Language of document : ECLI:EU:C:2013:243

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ April 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport – Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 91/440/KEE – Artikolu 6(3) u Anness II – Direttiva 2001/14/KE – Artikolu 14(2) – Nuqqas ta’ indipendenza ġuridika tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 11 – Assenza ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma – Traspożizzjoni inkompleta”

Fil-Kawża C‑625/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, M. Perrot u S. Menez, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li:

–        billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-entità li lilha ġie fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali previsti fl-Artikolu 6(3), u fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), tkun indipendenti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju;

–        billi ma adottatx sistema ta’ titjib tal-ħidma skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, u

–        billi naqset milli tintroduċi sistema ta’ inċentivi bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Matul is-sena 2001, ġew adottati tliet direttivi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tingħata spinta mill-ġdid lit-trasport ferrovrarju, billi dan jinfetaħ progressivament għall-kompetizzjoni fil-livell Ewropew, jiġifieri d-Direttiva 2001/12/KE, id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258), u d-Direttiva 2001/14/KE (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “l-ewwel pakkett ferrovjarju”).

 Id-Direttiva 91/440

3        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.”

4        L-Anness II ta’ din id-direttiva jelenka l-lista tal-funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“–      preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet relatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,

–      it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–      it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

–      l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ċerti servizzi.”

 Id-Direttiva 2001/14

5        Il-premessi 11 u 40 tad-Direttiva 2001/14 huma redatti kif ġej:

“(11) Il-piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[...]

(40)      Infrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu pprovduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti.”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni tan-network li tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ dazju li ma jistax jeċċedi l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni.”

7        Fi kliem l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

Bla ħsara għall-iskop possibbli fit-tul ta’ koperta ta’ l-utent ta’ l-ispejjeż infrastrutturali għall-modi kollha tat-trasport abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta, kompetizzjoni non-diskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ modi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tarifffi ta’ l-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista’ jeħtieġ lill-amministratur ta’ l-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħar fondi ta’ l-Istat.

2.      Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċesss.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwati.

4.      Fejn jeżisti ftehim kontrattwali, it-termini tal-kuntratt u l-istruttura tal-pagamenti miftiehma biex jiġu pprovduti l-fondi lill-ġestitur ta’ l-infrastruttura għandhom jiġu miftiehma minn quddiem biex ikopru t-terminu sħiħ tal-kuntratt.

5.      Metodu għall-apporzjonament ta’ l-ispejjeż għandu jiġi stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu approvazzjoni minn qabel. Dan il-metodu għandu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien għall-aħjar prattika internazzjonali.”

8        L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.”

9        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetittività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet għandha tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

10      Fi kliem l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva:

“1.      Skemi tal-piżijiet infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma tan-network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni tan-network, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.

2.      Il-prinċipji bażiċi ta’ l-iskema ta’ operazzjoni għandhom japplikaw man-network kollha.”

11      L-Artikolu 14(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità infrastrutturali tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.

2.      Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li hu huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

 Id-dritt Franċiż

12      Il-Liġi Nru 97‑135, tat-13 ta’ Frar 1997, li tirrigwarda l-ħolqien tal-istabbiliment pubbliku “Réseau ferré de France” [“netwerk ferrovjarju ta’ Franza”] bl-għan ta’ tiġdid tat-trasport ferrovjarju (JORF tal-15 ta’ Frar 1997, p. 2592), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, kif tirriżulta mill-emendi li sarulha fl-aħħar lok permezz tal-Liġi Nru 2009‑1503, tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar l-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju u li tirrigwarda diversi dispożizzjonijiet dwar it-trasport (JORF tad-9 ta’ Diċembru 2009, p. 21226, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 97‑135”), tipprovdi li r-Réseau ferré de France (iktar ’il quddiem ir-“RFF”) huwa l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja Franċiża.

13      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Meħuda inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ sigurtà u ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku, l-amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fuq in-netwerk ferrovjarju nazzjonali u tal-funzjonament u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet tekniċi u ta’ sigurtà ta’ dan in-netwerk għandhom jiġu żgurati mis-Société nationale des chemins de fer français [il-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferrovija Franċiża, iktar ’il quddiem is-“SNCF”] f’isem u skont l-għanijiet u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni ddefiniti mir-[RFF]. Huwa għandu jħallasha għal dan il-għan. […]”

14      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Digriet Nru 2003‑194, tas-7 ta’ Marzu 2003, dwar l-użu tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali (JORF tat-8 ta’ Marzu 2003, p. 4063) jipprovdi għall-istabbiliment tad-dokument ta’ referenza tan-netwerk previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/14 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ referenza”) b’dan il-mod:

“Ir-[RFF] għandu jfassal dokument ta’ referenza tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali li jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess għan-netwerk ferrovjarju nazzjonali msemmi fit-Titolu I. […]”

