummissjoni li jirrigwardaw speċifikament is-suq Brittaniku kienu bdew qabel.

Peress li din, la kienet waħda u lanqas l-oħra minn dawn iż-żewġ manifestazzjonijiet – anki jekk jiġi preżunt li jkunu ġew stabbiliti – din ma tistax inkontestabbilment, fiha nnifisha, tikkostitwixxi l-adeżjoni ta’ [Lafarge] fi ksur wieħed, kumpless u kontinwu li jkopri l-erba’ swieq prinċipali Ewropej. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li għal Gyproc il-parteċipazzjoni għal dawn l-istess manifestazzjonijiet mhijiex biżżejjed sabiex tikkostitwixxi adeżjoni fi ksur wieħed, kumpless u kontinwu”.

39      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ebda allegazzjoni dwar ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiet espliċitament ifformulata fil-parti riprodotta iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li t-tali allegazzjoni tista’ tiġi dedotta, din la għandha natura ċara u lanqas natura preċiża u ma hijiex ibbażata fuq provi ċirkustanzjali, intiżi li jsostnuha.

40      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95). Issa, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-appellanti ma ppruvatx turi li hija tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ Gyproc, fatt li kien ferm meħtieġ peress li l-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi fil-ksur inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn differenzi fattwali sinjifikattivi. Għaldaqstant, il-portata tal-allegazzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-punt 375 tar-rikors tal-ewwel istanza ma hijiex ċara ħafna.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat b’mod li jimplika li għandha twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrenti, b’mod partikolari jekk ma għandhiex natura ċara u preċiża biżżejjed u ma hijiex ibbażata fuq provi ċirkustanzjali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121; tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 81, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, punt 90).

42      Fir-replika tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma weġbitx għall-punti l-oħra fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, jiġifieri l-punti 124, 511 u 512 tiegħu. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija punti jikkonċernaw diversi kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u huma marbuta ma’ motivi differenti ħafna mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali. Kif ġustament issostni l-Kummissjoni fil-kontroreplika, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari fil-punti 559 u 637 tas-sentenza appellata, l-allegazzjonijiet tal-appellanti relatati mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Issa, l-appellanti ma tikkritikax dawn il-punti tas-sentenza appellata fl-appell tagħha.

43      Mill-allegazzjonijiet komplementari mressqa fir-risposta tagħha jirriżulta li l-appellanti qegħda essenzjalment tqajjem aggravju ġdid fil-mori tal-kawża. Issa, milll-Artikolu 42(2) u mill-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-produzzjoni ta’ aggravji ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm ma hijiex ibbażata fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jirriżultaw matul il-proċedura (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, punt 20). Peress li l-appellanti qajmet dan l-aggravju biss fl-istadju tar-replika u peress li dan ma huwiex ibbażat fuq elementi li jirriżultaw wara l-preżentata tal-appell, hemm lok li jiġi miċħud bħala tardiv.

44      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

45      Lafarge tqis li s-sentenza appellata tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali inkwantu tikkonferma l-ammont bażiku tal-multa stabbilit mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha, li huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont bażiku tal-multa stabbilit għall-impriżi l-oħra kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 634 tas-sentenza appellata li tipprovdi li l-ammont tal-multi jista’ jiġi kkalkolat irrispettivament mid-dħul mill-bejgħ tal-impriżi. Anki jekk jiġi preżunt li din id-dikjarazzjoni hija korretta, il-Kummissjoni kienet għażlet, fid-deċiżjoni kkontestata, li tissepara l-impriżi kkonċernati skont il-kategoriji abbażi tal-ishma fis-suq rispettivi. Issa, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 223 sa 232), jirriżulta li, hekk kif il-Kummissjoni tiddeċiedi li tistabbilixxi kategoriji skont kriterju bħalma huma l-ishma fis-suq, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali għandhom josservaw ir-relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn, minn naħa, il-livelli tal-kategoriji differenti u, min-naħa l-oħra, is-sehem fis-suq ta’ impriża kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħha f’xi waħda mill-kategoriji.

