Language of document : ECLI:EU:C:2012:792

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C‑625/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/440/KEE – Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 2001/14/KE – Allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 – Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 – Amministratur ta’ infrastruttura – Indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali – Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14 – Assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess – Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 – Assenza ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma”





1.        Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (2), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll taħt l-Artikoli 14(2), 6(2) sa (5), u 11 tad-Direttiva 2001/14/KE (4). Ir-Repubblika Franċiża titlob li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (5) li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent u jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina għall-ewwel darba l-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari li tinterpreta dak li huwa msejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.        Fis-6 ta’ Settembru 2012, jiena diġà ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-kawżi ċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Ungerija; Il-Kummissjoni vs Spanja; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Minbarra dawn il-konklużjonijiet, qiegħed illum nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Polonja; Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka; Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu. Billi l-kawża preżenti tikkonċerna lmenti simili għal dawk li jiena diġà kelli l-opportunità li nanalizza fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, ser nillimita ruħi sabiex nirreferi għall-punti rilevanti tagħhom, mingħajr, madankollu, ma nirrepeti l-argumenti li jissemmew hemmhekk fl-intier tagħhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/440

4.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440/KEE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, ikunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jintwera li dan l-oġġettiv ikun inkiseb.”

5.        L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-“funzjonijiet essenzjali” msemmija fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“[…]

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

[…]”

2.      Id-Direttiva 2001/14

6.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/14/KE jistipula li:

“1.      L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni tan-netwerk li tista’ tiġi awwkistata [akkwistata] għal ħlas ta’ dazju li ma jistax jeċċedi l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni.”

7.        Skont l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14:

“2.      Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-aċċess.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwat[i].”

8.        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE:

“1.      Skemi tal-piżijiet infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferrovija.Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni tan-netwerk, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dak li ġie ppjanat.

2.      Il-prinċipji bażiċi ta’ l-iskema ta’ operazzjoni għandhom japplikaw man-netwerk kollha.”

9.        L-Artikolu 14(2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

B –    Id-Dritt Franċiż

1.      Il-Liġi Nru 97‑135

10.      Il-Liġi Nru 97‑135, tat-13 ta’ Frar 1997, li tikkonċerna l-ħolqien tal-istabbiliment pubbliku “Réseau ferré de France” [“Netwerk ferrovjarju ta’ Franza”] bl-għan ta’ tiġdid tat-trasport ferrovjarju (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 97‑135”) (6) tipprovdi li r-Réseau ferré de France (iktar ’il quddiem ir-“RFF”) huwa l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja.

11.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Meħuda inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ sigurtà u ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku, l-amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fuq in-netwerk ferrovjarju nazzjonali u tal-funzjonament u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet tekniċi u ta’ sigurtà ta’ dan in-netwerk għandhom jiġu żgurati mis-Société nationale des chemins de fer français [il-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferrovija Franċiża, iktar ’il quddiem is-“SNCF”] f’isem u skont l-għanijiet u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni ddefiniti mir-[RFF]. Huwa għandu jħallasha għal dan il-għan. […]”

2.      Id-Digriet Nru 2003‑194

12.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Digriet Nru 2003‑194 tas-7 ta’ Marzu 2003 dwar l-użu tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali (7) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2003‑194”) jipprovdi:

“Ir-[RFF] għandu jfassal dokument ta’ referenza tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali li jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess għan-netwerk ferrovjarju nazzjonali msemmi fit-Titolu I. […]”

13.      L-Artikolu 18 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Ir-[RFF] għandu jqassam il-kapaċitajiet tal-infrastruttura tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali fuq l-infrastrutturi li huwa jamministra jew li fir-rigward tagħhom l-amministratur tal-infrastruttura għandu kuntratt ta’ partenarjat konkluż b’applikazzjoni tal-Artikoli 1‑1 u 1‑2 tal-liġi tat-13 ta’ Frar 1997 imsemmija hawn fuq, skont il-modalitajiet stabbiliti bl-Artikoli 18 sa 27 ta’ dan id-digriet. […]”

14.      L-Artikolu 21 tal-istess digriet jipprovdi li (8):

“It-talbiet għall-passaġġi għandhom ikunu indirizzati lir-[RFF] taħt il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet stabbiliti bid-dokument ta’ referenza tan-netwerk jew, fil-każ ta’ ftehim qafas, bit-termini ta’ dan il-ftehim.