15      L-Artikolu 18 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Ir-[RFF] għandu jqassam il-kapaċitajiet tal-infrastruttura tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali fuq l-infrastrutturi li huwa jamministra jew li fir-rigward tagħhom l-amministratur tal-infrastruttura għandu kuntratt ta’ partenarjat konkluż b’applikazzjoni tal-Artikoli 1‑1 u 1‑2 tal-liġi tat-13 ta’ Frar 1997 imsemmija hawn fuq, skont il-modalitajiet stabbiliti bl-Artikoli 18 sa 27 ta’ dan id-digriet. […]”

16      L-Artikolu 21 tal-istess digriet ġie emendat bid-Digriet Nru 2011/891, tas-26 ta’ Lulju 2011 (JORF tat-28 ta’ Lulju 2011, p. 12885). Madankollu, fid-dawl tad-data li tikkorrispondi għall-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, hija l-verżjoni ta’ dan l-artikolu li tippreċedi din l-emenda li hija applikabbli għal din il-kawża. Dan l-artikolu kien redatt kif ġej:

“It-talbiet għall-passaġġi għandhom ikunu indirizzati lir-[RFF] taħt il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet stabbiliti bid-dokument ta’ referenza tan-netwerk jew, fil-każ ta’ ftehim qafas, bit-termini ta’ dan il-ftehim.

[...]

Ir-[RFF] għandu jafda l-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni tat-talbiet ta’ passaġġi lis-[SNCF] responsabbli, min-naħa tagħha, mill-amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ferrovjarju nazzjonali. Dawn l-istudji jwasslu għal remunerazzjoni, imħallsa minn min jagħmel it-talba, li tammonta għall-ispiża marbuta direttament mat-twettiq tagħhom.

Is-[SNCF] għandha tieħu, taħt il-kontroll tar-[RFF], il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-indipendenza funzjonali tas-servizz li jwettaq ir-rapporti tekniċi, bl-iskop li tiżgura l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Dan is-servizz għandu josserva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ta’ natura kummerċjali li tiġi mgħoddija lilu għall-ħtiġijiet ta’ dawn ir-rapporti.

[...]”

17      Id-dokument ta’ referenza tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali għall-2011 u għall-2012 jipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6.4 tiegħu, intitolat “Sistema ta’ titjib tal-ħidma mal-impriżi ferrovjarji”:

“Fil-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva [2001/14] hawn fuq imsemmi, is-sistema ta’ titjib tal-ħidma implementata mir-[RFF] sabiex ittejjeb il-ħidma tan-netwerk ferrovjarju u toffri servizz ta’ kwalità lill-impriżi ferrovjarji hija riflessa fit-tariffar speċifiku applikabbli għad-dritt dovut fuq ir-riżerva tal-passaġġi ta’ merkanzija li jkollhom tul totali ta’ iktar minn 300 km u li jkollhom veloċità ta’ 70 km fis-siegħa jew iktar, minbarra l-waqfien allokat fuq it-talba tal-impriża li tirriżerva l-passaġġ.

Ir-[RFF] huwa dispost li jinnegozja ma’ kull impriża ferrovjarja li tixtieq tagħmel dan ftehim tat-tip ‘sistema ta’ ħidma’, billi jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet komuni ddefiniti fl-organizzazzjonijiet professjonali Ewropej u li l-prinċipji bażiċi tagħhom japplikaw għan-netwerk kollu.”

18      Fit-3 ta’ Novembru 2008, kien ġie konkluż kuntratt ta’ servizz li jkopri s-snin 2008 sa 2012 bejn l-Istat Franċiż u r-RFF (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizz”).

19      Mad-dokument ta’ referenza jinsabu annessi l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt ta’ użu tal-infrastruttura tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali RFF”). Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jinkludu l-Artikolu 18, intitolat “Responsabbiltà fil-każ ta’ inċidenti jew danni”, li jispeċifika l-estent tar-responsabbiltà tal-impriża ferrovjarja u tar-RFF fil-każ ta’ inċident jew ta’ danni, kif ukoll l-Artikolu 20 intitolat “Konsegwenzi kumpensatorji għat-tħassir ta’ passaġġi mir-RFF” u li jittratta l-konsegwenzi ta’ danni minħabba t-tħassir ta’ jiem ta’ passaġġi allokati mir-RFF lill-impriżi ferrovjarji.

20      L-Artikolu 24, III, tal-Liġi Nru 82‑1153, tat-30 ta’ Diċembru 1982, ta’ direzzjoni tat-trasport intern (JORF tal-31 ta’ Diċembru 1982, p. 4004), kif emendata bil-Liġi Nru 2009‑1503, kien jipprovdi:

“Fi ħdan s-[SNCF], servizz speċjalizzat jeżerċita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 f’isem u skont l-għanijiet u prinċipji ta’ amministrazzjoni ddefiniti mir-[RFF], il-missjonijiet ta’ amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ferrovjarju nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 97-135 […] taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali hekk eżerċitati li jiggarantixxu kompetizzjoni libera u leali u l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni.