46      Issa, l-ammont bażiku tal-multa ta’ Lafarge huwa sitt darbiet u nofs ogħla mill-multa ta’ Gyproc, filwaqt li s-sehem fis-suq ta’ Lafarge (24 %), li tpoġġiet fil-kategorija 2, hija biss 3.4 darbiet ogħla mis-sehem fis-suq ta’ Gyproc (7 %), li tpoġġiet fil-kategorija 3. Min-naħa l-oħra, filwaqt li s-sehem fis-suq ta’ Lafarge fl-1997 kien jirrappreżenta inqas minn 81 % tas-sehem fis-suq ta’ Knauf, dawn iż-żewġ impriżi ġew ikklassifikati fl-istess kategorija u l-ammont bażiku tal-multa tagħhom ġiet stabbilita għal EUR 52 miljun.

47      Fir-replika tagħha, Lafarge tispeċifika li qajment motiv f’dan is-sens quddiem il-Qorti Ġenerali.

48      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li t-tali argumenti ma tqajmux mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

49      Barra minn hekk, l-argumenti ta’ Lafarge huma manifestament infondati. Għalhekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat li l-membri ta’ akkordju setgħu jinqasmu f’kategoriji, il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra p. I-5977, punti 52 u 53). Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li terġa’ tiġbor flimkien l-impriżi kkonċernati skont is-sehem tagħhom fis-suq, hija ma hijiex obbligata li tiżgura li l-ammont bażiku tal-multa li jrid jiġi impost fuq kull impriża għandu jkun strettament proporzjonali mas-sehem tagħha fis-suq. Peress li l-ishma fis-suq tal-impriżi differenti kienu ġeneralment differenti, dan jobbliga lill-Kummissjoni toħloq kategoriji daqskemm jeżistu impriżi kkonċernati, fatt li jirrendi bla sens it-tqassim tagħhom f’kategoriji.

50      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija għażlet li taqsam l-impriżi fi tliet kategoriji skont l-ishma tagħhom fis-swieq fejn seħħ l-akkordju matul l-aħħar sena li fiha pparteċipaw l-impriżi (jiġifieri fl-1997). B’hekk, BPB, minħabba s-sehem tagħha fis-suq (42 %) u l-pożizzjoni tagħha bħala l-ikbar produttriċi, tpoġġiet fl-ewwel kategorija. Knauf u Lafarge, b’rispettivament 28 % u 24 % tal-ishma fis-suq, kienu tpoġġew fit-tieni kategorija. Fl-aħħar nett, minħabba s-sehem tagħha fis-suq ta’ 7 % u r-rwol minimu tagħha, Gyrpoc kienet ġiet ikklassifikata fit-tielet kategorija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Għandu jiġi rrilevat li l-appellanti limitat ruħha u allegat quddiem il-Qorti Ġenerali li, filwaqt li l-kapaċità ekonomika tagħha fuq is-suq Ġermaniż u s-suq tar-Renju Unit ma tippermettilhiex tippreġudika l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq u li matul il-ksur hija kienet fattur sinjifikattiv ta’ kompetizzjoni, dan il-fatt ma tqisx fl-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-aggravju preżenti, Lafarge tikkontesta l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tistabbilixxi kategoriji ta’ impriżi skont l-ishma tagħhom fis-suq jew, tal-inqas, il-metodu magħżul mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Isegwi li l-appellanti qed tinvoka kritika f’dan ir-rigward għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

52      Issa, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem aggravju jew argumenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l-argumenti li jkun ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C-266/97 P, Ġabra p. I-2135, punt 79, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 114). F’dan ir-rigward, l-aggravju preżenti huwa inammissibbli.