[…]

Ir-[RFF] għandu jafda l-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni tat-talbiet ta’ passaġġi lis-[SNCF] responsabbli, min-naħa tagħha, mill-amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ferrovjarju nazzjonali. Dawn l-istudji jwasslu għal remunerazzjoni, imħallsa minn min jagħmel it-talba, li tammonta għall-ispiża marbuta direttament mat-twettiq tagħhom.

Is-[SNCF] għandha tieħu, taħt il-kontroll tar-[RFF], il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-indipendenza funzjonali tas-servizz li jwettaq ir-rapporti tekniċi, bl-iskop li tiżgura l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Dan is-servizz għandu josserva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ta’ natura kummerċjali li tiġi mgħoddija lilu għall-ħtiġijiet ta’ dawn ir-rapporti.

[…]”

15.      Fit-3 ta’ Novembru 2008 kien ġie konkluż kuntratt ta’ servizz li jkopri s-snin 2008‑2012 bejn l-Istat Franċiż u r-RFF.

3.      Il-Liġi Nru 82‑1153

16.      L-Artikolu 24, III, tal-Liġi Nru 82‑1153, tat-30 ta’ Diċembru 1982, ta direzzjoni tat-trasport intern (9), emendata bil-Liġi Nru 2009‑1503, tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar l-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju u li tikkonċerna diversi dispożizzjonijiet dwar it-trasport (10), jipprovdi d-dispożizzjonijiet iddettaljati fuq servizz speċjalizzat li, fi ħdan is-SNCF, “jeżerċita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 f’isem u skont l-għanijiet u prinċipji ta’ amministrazzjoni ddefiniti mir-[RFF], il-missjonijiet ta’ amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ferrovjarju nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 97‑135 […] taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali hekk eżerċitati li jiggarantixxu kompetizzjoni libera u leali u l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni”.

II – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tikkonforma mad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. Fid-9 ta’ Settembru 2008, dan l-Istat Membru rrisponda għall-intimazzjoni. Wara din ir-risposta, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu risposta komplementari bid-data tal-14 ta’ Lulju 2009.

18.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża. Fl-10 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għal din l-opinjoni motivata billi informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni u bil-promulgazzjoni tal-Liġi Nru 2009‑1503 u billi indikat, barra minn hekk, li l-oġġezzjonijiet ifformulati minn din tal-aħħar fl-opinjoni motivata tagħha ma kinux, fil-fehma tagħha, fondati. Fit-30 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Franċiża pprovdiet lill-Kummissjoni diversi informazzjonijiet komplementari fuq l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju.

19.      Billi xorta waħda ma kinitx konvinta bl-argumenti invokati mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors. Madankollu, fid-dawl tal-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni illimitat il-portata ta’ din l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imressqa b’rikors tat-22 ta’ Diċembru 2010, għall-Artikolu 6(3) u għall-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll għall-Artikoli 14(2), 6(2) sa (5), u 11 tad-Direttiva 2001/14.

20.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

21.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fl-20 ta’ Settembru 2012.

III  Analiżi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    Fuq l-ewwel oġġezzjoni, ibbażata fuq il-fatt li entità li tforni servizzi ta’ trasport ferrovjarju ma tistax tkun responsabbli għal funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi

1.      Argumentazzjoni tal-partijiet

22.      Il-Kummissjoni targumenta li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, meta l-allokazzjoni ta’ passaġġi hija funzjoni essenzjali bl-għan li jiġi żgurat aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura li jissemma fl-Anness II ta’ din id-direttiva u li għalih huwa applikabbli r-rekwiżit ta’ indipendenza, entità li tforni servizzi ta’ trasport ferrovjarju (jew direzzjoni maħluqa f’din l-entità) ma tistax tkun responsabbli minn funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi. Hija targumenta wkoll li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha tiġi assenjata lil organizzazzjoni ta’ allokazzjoni indipendenti.

