Language of document : ECLI:EU:T:2011:291

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

20 ta’ Ġunju 2011

Kawża T-256/10 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment tal-effetti personali — Rifjut impliċitu u espliċitu tat-talbiet tal-appellant — Obbligu ta’ motivazzjoni — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-25 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑102/08), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja — Ammissibbiltà — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Ambitu tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-punti ta’ fatt u tal-provi — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

3.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà manifesta

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1)(ċ))

4.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell.

F’dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ digriet li jiċħad rikors bħala manifestament inammissibbli jew bħala infondat fid-dritt, għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva tad-digriet inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fir-rigward tal-mertu, il-qorti tal-ewwel istanza tkun waslet għal konklużjoni differenti minn dik tar-rikorrent, ma jistax, fih innifsu, jivvizzja d-digriet appellat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 23, 25 u 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Jannar 2007 Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P Ġabra p. I-3539, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata; 10 ta’ Lulju 2008 Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata; 20 ta’ Mejju 2010, Gogo vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 18 ta’ Ottubru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑516/09 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punti 53 u 54

2.      L-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji li jikkonċernaw il-ksur ta’ regoli ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa l-uniku li huwa kompetenti, minn naħa, sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu tirriżulta minn atti tal-proċess imressqa quddiemu, u, min-naħa l-oħra, sabiex jevalwa dawn il-fatti kif ukoll il-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemu, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-imsemmija fatti jew provi. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa l-uniku li jista’ jiddeċiedi dwar l-eventwali neċessità li tiġi ssuplimentata l-informazzjoni li huwa għandu fil-kawżi mressqa quddiemu.

Madankollu, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun ikkonstata jew evalwa l‑fatti, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti li tagħmel, skont l-Artikolu 257 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun wasal għalihom abbażi ta’ din il‑klassifikazzjoni. Għaldaqstant, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar il-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku testendi, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni legali tagħhom u għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunux ġew osservati.

(ara l-punti 33, 35, 36 u 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19; 11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il‑Parlament, C‑488/01 P, Ġabra p. I-13355, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata; 25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P ĠabraSP p. I‑B‑1‑59 u II‑B‑1‑407, punt 20; 8 ta’ Lulju 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑166/09 P, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jissostanzjaw din it-talba b’mod speċifiku. Għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jinkludi l-ebda argument ġuridiku intiż sabiex juri kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun wettaq żball ta’ liġi, iżda li sempliċement jirriproduċi l-motiv imressaq fl-ewwel istanza quddiem dan it-Tribunal mingħajr ma jispeċifika iktar fid-dettall. Dan l-argument jikkostitwixxi sempliċi talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, bi ksur tal-ħtiġijiet imposti kemm mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tagħha.

(ara l-punti 51 sa 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punti 45 u 46; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 59; 16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑52/10 P, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, sabiex jiddikjaraw sentenzi dikjaratorji jew ordnijiet, u dan indipendentement min-natura jew mill-kontenut tal-att ikkontestat. Għaldaqstant, l-argument li jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-impossibbiltà tal-qrati tal-Unjoni li jindirizzaw ordnijiet lil istituzzjoni fil-każijiet fejn huma għandhom setgħa deċiżjonali ma huwiex tali li jinvalida din il-konklużjoni.

(ara l-punti 27 u 66)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑353/01 P, Ġabra p. I‑1073, punt 15; Il-Qorti Ġenerali 4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata