Language of document : ECLI:EU:C:2006:3

SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)


10 ta' Jannar 2006 (*)

"Nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' l-Istat – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali – Fawna u flora selvaġġa – Evalwazzjoni ta' l-impatt ta' ċerti proġetti fuq is-sit protett – Ħarsien ta' l-ispeċi"

Fil-kawża C-98/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-28 ta' Frar 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Federali tal-Germanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–       billi naqset li tipprovdi, għal ċerti proġetti mwettqa barra miż-żoni speċjali ta' konservazzjoni (iktar 'il quddiem iż-"ŻSK") skond l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), evalwazzjoni obbligatorja ta' l-impatt fuq is-sit, skond l-Artikolu 6(3) u (4), tad-Direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk tali proġetti jistgħux jaffettwaw iż-ŻSK b'mod sinifikattiv;

–       billi awtorizzat emissjonijiet f'ŻSK, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn jistgħux jaffettwaw din iż-żona b'mod sinifikattiv;

–       billi eskludiet mill-kamp ta' applikazzjoni dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien ta' l-ispeċi ċerti inkonvenjenti mhux intenzjonali kkawżati lil annimali mħarsa;

–       billi m'assiguratx l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta' deroga previsti mill-Artikolu 16 tad-Direttiva f'dak li jikkonċerna ċerti atti kompatibbli mal-konservazzjoni taż-żona;

–       billi ppromulgat liġi dwar l-użu tal-prodotti fitosanitarji li ma tieħux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-ħarsien ta' l-ispeċi;

–       billi naqset milli tinnotifika dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq is-sajd u/jew billi ma assiguratx li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet suffiċjenti fuq is-sajd;

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset fl-obbligi li huma imposti fuqha skond l-Artikolu 6(3) u (4), kif ukoll ta' l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2       L-għan ta' din id-Direttiva, skond l-Artikolu 2(1) tagħha, huwa li "tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta' l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat".

3       L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprevedi proċedura għad-deżinjazzjoni tas-siti li fihom hemm speċi u habitat mħarsa mid-Direttiva bħala ŻSK.

4       Skond l-għaxar premessa tad-Direttiva, "Billi jrid jiġi evalwat b'mod xieraq kull pjan jew programm li x'aktarx jaffettwa b'mod sinifikattiv l-għanjiet ta' konservazzjoni ta' sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni". Din il-premessa tinsab espressa fl-Artikolu 6(3) ta' din id-Direttiva li tirreferi għar-raba' paragrafu. L-imsemmija paragrafi jiddisponu:

"3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma' jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x'aktarx se jkollu effett sinifikattiv fuqu, jew b'mod individwali jew inkella flimkien ma' xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-impatt tiegħu għas-sit in vista ta' l-għanjiet ta' konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta' l-impatt għas-sit u fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma' l-interess pubbliku, inklużi dawk ta' tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta' Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta' habitat naturali ta' priorità u/jew speċi ta' priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma' saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta' benefiċċju u ta' importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta' interess pubbliku li jieħu l-preċedenza."

5       Skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva:

"1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta' ħarsien strett ta' l-ispeċi ta' l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)      l-forom kollha ta' qbid volontarju jew qtil ta' kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)      tfixkil volontarju ta' dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

c)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

d)      deterjorazzjoni jew qerda ta' siti tat-tgħammir jew postijiet ta' mistrieħ."

6       L-Artikolu 13 ta' l-imsemmija Direttiva jiddisponi:

"1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabilixxu sistema għall-ħarsien strett ta' l-ispeċi tal-pjanti elenkati fl-Anness IV (b), u li jipprojbixxu:

a)      il-ġbir, qtugħ, qlugħ mill-għeruq jew qerda intenzjonata ta' dawk il-pjanti fil-firxa naturali tagħhom fis-selvaġġ;

b)      iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u l-offerta għall-bejgħ jew skambju, ta' kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b'mod legali qabel ma tiġi implementata din id-Direttiva.

2.      Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) jgħoddu għall-istadji kollha taċ-ċiklu bioloġiku tal-pjanti li għalihom jgħodd dan l-Artikolu."

7       L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva huwa fformulat hekk:

"Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta' dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta' l-ispeċi konċernati fi stat ta' konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

a)      fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b'mod partikolari lill-uċuh tar-raba', lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta' proprjetà;

c)      fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma' l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta' benefiċċju ta' l-akbar importanza għall-ambjent;

d)      għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta' tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)      biex ikun jista' jsir, taħt kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta' ċerti kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f'għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti."

 Id-dritt nazzjonali

8       Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet, fost l-oħrajn, id-Direttiva permezz tal-liġi federali dwar il-ħarsien tan-natura tal-21 ta' Settembru 1998 (Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege, BGBI. 1998 I, p. 2995, iktar 'il quddiem il-"BNatSchG 1998").

9       Din il-liġi ġiet sussegwentement mħassra u ssostitwita bil-liġi federali fuq il-ħarsien tan-natura u l-preservazzjoni tal-pajsaġġi tal-25 ta' Marzu 2002 (Gesetz über Naturschutz und der Landschaftspflege, BGBl. 2002 I, p. 1193, iktar 'il quddiem il-"BNatSchG 2002").

10     L-Artikolu 34(1) tal-BNatSchG 2002 ittraspona, fis-sistema legali Ġermaniża, l-obbligu msemmi fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva li proġetti jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ta' l-impatt għas-siti mħarsa fis-sens ta' din id-Direttiva.

