Language of document : ECLI:EU:T:2010:61

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Marzu 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Trasferiment ta’ assi pubbliċi favur il-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale – Deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Diffikultajiet serji”

Fil-Kawża T-36/06,

Bundesverband deutscher Banken eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer u K.-S. Scholz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Land Hessen (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn H.-J. Freund u M. Holzhäuser, sussegwentement minn H.-J. Freund u S. Lehr, avukati,

u minn

Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale, stabbilita fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-J. Freund, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 3232 finali, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar it-trasferiment tal-Hessischer Investitionsfonds lil-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale bħala kontribuzzjoni taċita,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, V. Vadapalas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-kontribuzzjoni inkwistjoni

1        Il-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale (iktar ’il quddiem “Helaba”) huwa wieħed mill-ikbar banek fil-Ġermanja. Huwa għandu status legali ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, il-proprjetarji ta’ Helaba huma l-iSparkassen- und Giroverband Hessen-Thüringen, b’sehem ta’ 85 %, il-Land Hessen (iktar ’il quddiem il-“Land”), b’sehem ta’ 10 %, u l-Land Thüringen, b’sehem ta’ 5 %. Helaba jservi bħala bank abitwali tal-Land u tal-Land Thüringen kif ukoll bħala bank ċentrali tal-banek tat-tifdil ta’ Hessen u ta’ Thüringen. Huwa jopera wkoll bħala bank kummerċjali, kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll fis-swieq internazzjonali.

2        Il-Hessischer Investitionsfonds (iktar ’il quddiem il-“fond speċjali”) inħoloq bħala assi speċjali tal-Land fl-1970. Dan joffri self mingħajr interessi jew b’rata ta’ interessi baxxa għall-proġetti ta’ investimenti lokali. Permezz ta’ emenda leġiżlattiva adottata fit-13 ta’ Diċembru 2002, il-Hessisches Ministerium der Finanzen (Ministeru tal-Finanzi tal-Land) ġie awtorizzat jittrasferixxi l-fond kollu jew parti minnu, favur stabbiliment ta’ kreditu, bħala sehem finanzjarju fil-forma ta’ kontribuzzjoni taċita fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Kreditwesengesetz (Liġi dwar il-kreditu, iktar ’il quddiem il-“KWG”) jew taħt forma oħra rikonoxxuta mid-dritt tas-superviżjoni, inkambju għal remunerazzjoni konformi mas-suq.

3        Għal dan il-għan, il-Land u Helaba ftiehmu dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment tal-fond speċjali f’Helaba. Skont l-abbozz tal-kuntratt, l-assi speċjali kellu jiġi ttrasferit lil Helaba fil-forma ta’ kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni taċita”) għal valur ta’ EUR 594 miljun u inkambju għal remunerazzjoni ta’ 1.65 % tal-valur nominali mnaqqas bil-parti tal-kontribuzzjoni neċessarja bħala garanzija għall-attivitajiet ta’ self relatati ma’ proġetti ta’ investimenti lokali tal-fond speċjali. L-abbozz tal-kuntratt ma jipprovdix klawżola dwar iż-żieda tal-interessi (iktar ’il quddiem il-“klawżola step-up”) li permezz tagħha r-remunerazzjoni tiżdied wara kultant żmien.

4        Skont l-Artikolu 2 tal-abbozz tal-kuntratt, id-dritt għal remunerazzjoni jintilef jekk Helaba jsostni telf annwali, jiġifieri jekk il-kont ta’ qligħ u telf tiegħu juri telf għas-sena finanzjarja preċedenti, jew sa fejn il-ħlas tar-remunerazzjoni jwassal għal telf kontabbli annwali. Ir-remunerazzjonijiet mhux imħallsa jitħallsu matul is-snin segwenti sakemm ma hemmx telf annwali u sa fejn il-ħlas tar-remunerazzjoni ma jwassalx għal tali telf. Il-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għat-telf, iżda kull tnaqqis tal-valur tagħha għandu jagħmel tajjeb għalih Helaba fis-sena sussegwenti sal-ammont tal-valur nominali tagħha. Il-ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandu preċedenza fuq il-ħlas tad-dividendi fuq il-kapital azzjonarju u fuq l-allokazzjoni tal-fondi fir-riżervi tal-kapital.

5        Skont l-Artikolu 4 tal-abbozz tal-kuntratt, il-Land ma huwiex awtorizzat li jxolji l-kontribuzzjoni inkwistjoni. Skont il-paragrafu 8 ta’ din id-dispożizzjoni, “[f]’każ ta’ proċeduri ta’ falliment relatati mal-patrimonju ta’ [Helaba] jew f’każ ta’ stralċ ta’ dan tal-aħħar, il-kontribuzzjoni [inkwistjoni] tkun rimborsabbli biss wara li jiġu sodisfatti l-kredituri kollha ta’ [Helaba], inkluż il-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ ishma u kredituri ta’ kapital ieħor ta’ garanzija kif ipprovdut fl-Artikolu 10(5a) tal-KWG, iżda qabel jiġu sodisfatti l-azzjonisti”.

B –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

6        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħmel il-kontribuzzjoni inkwistjoni u talbet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkonstata li din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE.

7        Fl-4 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’ittri tal-31 ta’ Awwissu u tas-7 ta’ Settembru 2004.

8        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339), tagħti l-kunsens tagħha għall-proroga tat-terminu ta’ xahrejn li matulu għandha twettaq l-investigazzjoni preliminari tal-miżura nnotifikata. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat il-proroga tal-imsemmi terminu sal-31 ta’ Diċembru 2004.

9        Permezz ta’ ittri tal-15 u tat-22 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

10      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni stabbilixxiet terminu ta’ 30 jum sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprovdi l-informazzjoni mitluba u ddikjarat li, jekk l-informazzjoni ma tingħatax fit-terminu previst, hija kienet ser tqis li n-notifika ġiet irtirata, kif ipprovdut fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

11      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-konformità mas-suq. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni oħra permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2005, li ġiet ipprovduta mir-Repubblika tal-Ġermanja b’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2005.

12      Permezz tad-Deċiżjoni C (2005) 3232 finali, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar it-trasferiment tal-Hessischer Investitionsfonds lil-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale bħala kontribuzzjoni taċita (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet, fi tmiem il-fażi tal-eżami preliminari, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, sabiex jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjoni inkwistjoni tagħtix vantaġġ lil Helaba li jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi applikat il-kriterju ta’ “investitur li jopera f’ekonomija tas-suq” (iktar ’il quddiem l-“investitur privat”) li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet tal-kapital li jsiru taħt kundizzjonijiet li fihom investitur privat ikun dispost jittrasferixxi fondi lill-impriża privata paragunabbli, ma jikkostitwixxux għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, iktar ’il quddiem is-“sentenza WestLB”).