23.      Skont il-Kummissjoni, minkejja li r-RFF, li huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura, huwa korp indipendenti mis-SNCF, din tibqa’ xorta waħda responsabbli minn ċerti funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi. Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li, għalkemm dawn il-funzjonijiet essenzjali jitwettqu minn servizz speċjalizzat fi ħdan is-SNCF, jiġifieri d-Direction des Circulations Ferroviaires [id-direzzjoni taċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja] (iktar ’il quddiem id-“DCF”), id-DCF ma hijiex indipendenti mis-SNCF, fil-livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali.

24.      Skont il-Kummissjoni, il-funzjonijiet fdati lid-DCF jikkontribwixxu għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali kif imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 91/440. Is-SNCF hija responsabbli minn elementi sinifikattivi tal-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440, bħalma huma l-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni jew l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-aħħar minuta. Il-Kummissjoni tqis li, anki jekk ir-RFF huwa responsabbli mill-allokazzjoni ta’ passaġġi individwali, l-istudji li hija inkarigata minnhom is-SNCF jifformaw parti mill-funzjonijiet essenzjali. Dawn il-funzjonijiet jifformaw parti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu amministrati minn organizzazzjoni indipendenti.

25.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 għandhom jinqraw fl-intier tagħhom u jikkomplementaw lil xulxin. Fil-fatt, ir-regola ta’ indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali fformulata b’mod ġenerali fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, tinsab ippreċiżata u ddettaljata fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 f’dak li jikkonċerna l-allokazzjoni ta’ passaġġi. Din l-aħħar direttiva ma tipprovdix li l-funzjonijiet essenzjali jistgħu jiġu eżerċitati minn impriża ferrovjarja taħt is-“superviżjoni” ta’ organizzazzjoni indipendenti. L-għan ta’ dan l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 huwa dak li impriżi ferrovjarji ma jkollhomx kompetenza fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi, sabiex jiġi ggarantit trattament ekwu u nondiskriminatorju bejn l-impriżi ferrovjarji.

26.      F’dak li jikkonċerna l-indipendenza tad-DCF fil-livell ġuridiku, il-Kummissjoni tqis li dan huwa każ ta’ servizz speċjalizzat tas-SNCF li għaldaqstant ma huwiex indipendenti f’dan il-livell, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, għaliex mhux biss id-DCF ma għandhiex personalità ġuridika imma, barra minn hekk, hija tinsab ġuridikament integrata fil-personalità ġuridika tas-SNCF. Fir-rigward tal-indipendenza tad-DCF fil-livell organizzattiv u deċiżjonali, il-Kummissjoni tindika li din ma hijiex żgurata suffiċjentement.

27.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid, fir-replika tagħha, li anke jekk l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2011‑891 (11), tikkostitwixxi titjib fuq is-sitwazzjoni attwali, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lid-DCF indipendenza suffiċjenti fil-livell organizzattiv u deċiżjonali, u, saħansitra b’iktar saħħa, fil-livell ġuridiku.

28.      Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa tiegħu, targumenta li l-indipendenza hija żgurata billi l-funzjonijiet essenzjali li huma fdati lid-DCF huma rregolati mir-RFF. Id-DCF tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, imma ma tamministrahomx, billi r-RFF huwa unikament responsabbli mill-allokazzjoni tal-passaġġi. Il-Gvern Franċiż jargumenta li r-rekwiżit ta’ indipendenza fil-livell ġuridiku ma jirrikjedix li d-DCF tgawdi minn personalità ġuridika distinta mis-SNCF.

29.      Huwa jqis ukoll li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni Franċiża billi dik id-dispożizzjoni tapplika biss “jekk l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex indipendenti”. Imma l-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri l-RFF, huwa indipendenti, b’mod li l-Artikolu msemmi ma japplikax għall-attivitajiet tad-DCF.

30.      Il-Gvern Franċiż isostni li, għalkemm id-DCF tforni trasport ferrovjarju, hija tibqa’ korp indipendenti fil-livell funzjonali. Għalhekk, id-DCF ma tistax titqies li tifforma korp li jforni servizzi ta’ trasport ferrovjarju fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440. Il-Gvern Franċiż jiċħad ukoll l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali. Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Franċiż jargumenta li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440 saret b’mod sħiħ għalkollox mal-adozzjoni tad-digriet Nru 2011-891, b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 2009-1503.

2.      Eżami tal-ewwel oġġezzjoni

31.      Nirrileva qabel xejn li r-Repubblika Franċiża tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tqis ukoll li wara l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2011-891, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440 saret b’mod sħiħ.

