Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ottubru 2011 - Luxembourg Patent Co. SA vs UASI
(Kawża T-527/11)
Lingwa tar-rikors: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Luxembourg Patent Co. SA (Lintgen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: K. Manhaeve, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Sistemas de Seguridad, Detección y Extinción de Incendios, SL (DETEC) (Madrid, Spanja)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-26 ta' Lulju 2010, fil-Kaz R 736/2010-4, sa fejn il-Bord tal-Appell laqgħa l-oppożizzjoni ppreżentata mill-parti li ressqet l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ippreżentata mir-rikorrenti għal "apparat għat-tifi tan-nar; apparat għat-tifi tan-nar li awtomatikament u indipendentement jinduna li hemm nar u jitfih" fil-klassi 9 u "żvilupp ta' apparat għat-tifi tan-nar u ta' materjal għat-tifi tan-nar" fil-klassi 42; u
tikkundanna lill-konvenut u, jekk ikun il-każ, lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Applikant għat-trade mark Komunitarja: Luxembourg Patent CO. SA (Lintgen, Luxembourg)
Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "FIREDETEC" għal prodotti fil-klassijiet 1, 9, 17 u 42 - Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Komunitarja Nru 4904389
Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell
Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark figurattiva Spanjola "DETEC", irreġistrata bin-numru 1759982, għal prodotti fil-klassi 9; it-trade mark figurattiva Spanjola "DETEC", irreġistrata bin-numru 1759983, għal servizzi fil-klassi 37; it-trade mark figurattiva Komunitarja "DETEC Sistemas de Seguridad, Detección y Extinción de Incendios, SL", irreġistrata bin-numru 3813219, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 37 u 45.
Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa parzjalment
Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud
Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni.
____________