11     L-Artikolu 10(1)(11) tal-BNatSchG, jiddefinixxi hekk il-kunċett ta' "proġetti skond il-liġi":

"a)      proġetti u miżuri previsti f'sit ta' importanza Komunitarja jew f'sit Ewropew ta' ħarsien ta' l-għasafar, safejn huma suġġetti għal deċiżjoni ta' awtorità jew għal notifika lil awtorità jew li huma eżegwiti minn awtorità,

b)      interventi fin-natura u l-pajsaġġ skond l-Artikolu 18 safejn huma suġġetti għal deċiżjoni ta' awtorità jew għal notifika lil awtorità jew li huma eżegwiti minn awtorità u

c)      istallazzjonijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni skond il-liġi federali dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis kif ukoll l-użu ta' l-ilma li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni jew approvazzjoni skond il-liġi dwar l-użu ta' l-ilma,

safejn, individwalment jew flimkien ma' proġetti jew pjanijiet oħra, huma tali li jaffettwaw, b'mod sinifikattiv, sit ta' importanza Komunitarja jew sit Ewropew ta' ħarsien ta' l-għasafar […]"[traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     L-Artikolu 18 tal-BNatSchG 2002 jipprevedi:

"1.       L-interventi fin-natura u l-pajsaġġ, fis-sens tal-liġi preżenti, huma l-bdil ta' forma jew ta' użu tas-saffi ta' fuq jew il-modifikazzjonijiet tas-saff ta' l-ilma li jmiss mas-saff tal-ħamrija tal-wiċċ, li jistgħu jbiddlu konsiderevolment il-kapaċità u t-tħaddim ta' l-ekosistema jew tal-pajsaġġ.

"2.      L-użu tal-ħamrija għall-agrikoltura, għall-forestrija u għas-sajd ma jikkostitwixxix intervent, meta jitqisu l-għanijiet u l-prinċipji ta' ħarsien tan-natura u tal-preżervazzjoni tal-pajsaġġ. L-użu tal-ħamrija għall-finijiet ta' l-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd ma jikkompromettix, b'mod ġenerali, l-għanijiet u l-prinċipji ċċitati iktar 'il fuq, jekk jirrispetta l-kundizzjonijiet li huma msemmija fl-Arikolu 5(4) sa (6), u r-regoli ta' prattika tajba professjonali li jirriżultaw mil-liġi fuq l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd u ta' l-Artikolu 17(2) tal-liġi federali fuq il-ħarsien tal-ħamrija." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     L-Artikolu 36 tal-BNatSchG, intitolat "ħsarat materjali", jipprevedi:

"Jekk huwa previdibbli li istallazzjoni suġġetta għal awtorizzazzjoni skond il-liġi federali dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis tkun se tikkawża emissjonijiet li, flimkien ma' istallazzjonijiet jew miżuri oħra, jaffettwaw b'mod sinifikattiv, fiż-żona ta' influwenza ta' din l-istallazzjoni, l-elementi essenzjali meħtieġa għall-konservazzjoni ta' sit ta' importanza Komunitarja jew ta' sit Ewropew ta' ħarsien ta' l-għasafar, u jekk id-deterjorazzjonijiet ma jistgħux jiġi kkumpensati skond l-Artikolu 19(2), l-awtorizzazzjoni ma tingħatax jekk ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-paragrafi 3 u 4 ta' l-Artikolu 34. L-Artikolu 34(1) u (5), huma applikabbli mutatis mutandis. Id-deċiżjonijiet jittieħdu bi ftehim ma' l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta' ħarsien tan-natura u tas-siti naturali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14     L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 39(2), tal-BNatSchG 2002, li huwa intitolat "Relazjoni ma' dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra", tiddisponi:

"Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq il-ħarsien tal-pjanti, fuq il-ħarsien ta' l-annimali, fuq il-protezzjoni tal-mard epiżootiku kif ukoll il-leġiżlazzjoni fuq il-foresti, il-kaċċa u s-sajd mhumiex affettwati la mid-dispożizzjonijiet tat-taqsima preżenti u lanqas mid-dispożizzjonijiet legali adottati taħt u fil-kuntest ta' din il-leġiżlazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15     L-Artikolu 42(1) u (2) tal-BNatSchG 2002 huwa maħsub sabiex jittrasponi l-projbizzjonijiet li jidhru fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva.

16     L-Artikolu 43 tal-BNatSchG 2002, intitolat "Derogi", jipprevedi, fil-paragrafu 4, li "l-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1) u (2) ma japplikawx għall-atti maħsuba sabiex jużaw il-ħamrija għall-finijiet ta' agrikoltura, ta' forestrija jew ta' sajd, u eżegwiti b'mod li jissodisfaw il-prattika tajba professjonali kif ukoll l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 5(4) sa (6), l-atti li huma maħsuba sabiex jisfruttaw il-prodotti miksuba fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet, jew sabiex jagħmlu intervent awtorizzat skond l-Artikolu 19, jew evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-ambjent, jew inkella jeffettwaw miżura awtorizzata skond l-Artikolu 30, taħt il-kundizzjoni li l-annimali, inklużi magħhom il-postijiet ta' trobbija, ta' tifqis, ta' habitat jew ta' rifuġju, u l-pjanti ta' l-ispeċi partikolarment mħarsa ma jsofrux minħabba dan il-fatt dannu intenzjonat […]".[traduzzjoni mhux uffiċjali]

17     Id-Direttiva ġiet ukoll trasposta fir-Repubblika federali tal-Ġermanja permezz ta' serje ta' liġijiet settorjali, fost l-oħrajn, permezz tal-liġi fuq il-ħarsien tal-pjanti (Pflanzenschutzgesetz, BGBl. 1998 I, p. 971, iktar 'il quddiem il-"PflSchG"), ta' l-14 ta' Mejju 1998, li l-Artikolu 6(1) tagħha jiddisponi:

"Il-prodotti fitosanitarji għandhom ikunu użati b'mod li jikkorrispondi mal-prattika tajba professjonali. L-użu huwa pprojbit jekk huwa mistenni li se jipproduċi effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimal, fuq is-saff ta' l-ilma jew li jkollu effetti oħra ta' ħsara serja, b'mod partikolari fuq l-ekwilibriju tan-natura. L-awtorità kompetenti tista' tordna l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti ta' l-eżiġenzi msemmija fl-ewwel żewġ sentenzi tal-paragrafu preżenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura prekontenzjuża

18     Fl-10 ta' April 2000, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta' intimazzjoni li biha talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) u (4), kif ukoll ta' l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva.