14      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-klassifikazzjoni legali u ekonomika, il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija paragunabbli ma’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra li saru fis-suq u li, konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk ir-remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet hijiex konformi mas-suq għandha tiġi evalwata billi jsir paragun mar-remunerazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjonijiet taċiti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata, l-ewwel nett, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet espliċitament ikklassifikata bħala kontribuzzjoni taċita fl-abbozz tal-kuntratt. It-tieni nett, hija tiddikjara li l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni inkwisjtoni huma paragunabbli ma’ dawk ta’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra inkwantu l-imsemmija kontribuzzjoni għandha tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju u peress li l-Land jirċievi r-remunerazzjoni miftiehma kollha u mhux dividend proporzjonali mal-profitt. Hija ssostni wkoll li fis-suq hemm kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien indeterminat mingħajr klawżoli step-up, bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni, u li l-volum tagħha ma huwiex inabitwali. Fl-aħħar nett, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, hija tirreferi, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni, għad-Deċiżjoni 2006/742/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar għajnuna mill-Ġermanja favur Helaba (ĠU 2006, L 307, p. 159), li hija inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

15      Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkalkula r-remunerazzjoni xierqa tal-kapital li jista’ jintuża minn Helaba bħala garanzija għat-tkattir tal-attivitajiet ta’ kreditu tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tispjega li, fis-suq, ir-remunerazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet taċiti tikkorrispondi ma’ rata ta’ riferiment flimkien ma’ żieda ta’ remunerazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni ta’ garanzija”). Madankollu, f’dan ir-rigward hija tqis li, fil-kawża inkwistjoni, il-parti li tikkorrispondi mar-rata ta’ riferiment għandha titnaqqas mir-remunerazzjoni konformi mas-suq sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tipprovdix likwidità lil Helaba. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li t-taxxa fuq l-operat industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq in-negozju”), li għandha titħallas mill-investituri industrijali u kummerċjali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, u li, fil-kawża inkwistjoni, għandha titħallas minn Helaba peress li l-Land ma kienx marbut b’dan l-obbligu, għandha tiżdied mar-rata ta’ remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet peress li tagħmel parti mill-obbligu finanzjarju sostnut minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni.

16      Fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ garanzija konformi mas-suq, il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq żewġ rapporti ta’ perizja ta’ banek ta’ investiment kif ukoll fuq ir-rapport ta’ kumpannija ta’ awdituri fir-rigward tal-imsemmija rapporti. Fid-dawl ta’ dawn it-tliet rapporti, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa raġonevoli ki bħala bażi jkun hemm remunerazzjoni ta’ garanzija ta’ 65 sa 90 punti bażiċi li jikkorrispondu maż-żieda kkonstatata fis-suq għall-kontribuzzjonijiet taċiti ta’ emittenti tas-settur bankarju li huma evalwati f’EUR, għal żmien indeterminat u li jinkludu klawżola step-up.

17      Il-Kummissjoni teżamina jekk għandhomx jiġu applikati żidiet jew tnaqqis għal din ir-remunerazzjoni ta’ garanzija sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet taċiti użati bħala riferiment għall-kalkolu tal-imsemmi primjum. F’dan ir-rigward, hija tqis li għandha tapplika żieda ta’ 30 sa 40 punti bażiċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni, għad-differenza tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien indeterminat li ntużaw bħala riferiment, ma tinkludix klawżola step-up. Madankollu, hija tikkunsidra li ma huwiex neċessarju li tiġi applikata żieda, la minħabba l-fatt li, wara li titħallas il-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet taċiti fil-fondi proprji bażiċi tal-Helaba jkun ta’ 57 % u għalhekk kunsiderevolment ogħla mill-proporzjon ta’ dan it-tip ta’ strumenti fil-fondi proprji ta’ banek privati, u lanqas minħabba l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ser tirrendi l-parti tal-kontribuzzjonijiet taċiti li l-Land iżomm fil-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba ekwivalenti għal 44 %. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li żieda ta’ 10 punti bażiċi hija potenzjalment iġġustifikata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-remunerazzjoni titħallas biss jekk Helaba jagħmel profitt annwali, iżda ma tiddeċidiex din il-kwistjoni b’mod definittiv peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iż-żieda ma jbiddilx l-evalwazzjoni finali.

18      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-remunerazzjoni konformi mas-suq għal kontribuzzjoni bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni hija ta’ bejn 1 u 1.4 %. Hija tqis, konsegwentement, li r-rata ta’ remunerazzjoni ta’ 1.65 % miftiehma bejn Helaba u l-Land, li magħha għandu jiżdied l-obbligu finanzjarju tat-taxxa fuq in-negozju, ma tagħtix vantaġġ lil Helaba u għalhekk ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

19      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, f’Mejju 2005, Helaba biegħ kontribuzzjoni taċita għal żmien indeterminat lill-investituri istituzzjonali privat, mingħajr klawżola step-up, għal valur ta’ EUR 250 miljun, u li din il-kontribuzzjoni hija remunerata bir-rata ta’ 5.5 % fis-sena. Hija tispjega li r-rata ta’ 5.5 % tikkorrispondi għar-rata ta’ riferiment (Euribor jew Mid-Swap, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li, fid-data tal-adozzjoni tagħha, din tal-aħħar kienet 3.84 %) miżjuda b’remunerazzjoni ta’ garanzija. Hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ din il-kontribuzzjoni taċita jikkonfermaw l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li r-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni hija konformi ma’ remunerazzjoni fis-suq kif ukoll il-fatt li Helaba jkun f’pożizzjoni li jagħmel kontribuzzjoni taċita fis-suq jekk huwa ma jirċevix ir-remunerazzjoni inkwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Pemezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti, Bundesverband deutscher Banken eV (Federazzjoni Ġermaniża tal-banek privati), ippreżentat ir-rikors preżenti.

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-6 u fit-13 ta’ Ġunju 2006, Helaba u l-Land talbu li jintervjenu fil-proċeduri preżenti insostenn tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2006, il-President tat-Tielet Awla ta’ din l-istess qorti laqa’ dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fit-terminu previst. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wkoll ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward l-imsemmija noti fit-terminu previst.

22      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

23      Fid-dawl ta’ tmiem tal-kariga ta’ wieħed mill-membri tal-awla, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina Imħallef ieħor sabiex jikkompletaha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta’ din il-qorti.

24      B’ittra tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, fosthom il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssodisfat it-talba fit-terminu previst.

25      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-9 ta’ Settembru 2008.

27      F’din l-okkażżjoni, ġie deċiż, qabel ma ngħalqet il-proċedura orali, li l-Kummissjoni titħalla tirrispondi bil-miktub għal waħda mill-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ppreżentat it-tweġiba tagħha u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fit-terminu previst. Il-proċedura orali ngħalqet fit-8 ta’ Ottubru 2008.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Il-Land jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-Kummissjoni, sostnuna minn Helaba, issostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

32      Għandu jitfakkar li l-qorti Komunitarja għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni minn qabel fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2006, Sinaga vs Il-Kummissjoni, T‑217/99, T‑321/00 u T‑222/01, Ġabra p. II-67, punt 68).

33      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, peress li r-rikors għal annullament huwa fi kwalukwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

2.     Fuq il-mertu

34      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 87 KE u fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba li l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

35      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għall-finijiet tal-paragun mas-suq, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament u fir-rigward tal-konformità tar-remunerazzjoni mas-suq.

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni “hija paragunabbli ma’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra konformi mas-suq”, ma hijiex suffiċjentement motivata.

37      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fuq l-abbozz tal-kuntratt mingħajr ma tagħmel sunt tal-kontenut. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tirreferi għall-fatt li l-partijiet tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kklassifikawha, fl-abbozz tal-kuntratt, bħala kontribuzzjoni taċita u li, konsegwentement, hija ma mmotivatx il-paragunabbiltà tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra konformi mas-suq.

38      It-tieni nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma timmotivax id-dikjarazzjoni tagħha, esposta fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata, f’każ ta’ stralċ jew falliment, qabel il-kapital azzjonarju, filwaqt li, b’mod partikolari, il-kuntratt dwar il-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, jipprovdi li r-rimbors tal-kontribuzzjoni ma għandux ikollu prijorità fuq ir-rimbors tal-kapital azzjonarju.

39      It-tielet nett, hija ssostni li d-dikjarazzjoni, esposta fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-Land jirċievi “ir-remunerazzjoni miftiehma kollha filwaqt li l-investitur fil-kapital azzjonarju għandu biss dritt għall-ħlas ta’ dividend proporzjonali mal-profitt” ma hijiex ċara u ma tagħtix indikazzjoni dwar dak li l-Kummissjoni beħsiebha tipprova permezz tal-imsemmi paragun.