53      Peress li huwa bbażat fuq l-allegazzjoni tal-appellanti li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali kienet qieset, fil-punt 634 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-multi jista’ jiġi kkalkolat irrispettivament mid-dħul mill-bejgħ tal-impriżi, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravju preżenti jistrieħ fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

54      Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 255 u 312), li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta twettaq il-kalkolu tal-multa, la li tibbaża l-ammont bażiku fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u lanqas li tiżgura, fil-każ li l-multi jiġu imposti fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi stabbiliti abbażi tal-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull distinzjoni bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom.

55      Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni dwar iż-żieda fil-multa minħabba r-reċidiva

56      Dan l-aggravju għandu jinqasam f’żewġ partijiet

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżistenza ta’ bażi legali għaż-żieda tal-multa minħabba r-reċidiva u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-limitazzjoni ratione temporis tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Lafarge tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret, fil-punti 724 u 725 tas-sentenza appellata, il-prinċipju nulla poena sine lege inkwantu kienet qieset li l-Kummissjoni kellha bażi legali sabiex iżżid il-multa imposta fuq l-appellanti minħabba r-reċidiva. Skont l-appellanti, fil-kważi totalità tas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-qorti tista’ żżid il-piena minħabba r-reċidiva biss fil-każijiet u fiċ-ċirkustanzi strettament stabbiliti bil-liġi. Issa, ir-Regolament Nru 17 ma jawtorizzax lill-Kummissjoni żżid il-multi minħabba r-reċidiva.

58      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet kisret, fil-punt 725 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, inkwantu kienet qieset li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata l-eżistenza ta’ reċidiva mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, il-liġi tistabbilixxi, għall-applikazzjoni tar-reċidiva, terminu massimu bejn meta seħħ il-ksur eżaminat u l-eventwali kundanna preċedenti. F’dan ir-rigward, Lafarge tirreferi għall-kodiċi kriminali ta’ bosta Stati Membri. Hija tikkwota wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Öztürk, tal-21 ta’ Frar 1984, serje A Nru 73, u tal-25 ta’ Awwissu 1987 Lutz, serje A Nru 123-A, li minnhom jirriżulta li, fid-dawl tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet fil-liġi tal-kompetizzjoni, dawn is-sanzjonijiet jaqgħu taħt “akkuża kriminali” kif iddefinita minn din il-qorti.

59      Barra minn hekk, l-appellanti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-konformità tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra, p. I‑1331) mal-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq.

60      Il-Kummissjoni speċifikament tfakkar li l-argumenti simili għal dawk imressqa preżentement mill-appellanti ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza. Hija ssostni li, f’din il-kawża, ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ġenerali huma tali li jrendu perpetwalment possibbli ż-żieda ta’ sanzjoni minħabba reċidiva, għaliex il-Qorti Ġenerali stabbilit li s-sussidjarja tal-appellanti kienet kompliet tipparteċipa b’mod attiv fl-akkordju għal erba’ snin wara li ġiet innotifikata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/815/KE, tat-30 ta’ Novembru 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (Każijiet IV/33.126 u 33.322 – Siment) (ĠU 1994 L 343, p. 1), filwaqt li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li perijodu ta’ inqas minn għaxar snin bejn iż-żewġ konstatazzjonijiet ta’ ksur juri propensità biex ma jinsiltux il-konsegwenzi xierqa minn konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ bażi legali għaż-żieda fil-multa minħabba r-reċidiva, għandu jiġi enfasizzat li tali żieda tissodisfa l-għan li jiġu sanzjonati n-nuqqasijiet repetittivi tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-istess impriża.

62      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, it-tul u l-gravità tal-ksur inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati.

63      F’dan ir-rigward, kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 722 tas-sentenza appellata, reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 91, kif ukoll Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 26).

64      Isegwi li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti sabiex reċidiva titieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qed jiġi kkalkolata l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danonevs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).

65      Għaldaqstant, jirriżulta li, billi kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ reċidiva tal-appellanti u l-kwalifika ta’ din ir-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju nulla poena sine lege.

66      Fir-rigward ta’ terminu ta’ żmien massimu li lil hinn minnu reċidiva ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu, qabel kollox, jiġi enfasizzat li la r-Regolament Nru 17 u lanqas il-linji gwida ma jistabbilixxu t-tali terminu.