19     Wara li eżaminat ir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ġiet indirizzata lilha fil-11 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni ħarġet, fil-25 ta' Lulju, opinjoni motivata li stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tagħha.

20     F'din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni kkonkludiet, billi rreferiet b'mod partikolari għall-BNatSchG 1998, li r-Repubblika federali tal-Ġermanja ma kinitx ħadet il-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ċċitati iktar 'il fuq.

21     Wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika federali tal-Ġermanja, permezz ta' ittra tal-21 ta' Novembru 2001, ikkontestat l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

22     Sussegwentement, il-BNatSchG 2002 daħlet fis-seħħ.

23     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

24     Il-Gvern Ġermaniż qajjem b'mod preliminari l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni minħabba li hija ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet il-ġodda kollha mressqa mill-BNatSchG 2002 u lanqas dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi oħra. Issa, dawn jiggarantixxu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża jiġu applikati b'konformità mad-Direttiva.

25     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ħadet jew ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni ċerti emendi leġiżlattivi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mad-Direttiva hija parti mill-mertu tal-kawża u, għaldaqstant, il-mertu tar-rikors, u mhux fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

26     Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-fatt li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni bbażat il-motivi tagħha fuq xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-BNatSchG 2002 billi semmiet id-dispożizzjonijiet ta' qabel korrispondenti tal-BNatSchG 1998 bejn parenteżi, filwaqt li l-opinjoni motivata kienet issemmi biss l-imsemmija dispożizzjonijiet ta' qabel, mhuwiex tali li jirrendi r-rikors inammissibbli.

27     Minkejja li huwa minnu li l-għan tar-rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE huwa ċirkuskritt mill-proċedura prekontenzjuża u li, għaldaqstant, ir-rikors ma jistax jiġi bbażat fuq dispożizzjonijiet oħra jekk mhux dawk indikati waqt l-imsemmija proċedura, din l-eżiġenza ma tistax madankollu tasal biex timponi f'kull każ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma msemmija fl-opinjoni motivata u dawk li jidhru fir-rikors ikunu kompletament identiċi. Meta emenda leġiżlattiva ssir bejn dawn iż-żewġ fażijiet ta' proċedura, effettivament huwa biżżejjed li s-sistema adottata mil-leġiżlazzjoni kkontestata waqt il-proċedura prekontenzjuża tkun, fl-intier tagħha, inżammet mill-miżuri l-ġodda adottati mill-Istat Membru wara l-opinjoni motivata u li huma kkontestati f'dan ir-rikors (sentenza tat-22 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-221/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 u 39).

28     F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-BNatSchG 2002 li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha huma sostanzjalment l-istess bħal dawk tal-BNatSchG 1998 li hija kkritikat fl-opinjoni motivata tagħha.

29     Għaldaqstant ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30     Biex issostni r-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt ilmenti.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

31     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja m'għamlitx traspożizzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha, inkwantu d-definizzjoni tal-kunċett "proġett" li tidher fl-Artikolu 10(1)(11)(b) u (c) tal-BNatSchG 2002 u li tapplika għall-proġetti li jitwettqu barra miż-ŻSK hija restrittiva wisq u teskludi mill-obbligu ta' evalwazzjoni ta' l-impatt ċerti interventi u attivitajiet oħra li għandhom mnejn ikunu ta' ħsara għas-siti mħarsa.

32     Dwar il-proġetti fis-sens ta' l-Artikolu 10(1)(11)(b), tal-BNatSchG 2002, il-Kummissjoni ssostni li, safejn dawn jeskludu interventi fin-natura u l-pajsaġġ fis-sens ta' l-Artikolu 18 ta' din l-istess liġi, ċerti proġetti li jistgħu jaffettwaw siti mħarsa b'mod sinifikattiv ma jiġux suġġetti għal eżami minn qabel ta' l-impatt fuq is-sit hekk kif jitlob l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta' l-imsemmi Artikolu 18 ikopri biss il-bdil ta' forma jew ta' użu tas-saffi tal-wiċċ imma ma jieħux in kunsiderazzjoni l-attivitajiet jew il-miżuri l-oħra kollha li ma jikkonċernawx is-saff tal-wiċċ ta' sit imħares u lanqas dawk li ma jinvolvu ebda bdil, anke meta jistgħu jaffettwaw tali sit b'mod sinifikattiv. Fil-fatt, il-kunċett ta' "proġett" fis-sens ta' l-Artikolu 10(1)(11)(b) tal-BNatSchG 2002, li jirreferi għal interventi mwettqa barra miż-ŻSK, huwa aktar ristrett mill-kunċett ta' proġett hekk kif jidher taħt (a) ta' dan l-istess Artikolu, li jikkonċerna proġetti mwettqa ġo ŻSK. Issa, fid-definizzjoni tagħha ta' miżuri li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ta' l-impatt, id-Direttiva ma tagħmilx distinzjoni skond jekk il-miżuri ttieħdux barra jew ġewwa sit imħares.