32.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (12). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-mertu tal-argumenti mressqa mill-Istat Membru sabiex isostni li l-leġiżlazzjoni introdotta wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kienet konformi mad-direttiva. Għaldaqstant, huwa inutili li jiġi eżaminat l-effett tad-Digriet Nru 2011-891.

33.      F’din il-kawża, l-operatur storiku, is-SNCF, ingħata, taħt il-kontroll tal-korp indipendenti responsabbli mill-funzjoni essenzjali tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-allokazzjoni ta’ passaġġi individwali, il-kompiti, deskritti bħala “tekniċi” mill-Istat Membru, li jikkonsistu fit-twettiq ta’ studji tekniċi ta’ eżekuzzjoni meħtieġa għall-istruzzjoni tat-talbiet ta’ passaġġi u għall-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-“aħħar minuta”, jiġifieri inqas minn sebat ijiem qabel id-data tal-ivvjaġġjar mixtieqa (13).

34.      Din l-ewwel oġġezzjoni tqajjem żewġ kwistjonijiet prinċipali. L-ewwel waħda hija dik dwar jekk impriża ta’ trasport ferrovjarju tistax tkun assoċjata b’mod jew ieħor, direttament jew indirettament, mal-eżerċizzju ta’ funzjoni essenzjali. It-tieni waħda hija dik dwar jekk il-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni essenzjali tirrikjedix, fil-livell deċiżjonali, li dak il-korp indipendenti jgawdi minn personalità ġuridika distinta mill-impriża ferrovjarja.

35.      L-ewwel kwistjoni bilkemm tippreżenta diffikultajiet kbar għaliex, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, il-funzjonijiet elenkati fl-Anness II tagħha jistgħu “jkunu fdati [biss] lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju”. Dan l-Anness jirreferi għat-“teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ passaġġi inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali”.

36.      Jirriżulta wkoll mill-kliem innifsu tad-Direttiva 91/440 li “d-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà” jifformaw parti mill-kompetenza tal-korp responsabbli mill-funzjoni essenzjali tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-allokazzjoni ta’ passaġġi. Għaldaqstant ma huwiex possibbli għall-korp indipendenti, li ma jistax ikun impriża ta’ trasport ferrovjarju, li jafda lil tali impriża x-xogħlijiet preparatorji, li huma parti mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni. Għalhekk, il-fatt li servizz tas-SNCF, jiġifieri d-DCF, jaġixxi f’isem ir-RFF, li jżomm il-kompetenza sħiħa li jistabbilixxi l-iskedi u l-allokazzjoni ta’ passaġġi individwali, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkonvalida s-sistema.

37.      Ir-Repubblika Franċiża tqis madankollu li l-korp responsabbli minn din il-funzjoni, f’dan il-każ id-DCF, igawdi indipendenza funzjonali fi ħdan l-impriża tat-trasport. Il-leġiżlatur Franċiż ħoloq fi ħdan is-SNCF servizz speċjalizzat li jgawdi indipendenza organizzattiva u deċiżjonali. Skont dan l-Istat Membru, id-DCF ma tistax tiġi ekwiparata mas-SNCF, għaliex hija tgawdi indipendenza funzjonali.

38.      Nikkonstata li din il-kawża tqajjem, b’xi mod, il-kwistjoni opposta fir-rigward tas-sistema integrata tal-holding, li kienet fil-qalba tal-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (ara l-punti 38 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħi); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (ara l-punti 53 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħi), u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (ara l-punti 59 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħi). Fil-fatt, fil-mudell tat-tip “holding”, l-indipendenza ġuridika hija miksuba u d-dubju jirrigwarda l-indipendenza deċiżjonali. F’din il-kawża, l-indipendenza deċiżjonali tidher miksuba u l-kwistjoni tikkonċerna l-indipendenza ġuridika.