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 37 tas-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li n-nuqqas tat-tali terminu ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

68      Madankollu, Lafarge tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tikkunsidra l-konklużjoni li waslet għaliha f’dik is-sentenza. Jihder illi minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott li huwa possibbli għall-Kummissjoni li tipproċedi b’żieda fil-multa minħabba r-reċidiva mingħajr limitazzjoni ratione temporis.

69      Madankollu, it-tali deduzzjoni tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fl-imsemmija sentenza li l-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tikkunsidra l-indizji li jwasslu sabiex jikkonfermaw it-tendenza ta’ impriża li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

70      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jitqies meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli. Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq l-atti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali u, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu, għalhekk, jintalbu li jivverifikaw jekk il-Kummissjoni osservatx l-imsemmi prinċipju meta żiedet, minħabba r-reċidiva, il-multa imposta, u, b’mod partikolari, jekk it-tali żieda ġietx imposta b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni.

71      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 727 tas-sentenza appellata, li d-data preċedenti tal-ksur ikkonstatat kontra l-appellanti turi t-tendenza tagħha li ma tislitx il-konsegwenzi xierqa minn konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-konfront tagħha, peress li hija diġà kienet is-suġġett ta’ miżuri preċedenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-Deċiżjoni 94/815, u li s-sussidjarja tal-appellanti baqgħet, madankollu, tipparteċipa b’mod attiv fl-akkordju inkwistjoni sal-1998, jiġifieri għal erba’ snin wara li hija ġiet innotifikata b’din id-deċiżjoni.

72      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma nkisirx għaliex ma hemmx terminu predeterminat li fih ir-reċidiva għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

73      Fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ġenerali komuni fl-Istati Membri li jipprovdi li reċidiva lil hinn minn terminu massimu ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tikkunsidra reċidiva mingħajr limitazzjoni ratione temporis.

74      Barra minn hekk, l-appellanti tipprova turi, billi tirreferi sommarjament għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Öztürk u Lutz, li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “akkuża kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

75      Madankollu, dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat. Fil-fatt, anki jekk l-ipoteżi li sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt “akkuża kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni, l-appellanti ma turix kif il-Qorti Ġenerali kienet kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq kif stabbilit mill-imsemmi artikolu.

76      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-eżistenza ta’ reċidiva mingħajr ma l-ewwel konstatazzjoni ta’ ksur tkun saret definittiva

–       L-argumenti tal-partijiet

77      Lafarge ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ legalità ta’ reati u pieni meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet iżżid l-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva għalkemm id-deċiżjoni li kkonstatat ksur preċedenti għal fatti simili ma kinitx saret definittiva meta seħħew il-fatti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

78      Skont il-liġi kriminali tal-Istati Membri, persuna hija ġeneralment meqjusa bħala reċidiva biss jekk, wara li tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv għall-ewwel ksur, twettaq ksur ieħor. Wieħed mill-elementi essenzjali tar-reċidiva hija, għalhekk, l-eżistenza ta’ kundanna definittiva, fatt li jippreżumi l-eżawriment tar-rimedji meta jseħħ il-ksur ġdid. F’din il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-Deċiżjoni 94/815 sabiex tikkunsidra li Lafarge kienet reċidiva. Madankollu, Lafarge ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni u l-Qorti Ġenerali qatgħet is-sentenza fil-15 ta’ Marzu 2000 (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T-26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T-39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T-65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, p. II‑491). L-imsemmija sentenza saret definittiva xahrejn wara n-notifika tagħha lil Lafarge, fejn din tal-aħħar ma kinitx ppreżentat l-appell. Issa, il-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew fi tmiemhom, skont il-Kummissjoni, fix-xahar ta’ Novembru 1998. Għalhekk, peress li d-Deċiżjoni 94/815 ma kinitx għadha saret definittiva, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kinitx għadha ddeċidiet fuq l-imsemmi rikors għal annullament, f’dik id-data, Lafarge ma kinitx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ ksur li sar definittiv.