33     Barra minn hekk, l-Artikolu 18(2) tal-BNatSchG jeskludi mill-kunċett ta' "proġett" fis-sens ta' l-Artikolu 10(1)(11)(b) ta' l-istess liġi, l-użu tal-ħamrija għall-finijiet ta' l-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, meta jieħu in kunsiderazzjoni l-għanijiet u l-prinċipji tal-ħarsien tan-natura u tal-preservazzjoni tal-pajsaġġ.

34     Barra minn hekk, rigward l-Artikolu 10(1)(11)(c) ta' l-imsemmija liġi, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett ta' "proġett" hija ristretta, minn naħa, għal istallazzjonijiet li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni skond il-liġi federali dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis (Bundes-Immissionsschutzgesetz, iktar 'il quddiem il-"BImSchG") u, min-naħa l-oħra, għall-użu ta' l-ilma, li huwa suġġett għal awtorizzazzjoni jew approvazzjoni skond il-liġi fuq l-użu ta' l-ilma (Wasserhaushaltsgesetz, iktar 'il quddiem il-"WHG"). B'hekk, l-istallazzjonijiet u l-użu ta' l-ilma li mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni jew approvazzjoni simili huma eżenti mill-obbligu ta' evalwazzjoni ta' l-impatt fuq is-sit hekk kif previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk huma jistgħu jew ma jistgħux ikollhom impatt sinifikattiv fuq is-siti mħarsa.

35     Il-gvern Ġermaniż isostni fl-ewwel lok li l-Kummissjoni interpretat il-kunċett ta' "proġett" b'mod wisq wiesgħa, fis-sens li ma tippermetti ebda limitazzjoni ta' l-obbligu ta' evalwazzjoni ta' l-impatt li l-attivitajiet imsemmija mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jkollhom fuq is-siti. Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-definizzjoni preċiża li tinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40).

36     Wara, dan il-gvern isostni li l-kunċett ta' "intervent" fis-sens ta' l-Artikolu 18(1) tal-BNatSchG 2002 jeħtieġ eżami ta' kull każ b'mod partikolari fid-dawl ta' l-għanijiet tad-Direttiva. B'hekk, fil-prattika, l-imsemmi Artikolu 18(1) ma jillimitax il-kunċett ta' "proġett" fis-sens tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni ma teżiġix bdil tal-forma jew ta' l-użu ta' l-uċuħ imma li jkun hemm intervent meta attività taffettwa l-uċuħ b'mod li jkun hemm impatt fuq is-sit imħares.

37     Rigward id-deroga prevista fl-Artikolu 18(2) tal-BNatSchG 2002, il-gvern Ġermaniż isostni li din id-dispożizzjoni teżiġi b'mod obbligatorju li l-għanijiet u l-prinċipji ta' ħarsien tan-natura u tal-preżervazzjoni tal-pajsaġġi jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex l-użu tal-ħamrija għall-finijiet ta' l-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd ma jikkostitwixxix proġett li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni ta' l-impatt tiegħu.

38     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-Artikolu 10(1)(11)(c) tal-BNatSchG 2002, il-gvern Ġermaniż jindika li l-istallazzjonijiet li mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni jew għal approvazzjoni skond il-BImSchG għandhom huma stess jissodisfaw l-eżiġenzi li jieħdu in kunsiderazzjoni d-Direttiva. Fil-fatt, din il-liġi timponi, b'mod partikolari, li jiġi vverifikat li jitwaqqfu l-effetti ta' ħsara fuq l-ambjent, li l-livell tekniku jippermetti li jiġu evitati, jkunu mnaqqsa kemm jista' jkun. Rigward l-użu ta' l-ilma li ma jeħtieġx awtorizzazzjoni skond il-WHG, il-gvern Ġermaniż isostni b'mod partikolari li dan huwa użu li jirrigwarda kwantitajiet żgħar ta' ilma li huwa kompatibbli mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, tat-23 ta' Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, p. 1). Skond dan il-gvern, jekk l-użu li m'għandux impatt sinifikattiv fuq l-istat tal-massa ta' ilma m'għandux jitqies skond id-Direttiva 2000/60 u ma jeħtieġx awtorizzazzjoni, huwa ma jistax ikollu impatt sinifikattiv fuq iż-ŻSK viċini.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti

39     Għandu jiġi mfakkar li, skond it-termini ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma' jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x'aktarx se jkollu effett sinifikattiv fuqu, jew b'mod individwali jew flimkien ma' xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-imatt tiegħu għas-sit fid-dawl ta' l-għanjiet ta' konservazzjoni tas-sit.

40     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-eżiġenza ta' evalwazzjoni xierqa ta' l-impatt ta' pjan jew proġett hija suġġetta għall-kundizzjoni li hemm probabbiltà jew riskju li dan jaffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinifikattiv. Issa, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinifikattiv (ara s-sentenza ta' l-20 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-6/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

41     Għaldaqstant, il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' pjan jew proġett fuq sit partikolari li timplika li, f'każ ta' dubju rigward in-nuqqas ta' effetti sinifikattiv, hemm lok li ssir tali evalwazzjoni, ma tippermettix li tiġi evitata din ta' l-aħħar, kif jagħmluh, min-naħa, l-Artikolu 10(1)(11)(b) tal-BNatSchG 2002, moqri flimkien ma' l-Artikolu 18 ta' l-istess liġi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(1)(11)(c), ċerti kategoriji ta' proġetti fuq il-bażi ta' kriterji mhux adatti sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jistgħux jaffettwaw is-siti mħarsa b'mod sinifikattiv.