[...]

Is-servizz li jamministra t-traffiku u ċ-ċirkulazzjoni għandu baġit tiegħu, li l-finanzjament tiegħu huwa żgurat mir-[RFF] fl-ambitu ta’ ftehim milħuq mas-[SNCF], iffirmat ukoll mid-direttur tas-servizz tal-amministrazzjoni. Dan il-ftehim jistabbilixxi, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tal-[Liġi Nru 97-135], il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ remunerazzjoni tal-missjonijiet imwettqa mis-servizz, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni neċessarji għall-eżami tat-talbiet għal passaġġi u l-amministrazzjoni operazzjonali taċ-ċirkulazzjoni.

[...]”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tikkonforma ruħha mad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. Ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għall-intimazzjoni permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Settembru 2008 u tal-14 ta’ Lulju 2009.

22      B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża opinjoni motivata li fiha hija sostniet l-insuffiċjenza tal-miżuri adottati sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll tal-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali. Skont l-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni lmentat ukoll li dan l-Istat Membru naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu fil-qasam tat-tariffar tal-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji previsti fl-Artikoli 4(1), 11, u 6(2) tad-Direttiva 2001/14 kif ukoll fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. Ir-Repubblika Franċiża naqset ukoll milli twettaq l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 30(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva 2001/14, dwar il-korp regolatorju ferrovjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli mid-data li fiha tirċiviha.

23      B’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għal din l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni billi informatha bl-adozzjoni u bil-promulgazzjoni tal-Liġi Nru 2009‑1503 u billi indikat, barra minn hekk, li l-oġġezzjonijiet ifformulati minn din l-istituzzjoni ma kinux, fil-fehma tagħha, fondati. Fit-30 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Franċiża pprovdiet lill-Kummissjoni diversi informazzjoni komplementari fuq l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju.

24      Billi xorta waħda ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. Madankollu, fid-dawl tal-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni llimitat il-portata ta’ din l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440 kif ukoll l-Artikoli 6(2) sa (5), 11 u 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

25      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, dwar l-indipendenza tal-funzjoni tal-allokazzjoni tal-passaġġi ferrovjarji

 L-argumenti tal-partijiet

26      Il-Kummissjoni targumenta li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, peress li l-allokazzjoni ta’ passaġġi hija funzjoni essenzjali intiża li tiggarantixxi aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja, prevista fl-Anness II ta’ din id-direttiva u li għaliha huwa applikabbli r-rekwiżit ta’ indipendenza, entità li tforni servizzi ta’ trasport ferrovjarju, jew direzzjoni amministrattiva maħluqa fi ħdan din l-entità, ma tistax tkun responsabbli minn funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi. Din l-istituzzjoni tqis ukoll li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha tiġi assenjata lil organizzazzjoni ta’ allokazzjoni indipendenti.

27      Skont il-Kummissjoni, minkejja li r-RFF, li huwa responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ din l-infrastruttura, huwa korp indipendenti mis-SNCF, li tiżgura l-operazzjoni tas-servizzi ferrovjarji, is-SNCF tibqa’ xorta waħda responsabbli minn ċerti funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi. Il-Kummissjoni tqis f’dan ir-rigward li, għalkemm dawn il-funzjonijiet essenzjali jitwettqu minn servizz speċjalizzat fi ħdan is-SNCF, jiġifieri d-Direction des Circulations Ferroviaires [id-direzzjoni taċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja] (iktar ’il quddiem id-“DCF”), din tal-aħħar ma hijiex indipendenti mis-SNCF fil-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali.

28      Skont il-Kummissjoni, il-missjonijiet fdati lid-DCF jikkontribwixxu għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali kif imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 91/440. Is-SNCF hija responsabbli minn elementi sinjifikattivi tal-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440, bħalma huma l-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni jew l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-aħħar minuta. Il-Kummissjoni tqis li, anki jekk ir-RFF huwa responsabbli mill-allokazzjoni ta’ passaġġi individwali, l-istudji li hija inkarigata minnhom is-SNCF jifformaw parti mill-funzjonijiet essenzjali. Dawn il-funzjonijiet jifformaw parti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu amministrati minn korp indipendenti.

29      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 għandhom jinqraw flimkien u huma komplementari għal xulxin. Fil-fatt, ir-regola ta’ indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali fformulata b’mod ġenerali fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 tinsab ippreċiżata u ddettaljata fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ passaġġi.

30      Il-Kummissjoni tqis li d-Direttiva 2001/14 ma tipprovdix li funzjonijiet essenzjali jistgħu jiġu eżerċitati minn impriża ferrovjarja taħt is-“superviżjoni” ta’ korp indipendenti fil-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali, iżda teżiġi li dawn il-funzjonijiet għandhom “jitwettqu” minn korp indipendenti.