79      Barra minn hekk, Lafarge ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi u saħansitra ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddikjarat, fil-punt 737 tas-sentenza appellata, li s-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata, f’deċiżjoni, l-eżistenza ta’ reċidiva anki fin-nuqqas ta’ natura definittiva tal-ewwel deċiżjoni li tikkonstata ksur hija ġġustifikata mill-ftuħ mill-ġdid tat-termini għal preżentata ta’ rikors għal annullament tat-tieni deċiżjoni meta, wara l-adozzjoni tagħha, l-ewwel deċiżjoni tiġi annullata. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja ma tistabbilixxi t-tali ftuħ mill-ġdid tat-terminu. Lafarge tqis li dan l-iżball iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, għaliex huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja peress li l-parti fil-kawża għandha l-oneru li terġa’ tistabbilixxi d-dritt, filwaqt li dan ikun inkiser minħabba definizzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ reċidiv.

80      Għalkemm hija tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti, il-Kummissjoni, madankollu, hija tal-istess fehma bħall-appellanti li tipprovdi li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tistabbilixxi l-possibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid tat-terminu għal preżentata ta’ rikors għal annullmanet kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissostitwixxi l-aggravji, peress li l-annullament tal-ewwel deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni ta’ reċidiva li sseħħ fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni tagħti dritt, lill-impriża kkonċernata, li titlob lill-Kummissjoni l-eżami mill-ġdid tat-tieni deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 233 KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 734 tas-sentenza appellata, li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra r-reċidiva, huwa biżżejjed li l-impriża tinstab l-ewwel ħatja ta’ ksur tal-istess tip, anki jekk id-deċiżjoni tkun għadha suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, hija ġustament tfakkar, fil-punt 736 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità li tgħodd sakemm dawn ma jiġux annullati jew irtirati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48).

82      Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, għal darb’oħra ġustament, li l-appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx effett sospensiv.

83      Isegwi li, anki jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni għadha suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, din tibqa’ tipproduċi l-effetti kollha tagħha, sakemm il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jiddeċidux mod ieħor.

84      Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti li l-preżentazzjoni ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni twassal għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni matul il-proċedura ġudizzjarja, tal-inqas fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għall-konstatazzjoni, f’deċiżjoni sussegwenti, ta’ reċidiva eventwali, ma huwa bbażat fuq l-ebda bażi legali, iżda, għall-kuntrarju, jikkontradixxi b’mod partikolari d-diċitura tal-Artikolu 242 KE.

85      Barra minn hekk, jekk l-argument sostnut mill-appellanti għandu jintlaqa’, l-awturi tal-ksur ikunu qed jiġu mħeġġa li jippreżentaw rikorsi purament dilatorji, fejn l-uniku għan huwa li jevitaw il-konsegwenzi tar-reċidiva matul il-proċess tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

86      Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra r-reċidiva, huwa biżżejjed li l-impriża tinstab l-ewwel ħatja ta’ ksur tal-istess tip, anki jekk id-deċiżjoni tkun għadha suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, hija, għalhekk legalment fondata.

87      Din il-konklużjoni ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni li tkun serviet bħala bażi sabiex il-multa marbuta ma’ ksur ieħor miżjuda f’deċiżjoni ulterjuri tiġi annullata mill-qorti tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

88      Fil-fatt, fit-tali ipoteżi, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 233 KE, tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi temenda, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li ġiet wara inkwantu din tinkludi żieda fil-multa minħabba r-reċidiva.

89      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, din is-sistema hija konformi mal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ekonomija tal-ġudizzju, sa fejn, minn naħa, tobbliga lill-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att inkwistjoni sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja anki fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens mill-impriża kkonċernata u, min-naħa l-oħra, tevita rikorsi purament dilatorji.