42     Għandu jingħad, b'mod partikolari, li l-Artikolu 10(1)(11)(b) u (c) tal-BNatSchG 2002 jeskludi mill-obbligu ta' evalwazzjoni l-proġetti li jikkonsistu, minn naħa, f'interventi fuq in-natura u l-pajsaġġ minbarra bdil ta' forma jew ta' użu ta' uċuħ ta' l-art jew ta' bdil tal-livell ta' l-ilma ta' taħt l-art li huwa f'kuntatt mal-livell attiv tal-ħamrija, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-proġetti li jirrigwardaw istallazzjonijiet jew użi ta' l-ilma, minħabba li mhumiex sottomessi għal awtorizzazzjoni. Issa, ma jidhirx li l-kriterji ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' evalwazzjoni huma tali li jiggarantixxu li l-imsemmija proġetti jkunu awtomatikament mhux suxxettibbli li jaffettwaw is-siti mħarsa b'mod sinifikattiv.

43     Rigward b'mod partikolari l-istallazzjonijiet li mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni skond il-BImSchG, il-fatt li dan it-test jimponi l-obbligu li jiġi vverifikat li jitwaqqfu l-effetti ta' ħsara fuq l-ambjent li l-livell tekniku jippermetti li jiġu evitati u li dawk li l-livell tekniku ma jippermettix li jiġu evitati jkunu mnaqqsa kemm huwa possibbli ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiggarantixxi r-rispett ta' l-obbligu previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Fil-fatt, l-obbligu ta' verifika previst mill-BimSchG mhux, f'kull każ, tali li jassigura li proġett li jirrigwarda tali istallazzjoni ma jipperikolax l-integrità tas-sit imħares. B'mod partikolari, l-obbligu li jiġi vverifikat jekk l-effetti ta' ħsara fuq l-ambjent li l-livell tekniku ma jippermettix li jiġu evitati jiġu mnaqqsa kemm jista' ikun ma jiggarantix li tali proġett ma jwassalx għall-imsemmi periklu.

44     Dwar l-użu ta' l-ilma li ma jeħtieġx awtorizzazzjoni skond il-WHG, il-fatt li dan huwa użu li jaffettwa kwantitajiet żgħar ta' ilma ma jeskludix minnu nnifsu li x'uħud minn dawn it-tipi ta' użu jistgħu ma jaffettwawx sit imħares b'mod sinifikattiv. Anke li kieku tali tipi ta' użu ma jkollhomx impatt sinifikattivi fuq l-istat tal-massa ta' ilma, ma jsegwix li ma jistax ikollhom impatt sinifikattivi fuq is-siti viċini mħarsa.

45     Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jingħad li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlitx traspożizzjoni korretta, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva f'dak li jikkonċerna ċerti proġetti mwettqa barra miż-ŻSK.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

46     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 36 tal-BnatSchG 2002 mhux traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva in kwantu ma jissottomettix għal awtorizzazzjoni l-istallazzjonijiet li jikkawżaw emissjonijiet ħlief meta jkun maħsub li dawn jistgħu jaffettwaw b'mod partikolari ŻSK li tinsab f'żona fejn l-istallazzjonijiet huma użati.

47     Għaldaqstant il-ħsarat materjali kkawżati barra minn tali żona, min-naħa l-oħra, mhumiex ikkunsidrati, kontrarjament għall-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

48     Il-gvern Ġermaniż isostni li l-kontroll tal-ħsarat materjali kkawżati minn inkwinanti ta' l-arja jew minn ħsejjes fiż-żona ta' influwenza ta' istallazzjoni għandu jsir fuq bażi individwali billi jiġu kkunsidrati d-data lokali kif ukoll id-diversi inkwinanti li joħorġu mill-istallazzjoni. Barra minn hekk, fil-prattika, awtorizzazzjoni ta' proġett li jimplika ħsarat materjali ma tistax tiġi mogħtija ħlief jekk tali proġett ma jkollux effetti ta' ħsara fuq l-karatteristiċi li d-Direttiva tħares.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti

49     Għandu jingħad li, safejn, skond l-Artikolu 36 tal-BNatSchG 2002, l-awtorizzazzjoni ta' l-istallazzjonijiet li jikkawżaw emissjonijiet ma tingħatax biss meta dawn ta' l-aħħar jidhru li jistgħu jaffettwaw b'mod partikolari sit imħares li jinsab f'żona ta' influwenza ta' dawn l-istallazzjonijiet, istallazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom jaffettwaw sit imħares li jinsab barra minn tali żona, jistgħu jiġu awtorizzati mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-effetti ta' dawn l-emissjonijiet fuq tali sit.

50     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, in kwantu tirreferi għall-emissjonijiet ġewwa żona ta' impatt hekk kif iddefinita f'ċirkulari tekniċi, b'mod partikolari, skond kriterji ġenerali dwar l-istallazzjonijiet, ma tidhirx li tiggarantixxi l-osservanza ta' l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva.

51     Issa, fin-nuqqas ta' kriterji stabbiliti xjentifikament, u li ma ġewx imsemmija mill-gvern Ġermaniż, u li kieku jippermettu li jiġi eskluż a priori li l-emissjonijiet li jaffettwaw sit imħares li jinsab barra miż-żona ta' impatt ta' l-istallazzjoni kkonċernata jistgħu jaffettwaw dan is-sit b'mod sinifikattiv, is-sistema implementata mil-liġi nazzjonali fil-qasam in kwistjoni mhijiex, f'kull każ, tali li tiggarantixxi li l-proġetti jew pjanijiet rigward istallazzjonijiet li jikkawżaw emissjonijiet li jaffettwaw siti mħarsa li jinsabu barra miż-żona ta' impatt ta' dawn l-istallazzjonijiet ma jipperikolawx l-integrità tas-siti kkonċernati, fis-sens ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.

52     Konsegwentement, għandu jingħad li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ma ġiex traspost b'mod korrett.