40      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ma tagħtix raġunijiet għad-dikjarazzjonijiet tagħha, esposti fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li “hemm kontribuzzjonijiet taċiti mingħajr klawżola [step-up] fis-suq tal-kapital” u li “il-volum tal-kontribuzzjoni taċita inkwistjoni lanqas mhuwa inabitwali”. Ir-rikorrenti tqis li, kieku l-Kummissjoni riedet tipprova dawn id-dikjarazzjonijiet billi tibbaża ruħha fuq il-ħruġ li sar fl-1998 u fl-1999 li rreferiet għalihom fid-Deċiżjoni 2006/742, hija kellha tinkludi l-parti korrispondenti ta’ din l-ewwel deċiżjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tatx raġuni għalfejn is-sitwazzjoni fis-suq tal-kapital fl-1998 u fl-1999 kienet paragunabbli ma’ dik li kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri matul is-sajf tal-2005. Hija ssostni wkoll li, fid-Deċiżjoni 2006/742, il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li tirriproduċi l-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-ħruġ tal-1998 u tal-1999. Fl-osservazzjonijiet tagħha fin-noti ta’ intervent, hija tgħid ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni peress li, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha, il-kontribuzzjonijiet taċiti msemmija ma humiex identifikabbli minħabba l-anonimità tal-banek.

41      Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjoni tagħha, esposta fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tagħti “diversi vantaġġi” lil-Land meta mqabbla ma’ investiment fil-kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni huma “superfiċjali”, “parzjali” u “mingħajr sustanza”.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, ma taqbilx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita. Il-Land ma ppreżenta ebda argument f’dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Għandu jitfakkar li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li l-qorti tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (sentenza WestLB, punt 13 iktar ’il fuq, punt 278).

44      Ma huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenza WestLB, punt 13 iktar ’il fuq, punt 279).

45      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni rigward l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed jekk tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma importanti fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza WestLB, punt 13 iktar ’il fuq, punt 280).

46      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jkunu indikati r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

47      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirrżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali, li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni hijiex fondata, peress li din tal-aħħar tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑239/04 u T‑323/04, Ġabra p. II‑3265, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kritika tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-abbozz tal-kuntratt minkejja li l-kontenut tiegħu la huwa riprodott fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas magħruf mir-rikorrenti jew mill-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk il-Kummissjoni ma tirriproduċix it-test tad-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-kuntratt, hija ssemmi d-diversi elementi li jirriżultaw minn dan l-abbozz li fuqhom hija tibbaża l-evalwazzjoni legali tagħha, bil-konsegwenza li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Qorti Ġenerali huma f’pożizzjoni li jkunu jafu r-raġunament tagħha.

49      Fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tirreferi għall-fatt li l-partijiet fil-kontribuzzjoni inkwistjoni kklassifikawha, fl-abbozz tal-kuntratt, bħala kontribuzzjoni taċita, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq il-klassifikazzjoni mogħtija mill-partijiet fil-kontribuzzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, anki li kieku hija għamlet dan, din iċ-ċirkustanza ma tivvizzjax id-deċiżjoni kkontestata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tikklassifika l-kontribuzzjoni billi tibbaża ruħha biss fuq il-klassifikazzjoni mogħtija mill-partijiet tikkonċerna l-fondatezza tal-motivi ppreżentati mill-Kummissjoni u mhux in-natura suffiċjenti tagħhom.

50      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li, f’każ ta’ stralċ jew ta’ falliment, il-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju, għandu jiġi osservat li l-imsemmija dikjarazzjoni tikkorrispondi għal sempliċi dikjarazzjoni ta’ informazzjoni li tirriżulta mill-abbozz tal-kuntratt (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u li, konsegwentement, ma kinitx teħtieġ iktar motivazzjoni. Id-dubji tar-rikorrenti dwar jekk din id-dikjarazzjoni hijiex żbaljata ma jikkonċernawx in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fondatezza tagħha, u b’mod partikolari, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni.

51      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-motivazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-Land jirċievi “ir-remunerazzjoni miftiehma kollha filwaqt li l-investitur fil-kapital azzjonarju għandu biss dritt għall-ħlas ta’ dividend proporzjonali mal-profitt”, għandu jiġi kkonstatat li huwa evidenti, mill-qari tal-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata kollha, li tipprovdi li l-Land għandu jirċievi “l-istess bħal investitur ta’ kontribuzzjoni taċita fis-suq tal-kapital” l-imsemmija remunerazzjoni kollha, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-forma tar-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet karatteristika għall-kontribuzzjonijiet taċiti, u mhux għall-kapital azzjonarju, u li dan il-fatt, flimkien ma oħrajn, isaħħaħ l-argument li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala kontribuzzjoni taċita. Id-dubji tar-rikorrenti dwar jekk il-forma tar-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni hijiex effettivament karatteristika għall-kontribuzzjonijiet taċiti ma tikkonċernax il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fondatezza tagħha.

52      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-motivazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li “hemm kontribuzzjonijiet taċiti mingħajr klawżola [step-up] fis-suq tal-kapital” u li “il-volum tal-kontribuzzjoni taċita inkwistjoni [ma huwiex] inabitwali”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata żewġ ċirkustanzi li jirriżultaw b’mod ċar mill-informazzjoni mogħtija mir-rapporti ta’ perizja u b’mod partikolari mit-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq li tagħmel riferiment għalihom fil-premessi 49 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-riferiment għad-Deċiżjoni 2006/742 espost fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ma jikkonċernax dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ fatt iżda r-raġunament kollu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għall-finijiet tal-paragun tar-remunerazzjoni miftiehma mas-suq. Peress li l-Kummissjoni ma bbażatx dawn id-dikjarazzjonijiet fuq id-data tas-suq tal-1998 u tal-1999, hija ma kinitx marbuta timmotiva għalfejn is-sitwazzjoni tas-suq fl-1998 u fl-1999 hija paragunabbli mas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

53      Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-Deċiżjoni 2006/742 u kellha tirriproduċi l-partijiet rilevanti ta’ din id-deċiżjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa vvizzjat mill-ġurisprudenza li tipprovdi li deċiżjoni hija suffiċjentement motivata meta tirreferi għad-dokument li huwa diġà fil-pussess tad-destinatarju u li jinkludi l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T‑551/93, T‑231/94, T‑232/94, T‑233/94 u T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punt 144), li huwa fil-fatt il-każ inkwistjoni, peress li r-rikorrenti rċeviet kopja tad-Deċiżjoni 2006/742 hekk kif din ġiet adottata, diversi xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-kontribuzzjonijiet taċiti użati bħala paragun ma humiex identifikabbli minħabba l-anonimità tal-banek li ħarġuhom, għandu jiġi enfasizzat li fil-fatt ir-rikorrenti tikkritika n-natura inkompleta tal-verżjoni mhux kunfidenzjali li kellha fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha u mhux il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fiha nfisha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża inkwistjoni, it-tneħħija ta’ ċerta data f’din il-verżjoni ma pprekludietx lir-rikorrenti milli tiddefendi d-drittijiet tagħha u milli tivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, minkejja l-fatt li tneħħew l-ismijiet tal-banek li ħarġu l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi, b’mod suffiċjentement komprensibbli, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, kif innotifikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċeduri (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) u din ma ppreżentatx osservazzjonijiet ġodda bbażati fuq is-siltiet inkwistjoni.

