Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2010 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-257/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta' Marzu 2010, C (2010) 1711 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 4/2003 (ex NN 102/2002).

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2010 C (2010) finali, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 4/2003 (ex NN 102/2002), innotifikata b'ittra tal-25 ta' Marzu 2010 SG Greffe (2010) D/4224. Din id-deċiżjoni, adottata wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-494/06 P Il-Kummissjoni vs L-Italja u WAM, li tiċħad l-appell tal-Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li laqgħet ir-rikorsi ppreżentati mill-Italja u mill-WAM kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/177/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 4/2003 (ex NN 102/2002) mogħtija mill-Italja favur WAM, ikkwalifikat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-miżuri ta' għajnuna fuq rati ta' interessi mogħtija lil WAM S.p.A. skont il-Liġi 394/81, dwar miżuri insostenn tal-esportazzjoni Taljana fl-1995 u l-2000.

Insostnenn tar-rikors tagħha r-Repubblika Taljana ssostni:

L-ewwel motiv. Ksur tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 659/99 1 u tal-prinċipju ta' ne bis in idem. F'dan ir-rigward, hija ssostni li d-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, adottata fl-2004, dwar l-istess għajnuna, ġiet annullata fl-intier tagħha u retroattivament mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan wassal għal kunsens taċitu fuq l-għajnuna, li jirriżulta mid-deċiżjoni li tinbeda investigazzjoni formali f'Jannar 2003. Barra minn hekk, japplika l-prinċipju ta' ne bis in idem.

It-tieni motiv. Ksur tal-Artikoli 108(2) u (3) TFUE u tal-Artikoli 4, 6, 7, 10, 13 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 659/99. Skont ir-Repubblika Taljana, id-deċiżjoni l-ġdida tinkludi eżami kompletament ġdid tal-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant din kellha tiġi adottata qabel il-bidu ta' proċeduri ta' investigazzjoni formali kontra l-Istat Membru u l-parti interessata.

It-tielet motiv. Ksur tar-res judicata. Ir-rikorrenti ssostni li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għajnuna preċedenti saru res judicata fir-rigward tal-fatt li l-għajnuna ma tiffavorixxix esportazjonijiet iżda l-ispejjeż ta' penetrazzjoni kummerċjali fi swieq terzi, u fuq il-fatt li sempliċi referenzi ġeneriċi għall-prinċipji dwar l-għajnuna mill-Istat li jaffettwaw direttament is-suq intern ma humiex biżżejjed sabiex jimmotivaw deċiżjoni dwar għajnuna li taffettwa direttament suq terz, u iktar u iktar meta tkun ta' importanza minima. Madankollu, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni l-ġdida tagħha, eskludiet ir-res judicata, fejn applikat dawn il-prinċipji biss b'mod apparenti.

Ir-raba' motiv. Ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 659/99. Nuqqas ta' investigazzjoni. Ir-rikorrenti tippreċiża, dwar dan il-punt, li d-deċiżjoni l-ġdida ġiet adottata billi ntuża bħala parti mill-investigazzjoni studju universitarju tal-2009 dwar il-kumpannija benefiċjarja, li ma ġiex ikkomunikat lill-partijiet interessati u lanqas ma ġie diskuss magħhom mill-Kummissjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni l-ġdida.

Il-ħames motiv. Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikoli 1(1)(d) u 2 tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006. Ksur tar-res judicata. Natura kontradittorja. Skont ir-Repubblika Taljana, l-għajnuna inkwistjoni taqa' taħt l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1998/2006 dwar l-għajnuna "de minimis" peress li hija inqas minn EUR 200 000 fuq tliet snin. Għalhekk, din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u ma kellhiex tiġi notifikata. Dan ir-regolament kien japplika għaliex kien diġà ġie deċiż li ma kinitx għajnuna għall-esportazzjoni.

Is-sitt motiv. Ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) u (e) TFUE u tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 70/2001. Fi kwalunkwe każ, kienet tikkonċerna għajnuna kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, għaliex kienet intiża sabiex tiffavorixxi l-attività ta' internazzjonalizzazzjoni tal-kumpanniji Komunitarji. Id-deċiżjoni naqset milli tagħmel dan l-eżami.

Is-seba' motiv. Ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 u tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ġiet ikkalkolata b'mod eċċessiv: l-għajnuna effettiva hija r-riżultat tad-differenza bejn ir-rata ta' referenza fil-mument tal-ħlasijiet singoli tal-finanzjament u r-rata ta' bonifika, mhux tad-differenza bejn ir-rata ta' referenza fis-seħħ fil-mument (preċedenti ħafna) fejn il-finanzjamenti ngħataw u l-imsemmija rata bonifikata.

Ir-Repubblika Taljana tinvoka wkoll ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).