 Fuq it-tielet ilment

53     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlitx traspożizzjoni korretta ta' l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta' ħarsien strett ta' ċerti speċi annimali billi tipprojbixxi d-deterjorazzjoni jew qerda ta' siti tat-tgħammir jew postijiet ta' mistrieħ. Skond il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprojbixxu mhux biss l-atti intenzjonali, imma wkoll l-atti mhux intenzjonali. Hija ssostni li l-Artikolu 43(4) tal-BnatSchG ma jirrispettax l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva, in kwantu jawtorizza ċerti derogi għar-regoli li jħarsu s-siti "bil-kundizzjoni li l-annimali, u inklużi s-siti ta' trobbija, ta' tifqis, ta' habitat jew ta' rifuġju […] ma [jkunux ġew] affettwati b'mod intenzjonali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54     Il-gvern Ġermaniż josserva li t-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva hi ristretta fuq it-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-atti intenzjonali, li huwa, fl-opinjoni tiegħu, konformi ma' din id-dispożizzjoni għaliex hija ma tippojbixxix li jiġu inklużi l-qerda jew id-deterjorazzjoni mhux intenzjonali ta' l-imsemmija siti fis-sistema ta' ħarsien li hija timponi. Huwa jaħseb li interpretazzjoni li tgħid li huma wkoll ipprojbiti l-atti mhux intenzjonali tmur f'kull każ kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

55     F'dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-atti msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva mhumiex biss l-atti intenzjonali, imma wkoll dawk li mhumiex intenzjonali (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punti 73 sa 79). Peress li ma tillimitax il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva għal atti intenzjonali, mhux bħal ma tagħmel għall-atti msemmija fl-imsemmi Artikolu 12(a) sa (c), il-leġiżlatur Komunitarju wera r-rieda tiegħu li jagħti lis-siti ta' riproduzzjoni jew postijiet ta' mistrieħ ħarsien akbar kontra l-atti li jikkawżaw id-deterjorazzjoni jew il-qerda tagħhom. Fid-dawl ta' l-importanza ta' l-għanijiet ta' ħarsien tal-biodiversità li tipprova twettaq id-Direttiva, ma huwa għal xejn sproporzjonat li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(d) ma tkunx ristretta għall-atti intenzjonali.

56     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni mhux korretta ta' l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva għandu jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba' ilment

57     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja daħħlet fl-Artikolu 43(4) tal-BnatSchG żewġ derogi għall-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 42(1) ta' din il-liġi, li ma jieħdux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li għalihom huma sottomessi d-derogi awtorizzati skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi aktar preċiżament għad-derogi tad-dritt Ġermaniż għall-iskemi ta' ħarsien ta' l-ispeċi li minnhom jibbenefikaw, rispettivament, l-atti ta' implementazzjoni ta' intervent awtorizzat taħt l-Artikolu 19 tal-BnatSchG 2002 u l-implementazzjoni tal-miżuri awtorizzati taħt l-Artikolu 30 ta' l-istess liġi.

58     Il-gvern Ġermaniż jirrispondi li l-interventi u l-miżuri li huma s-suġġett taż-żewġ derogi previsti fl-Artikolu 43(4) tal-BnatSchG 2002 huma suġġetti għad-deċiżjonijiet amministrattivi, li għall-adozzjoni tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti huma, f'kull każ, fl-obbligu li jirrispettaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva.

59     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mir-raba' u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-habitat u l-ispeċi mhedda huma parti mill-wirt naturali tal-Komunità Ewropea u li t-theddid lejhom huwa spiss ta' natura mingħajr konfini, b'tali mod li l-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni hija imposta, bħala forma ta' responsabbiltà komuni, fuq l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-preċiżjoni tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fil-każ bħal dak in kwistjoni, fejn iġ-ġestjoni tal-wirt komuni huwa fdat, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

60     Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tad-Direttiva habitat, li timponi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tal-liġi dwar l-ambjent, l-Istati Membri huma obbligati b'mod partikolari li jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, tkun ċara u preċiża (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

61     Għaldaqstant, anke li kieku ż-żewġ derogi in kwistjoni għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjonijiet amministrattivi li għall-adozzjoni tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jirrispettaw konkretament il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 16 tad-Direttiva tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta' derogi, għandu jingħad li l-Artikolu 43(4) tal-BnatSchG 2002 ma jipprovdix kuntest legali li huwa konformi ma' l-iskema ta' derogi implementata mill-imsemmi Artikolu 16. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tissuġġettax l-għoti taż-żewġ derogi in kwistjoni għall-kundizzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 16 tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi enfasizzat li l-Artikolu 43(4) tal-BnatSchG 2002 jipprevedi bħala kundizzjoni waħdanija ta' awtorizzazzjoni ta' l-imsemmija derogi li l-annimali, inklużi wkoll is-siti ta' trobbija, ta' tifqis, ta' habitat jew ta' rifuġju, u l-pjanti ta' l-ispeċi partikolarment mħarsa ma jsofrux minħabba dan il-fatt dannu intenzjonat

62     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni mhux korretta ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva fil-liġi Ġermaniża għandu jiġi milqugħ.

 Fuq il-ħames ilment

63     Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 6(1) tal-PflSchG, li jipprojbixxi l-użu ta' prodotti fitosanitarji jekk huwa maħsub li jistgħu jipproduċu effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali, fuq l-ilma ta' taħt l-art jew ikollha effetti oħra ta' ħsara gravi, b'mod partikolari fuq l-ekwilibriju tan-natura, peress li dan il-kunċett ikopri ukoll l-ispeċi ta' l-annimali u tal-pjanti fis-sens ta' l-Artikolu 2(6) tal-PflSchG. Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba din il-projbizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlitx traspożizzjoni biżżejjed ċara ta' l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva.