55      Fir-rigward, il-ħames nett, tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tagħti vantaġġi lil Land meta mqabbla ma’ investiment fil-kapital azzjonarju, għandu jiġi rrilevat li, meta tindika li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma “superfiċjali”, “parzjali” u “mingħajr sustanza”, ir-rikorrenti fil-verità ma tikkritikax in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, iżda l-fondatezza tal-evalwazzjoni li saret.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni dwar l-evalwazzjoni, esposta fil-premessa 36, li tgħid li “[i]nvestitur istituzzjonali li jopera f’ekonomija tas-suq kien [...] jeżiġi remunerazzjoni ogħla minn dik tal-Land sabiex jikkumpensa l-obbligu finanzjarju sostnut minħabba t-[taxxa fuq in-negozju]” u li “Helaba, min-naħa tiegħu, kien ikun effettivament dispost li jħallas din iż-żieda tar-remunerazzjoni lil tali investitur”.

58      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, ma taqbilx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju bħala obbligu finanzjarju li għandu jiġi sostnut minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni. Il-Land ma ppreżenta ebda argument f’dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59      Għandu jiġi kkonstatat li fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni sempliċement applikat il-konklużjoni li kienet waslet għaliha fid-Deċiżjoni 2006/742 fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fl-imsemmija kawża. Din id-deċiżjoni, kif jirriżulta minn dak li ntqal (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), kienet diġà fil-pussess tar-rikorrenti.

60      Madankollu, l-eżami tad-Deċiżjoni 2006/742 kif ukoll tal-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, magħmul fil-punti 188 sa 192 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, ma jirrileva ebda nuqqas ta’ motivazzjoni li jipprekludi lir-rikorrenti milli tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni jew lill-Qorti Ġenerali milli tevalwa l-fondatezza tagħha.

61      Minn dan jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata hija konsistenti ma prassi deċiżjonali magħrufa mir-rikorrenti u għalhekk setgħet tkun immotivata fil-qosor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31).

 Fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament

–       L-argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-premessi 37 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata la jiżvelaw il-kriterji li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tasal għall-konklużjoni li Helaba effettivament isostni spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali, meta mqabbla ma’ dawk li kien isostni kieku rċieva kontribuzzjoni taċita likwida, u lanqas jispjegaw għalfejn it-tnaqqis tat-taxxa mir-remunerazzjoni jiġġustifika tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament.

63      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, ma taqbilx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li Helaba jsostni, fil-kawża inkwistjoni, spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali. Il-Land ma ppreżenta ebda argument f’dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

64      Għandu jiġi osservat li, kif tindika r-rikorrenti fir-rikors tagħha, f’din il-kawża l-Kummissjoni sempliċement applikat il-konklużjoni li kienet waslet għaliha fid-Deċiżjoni 2006/742 fir-rigward tal-kontribuzzjoni li kienet inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fis-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement il-konklużjoni tagħha (ara l-punti 265 sa 267 tas-sentenza), għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li din setgħet tinftiehem, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni 2006/742 (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

 Fuq il-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba hija konformi mas-suq huma insuffiċjenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-dikjarazzjoni esposta fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-fatt li kontribuzzjonijiet taċiti jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-fondi proprji bażiċi jimplika li hemm possibbiltà ikbar li jsir użu minn tali kontribuzzjonijiet “minflok għal kapital azzjonarju”, hija insuffiċjenti u kontradittorja meta mqabbla mal-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li, f’każ ta’ falliment, il-kontribuzzjonijiet taċiti għandhom jiġu rimborsati qabel il-kapital azzjonarju. Hija tikkunsidra wkoll li l-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-Land jeżerċità influwenza kunsiderevoli fuq id-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju ta’ Helaba, ma hijiex motivata u li l-Kummissjoni ma tispjegax jekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ EUR 500 miljun, li ssemmi fil-premessa 74 tad-deċiżjoni u li ġie sottoskritt minn investitur wieħed, humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kontribuzzjoni inkwistjoni b’tali mod li la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk iż-żewġ kontribuzzjonijiet humiex paragunabbli.

67      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, ma taqbilx mal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni. Il-Land ma ppreżenta ebda argument f’dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-fatt li kontribuzzjonijiet taċiti jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-fondi proprji bażiċi jimplika li hemm possibbiltà ikbar li jsir użu minn tali kontribuzzjonijiet “minflok għal kapital azzjonarju”, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-formulazzjoni tagħha ma hijiex perfetta, mill-qari globali tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li, din id-dikjarazzjoni, tiddefinixi l-ordni ta’ prijorità bejn il-kapital azzjonarju u l-kontribuzzjonijiet taċiti fil-każ ta’ falliment, iżda li tindika li r-riskju li l-kapital azzjonarju ma jkunx suffiċjenti, fil-każ ta’ diffikultajiet ekonomiċi, huwa iżjed importanti meta l-kontribuzzjonijiet taċiti jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-fondi proprji bażiċi. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ma tipprekludix lir-rikorrenti milli tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata u lanqas lill-Qorti Ġenerali milli tevalwa l-legalità tagħha.

69      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-Land jeżerċita influwenza kunsiderevoli fuq id-determinazzjoni tal-profil tar-riksju ta’ Helaba, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat liema kienet il-bażi tal-imsemmija dikjarazzjoni. Għalkemm huwa tabilħaqq minnu li din l-ispjegazzjoni tneħħiet mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata li kellha r-rikorrenti meta ppreżentat ir-rikors tagħha, il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali u kkomunikata lir-rikorrenti qabel is-seduta (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiddefendi d-drittijiet tagħha.

70      Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma tispjegax jekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ EUR 500 miljun li ġie sottoskritt minn investitur wieħed humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ssemmi dan l-eżempju sabiex turi li ma huwiex eskluż li investitur jikkonċentra r-riskji tiegħu f’impriża waħda. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li ma huwiex eskluż li jkun hemm konċentrazzjoni ta’ riskji f’impriża partikolari huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba hija konformi mas-suq, ma tikkonċernax il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fondatezza tagħha.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni għall-kontribuzzjoni inkwistjoni.

72      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni huwa miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87 KE

 L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87 KE meta kkunsidrat li r-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni hija konformi mal-kriterju ta’ investitur privat u konsegwentement, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

74      F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, l-ewwel nett, li t-taxxa fuq in-negozju dovuta minn Helaba għandha tiżdied mar-rata ta’ remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba għall-finijiet tal-paragun mas-suq peress li tagħmel parti mill-obbligu finanzjarju sostnut minn Helaba minħabba l-imsemmija kontribuzzjoni, it-tieni nett, li l-fatt li Helaba jsostni spejjeż sabiex jikseb fis-suq il-likwidità li ma kinitx tagħtih il-kontribuzzjoni inkwistjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni; u t-tielet nett, li r-remunerazzjoni ta’ garanzija konformi mas-suq hija iżgħar mir-rata ta’ 1.65 % miftiehma bejn il-partijiet u miżjuda bl-impatt tat-taxxa fuq in-negozju.

75      Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju kif ukoll tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament sostnuti minn Helaba minħabba n-nuqqas ta’ likwidità tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti essenzjalment ittenni l-argumenti li hija ppreżentat fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, u li ġew esposti, rispettivament, fil-punti 185 u 186 kif ukoll fil-punt 263 tal-imsemmija sentenza.

76      Fir-rigward tal-livell xieraq tar-remunerazzjoni, hija essenzjalment issostni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tippreżenta profil ta’ riskju ogħla mill-kontribuzzjonijiet taċiti li nħarġu fis-suq u li, għalhekk, investitur privat kien jeżiġi remunerazzjoni ikbar għall-imsemmija kontribuzzjoni minn dik meħtieġa fis-suq għall-kontribuzzjonijiet taċiti. Hija tibbaża ruħha fuq il-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, l-impossibbiltà tal-Land li jirtira mill-investiment u r-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-fatt li r-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex fissa ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tar-rata konformi mas-suq, u li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kontribuzzjoni taċita maħruġa minn Helaba fl-2005 peress li din ma hijiex paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni.