39.      Jidhirli li d-difiża tar-Repubblika Franċiża tistrieħ fuq id-dissoċċjazzjoni bejn l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Jekk, kif tissuġġerixxi r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2001/14, li jirreferi għall-indipendenza ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali, jiġi skartat, jibqa’ biss l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/440 li jillimita ruħu sabiex jirrikjedi li “l-korpi jew ditti” ma jkunux huma stess fornituri ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-forma li għandu jkollhom dawn il-korpi jew impriżi. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ma jirrikjedix li l-korpi jew impriżi responsabbli minn funzjonijiet essenzjali neċessarjament ikollhom il-personalità ġuridika. Id-DCF huwa “korp” li ma jipprovdix servizzi ta’ trasport.

40.      Għall-kuntrarju, skont ir-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 huwa inapplikabbli, għaliex ir-RFF jikkostitwixxi kumpannija indipendenti u għaliex ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-organu responsabbli mill-funzjoni essenzjali tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-allokazzjoni ta’ passaġġi individwali huwa applikabbli biss meta l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex indipendenti minn impriża tat-trasport ferrovjarju.

41.      Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament għandu jiġi miċħud. Fil-fehma tiegħi, meta l-kompitu fdat lid-DCF huwa wieħed ta’ funzjoni essenzjali, id-DCF tkun suġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, li ma jistgħux jiġu separati. Fil-fatt, ir-RFF huwa indipendenti mis-SNCF, imma jgħaddi lil din tal-aħħar parti mill-funzjonijiet essenzjali li ġew fdati lilu, b’mod li r-RFF ma jibqax jidher indipendenti f’din il-parti mill-funzjonijiet, li għandhom għaldaqstant jiġu fdati lil organu indipendenti fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

42.      Ninnota, barra minn hekk, li s-subappaltar tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali lil impriża ferrovjarja ma setax jiġi previst mill-imsemmija direttivi. L-esklużjoni tiegħu tirriżulta mill-istruttura stess tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Hija korretta l-Kummissjoni meta ssostni li altrimenti l-Istati Membri jaħarbu kompletament mill-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni billi joħolqu amministratur tal-infrastruttura indipendenti, li mbagħad jgħaddi b’subappalt l-attivitajiet tiegħu lil impriża ferrovjarja.

43.      Għaldaqstant ir-Repubblika Franċiża ma hijiex korretta meta ssostni li l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440. Għall-kuntrarju, is-sistema Franċiża għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-rekwiżit ta’ korp indipendenti fil-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali, kif jirriżulta minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

44.      Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-indipendenza ġuridika tad-DCF kif ukoll l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tagħha. Fil-fehma tagħha, il-kundizzjoni tal-indipendenza ġuridika ma hijiex sodisfatta għaliex jekk l-amministratur tal-infrastruttura jiddelega l-funzjonijiet essenzjali lil organizzazzjoni distinta, din l-organizzazzjoni għandha naturalment tissodisfa hija ukoll l-istess rekwiżiti ta’ indipendenza bħall-amministratur tal-infrastruttura.

45.      Ma narax kif jista’ jkun hemm indipendenza ġuridika fil-konfront ta’ kumpannija bħalma hija s-SNCF jekk ma teżistix personalità ġuridika proprja (14). Għandu għalhekk jiġi deċiż li s-sistema Franċiża ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-indipendenza ġuridika.

46.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tad-DCF billi tapplika kriterji avvanzati kontra s-sistema kollha tal-holding. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati separatament dawn iż-żewġ aspetti oħra tal-indipendenza tal-amministrazzjoni, għaliex it-tliet aspetti tal-indipendenza għandhom jeżistu kumulattivament, b’mod li l-konstatazzjoni waħedha ta’ nuqqas ta’ indipendenza ġuridika fi ħdan id-DCF hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

47.      Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li għandu jitqies li l-ewwel oġġezzjoni tal-Kummissjoni hija fondata.

B –    Fuq it-tieni oġġezzjoni, li tikkonċerna l-istabbiliment ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja

1.      Argumentazzjoni tal-partijiet

48.      Il-Kummissjoni targumenta li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, billi l-leġiżlazzjoni Franċiża attwalment ma tinkludix sistema ta’ titjib tal-ħidma li hija konformi ma’ dak l-artikolu. Il-miżuri li jissemmew mill-Istat Membru ma jifformawx tali sistema.

49.      Il-Kummissjoni targumenta wkoll li, meta naqset milli tintroduċi sistema ta’ inċentivi kif imsemmija fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

50.      F’dak li jikkonċerna l-miżuri maħsuba sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi ma humiex akkompanjati minn sistema li tippermetti, bħala inċentiv, li l-amministratur tal-infrastruttura jiġi inkoraġġit b’mod sinifikattiv li jilħaq dawn l-għanijiet.