64     Il-gvern Ġermaniż jikkontesta l-mertu ta' l-ilment billi jenfasizza li d-dispożizzjoni msemmija mill-Kummissjoni tinkludi projbizzjoni ġenerali li tippermetti l-osservanza tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva. Huwa jirreferi wkoll għall-fatt li, skond l-Artikolu 6(1) tal-PflSchG, il-prodotti fitosanitarji għandhom ikunu użati skond il-prattika tajba professjonali u li l-awtorità kompetenti tista' tordna l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-eżiġenzi msemmija f'din id-dispożizzjoni.

65     F'dan ir-rigward, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 60 tas-sentenza preżenti, l-Istati Membri huma, fil-kuntest tad-Direttiva habitat, partikolarment fl-obbligu li jaraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva tkun ċara u preċiża.

66     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva jifformaw sett koerenti ta' provvedimenti (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 112). L-imsemmija Artikoli 12 u 13 jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta' ħarsien strett ta' l-ispeċi ta' l-annimali u tal-pjanti.

67     Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6(1) tal-PflSchG, meta jagħti lista tal-każijiet li fihom l-użu tal-prodotti fitosanitarji huwa pprojbit, ma jsemmix b'mod ċar, speċifiku u strett il-projbizzjonijiet li jiġu mhedda l-ispeċi mħarsa previsti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva.

68     B'mod partikolari, ma jidhirx li l-projbizzjoni ta' użu tal-prodotti fitosanitarji, meta huwa maħsub li l-użu jista' jipproduċi effetti ta' ħsara gravi fuq l-ekwilibriju tan-natura, hija daqstant ċara, preċiża u stretta daqs il-projbizzjoni ta' deterjorazzjoni tas-siti ta' riproduzzjoni jew tal-postijiet ta' mistrieħ ta' l-ispeċi annimali prevista fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva jew il-projbizzjoni ta' qerda intenzjonali fin-natura ta' l-ispeċi tal-pjanti mħarsa prevista fl-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva.

69     Għaldaqstant il-ħames ilment, dwar l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva, għandu jiġi milqugħ.

 Fuq is-sitt ilment

 L-argumenti tal-partijiet

70     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva meta ma tagħthiex notifika tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq is-sajd jew meta ma ratx li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet suffiċjenti fuq is-sajd.

71     Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjonijiet fuq is-sajd fit-tliet Länder mhumiex konformi mad-Direttiva. Per eżempju, fil-Bavarja, il-ħut magħruf taħt l-isem xjentifiku ta' coregonus oxyrhynchus mhux imsemmi fost l-ispeċi mħarsa tul is-sena kollha. Fil-Brandebourg, din l-istess speċi kif ukoll il-mollusk imsejjaħ unio crassus mhumiex imħarsa. Rigward il-Land ta' Brême, il-leġiżlazzjoni tagħha ma tinkludix fil-lista ta' projbizzjonijiet ta' sajd it-tliet speċi li għandhom ikunu mħarsa f'dan il-Land, jiġifieri ż-żewġ speċi ċċitati iktar 'il fuq u l-ħut imsemmi acipenser sturio. Barra minn hekk, hija tawtorizza espressament is-sajd tal-kampjuni ta' din l-ispeċi ta' l-aħħar li t-tul tagħha huwa mill-inqas ta' 100 ċm u ta' dawk ta' l-ispeċi coregonus oxyrhynchus li għandhom tul ta' mill-inqas 30 ċm. Barra minn hekk, ebda tagħrif ma huwa disponibbli fuq projbizzjonijiet eventwali fuq sajd fil-Länder ta' Berlin, ta' Hamburg, ta' Mecklembourg-Poméranie tal-Punent, tas-Sassonja ta' Isfel, tar-Rhénanie tan-Nord-Westphalie, ta' Sarre, tas-Sassonja u tas-Saxe-Anhalt. Għaldaqstant ma jistax jitqies li l-leġiżlazzjonijiet ta' dawn il-Länder jinkludu l-projbizzjonijiet fuq sajd meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva.

72     Il-gvern Ġermaniż isostni li, minkejja li d-dispożizzjonijiet tad-dritt federali jawtorizzaw lill-Länder jippromulgaw dispożizzjonijiet aktar speċifiċi fil-qasam tad-dritt tas-sajd, huwa wkoll minnu li dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu interpretati skond id-Direttiva. Fil-każ li d-dispożizzjonijet tal-Länder fuq is-sajd imorru kontra l-ħarsien ta' l-ispeċi ta' ħut u frott tal-baħar li huma imposti legalment mid-dritt Komunitarju, huma jkunu nulli minħabba ksur tad-dritt federali. F'dan is-sens, il-BnatSchG 2002 hija liġi li tipprevali fuq il-liġi tal-Länder. Il-projbizzjoni fuq is-sajd imsemmija fl-Artikolu 42(1)(1) tal-BnatSchG 2002, li tikkonċerna wkoll l-ispeċi msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva, hija għalhekk applikabbli. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li tingħata notifika tad-dispożizzjonijiet tal-Länder li jikkonċernaw dan is-suġġett.

73     Dan il-gvern jindika li huwa se jara li jiġu mmodifikati malajr d-dispożizzjonijiet tal-Länder fuq is-sajd, in kwantu huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-Direttiva u tad-dritt federali, bħal ma huwa l-każ, per eżempju, fil-leġiżlazzjoni tal-Land ta' Brême kkontestata mill-Kummissjoni.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

74     Huwa paċifiku, f'dan il-każ, li l-coregonus oxyrhynchus, l-unio crassus kif ukoll l-acipenser sturio, li huma msemmija fl-Anness IV (a) tad-Direttiva, huma speċi li jinsabu fil-Ġermanja.

75     Dawn għandhom, għaldaqstant, jiġu suġġetti, skond l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva għal sistema ta' ħarsien strett li tipprojbixxi l-forom kollha ta' qbid jew qtil volonarju ta' kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ.