77      Il-Kummissjoni, sostnuta mil-Land u minn Helaba, tikkonstesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

78      Fir-rigward tal-argumenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju u tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 188 sa 192 u 269 sa 291 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq.

79      Fir-rigward tal-argumenti intiżi li juru li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tippreżenta profil ta’ riskju ogħla minn dak tal-kontribuzzjonijiet taċiti użati mill-Kummissjoni bħala pargun, għandhom jiġu eżaminati, wara xulxin, l-argumenti dwar l-importanza, fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni konformi mas-suq, u għalhekk, tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, li għandhom il-volum tal-investiment, l-impossibbiltà li l-Land jirtira mill-investiment, ir-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment, il-fatt li r-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwisjtoni hija fissa kif ukoll ir-rilevanza tal-paragun li l-Kummissjoni għamlet mal-ħruġ ta’ Helaba f’Mejju 2005.

–       Fuq il-volum tal-investiment

80      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni d-daqs tal-volum tal-investiment għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u tal-paragun bejn ir-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u l-Helaba u r-remunerazzjoni ta’ garanzija tal-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq.

81      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-daqs tal-volum tal-investiment għall-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għall-finijiet tal-paragun mas-suq, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-kontribuzzjoni ġiet sottoskritta minn investitur wieħed, li l-Land għandu 44 % mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u li 83 % mill-investiment tal-Land huwa kkonċentrat f’bank wieħed, iktar jagħti lill-kontribuzzjoni inkwistjoni s-sura ta’ kapital azzjonarju, peress li r-riskju għal Land huwa ogħla minn dak sostnut minn investituri li ssottoskriva kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq.

82      Fir-rigward, qabelxejn, tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet sottoskritta kollha minn investitur wieħed, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għas-sentenza WestLB, punt 13 iktar ’il fuq (punt 255), li investitur li waħdu jissottoskrivi l-investiment kollu ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ operaturi oħra fis-suq u konsegwentement isostni riskju ogħla.

83      Għandu jiġi osservat li, fil-punt 255 tas-sentenza WestLB, punt 13 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkunsidrat, matul l-eżami tar-remunerazzjoni xierqa għall-investiment, u mhux dak tal-klassifikazzjoni tal-investiment, li investitur privat informat, jiġifieri investitur li jixtieq jikseb l-ikbar profitt mingħajr ma jsostni riskji kbar meta mqabbel ma’ operaturi oħra fis-suq, bħala prinċipju jeżiġi, profitt minimu ekwivalenti għal profitt medju tas-settur ikkonċernat.

84      Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-riferiment mill-Qorti Ġenerali għall-aġir ta’ investituri oħra ma jikkonfermax l-argument tar-rikorrenti, peress li ma għandu ebda rabta mal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li investitur waħdu jissottoskrivi ħruġ kollu jżidx il-profil ta’ riskju tal-investiment.

85      Fir-rigward, sussegwentement, tal-fatt li l-kontribuzzjonijiet taċiti sottoskritti mil-Land jirrappreżentaw 44 % mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba kif ukoll 83 % mill-investimenti tal-Land, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat, kif għamlet b’mod impliċitu l-Kummissjoni, li dawn iż-żewġ fatturi huma irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk il-kontribuzzjoni inkwistjoni tippreżentax profil ta’ riskju li iktar jixbah lill-dak tal-kapital azzjonarju milli lill-dak tal-kontribuzzjonijiet taċiti eżistenti fis-suq u, konsegwentement, għad-determinazzjoni ta’ jekk l-eżami tal-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni tagħha għandux isir b’riferiment għar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti jew inkella għal dik tal-kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-punti 140 u 141 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet argumenti simili tar-rikorrenti.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-parti li l-Land għandu mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkontradixxi d-Deċiżjoni tagħha 2006/737/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar għajnuna mill-Ġermanja favur l-impriża Westdeutsche Landesbank — Girozentrale, li saret WestLB AG (ĠU 2006, L 307, p. 22), li fiha hija ddeċidiet li d-daqs tal-volum tal-investiment jikkostitwixxi indizju tax-xebh mal-kapital azzjonarju.

87      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni 2006/737, ma kienx il-volum tal-fondi proprji bażiċi miksuba mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen inkwantu sottoskriventi uniku li ġie kkunsidrat bħala indizju li jippermetti x-xebh ma’ investiment f’kapital azzjonarju, iżda l-volum totali tat-tranżazzjoni, u dan minħabba l-fatt li, għad-differenza tal-kawża preżenti, kwantità daqstant għolja ta’ fondi proprji bażiċi setgħet, dak iż-żmien, tinkiseb minn bank biss fil-forma ta’ kapital azzjonarju, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-investiment oriġinax minn investitur wieħed jew minn diversi investituri (ara l-premessi 204 et seq tad-Deċiżjoni 2006/737).

88      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-daqs tal-volum tal-investiment għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni konformi mas-suq, ir-rikorrenti tikkontesta l-erba’ argumenti li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li ma kienx neċessarju li tiġi applikata żieda sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impenn kunsiderevoli tal-Land f’Helaba.

89      Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li r-riskju li jirriżulta mill-konċentrazzjoni tal-investimenti tal-Land f’Helaba huwa kkumpensat mill-fatt li r-remunerazzjoni tal-Land ma tnaqqsitx minkejja l-fatt li, fis-suq, l-attribuzzjoni ta’ ħruġ kollu lill-investitur wieħed timplika tnaqqis tar-remunerazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-riferiment għal eventwali tnaqqis tar-remunerazzjoni fis-suq ma huwiex rilevanti fil-kawża inkwistjoni peress li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma ġietx offruta lill-numru kbir ta’ investituri li konsegwentement, kienu jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

90      Għandu jiġi osservat li l-fatt li l-kontribuzzjoni ma ġietx innegozjata fis-suq ma jfissirx li huwa manifestament żbaljat jekk jitqies li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis tar-remunerazzjoni tali li jikkumpensa eventwali żieda tagħha minħabba l-fatt li l-Land huwa kunsiderevolment espost għal Helaba. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ssostnix li Helaba ma kienx ikun jista’ jikseb fis-suq, possibilment mingħand wieħed mill-investituri, kontribuzzjoni li, fil-fehma tagħha, għandha l-istess karatteristiċi bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni (volum, żmien indeterminat, remunerazzjoni ta’ garanzija). F’dawn iċ-ċirkustanzi, Helaba seta’ jħeġġeġ lil Land jirrinunzja għal żieda eventwali tar-remunerazzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa kunsiderevolment espost għal Helaba sa fejn dan seta’ jiċħad l-offerta tiegħu u jikseb fondi fis-suq bi prezz irħas.

91      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-Land jeżerċita influwenza kunsiderevoli fuq id-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju strateġiku ta’ Helaba, li l-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettilhiex li ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni u li, fi kwalunkwe każ, din ma tispjegax għaliex il-Land kellu jirrinunzja, minħabba f’dan, għal remunerazzjoni xierqa tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.

92      Għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti tidher li tikkontesta l-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti, dawn l-argumenti jinsabu fil-parti tar-rikors, intitolata “Argumenti żbaljati tal-Kummissjoni”, iddedikata għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87 KE u mhux f’dik il-parti ddedikata għall-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

93      Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fatt li r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Land jeżerċita influwenza kunsiderevoli fuq id-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju strateġiku ta’ Helaba ma hijiex inkluża fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jsir riferiment għall-punt 69 iktar ’il fuq, li fih il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet dan l-argument.