31      L-għan tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 huwa dak li impriżi ferrovjarji ma jeżerċitaw ebda kompetenza fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi, sabiex jiġi ggarantit trattament ekwu u nondiskriminatorju bejn dawn l-impriżi.

32      F’dak li jirrigwarda l-indipendenza tad-DCF fil-livell ġuridiku, il-Kummissjoni tqis li dan huwa każ ta’ servizz speċjalizzat tas-SNCF li għaldaqstant ma huwiex indipendenti f’dan il-livell fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 peress li d-DCF hija struttura integrata fi ħdan is-SNCF u ma tibbenefikax minn personalità ġuridika distinta minnha.

33      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, meta l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, f’dan il-każ ir-RFF, jiddelega funzjonijiet essenzjali lil korp distint, bħalma hija f’dan il-każ id-DCF, dan il-korp għandu jissodisfa l-istess rekwiżiti ta’ indipendenza li huma imposti fuq l-amministratur ta’ din l-infrastruttura. Għalhekk, ir-rekwiżit tal-indipendenza “jsegwi” l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet essenzjali. Fin-nuqqas, ir-rekwiżit tal-indipendenza jitlef kull effett utli.

34      Dwar l-indipendenza tad-DCF fil-livell organizzattiv u deċiżjonali, il-Kummissjoni tindika li din ma hijiex żgurata b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, l-osservanza tal-obbligi ta’ indipendenza għandha tkun suġġetta għal kontroll min-naħa ta’ awtorità indipendenti, funzjoni li tista’, fil-każ ineżami, tiġi adottata mill-Awtorità regolatorja tal-attivitajiet ferrovjarji. Barra minn hekk, l-impriżi ferrovjarji kompetituri tas-SNCF ma għandhomx il-possibbiltà li jilmentaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza, l-Awtorità regolatorja tal-attivitajiet ferrovjarji ma tagħtix l-approvazzjoni għall-ħatra tad-direttur tad-DCF, iżda biss għat-tneħħija tiegħu, it-trasferimenti tal-persunal tad-DCF lejn is-servizzi l-oħra tas-SNCF ma humiex ikkontrollati b’mod suffiċjenti u, fl-aħħar nett, il-garanzija li d-DCF jkollha persunal xieraq, bini separat u sistema ta’ informazzjoni protetta, għadha ma hijiex żgurata.

35      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis, fir-replika tagħha, li anke jekk il-perspettiva tal-adozzjoni ta’ digriet ġdid mir-Repubblika Franċiża, li sar fil-frattemp id-Digriet Nru 2011‑891, tas-26 ta’ Lulju 2011, dwar is-servizz ta’ amministrazzjoni tat-traffiku u taċ-ċirkulazzjoni u li jipprovdi diversi dispożizzjonijiet fil-qasam ferrovjarju (JORF tat-28 ta’ Lulju 2011, p. 12885), tikkostitwixxi titjib fuq is-sitwazzjoni attwali, dan id-digriet ġdid ma jagħtix lid-DCF indipendenza suffiċjenti fil-livell organizzattiv u deċiżjonali u ċertament lanqas fil-livell ġuridiku.

36      Il-Gvern Franċiż isostni li l-indipendenza tad-DCF hija żgurata billi l-funzjonijiet essenzjali li huma fdati lilha huma rregolati mir-RFF. Id-DCF tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, imma ma tamministrahomx, billi r-RFF huwa unikament responsabbli mill-allokazzjoni tal-passaġġi. Għalhekk, ir-RFF jiddefinixxi l-proċessi u l-metodi operattivi ta’ trattament tat-talbiet li huwa jgħaddi lid-DCF u jistabbilixxi ir-regoli ta’ prijorità. Fir-rigward tal-passaġġi tal-aħħar minuta, l-għoti tagħhom mid-DCF huwa ġġustifikat mill-urġenza u huwa fi kwalunkwe każ iddeterminat skont l-ordni li fihom it-talbiet jiġu rċevuti. Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li r-rekwiżit ta’ indipendenza tad-DCF fil-livell ġuridiku ma jirrikjedix li din tal-aħħar ikollha personalità ġuridika distinta mis-SNCF.

37      Dan il-gvern iqis ukoll li s-sitwazzjoni Franċiża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex indipendenti. Issa, l-amministratur ta’ din l-infrastruttura, jiġifieri r-RFF, huwa indipendenti, b’mod li dan l-artikolu ma japplikax għall-attivitajiet tad-DCF.

38      Il-Gvern Franċiż isostni li, għalkemm id-DCF tifforma parti integrali minn persuna ġuridika li hija stess tipprovdi transport ferrovjarju, hija tibqa’ korp indipendenti fil-livell funzjonali. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-DCF, minkejja li hija integrata fi ħdan is-SNCF, tikkostitwixxi korp li jipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440.