76     Jirriżulta mill-proċess li, mat-terminu tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-leġiżlazzjoni tal-Land tal-Bavarja kienet tawtorizza, fost l-oħrajn, il-qbid ta' ħut tul is-sena kollha sakemm ma jiġux stabbiliti projbizzjonijiet fuq is-sajd. Issa, il-coregonus oxyrhynchus ma kinitx suġġett ta' projbizzjoni fuq is-sajd. Fil-Land ta' Brandebourg, din l-istess speċi kif ukoll l-unio crassus lanqas ma kienu suġġett ta' projbizzjoni fuq is-sajd. Rigward il-leġiżlazzjoni tal-Land ta' Brême, il-gvern Ġermaniż ammetta li ma kinitx konformi mad-Direttiva.

77     Minkejja li huwa minnu, hekk kif josserva l-gvern Ġermaniż, li l-Artikolu 42(1) tal-BnatSchG 2002 jipprojbixxi, b'mod partikolari, il-qbid u l-qtil ta' l-ispeċi annimali li huma koperti minn skema ta' ħarsien strett, bħal dawk imsemmija fil-punt 74 tas-sentenza preżenti, jibqa' l-fatt li, skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 39(2) ta' din l-istess liġi federali, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq il-ħarsien ta' l-annimali, il-kaċċa u s-sajd mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni preżenti. Issa, din is-sezzjoni tinkludi l-Artikolu 42 tal-BNatSchG 2002.

78     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ fil-Ġermanja, li fih jeżistu flimkien id-dispożizzjonijiet reġjunali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju u dispożizzjoni federali li hija konformi miegħu, ma jassigurax b'mod effettiv, ċar u preċiż, għat-tliet speċi annimali in kwistjoni fil-kawża preżenti, il-ħarsien strett previst fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva f'dak li jirrigwarda l-projbizzjoni tal-forom kollha ta' qbid jew qtil volontarju ta' kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ.

79     F'dan il-każ, jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża mhix konformi ma' l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' deroga previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva.

80     Rigward il-leġiżlazzjonijiet fuq is-sajd tal-Länder l-oħra, li ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, ma jistax jingħad li ma jissodisfawx d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva minħabba l-fatt li ebda tagħrif ma kien disponibbli fuq projbizzjonijiet eventwali ta' sajd f'dawn il-Länder, kif ukoll minħabba li, hekk kif huwa mfakkar fil-punt 77 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 42(1)(1) tal-BnatSchG 2002 jipprojbixxi l-qbid u l-qtil tal-kampjuni ta' l-ispeċi coregonus oxyrhynchus, unio crassus u acipenser sturio.

81     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b'din id-Direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-rikors tagħha fuq din id-dispożizzjoni.

82     Għaldaqstant is-sitt ilment għandu jiġi milqugħ taħt il-limiti indikati fil-punti preċedenti tas-sentenza preżenti.

83     Konsegwentement, għandu jingħad li:

–       billi naqset li tipprovdi, għal ċerti proġetti mwettqa barra miż-ŻSK fis-sens ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, evalwazzjoni obbligatorja ta' l-impatt fuq is-sit, skond l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk tali proġetti jistgħux jaffettwaw ŻSK b'mod sinifikattiv;

–       billi awtorizzat emissjonijiet f'ŻSK, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn jistgħux jaffettwaw din iż-żona b'mod sinifikattiv;

–       billi eskludiet, mill-kamp ta' applikazzjoni, dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien ta' l-ispeċi ċerti ħsarat mhux intenzjonali kkawżati lill-annimali mħarsa;

–       billi ma assiguratx l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta' deroga previsti mill-Artikolu 16 tad-Direttiva f'dak li jikkonċerna ċerti atti kompatibbli mal-konservazzjoni taż-żona;

–       billi ppromulgat liġi dwar l-użu tal-prodotti fitosanitarji, li ma tieħux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-ħarsien ta' l-ispeċi, u,

–       billi ma assiguratx li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq is-sajd jinkludu projbizzjonijiet suffiċjenti fuq is-sajd,

ir-Repubblika federali tal-Ġermanja naqset fl-obbligi li huma imposti fuqha skond l-Artikolu 6(3), kif ukoll l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva.

 Dwar l-ispejjeż

84     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi

1)      -       Billi naqset li tipprovdi, għal ċerti proġetti mwettqa barra miż-żoni speċjali ta' konservazzjoni skond l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), evalwazzjoni obbligatorja ta' l-impatt fuq is-sit, skond l-Artikolu 6(3) u (4), tad-Direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk tali proġetti għandhom mnejn jaffettwaw żona speċjali ta' konservazzjoni b'mod sinifikattiv;

–       billi awtorizzat emissjonijiet f'żona speċjali ta' konservazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn jistgħux jaffettwaw din iż-żona b'mod sinifikattiv;

–       billi eskludiet mill-kamp ta' applikazzjoni dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien ta' l-ispeċi ċerti ħsarat mhux intenzjonali kkawżati lil annimali mħarsa;

–       billi m'assiguratx l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta' deroga previsti mill-Artikolu 16 tad-Direttiva f'dak li jikkonċerna ċerti atti kompatibbli mal-konservazzjoni taż-żona;

–       billi ppromulgat liġi dwar l-użu tal-prodotti fitosanitarji li ma tieħux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-ħarsien ta' l-ispeċi u,

–       billi ma assiguratx li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fuq is-sajd jinkludu projbizzjonijiet suffiċjenti fuq is-sajd,

ir-Repubblika federali tal-Ġermanja naqset fl-obbligi li huma imposti fuqha skond l-Artikolu 6(3), kif ukoll l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.