94      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-influwenza kunsiderevoli tal-Land fuq id-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju strateġiku ta’ Helaba u l-ammont tar-remunerazzjoni, mill-premessi 71 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li din l-influwenza, flimkien mat-tliet elementi l-oħra li hija eżaminat, tnaqqas ir-riskju li jirriżulta għal Land mill-fatt li huwa għandu parti kunsiderevoli mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u li jikkonċentra 83 % mill-investitmenti tiegħu f’Helaba u li, konsegwentement, il-Land ma rrinunzjax għal remunerazzjoni ogħla għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, iżda aċċetta remunerazzjoni xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tat-tranżazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda argument li juri li jkun manifestement żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-influwenza kunsiderevoli tal-Land fuq il-profil ta’ riskju ta’ Helaba tista’ tikkumpensa r-riskju inkors mil-Land peress li għandu parti kunsiderevoli mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u peress li jikkonċentra 83 % mill-investimenti tiegħu f’dan il-bank.

95      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għal ħruġ ta’ EUR 500 miljun li ġie sottoskritt minn investitur wieħed. F’dan ir-rigward, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx din it-tranżazzjoni u ma speċifikatx id-dettalji tagħha, u ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li ma hemm xejn inabitwali fil-fatt li l-Land issottoskriva l-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha.

96      Għandu jiġi kkonstatat, kif tiddikjara r-rikorrenti, li s-sempliċi fatt li investitur issottoskriva ħruġ ta’ EUR 500 miljun ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi ppruvat li l-profil ta’ riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma jimplikax remunerazzjoni ikbar mir-remunerazzjoni ta’ garanzija tal-kontribuzzjonijiet taċiti fis-suq. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma teżaminax ir-remunerazzjoni ta’ garanzija miftiehma għal din il-kontribuzzjoni, dan l-eżempju ma jistax jintuża bħala bażi għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni tal-Land f’Helaba ma għandux jagħti lok għal żieda tar-remunerazzjoni miftehma għal-kontribuzzjoni inkwistjoni.

97      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-fatt li l-Land għandu holdings li jammontaw għal EUR 361.5 miljuni f’impriżi oħra apparti Helaba jnaqqas ir-riskju kbir ta’ konċentrazzjoni inkors mil-Land fir-rigward ta’ Helaba.

98      Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Land jikkonċentra biss 87 % mill-investiment tiegħu f’Helaba, u mhux l-investiment kollu tiegħu, ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex isostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-impenn kunsiderevoli tal-Land f’Helaba ma jiġġustifikax żieda tar-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni.

99      Madankollu, fid-dawl tal-punti 88 sa 94 iktar ’il fuq, il-fatt li l-imsemmija elementi, li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettux li jiġi konkluż li, minħabba l-konċentrazzjoni tar-riskju tal-Land f’Helaba, żieda tar-remunerazzjoni ma kinitx neċessarja, ma jistax jimplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T‑155/04, Ġabra p. II‑4797, punt 47).

100    Barra minnhekk, għandu jiġi rrilevat li d-daqs tal-volum investit mil-Land f’Helaba jirriżulta parzjalment mid-deċiżjoni tiegħu li ma jaqsamx il-fond speċjali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, u li din il-konċentrazzjoni ta’ riskji min-naħa tal-Land ma tirrappreżentax interess tant speċifiku għal Helaba li jġielgħu jirremunera lil Land għaż-żieda tar-riskju sostnut minnu (ara l-punti 229 u 230 tal-imsemmija sentenza).

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-volum tal-investiment tal-Land f’Helaba ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma kellhiex tkun ikbar mir-remunerazzjoni ta’ garanzija tal-kontribuzzjonijiet taċiti fis-suq.

–       Fuq l-impossibbiltà tal-irtirar mill-investiment

102    Ir-rikorrenti ssostni li l-impossibbiltà li l-Land jirtira mill-investiment tikkostitwixxi differenza determinanti meta mqabbla ma’ kontribuzzjonijiet taċiti eżistenti fis-suq u tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx dan il-fatt inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina r-remunerazzjoni konformi mas-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ttenni l-argumenti li hija invokat fil-kuntest tal-Kawża T‑163/05 u li ġew ippreżentati fil-punti 151 u 233 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq. Għalhekk, dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 152 sa 154 u 234 sa 237 tal-imsemmija sentenza.

–       Fuq ir-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment

103    Ir-rikorrenti ssostni li r-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jikkostitwixxi differenza determinanti meta mqabbel ma’ kontribuzzjonijiet taċiti eżistenti fis-suq u tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx dan il-fatt inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina r-remunerazzjoni konformi mas-suq. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ttenni l-argumenti li hija invokat fir-rigward tad-Deċiżjoni 2006/742 li ġew ippreżentati fil-punt 108 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, u min-naħa l-oħra, peress li ma rċevitx l-abbozz tal-kuntratt qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors minħabba n-natura kunfidenzjali tiegħu, hija ssostni li l-partijiet probabbilment ipprevedew li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tkun fi grad inferjuri meta mqabbla mal-kapital azzjonarju Għalhekk, dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 152 sa 154 u 234 sa 237 tal-imsemmija sentenza.

104    Fir-rigward tal-kontenut tal-abbozz tal-kuntratt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tiegħu jipprevedi li, “[f]’każ ta’ proċeduri ta’ falliment relatati mal-patrimonju ta’ [Helaba] jew f’każ ta’ stralċ ta’ dan tal-aħħar, il-kontribuzzjoni [inkwistjoni] tkun rimborsabbli biss wara li jiġu sodisfatti l-kredituri kollha ta’ [Helaba], inkluż il-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ ishma u kredituri ta’ kapital ieħor ta’ garanzija kif ipprovdut fl-Artikolu 10(5a) tal-KWG, iżda qabel jiġu sodisfatti l-azzjonisti”.

105    Għalhekk, mill-abbozz tal-kuntratt jirriżulta li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tibbenefika minn grad superjuri għal dak tal-kapital azzjonarju u li, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, hija paragunabbli f’dan ir-rigward għal kontribuzzjonijiet taċiti eżistenti fis-suq, u dan jimplika li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba għandha titqabbel mar-remunerazzjoni fissa għall-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq u mhux mar-remunerazzjoni li tirriżulta minn investimenti fil-kapital azzjonarju. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, peress li rċeviet kopja tal-abbozz tal-kuntratt fuq talba tal-Qorti Ġenerali indirizzata lill-Kummissjoni, ma għamlitx osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

106    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti, dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punt 109 tas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq.

–       Fuq ir-rilevanza tan-natura fissa tar-remunerazzjoni

107    Ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett, li mill-premessi 26 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni tkun fissa u li, bħala prinċipju, ma tkunx tiddependi fuq ir-riżultat annwali, filwaqt li l-ammont tad-dividendi jiddependi fuq il-profitt kontabbli magħmul minn Helaba, jikkostitwixxi vantaġġ meta mqabbel ma’ investiment fil-kapital azzjonarju. Hija ssostni li l-istruttura tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha, minn perspettiva ekonomika, kemm vantaġġi kif ukoll żvantaġġi meta mqabbla ma’ dik tar-remunerazzjoni tal-kapital azzjonarju.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tindika, fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li kontribuzzjoni taċita għandha ċerti vantaġġi għal Land meta mqabbla ma’ trasferiment ta’ assi speċjali bħala kapital azzjonarju, madankollu hija ma tibbażax l-evalwazzjoni tagħha rigward il-grad tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fuq din id-dikjarazzjoni. L-imsemmija klassifikazzjoni hija bbażata, fir-rigward tar-remunerazzjoni, fuq id-dikjarazzjoni, li tinsab fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Land, l-istess bħal investitur f’kontribuzzjoni taċita fis-suq kapitali, jirċievi r-remunerazzjoni kollha filwaqt li investitur fil-kapital azzjonarju għandu dritt għal ħlas ta’ dividend proporzjonali mal-profitt. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tindikax li remunerazzjoni fissa tkun iktar favorevoli minn dritt għal dividend. Hija tillimita ruħha li tikkunsidra li r-remunerazzjoni fissa, bħal dik prevista fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, hija speċifika għall-kontribuzzjonijiet taċiti iktar milli għall-kapital azzjonarju u li, konsegwentement, it-tip ta’ remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet fil-kontribuzzjoni ixxebbaha mal-kontribuzzjonijiet taċiti li jeżistu fis-suq.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-mertu tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li kontribuzzjoni taċita tipprovdi ċerti vantaġġi għal Land meta mqabbla ma’ trasferiment ta’ assi speċjali bħala kapital azzjonarju.