39      Il-Gvern Franċiż jiċħad ukoll l-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tad-DCF, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra tad-direttur tagħha, it-trasferiment tad-direttur u tal-persunal lejn servizzi oħra tas-SNCF u l-garanzija li d-DCF jkollha bini separat, personalità ġuridika tagħha kif ukoll sistema ta’ informazzjoni protetta.

40      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440 saret b’mod sħiħ mal-adozzjoni tad-digriet Nru 2011-891, b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 2009‑1503.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Franċiża li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn, fi Franza, minkejja li l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-RFF, huwa korp indipendenti mis-SNCF, li tiżgura l-operazzjoni tas-servizzi ferrovjarji, is-SNCF tibqa’ xorta waħda responsabbli minn ċerti funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ passaġġi peress li t-twettiq ta’ studji tekniċi ta’ eżekuzzjoni meħtieġa għall-eżami tat-talbiet ta’ passaġġi tal-aħħar minuta huwa fdat lil servizz speċjalizzat fi ħdan is-SNCF, jiġifieri d-DCF, li ma hijiex indipendenti minnha fil-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali.

42      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Franċiża ssostni li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440 saret b’mod sħiħ mal-adozzjoni tad-digriet Nru 2011-891.

43      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u t-tibdil li jsir sussegwentement ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑9/07, punt 8, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑48/10, punt 30).

44      Għaldaqstant, peress li ġie adottat wara t-tmiem tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2009, id-Digriet Nru 2011-891 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-mertu ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

45      Fil-mertu, għandu jitfakkar li d-Direttiva 91/440 tat bidu għal-liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju inkwantu fittxet li tiżgura aċċess ekwu u mhux diskriminatorju tal-impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura. Sabiex jiggarantixxi tali aċċess, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 stabbilixxa li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva jiġu fdati lil korpi jew lil impriżi li ma jipprovdux huma stess servizzi ta’ trasport ferrovjarju, u dan b’mod probatorju, irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi previsti.

46      Skont l-Anness II tad-Direttiva 91/440, huma meqjusa funzjonijiet essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tagħha, il-preparazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-għoti ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji, it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ passaġġi, inklużi d-definizzjoni u l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà tagħhom, kif ukoll l-għoti ta’ passaġġi individwali, it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura u l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa għall-provvista ta’ ċerti servizzi.

47      Minn din il-lista jirriżulta li impriża ferrovjarja ma tistax tiġi fdata bit-twettiq tal-istudji tekniċi ta’ eżekuzzjoni meħtieġa għall-eżami ta’ talbiet ta’ passaġġi li jsir qabel ma tittieħed id-deċiżjoni u għall-għoti ta’ passaġġi tal-aħħar minuta, peress li, minn naħa, dawn l-istudji jipparteċipaw fid-definizzjoni u l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ passaġġi u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ passaġġi tal-aħħar minuta jikkostitwixxi għoti ta’ passaġġi individwali previsti fl-Anness II tad-Direttiva 91/440, u għalhekk dawn il-funzjonijiet għandhom jiġu fdati lil korp indipendenti.

48      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li l-entitajiet inkarigati bil-funzjonijiet ta’ allokazzjoni għandhom ikunu indipendenti fil-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali minn kull impriża tat-trasport.

49      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Franċiża li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 ma huwiex applikabbli peress li hemm amministratur tal-infrastruttura indipendenti, ir-RFF, inkarigat bil-funzjonijiet essenzjali ta’ allokazzjoni u tal-għoti ta’ passaġġi individwali. Fil-fatt, u kuntrarjament għal dak li dan l-Istat Membru jargumenta, l-indipendenza li għandha tintwera mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, skont kif previst fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, għandha tiġi vverifikata anki meta dan l-amministratur huwa indipendenti mill-impriżi tat-trasport ferrovjarju, peress li funzjonijiet essenzjali jibqgħu assenjati lil impriża ferrovjarja. B’dan il-mod, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-DCF tibqa’ suġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, li ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin. Altrimenti, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi billi jaħtru amministratur tal-infrastruttura li, għalkemm indipendenti, jiddelega l-funzjonijiet essenzjali lil impriża ferrovjarja, b’mod kuntrarju għall-għan imfakkar fil-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14 li huwa dak li jiġi żgurat lil kull impriża ferrovjarja kundizzjonijiet ta’ aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja.

50      Fil-każ ineżami, id-DCF, għalkemm issorveljata mir-RFF, amministratur tal-infrastruttura indipendenti, hija inkarigata, skont l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 82-1153, kif emendata bil-Liġi Nru 2009-1503, u l-Artikolu 21 tad-Digriet Nru 2003-194, bil-funzjonijiet essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, u hija integrata fi ħdan l-impriża ferrovjarja, jiġifieri s-SNCF. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tassumi funzjonijiet ta’ allokazzjoni, id-DCF għandha wkoll tkun indipendenti mis-SNCF fuq il-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali.

51      Għalhekk, fil-livell ġuridiku, id-DCF għandu jkollha personalità ġuridika distinta minn dik tas-SNCF u, min-naħa l-oħra, korpi u riżorsi tagħha, distinti, huma wkoll, minn dawk tas-SNCF.

52      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fi Franza, id-DCF ma tibbenefikax minn personalità ġuridika distinta minn dik tas-SNCF, u dan ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Franċiża. Għalhekk, bejn id-DCF u s-SNCF, ma hemmx l-indipendenza ġuridika prevista fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

53      Peress li l-kriterju tal-indipendenza ġuridika ma huwiex sodisfatt, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-kriterji tal-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali ladarba huwa meħtieġ li dawn it-tliet kriterji jkunu sodisfatti b’mod kumulattiv u n-nuqqas ta’ waħda minn dawn fir-rigward tad-DCF hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440 kif ukoll taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

54      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, dwar it-tariffar tal-aċċess għall-infrastruttura

 L-argumenti tal-partijiet

55      Il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni lment, li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, billi l-leġiżlazzjoni Franċiża attwalment ma tinkludix sistema ta’ titjib tal-ħidma li hija konformi ma’ dan l-artikolu. Il-miżuri li jissemmew mill-Istat Membru ma jikkostitwixxux tali sistema.

56      Fil-fatt, l-Artikolu 6.4 tad-dokument ta’ referenza, li jipprovdi għal tariffar speċifiku applikabbli għad-dritt dovut fuq ir-riżerva tal-passaġġi ta’ merkanzija li jkollhom tul totali ta’ iktar minn 300 km u li jkollhom veloċità ta’ 70 km fis-siegħa jew iktar, ma jistax jikkostitwixxi sistema ta’ titjib tal-ħidma fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 ladarba ma jinkludix, la għall-operaturi u lanqas għall-amministratur, obbligi u/jew inċentivi intiżi sabiex itejbu l-ħidma.

57      Bl-istess mod, iż-żewġ dokumenti l-oħra msemmija mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti tal-użu tal-infrastruttura u l-kuntratt ta’ prestazzjoni, ma jissodisfawx l-obbligi previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

58      Permezz tat-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tqis ukoll li, meta naqset milli tintroduċi sistema ta’ inċentivi kif previst fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

59      F’dak li jirrigwarda l-miżuri maħsuba sabiex jinkoraġġixxu t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi ma humiex akkompanjati minn sistema li tippermetti, bħala inċentiv, li l-amministratur tal-infrastruttura jiġi inkoraġġit b’mod sinjifikattiv sabiex jilħaq l-għanijiet lilu assenjati.

60      Fir-rigward tat-tnaqqis fit-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt ta’ prestazzjoni ma jinkludi l-ebda għan.

61      Il-Gvern Franċiż isostni li l-kuntratt ta’ prestazzjoni jiddefinixxi l-għanijiet ta’ modernizzazzjoni tal-infrastruttura u l-modalitajiet ta’ żvilupp ta’ offerta kummerċjali ġdida tan-netwerk ferrovjarju, bl-għan li jtejjeb il-kwalità, is-servizzi u s-sigurtà. Dan il-kuntratt fih ukoll dispożizzjonijiet ta’ natura li jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura li jnaqqas in-nuqqasijiet u jtejjeb il-ħidma tan-netwerk ferrovjarju.

62      Huwa jqis ukoll li l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ użu tal-infrastruttura, billi jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ nuqqas, jinkludu għalhekk dispożizzjonijiet intiżi sabiex jinċentivaw kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqsu n-nuqqasijiet u jtejbu l-ħidma tan-netwerk ferrovjarju.

63      Fir-rigward tal-miżuri maħsuba sabiex jinċentivaw it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li huma implementaw mekkaniżmu ta’ bonus għall-persunal direttament marbut mat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż u għaldaqstant adottaw miżuri ta’ inċentivi f’dan ir-rigward.

64      Dwar l-għan li jitnaqqas il-livell tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja f’kull każ ma jikkostitwixxix għan assolut stabbilit mid-Direttiva 2001/14.

65      Il-Gvern Spanjol iqis li d-direttiva ma tiddefinixxix u ma timponix kriterji intiżi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma u tirreferi biss għall-għan ta’ din is-sistema.

66      Għalhekk, il-Kummissjoni ma pprovatx li s-sistema ta’ tariffar tal-infrastruttura Franċiża ma tinkoraġġixxix it-tnaqqis tan-nuqqasijiet għall-minimu tagħhom u t-titjib tal-ħidma tan-netwerk ferrovjarju. Fil-fatt, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ u l-qari parzjali ta’ ċerti kuntratti jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita din il-prova, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati lkoll flimkien.