90      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kif isostnu kemm l-appellanti kif ukoll il-Kummissjoni, meta ddeċidiet, fil-punt 737 tas-sentenza appellata, li, fl-ipoteżi fejn deċiżjoni, li abbażi tagħha l-multa marbuta ma’ ksur ieħor ġiet miżjuda minħabba r-reċidiva f’deċiżjoni ulterjuri, tiġi annullata wara li din tal-aħħar tkun saret definittiva, dan huwa fatt ġdid li jwassal għall-ftuħ mill-ġdid tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors marbuta mat-tieni deċiżjoni, u tali żball ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija sentenza, kemm-il darba d-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minn motivi oħra ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Mill-punti 734 sa 736 u 739 tas-sentenza appellata jirriżulta, b’mod partikolari, li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha mhux biss fuq il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 734 u 736 tas-sentenza appellata u esposti fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, iżda fakkret ukoll, fil-punt 735 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva tiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni, fil-punt 739 tas-sentenza appellata, bejn il-kawża preżenti u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999 (Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347), fejn il-parti l-kbira tal-ksur seħħ qabel l-ewwel deċiżjoni, filwaqt li, f’din il-kawża, Lafarge baqgħet tipparteċipa fl-akkordju inkwistjoni għal iktar minn erba’ snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/815, li waslet għas-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

92      Fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti limitat ruħha billi invokat it-tali ksur, mingħajr ma wriet kif preċiżament dan il-prinċipju ma kienx ġie osservat.

93      F’dan ir-rigward għandu jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 720 tas-sentenza appellata, li l-punt 2 tal-linji gwida tal-1998 intitolat “Ċirkustanzi Aggravanti”, jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-ammont bażiku tal-multa, bħalma hija r-reċidiva. Skont kliem l-imsemmi punt 2, hemm preċiżament imsemmi li, “ksur ripetut tal-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”, mingħajr ma tissemma l-ebda kundizzjoni dwar in-natura “definittiva” tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur preċedenti. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita l-linji gwida tal-Kummissjoni jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati billi jiddeterminaw il-metodi li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-iffissar tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑266/06 P, punt 53).

94      Fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq allegat ksur tal-prinċipju ġenerali tar-reati u tal-pieni, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li hija tissanzjona (sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iċ-ċarezza tal-liġi għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda wkoll mill-preċiżjonijiet mogħtija minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, G. vs. Franza tas-27 ta’ Settembru 1995, serje A Nru 325-B punt 25). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li liġi tikkonferixxi setgħa diskrezzjonali ma jipprekludix fih innifsu r-rekwiżit tal-prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu ddefiniti suffiċjentement b’mod ċar, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa kontra deċiżjonijiet arbitrarji (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Margareta u Roger Andersson vs L-Isvezja, tal-25 ta’ Frar 1992, serje A Nru 226, punt 75).

95      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, madankollu, dan l-artikolu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha ssegwi. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta huwa suġġett għal limitu massimu kwantifikabbli u assolut, b’mod illi l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost kontra impriża partikolari huwa ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa llimitat ukoll mir-regoli ta’ etika li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u fil-linji gwida. Barra minn hekk, il-prattika amministrattiva aċċessibbli tal-Kummissjoni hija totalment suġġetta għall-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, li l-ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata tagħha ppermettiet li jiġu ppreċiżati l-kunċetti indeterminati li seta’ kellu l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Operatur avżat jista’ b’hekk, wara li jieħu parir legali, jipprevedi b’mod biżżejjed preċiż il-metodu tal-kalkolu u d-daqs tal-multi li huwa jinkorri għal imġiba partikolari min-naħa tiegħu, u l-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf l-ammont tal-multi eżatt li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 sa 55).

