Language of document : ECLI:EU:T:2013:471





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 —
Orange vs Il‑Kummissjoni

(Kawża T‑258/10)

“Għajnuna mill-Istat — Kumpens għal spejjeż ta’ servizz pubbliku fil-kuntest ta’ proġett ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità qawwija fid-dipartiment tal-Hauts-de-Seine — Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna –Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Diffikultajiet serji — Sentenza Altmark — Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Falliment tas-suq — Kumpens żejjed”

1.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Diffikultajiet serji — Kunċett — Natura oġġettiva — Oneru tal-prova — Ċirkustanzi li jippermettu li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet (Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4(4)) (ara l-punti 30-38, 63‑67, 85, 88)

2.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari — Tul taż-żmien — Terminu massimu ta’ xahrejn — Kalkolu tat-tul tal-eżami preliminari minn meta ġiet riċevuta notifika kompleta — Kunċett ta’ notifika kompleta (Artikolu 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 2(2) u 4(1) u (5)) (ara l-punti 42-53, 60)

3.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv ibbażat fuq elementi rrilevati fil-mori tal-kawża — Elaborazzjoni ta’ motiv indikat fir-rikors promotur li għandu rabta stretta miegħu — Ammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punti 55-57)

4.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura kontradittorja fil-preżenza ta’ diffikultajiet serji — Talba għal informazzjoni kumplimentarja li ma tiżvelax fiha nnifisha l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (Artikolu 88(2) u (3) KE) (ara l-punti 70‑79)

5.                     Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-assenza tal-għajnuna tal-Istat — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors — Rikors intiż li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Motivi li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni — Ammissibbiltà (Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ); Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1)) (ara l-punt 87)

6.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Stabbiliment ta’ qafas għall-għajnuna mill-Istat f’settur partikolari — Regoli applikabbli għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità qawwija stabbiliti mill-Kummissjoni fil-linji gwida — Applikabbiltà tal-imsemmija linji gwida mill-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom — Pubblikazzjoni fl-istess jum ta’ dak tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata — Inapplikabbiltà tal-linji gwida għall-imsemmija deċiżjoni (Artikolu 88(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2009/C 235/07, punti 3, 7, 59 u 80) (ara l-punti 96, 108)

7.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża — Esklużjoni — Rekwiżiti msemmija fis-sentenza Altmark (Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE) (ara l-punti 105-107, 194, 202, 203)

8.                     Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Stħarriġ tal-Kummissjoni u stħarriġ ġudizzjarju limitati għall-każ tal-iżball manifest (Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2001/C 17/04, punt 22, u 2009/C 235/07, punti 24 sa 26 u 59) (ara l-punti 116-120, 195)

9.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju ta’ evalwazzjoni — Nuqqas fis-suq — Effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Mument tal-evalwazzjoni (Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2001/C 17/04, punt 14, u 2009/C 235/07, punti 24, 77 u 78) (ara l-punti 149-153, 163)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7426 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2009, dwar il-kumpens għal spejjeż ta’ servizz pubbliku għall-istabbiliment u l-użu ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità qawwija fid-dipartiment tal-Hauts-de-Seine, (għajnuna mill-Istat N 331/2008 – Franza).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Orange għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)

Id-dipartiment tal-Hauts-de-Seine, Sequalum SAS u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.