110    Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-remunerazzjoni fissa ma hijiex speċifika għall-kontribuzzjonijiet taċiti u r-remunerazzjoni varjabbli ma hijiex speċifika għall-kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argumenti li hija ppreżentat fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq. Madankollu, dawn l-argumenti ġew miċħuda fil-punti 113 sa 122 tal-imsemmija sentenza.

111    Ir-rikorrenti ssostni, it-tielet nett, li l-fatt li d-dritt għal remunerazzjoni tal-Land tiddependi fuq l-eżistenza ta’ bilanċ annwali ta’ Helaba jikkostitwixxi diverġenza, għad-detriment tal-Land, meta mqabbel mal-istruttura tal-kontribuzzjonijiet taċiti li jeżistu fis-suq, peress li, fir-rigward tagħhom, id-dritt ta’ remunerazzjoni jiddependi, bħala prinċipju, fuq il-profitt kontabbli tal-emittenti, u f’ċerti ċirkustanzi biss fuq il-bilanċ annwali, bil-konsegwenza li huwa inqas probabbli li l-emittent jissospendi l-ħlas tar-remunerazzjoni.

112    Għandu jiġi osservat li r-rapporti ta’ perizja li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fil-premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex ċar jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni humiex inqas favorevoli għal Land mill-kundizzjonijiet normali fis-suq. Għalhekk, anki jekk il-bank ta’ investiment A effettivament ikkunsidra li dan kien il-każ, il-bank ta’ investiment B u l-kumpannija ta’ awdituri qiesu li l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kienu iktar favorevoli għal Land milli normalment ikun il-każ.

113    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata li, kif issostni r-rikorrenti, żieda ta’ remunerazzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ ħlas iktar restrittivi tista’ tiġi ġustifikata. Madankollu, hija kkunsidrat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ żieda minħabba kundizzjonijiet ta’ ħlas iktar restrittivi ma jaffettwax l-evalwazzjoni tagħha peress li r-remunerazzjoni ta’ garanzija li tirriżulta mir-rata miftiehma mil-Land u minn Helaba għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, miżjuda bl-obbligu finanzjarju tat-taxxa fuq in-negozju, jiġifieri b’1.925 %, kienet għadha ogħla mir-remunerazzjoni ta’ garanzija tas-suq li tirriżulta mill-għadd taż-żieda proposta mill-bank ta’ investiment A għall-marġni stabbilita għar-rapporti ta’ perizja.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-kuntratt li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni jqarrbu l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma’ kontribuzzjoni taċiti eżistenti fis-suq u li d-differenzi eżistenti ma jipprekludux li jiġi kkunsidrat li r-rata ta’ remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet hija konformi mar-rata ta’ remunerazzjoni ta’ garanzija fis-suq.

–       Fuq ir-rilevanza tal-kontribuzzjoni ta’ Mejju 2005

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kontribuzzjoni taċita maħruġa minn Helaba f’Mejju 2005 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) peress li ma hijiex paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Hija ssostni li ż-żewġ kontribuzzjonijiet jiddistingwu ruħhom minn xulxin b’mod partikolari mill-fatt li l-kontribuzzjoni ta’ Mejju 2005 ġiet sottoskritta minn diversi investituri, hija kkwotata fil-Borża u għandha tiġi rimborsata għall-valur nominali miżjud bl-interessi, peress li ma kienx hemm dispożizzjoni rigward tnaqqis dovut għal telf ta’ Helaba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tindika jekk jeżistux kontribuzzjonijiet fil-grad tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjoni taċita ta’ Mejju 2005.

116    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni semmiet it-tranżazzjoni ta’ Mejju 2005 fid-deċiżjoni kkontestata biss ad abuntantiam, ladarba kienet ikkonkludiet li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba għall-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet konformi mas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni ġew miċħuda, kull irrilevanza possibbli tal-paragun mal-kontribuzzjoni maħruġa minn Helaba f’Mejju 2005 ma tistax timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

117    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies li d-differenzi invokati mir-rikorrenti huma rilevanti u reali – fatt li Helaba tikkontesta fir-rigward tal-livell ta’ rimbors fil-każ ta’ xoljiment, u li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ma rreplikatax – il-kontribuzzjoni ta’ Mejju 2005 turi, kif tindika l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li Helaba seta’ joħroġ kontribuzzjonijiet taċiti fis-suq li għandhom, fir-rigward tal-elementi li huma ta’ interess għalih – bħall-klassifikazzjoni bħala fondi proprji bażiċi u r-rata ta’ remunerazzjoni ta’ garanzija – u li għalihom huwa kien lest li jirremunera lill-investituri, l-istess karatteristiċi bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li Helaba ma kienx obbligat, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li jaċċetta l-kontribuzzjoni inkwistjoni, u konsegwentement, kien f’pożizzjoni li jirrifjuta li jirremunera lil-Land għall-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni li, għalkemm jimplikaw żieda tar-riskju sostnut minnu, ma jagħtu lil Helaba ebda vantaġġ addizzjonali meta mqabbel ma’ kontribuzzjoni maħruġa fis-suq.

118    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-daqs tar-riskju tal-Land fl-investimenti tiegħu huwa rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE biss jekk Helaba kien kiseb vantaġġ li kieku ma setax jikseb fis-suq.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE, peress li, abbażi tal-informazzjoni li kellha, ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet kompatibbli mat-Trattat KE u li hija wasslet għal konklużjoni differenti biss peress li applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat meta kkunsidrat li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwisjtoni kienet xierqa u li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament grossi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ likwidità tal-kontribuzzjoni inkwisjtoni kellhom jitnaqqsu mir-remunerazzjoni.

121    Hija tqis, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha tanalizza f’iktar dettall jekk kienx xieraq li mir-remunerazzjoni li kieku kienet tintalab minn investitur privat jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ rifinanzjament sostnuti minn Helaba minħabba n-nuqqas ta’ likwidità, kif ukoll id-differenzi fundamentali li jeżistu bejn il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti “konformi mas-suq”. Fost dawn id-differenzi, hija ssemmi l-fatt li l-Land huwa mċaħħad minn kull possibbiltà ta’ rtirar jew li jirtira l-investiment tiegħu u r-riskju ferm għoli aċċettat minnu minħabba, minn naħa, il-volum kunsiderevoli tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra l-“akkumulazzjoni tar-riskji” li tirriżulta mill-imsemmija kontribuzzjoni u dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq. Huwa jikkunsidra li l-Kummissjoni kellha wkoll tiddetermina jekk investitur privat li l-kontribuzzjonijiet tiegħu jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-fondi proprji ta’ kumpannija, bħal fil-kawża inkwistjoni, kienx jeżiġi remunerazzjoni ogħla.