51.      Rigward it-tnaqqis fit-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt ta’ prestazzjoni (15), iffirmat fit-3 ta’ Novembru 2008 bejn l-Istat Franċiż u r-RFF, ma jsemmi xejn.

52.      Il-Gvern Franċiż, min-naħa tiegħu, jargumenta li l-kuntratt ta’ prestazzjoni jiddefinixxi l-għanijiet ta’ modernizzazzjoni tal-infrastruttura u l-modalitajiet ta’ żvilupp ta’ offerta kummerċjali ġdida tan-netwerk, bl-għan li jtejjeb il-kwalità, is-servizzi u s-sigurtà. Dan il-kuntratt fih ukoll dispożizzjonijiet ta’ natura li jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura li jnaqqas it-telf u jtejjeb il-ħidma tan-netwerk ferrovjarju.

53.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ użu tal-infrastruttura, billi jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens f’każ ta’ nuqqas, għalhekk fihom dispożizzjonijiet li jaħsbu sabiex jinċentivaw kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqsu n-nuqqasijiet u jtejbu l-ħidma tan-netwerk ferrovjarju.

54.      F’dak li jikkonċerna l-miżuri maħsuba sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li huma implementaw mekkaniżmu ta’ bonus għall-persunal direttament marbut mat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż u għaldaqstant adottaw miżuri ta’ inċentiv f’dan ir-rigward.

55.      Dwar l-għan li jitnaqqas il-livell tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja f’kull każ ma jikkostitwixxix għan assolut stabbilit mid-Direttiva 2001/14.

56.      Il-Gvern Spanjol, min-naħa tiegħu, intervjena fil-proċedura biss sabiex isostni l-argumenti ppreżentati mill-Gvern Franċiż b’rabta mal-kwistjonijiet li tqajmu bl-ewwel parti tat-tieni oġġezzjoni tal-kawża. F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jargumenta li d-Direttiva 2001/14 ma tiddefinixxi u ma timponi l-ebda kriterju bil-ħsieb tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma u tirreferi biss għall-għan ta’ din is-sistema.

57.      F’dak li jikkonċerna l-miżuri maħsuba sabiex jirriduċu l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess, ma jkunx raġonevoli li l-ammont tagħhom jitnaqqas mingħajr ma l-ewwel jiġi mmodernizzat in-netwerk ferrovjarju u fl-istess waqt jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ manutenzjoni. Din iċ-ċirkustanza teskludi mill-ewwel kull ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

2.      Eżami tat-tieni oġġezzjoni

58.      Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-ewwel parti tat-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jirriduċu għall-minimu n-nuqqasijiet u jtejbu l-ħidma tan-netwerk ferrovjarju permezz tal-istabbiliment ta’ “sistema ta’ titjib tal-ħidma”, hija essenzjalment identika għat-tieni oġġezzjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10), iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 67 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħi), u għar-raba’ oġġezzjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħi).

59.      Hekk ukoll, it-tieni parti tat-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni, dwar l-assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta’ infrastruttura jew il-livell tat-tariffi ta’ aċċess hija essenzjalment identika għat-tielet oġġezzjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑556/10), iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 93 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħi), għat-tielet oġġezzjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 74 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħi), u għat-tieni oġġezzjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 47 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħi).

60.      Għal din ir-raġuni, għandu jsir riferiment għar-raġunament ġuridiku żviluppat fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawżi msemmija. Il-leġiżlazzjoni Franċiża tippreżenta madankollu partikolaritajiet fil-konfront tas-sitwazzjoni applikabbli fl-imsemmija Stati Membri. Għaldaqstant, l-eżami tal-kwistjoni jekk l-oġġezzjoni hijiex fondata jew le għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni applikabbli fi Franza.

61.      Naħseb li r-Repubblika Franċiża ma kinitx implementat, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, sistema ta’ titjib tal-ħidma tal-impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-infrastruttura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Il-miżuri invokati mill-imsemmi Stat Membru, anke jekk jistgħu jissejħu miżuri li jinkoraġġixxu l-impriżi kkonċernati sabiex itejbu l-ħidma tas-servizzi, ma jifformawx, f’kull każ, kumpless koerenti u trasparenti li jista’ jifforma parti minn sistema ta’ tariffar tal-infrastruttura.