67      Fir-rigward tal-miżuri maħsuba sabiex inaqqsu l-ammont tat-tariffi għall-aċċess, il-Gvern Spanjol jenfasizza li d-dħul minn dawn it-tariffi jaqa’ fl-ambitu tal-istabbiliment ta’ netwerk ferrovjarju Ewropew modern u kompetittiv, skont l-għan previst fid-Direttiva 2001/14 li, skont dan il-gvern, ma huwiex milħuq fil-preżent. Għaldaqstant, ma jkunx raġonevoli li, mingħajr ma l-ewwel jiġi mmodernizzat in-netwerk ferrovjarju, jitnaqqsu kemm l-ammonti tat-tariffi ta’ aċċess u kif ukoll l-ispejjeż ta’ manutenzjoni. Din iċ-ċirkustanza teskludi mill-ewwel kull ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lir-Repubblika Franċiża li ma stabbilixxietx, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, sistema ta’ titjib tal-ħidma bħal dik prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

69      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ tariffar tal-infrastruttura jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jimminimizzaw in-nuqqasijiet u jtejbu l-ħidma tan-netwerk ferrovjarju permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma. Skont din l-istess dispożizzjoni, din is-sistema tista’ tinkludi sanzjonijiet, kumpensi u bonusijiet.

70      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jinkludu fis-sistemi ta’ tariffar tal-infrastruttura sistema ta’ titjib tal-ħidma intiża sabiex tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex itejbu l-ħidma tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tip ta’ miżuri ta’ inċentivi li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jagħżlu miżuri konkreti li jifformaw parti minn din is-sistema sakemm dawn jikkostitwixxu korp koerenti u trasparenti li jista’ jiġi kklassifikat bħala “sistema ta’ titjib tal-ħidma” (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, punt 64).

71      Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din l-ewwel parti, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-miżuri li l-leġiżlazzjoni Franċiża tinvolvi f’dan ir-rigward humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

72      Fir-rigward tal-Artikolu 6.4 tad-dokument ta’ referenza, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprevedi biss tariffar speċifiku applikabbli għad-dritt dovut fuq ir-riżerva tal-passaġġi tal-merkanzija kemm-il darba t-tul totali jkun iktar minn 300 km u l-veloċità tkun iktar minn 70 km fis-siegħa u din is-sistema ma tifformax korp koerenti u trasparenti li jista’ jiġi kklassifikat bħala sistema ta’ titjib tal-ħidma fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Issa, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu tal-aħħar jobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu sistema ta’ titjib tal-ħidma fis-sistema ta’ tariffar.

73      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ġenerali RFF, dawn jinkludu dispożizzjonijiet ta’ kumpens favur l-amministratur tal-infrastruttura fil-każ ta’ nuqqas ta’ użu ta’ passaġġ li għalih taħti l-impriża ferrovjarja u ta’ kumpens favur l-impriża ferrovjarja wara t-tħassir ta’ passaġġi min-naħa tal-amministratur. Għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux sistema ta’ titjib tal-ħidma, peress li l-Artikolu 18 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jinkludi biss sempliċi klawżoli ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ danni u l-Artikolu 20 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi biss għall-konsegwenzi kumpensatorji fil-każ tat-tħassir tal-passaġġi mir-RFF.

74      Fir-rigward, finalment, tal-istabbiliment fuq bażi esperimentali ta’ mekkaniżmu speċifiku ta’ titjib tal-ħidma previst fil-kuntratt ta’ prestazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan il-mekkaniżmu jaqa’ biss taħt ir-responsabbiltà tar-RFF. Għalhekk, il-kuntratt ta’ prestazzjoni ma jikkostitwixxix sistema ta’ titjib tal-ħidma li tinkoraġġixxi mhux biss lill-amministratur tal-infrastruttura iżda wkoll lill-impriżi ferrovjarji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/14, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ta’ titjib tal-ħidma huma applikabbli għan-netwerk kollu. Issa, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ prestazzjoni huma llimitati għan-netwerk tal-merkanzija.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

76      Permezz tat-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lir-Repubblika Franċiża li ma pprovdietx għal mekkaniżmi li jinċentivaw lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz tal-infrastruttura jew sabiex inaqqas il-livell tat-tariffi għall-aċċess.

77      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex il-kontijiet tal-imsemmi amministratur, f’kundizzjonijiet normali tal-attività u fuq perijodu raġonevoli ta’ żmien, jippreżentaw tal-inqas bilanċ bejn, minn naħa, id-dħul mit-tariffi, il-bilanċi favorevoli miksuba minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u l-finanzjament mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-infrastruttura. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura huwa mħeġġeġ minn miżuri ta’ inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista ta’ din l-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess.