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

97      Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut maż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa b’effett dissważiv

L-argumenti tal-partijiet

98      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 680 sa 684 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 17 billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament evalwat il-ħtieġa li tapplika, b’effett dissważiv, żieda fl-ammont inizjali tal-multa, u mhux fit-tmiem tal-kalkolu ta’ din il-multa. L-appellanti tqis li żieda, b’effett dissważiv, fl-ammont tal-multa skont il-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti tal-kawża hija aċċettata biss meta dan l-ammont jidher li ma huwiex għoli biżżejjed sabiex jikkonvinċi l-impriża u l-operaturi ekonomiċi kollha bil-gravità tal-ksur u bil-ħtieġa li ma jerġgħux iwettqu dan il-ksur.

99      L-appellanti tirreferi wkoll għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitulata “Linji Gwida dwar il-metodu għall-iffissar ta’ multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), li tipprovdi li “żieda speċifika [tal-ammont tal-multa] minħabba n-natura dissważiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ din tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ammont finali tal-multa, jiġifieri wara d-determinazzjoni tal-ammont bażiku u l-aġġustament ta’ dan l-ammont skont iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

100    Il-Kummissjoni tosserva li l-linji gwida tal-2006 huma irrilevanti f’dan il-każ, għaliex id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata skont il-linji gwida tal-1998, li kienu jistabbilixxu li d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (punt I.A), u dan qabel ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur (punt I.B). Il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà tbiddel il-politika tagħha li tissanzjona ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Id-diċitura tal-linji gwida tal-1998 u tal-linji gwida tal-2006 hija simili inkwantu toffri l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tikkunsidra d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi fil-kalkolu tal-multa. Barra minn hekk, l-istadju li fih id-daqs tal-impriża għandu jiġi kkunsidrat ma huwiex sinjifikattiv, sa fejn iż-żieda minħabba dan il-fatt ma hijiex marbuta mal-ammont finali tal-multa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    Fil-punt 657 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li żieda ta’ 100 % fl-ammont bażiku tal-multa stabbilita skont il-gravità tal-ksur hija bbażata fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Lafarge.

102    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “dissważjoni”, għandu jitfakkar li dan jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, bħal dawk previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu kemm l-impriżi inkwistjoni kif ukoll l-operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Issa, ir-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa, ma tistax tiġi kkontestata. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tikkalkola l-ammont tal-multa, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Lafarge ma tikkontestax il-fatt li ġew ikkunsidrati, per se, id-daqs tagħha u r-riżorsi globali tagħha sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed, iżda tikkritika l-istadju li fih seħħew dawn il-kunsiderazzjonijiet.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed jinsab fl-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, u s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża.

105    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li impriża, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali “enormi” tagħha meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet l-oħra fl-akkordju, setgħet iktar faċilment issib il-fondi neċessarji sabiex tħallas il-multa, fatt li ġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv biżżejjed ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur (ara s-sentenza Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

106    F’dan il-każ, billi l-kalkolu tal-multa sar skont il-koeffiċjenti multiplikaturi, is-segwenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-koeffiċjenti ma kellhiex effett fuq l-ammont finali tal-multa, irrispettivament mill-istadju li fih seħħew il-multiplikaturi inkwistjoni.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Lafarge ma ssostni bl-ebda mod l-affermazzjoni tagħha li kieku l-ammont tal-multa ġie stabbilit, mingħajr ma tqis il-multiplikatur marbut mal-effett dissważiv, dan kien ikun biżżejjed sabiex jiżgura tali effett tal-multa.

108    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-linji gwida tal-2006, għandu jiġi enfasizzat, kif issostni ġustament l-Kummissjoni, li dan ma japplikax għall-fatti li wasslu għall-każ preżenti.

109    Għall-kumplament, għandu jiġi rrilevat li l-fattur ta’ dissważjoni li l-kalkolu tal-multa imposta fuq l-impriża jista’ jinkludi jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni bosta elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Għalhekk, ma huwiex eskluż li l-istadju tal-kalkolu li fih isir it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur dissważiv jista’ jkun rilevanti fid-dawl tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-imsemmi fattur, bl-eċċezzjoni tad-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-appellanti ma wrietx li dan kien il-każ fil-kawża preżenti.

110    Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Lafarge SA hija kkundannata għall-ispejjeż

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.