62.      Dan jiswa kemm għall-Artikolu 6.4 tad-dokument ta’ referenza tar-RFF (16), li jipprovdi mod ta’ tariffar speċifiku applikabbli għad-dritt ta’ riżerva tal-passaġġi ta’ merkanzija suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, kif ukoll għaż-żewġ dokumenti l-oħra msemmija mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ użu tal-infrastruttura u l-kuntratt ta’ prestazzjoni. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni ssostni korrettement li l-obbligi li r-RFF ikkuntratta fil-qasam tal-kwalità tas-servizzi ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ “sistema ta’ titjib tal-ħidma” u ma għandhom l-ebda rabta mas-sistemi ta’ tariffar imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

63.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, l-amministratur tal-infrastruttura għandu, filwaqt li jħares ir-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà u jżomm u jtejjeb il-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, jingħata inċentivi biex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess. Kuntrarjament għal dak stabbilit fil-qasam tat-titjib tal-ħidma tan-netwerk ferrovjarju skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 6(2) tagħha ma jirrikjedix li l-miżuri ta’ inċentivi jifformaw “sistema” (17).

64.      Madankollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi żewġ possibiltajiet ta’ implementazzjoni tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Jista’ jkun hemm jew ftehim għal diversi snin konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti li jipprovdi għall-finanzjament mill-Istat, jew l-istabbiliment ta’ miżuri leġiżlattivi adegwati, li jipprovdu l-kompetenzi neċessarji. Imma, anke jekk il-miżuri, meħuda b’mod iżolat, jistgħu jitqiesu bħala miżuri ta’ inċentivi, huma ma jistgħux, bħala tali, jirrappreżentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(2), jekk huma ma jidħlux fil-kuntest ta’ waħda miż-żewġ possibbiltajiet iddefiniti fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu.

65.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li hija implementat mekkaniżmu ta’ bonus għall-persunal tar-RFF li huwa direttament marbut mat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u jikkostitwixxi għaldaqstant miżuri ta’ inċentivi.

66.      Jidhirli li l-Kummissjoni tirrikonoxxi, fir-replika tagħha, li s-sistema ta’ bonus stabbilita fil-ftehim ta’ inċentivi tas-26 ta’ Ġunju 2009 favur il-persunal tar-RFF tista’ effettivament tikkostitwixxi miżura adegwata bil-għan li tinkoraġġixxi lill-amministratur tal-infrastruttura jnaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura. Ninnota li dan il-ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2009 (18) jiddefinixxi bħala kriterju ta’ inċentiv tal-persunal it-twettiq tal-għan ta’ GOPEQ (“Grosse opération programmée équivalente”), kif iddefinit fil-kuntratt ta’ prestazzjoni tat-3 ta’ Novembru 2008, imsemmi iktar ’il fuq, konkluż bejn l-Istat Franċiż u r-RFF li jkopri s-snin 2008‑2012. Il-monitoraġġ ta’ dan l-indiċi, li jikkonċerna l-ispiża unitarja tat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ tiġdid komplet ta’ kilometru ta’ binarji, jimplementa mekkaniżmu ta’ bonus għall-persunal marbut direttament mat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura. Għaldaqstant jidhirli li r-Repubblika Franċiża ssodisfat l-obbligu tagħha li tieħu miżuri ta’ inċentivi bl-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura (19).

67.      Fir-rigward tal-għan tat-tnaqqis tal-livell tat-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, l-Istat Membru konvenut jikkunsidra li f’kull każ tali tnaqqis ma jikkostitwixxix għan assolut stabbilit mid-Direttiva 2001/14. Jiena naqbel ma’ din l-analiżi. Għar-raġunijiet esposti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-556/10), iċċitata iktar ’il fuq, ma naħsibx li l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu inċentiv speċifiku bil-għan tat-tnaqqis tat-tariffi tal-użu tal-infrastruttura, għaliex dan ma jirriżultax mit-tnaqqis tal-livell tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura.