78      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(2) għandu jiġi implementat kemm fil-kuntest ta’ kuntratt multiannwali li jipprovdi l-finanzjament mill-Istat, konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta’ miżuri leġiżlattivi xierqa, li jipprovdu s-setgħat neċessarji. Għalhekk, huwa possibbli għall-Istati Membri li jimplementaw il-miżuri ta’ inċentivi fil-kuntest ta’ kuntratt multiannwali jew permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

79      Fil-każ ineżami, ftehim ta’ inċentivi ġie ffirmat fis-6 ta’ Ġunju 2009 bejn il-President tar-RFF u r-rappreżentanti tal-persunal ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kuntratt ta’ prestazzjoni. Dan il-ftehim jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ inċentiv li jixbah lill-kuntratt multiannwali previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14.

80      Fil-fatt, il-ftehim ta’ inċentivi jistabbilixxi bonus għall-persunal li huwa ta’ natura li jinkoraġġixxi lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex inaqqas l-ispejjeż sa fejn dan il-ftehim jipprevedi, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-kriterju li jista’ jagħti lok għal bonus ta’ inċentiv għall-benefiċċju tal-persunal kollu tar-RFF, tnaqqis tal-ispiża tal-unità ta’ xogħol li tirrappreżenta x-xogħlijiet ta’ tiġdid komplet ta’ kilometru ta’ linji ferrovjarji. Il-monitoraġġ ta’ din l-ispiża jippermetti li jiġi stabbilit indiċi li jirrappreżenta l-iżvilupp tal-ispejjeż għal kull unità għat-tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja, indiċi li jistabbilixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, mekkaniżmu ta’ bonus għall-persunal marbut direttament mat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura. Barra minn hekk, il-bonus ibbażat fuq il-ftehim ta’ inċentivi jitħallas biss jekk l-ispejjeż ikkonstatati jkunu konformi mal-għanijiet tal-kuntratt ta’ prestazzjoni.

81      Għalhekk, dawn il-miżuri jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja u, indirettament, ibaxxi l-livell tat-tariffi ta’ aċċess għaliha.

82      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu miżuri ta’ inċentivi għat-tnaqqis tat-tariffi għall-aċċess distinti minn dawk adottati sabiex iħeġġu t-tnaqqis tal-ispejjeż, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 40 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li l-infrastruttura ferrovjarja hija monopolju naturali u li għalhekk huwa neċessarju li l-amministraturi tal-infrastruttura jiġu inkoraġġiti, permezz ta’ miżuri ta’ inċentivi, sabiex inaqqsu l-ispejjeż u sabiex jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti. Issa, din il-premessa ma tirreferix għat-tariffi, iżda biss għall-ispejjeż (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑556/10, punt 106).

83      Huwa minnu li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li għandhom jittieħdu miżuri ta’ inċentivi b’mod li jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tariffi għall-aċċess. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li dawn il-miżuri għandhom jittieħdu b’mod distint (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑556/10, punt 107).

84      Fil-fatt, jekk tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni jfisser li jiġi rrikonoxxut l-obbligu, għal Stat Membru, li jinċentiva lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jgħaddi fuq l-utenti tan-netwerk, permezz ta’ tnaqqis tat-tariffi, parti mill-bilanċi favorevoli miksuba minn żieda fl-effikaċja tiegħu, minkejja li huwa jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jirkupra l-ispejjeż kollha tal-provvista tal-infrastruttura. Din l-interpretazzjoni tobbliga lill-Istat Membru sabiex, inkambju għal din ir-riperkussjoni, jiffinanzja l-infrastruttura. Għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tikkontradixxi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li Stat Membru jista’, fi ħdan il-qafas ta’ impożizzjoni ta’ tariffi ddefinit fl-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva, jeħtieġ lill-amministratur tal-infrastruttura li jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħajr sostenn finanzjarju mill-Istat (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-556/10, punt 108).

85      Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-obbligu li l-amministratur tal-infrastruttura jitħeġġeġ, permezz ta’ miżuri ta’ inċentivi, sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja u l-livell tat-tariffi għall-aċċess huwa, f’dan il-każ, sodisfatt permezz tal-miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-provvista ta’ din l-infrastruttura, peress li dawn il-miżuri għandhom ukoll impatt fuq it-tnaqqis tat-tariffi, kif imsemmi fil-punti 79 sa 81 ta’ din is-sentenza.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri ta’ inċentivi intiżi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura jista’ jkollhom biss l-effett li jnaqqsu l-livell tat-tariffi għall-aċċess, irrispettivament minn jekk dawn humiex iffissati fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jew fuq dik tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni, dwar il-miżuri ta’ inċentivi għat-tnaqqis tal-ispejjeż, għandha tiġi injorata.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-entità fdata bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440 tkun indipendenti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 u billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

89      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża tilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn tal-aħħar għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

91      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-entità fdata bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, tkun indipendenti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, u billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.