Language of document : ECLI:EU:F:2008:43

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

21 ta’ April 2008

Kawża F-78/07

Stanislava Boudova et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ħatra – Klassifikazzjoni fi grad – Membri tal-persunal awżiljarju maħtura bħala uffiċjali – Kompetizzjonijiet ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà tar-rikors”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Boudova u seba’ uffiċjali oħra tal-Kummissjoni jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħhom intiża, b’mod partikolari, sabiex il-klassifikazzjoni tagħhom fi grad issir mill-ġdid.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni dwar talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Dekadenza – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjoni – Fatt ġdid

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jekk ir-regola fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, b’digriet, jiċħad rikors li jidher li huwa manifestament inammissibbli, hija regola proċedurali, li tapplika, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għall-kawżi kollha pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma japplikax għar-regoli ta’ dritt abbażi ta’ liema t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jikkunsidra rikors bħala manifestament inammissibbli u li jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 17)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermejo vs Il‑Kummissjoni, F‑60/07, Ġabra p. I‑0000, punt 25

2.      Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-persuna kkonċernata, billi jbidlu, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni legali tagħha, u li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, li jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju. Fil-każ ta’ talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid, l-att li jikkawża preġudizzju hija d-deċiżjoni ta’ ħatra meta l-uffiċjal jiġi ammess għall-perijodu ta’ prova. Fil-fatt, hija din id-deċiżjoni li tiddetermina l-funzjonijiet li għalihom jinħatar l-uffiċjal u li tistabbilixxi b’mod definittiv il-klassifikazzjoni korrispondenti.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Mejju 1986, Barcella et vs Il‑Kummissjoni, 191/84, Ġabra p. 1541, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 1991, Tagaras vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑18/89 u T‑24/89, Ġabra p. II‑53, punt 38; 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 26; 15 ta’ Marzu 2006, Kimman vs Il‑Kummissjoni, T‑44/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑71 u II‑A‑2‑299, punt 40

3.      It-termini għal ilment u għal preżentata ta’ rikors stabbiliti mill-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li dawn it-termini ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali. L-eċċezzjonijiet jew derogi eventwali għal dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

Jekk l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostanzjali tista’ tiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ talba intiża għall-eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini, il-miżuri adottati minn istituzzjoni Komunitarja favur grupp speċifiku ta’ persuni jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ kull obbligu legali li jirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal, miżuri li ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ istituzzjoni oħra.

(ara l-punti 32, 35 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il‑Kummissjoni, 127/84, Ġabra p. 1437, punt 10; 18 ta’ Jannar 1990, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑193/87 u C‑194/87, Ġabra p. I‑95, punti 26 u 27; 23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Diċembru 1995, Progoulis vs Il‑Kummissjoni, T‑131/95, ĠabraSP p. I‑A‑297 u II‑907, punt 36; 23 ta’ April 1996, Mancini vs Il‑Kummissjoni, T‑113/95, ĠabraSP p. I‑A‑185 u II‑543, punt 20; 28 ta’ Ottubru 2004, Lutz Herrera vs Il‑Kummissjoni, T‑219/02 u T‑337/02, ĠabraSP p. I‑A‑319 u II‑1407, punt 110; 25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑1439, punt 70; 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑189 u II‑A‑2‑969, punt 104