122    Ir-rikorrenti tikkontesta l-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li hija solviet id-diffikultajiet kollha fid-Deċiżjoni 2006/742. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fir-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni, hija esponiet fid-detall id-diversi karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra “konformi mas-suq” kif ukoll ir-raġunijiet li jipprekludu t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-finanzjament. Hija ssostni li wħud minn dawn l-argumenti kienu ġodda għall-Kummissjoni, b’mod li ltaqgħet ma kwistjonijiet ġodda meta eżaminat il-kontribuzzjoni inkwistjoni.

123    Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni ltaqgħet ma diffikultajiet serji jintwera’ mit-tul tal-eżami preliminari, jiġifieri ħmistax-il xahar, li jeċċedi nettament it-tul ta’ xahrejn ipprovdut għall-eżami preliminari fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999. L-eżistenza ta’ diffikultajiet serji hija wkoll ikkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni b’kollox indirizzat erba’ talbiet għall-informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li din talbet estensjoni tat-terminu previst għar-risposta tagħha.

124    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Helaba, tikkontesta dawn l-argumenti. Il-Land ma ppreżentax argumenti f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

125    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, li tagħti lill-Istati Membru u lis-setturi kkonċernati l-garanzija li jinstemgħu u li tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma’ tieħu d-deċiżjoni tagħha, hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa ma diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk il-miżura tal-Istat hijiex kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal-Artikolu 88(3) sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli dwar miżura ta’ Stat biss jekk hija f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, wara eżami preliminari, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew inkella, jekk tikkwalifika bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II-81, punt 329).

126    Għalkemm is-setgħa tal-Kummissjoni hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tinfetaħ din il-proċedura, il-Kummissjoni tista’, skont il-finalità tal-Artikolu 88(3) u skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, tiftaħ diskussjoni mal-Istat li nnotifika l-għajnuna u ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 45, u digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni, T‑426/04, Ġabra p. II‑4765, punt 29).

127    Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. Il-kwistjoni dwar jekk jeżistux tali diffikultajiet tirrikjedi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll tal‑kontenut tiegħu, u din għandha ssir b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn ir‑raġunijiet għad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 47; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II-2501, punt 60). Ir-rikorrenti għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u tista’ tinħeles minn tali oneru billi tippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

128    Fil-kawża inkwistjoni, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet konformi mas-suq biss għaliex applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat u tirreferi f’dan ir-rigward għall-argumenti tagħha relatati mal-ksur tal-Artikolu 87 KE.

129    Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat ma għandhiex tiġi konfuża mal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, l-eżami tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jeżiġix li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-Artikolu 87 KE iżda li jiġi stabbilit jekk hija kellhiex, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni suffiċjentement kompluta sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni.

130    Il-fatt li, fil-fehma tar-rikorrenti, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni hija żbaljata u li l-Kummissjoni ma rrispondietx għal ċerti ilmenti li hija qajmet fil-kuntest tal-Kawża T‑163/05 ma jimplikax li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar il-miżura inkwistjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li għalhekk kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tikkompleta l-investigazzjoni tagħha. Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li kull argument imqajjem minn parti kkonċernata fil-kuntest ta’ proċedura separata relatata ma’ fatti simili ma huwiex neċessarjament ta’ natura li jagħti lok għal diffikultajiet serji li jeżiġu l-ftuħ tal-proċedura formali.

131    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha teżamina f’iktar dettall id-differenzi fundamentali bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti tas-suq kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ likwidità tagħha, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05), punt 14 iktar ’il fuq, kif ukoll fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet oħra li jikkonċernaw lil-Landesbanken (banek reġjonali) u li, f’din l-okkażjoni, kien hemm diskussjoni, b’mod partikolari, dwar il-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni msemmija mir-rikorrenti, bħall-volum tal-fondi ttrasferiti, id-daqs tal-parti tal-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba li jirrappreżentaw tali fondi, in-natura permanenti tal-kontribuzzjoni, l-impossibbiltà li jsir irtirar mill-investiment kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż għola li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni meta mqabbla ma’ tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq minħabba n-nuqqas ta’ likwidità tal-assi ttrasferiti. Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-argument ibbażat fuq il-kumpens tan-nuqqas ta’ likwidità permezz ta’ valur ta’ integrazzjoni mnaqqas kien diġà ġie invokat fil-kuntest tal-investigazzjoni li ppreċediet l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2006/742. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mhux talli l-Kummissjoni kellha, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni li kienet tippermettiha tevalwa r-rilevanza ta’ kull waħda mill-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni msemmija mir-rikorrenti, iżda wkoll li r-rikorrenti, bħal kull persuna kkonċernata oħra, kellha l-possibbiltà li tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija kienet tqis neċessarju f’dan ir-rigward.

132    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-tul tal-eżami preliminari kif ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għall-informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qabel ma ħadet id-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-eżami tal-kontribuzzjoni inkwistjoni jeċċedi t-terminu previst għall-eżami preliminari ta’ miżura nnotifikata, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-rieda raġonevoli tal-Kummissjoni li tistenna t-tmiem tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali mibdija fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet preċedenti favur il-Landesbanken, u li l-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet għall-informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li waħda minnhom kellha tiġi ripetuta. Għalkemm huwa ċertament minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li kemm il-fatt li t-terminu tal-eżami preliminari jeċċedi kunsiderevolment it-terminu normalment meħtieġ għal tali eżami, kif ukoll il-kontenut tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul din il-fażi tal-proċeduri, jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-preżenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan i-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punti 14, 15 u 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punti 89 u 102). Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti u taċ-ċirkustanzi fil-kawża inkwistjoni eżaminati fil-punti 129 sa 131 iktar ’il fuq, it-terminu li għadda sa ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll it-trażmissjoni ta’ diversi talbiet għall-informazzjoni ma humiex biżżejjed fil-każ inkwistjoni sabiex juru li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

133    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

134    Peress li l-motivi kollha ppreżentati mir-rikorrenti ġew miċħuda bħala infondati, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talbiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

135    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tippreżenta d-dokumenti segwenti:

–        ir-rapporti ta’ perizja kif ukoll ir-rapport tal-kumpannija tal-awdituri msemmija fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        l-abbozz tal-kuntratt dwar il-kontribuzzjoni inkwistjoni, imsemmi fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        il-kalkoli intiżi li jistabbilixxu l-valur tal-kontribuzzjoni inkwistjoni msemmija fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll iċ-ċertifikati tal-kumpannija tal-awdituri.

136    Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, minn naħa, tiżvela liema hija l-emissjoni li hija ssemmi fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata u li permezz tagħha investitur kiseb il-fondi proprji bażiċi kollha ta’ bank Ġermaniż għall-ammont ta’ EUR 500 miljun u, min-naħa l-oħra, li tinformaha dwar jekk jeżistux ftehim relatati mal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ Mejju 2005.

137    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kuntratt ta’ garanzija konkluż bejn il-proprjetarji ta’ Helaba.

138    Ir-rapporti ta’ perizja, ir-rapport tal-awdituri, l-abbozz tal-kuntratt kif ukoll il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-kumplament, jidher, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-Qorti Ġenerali setgħet tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors preżenti abbażi tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, mil-Land u minn Helaba.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Bundesverband deutscher Banken eV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Land Hessen u tal-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale.

Czúcz

Vadapalas

Labucka

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2010.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-kontribuzzjoni inkwistjoni

B –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

2.  Fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-volum tal-investiment

–  Fuq l-impossibbiltà tal-irtirar mill-investiment

–  Fuq ir-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment

–  Fuq ir-rilevanza tan-natura fissa tar-remunerazzjoni

–  Fuq ir-rilevanza tal-kontribuzzjoni ta’ Mejju 2005

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talbiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.