68.      Il-Kummissjoni tikkunsidra, għall-kuntrarju, li obbligu awtonomu ta’ tnaqqis tat-tariffi ta’ aċċess huwa indispensabbli sabiex tiġi miġġielda t-tendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura, li huma monopolji naturali, li ma jqassmux il-bilanċi favorevoli li jirriżultaw miż-żieda fl-effikaċja tal-amministrazzjoni lill-klijenti tagħhom. Madankollu, kif enfasizza korrettement l-aġent tal-Gvern Franċiż waqt is-seduta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 jippermetti lil Stat Membru li jirrikjedi mingħand l-amministratur tal-infrastruttura li jibbilanċja l-kontijiet tiegħu minghajr kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istat. Għaldaqstant huwa irraġonevoli li tingħata lil paragrafu 2 tal-istess artikolu interpretazzjoni fis-sens li l-Istat Membru huwa obbligat li jinkoraġġixxi lill-amministratur sabiex jaġixxi kontra dan l-għan. F’kull każ, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jillimita t-total massimu tat-tariffi riċevuti għall-irkupru sħiħ tal-ispejjeż inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura.

69.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ t-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din hija bbażata fuq in-nuqqas tar-Repubblika ta’ Franza li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, u li tiċħadha fil-kumplament.

III – Fuq l-ispejjeż

70.      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura (20), jekk il-partijiet rispettivament jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Billi l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża rispettivament tilfu kap wieħed jew iktar, nipproponi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

71.      B’mod konformi mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja, li ġie aċċettat sabiex jintervjeni f’din il-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

IV – Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt:

–        l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, sa fejn servizz ta’ impriża ferrovjarja jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali li tagħhom huwa responsabbli amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jew organizzazzjoni li hija indipendenti mill-impriżi ferrovjarji fil-livell ġuridiku,

–        l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, sa fejn il-leġiżlazzjoni Franċiża ma tipprovdi l-ebda sistema ta’ titjib tal-ħidma konformi ma’ dan l-artikolu.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropeja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


3 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).


4 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


5 –      Dawn huma s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/10), u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-528/10), kif ukoll il-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-512/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-545/10); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-556/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C-627/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-412/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


6 –      Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża, Nru 39 tat-15 ta’ Frar 1997, p. 2592.


7 –      Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża, Nru 57 tat-8 ta’ Marzu 2003, p. 4063.


8 –      Għandu jiġi nnotat li d-Digriet Nru 2003‑194 ġie emendat bid-Digriet Nru 2011-891 tas-26 ta’ Lulju 2011 (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tat-28 ta’ Lulju 2011, p. 12885). Meħuda inkunsiderazzjoni d-data li tikkorrispondi għat-tmiem tat-terminu stabbilit fl-avviż motivat, huwa t-test tad-digriet li jippreċedi l-emenda msemmija hawn fuq li huwa rilevanti fl-każ ineżami u li jinsab riprodott hawnhekk.


9 – Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tal-31 ta’ Diċembru 1982, p. 4004.


10 – Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tad-9 ta’ Diċembru 2009, p. 21226.


11 – Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-adozzjoni tal-imsemmi digriet kienet seħħet wara l-preżentata tar-replika tal-Kummissjoni.


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑173/01, Ġabra p. I‑6129, punt 7), u tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑333/01, Ġabra p. I‑2623, punt 8).


13 – Każ analogu jinsab ukoll fil-kawża Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, iċċitata iktar ’il fuq. Ara l-punti 24 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.


14 – Għall-kuntrarju, dan il-kriterju ma huwiex wieħed deċiżiv fil-każ ta’ awtoritajiet pubbliċi fejn l-indipendenza ġuridika hija parti mill-intier tal-kompetenzi tagħhom u fin-nuqqas ta’ rabta ġerarkika. Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, Ġabra 2010 p. I‑1885, punti 31 sa 37), u tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑614/10, punti 36 sa 66).


15 – Anness B.1 tad-difiża; disponibbli wkoll fuq is-sit tal-internet www.rff.fr.


16 –      Dan id-dokument ta’ referenza huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet www.rff.fr.


17 – Ara l-punti 67 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C-483/10), iċċitata iktar ’il fuq.


18 – Ara l-Anness B.3 tad-difiża.


19 – Ara l-punti 98 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-556/10), iċċitata iktar ’il fuq.


20 – Dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.