Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2024 – Association Générations futures vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-201/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Association Générations futures (Ons-en-Bray, Franza) (rappreżentant: F. Lafforgue, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Frar 2024 li tiċħad it-talba għal rieżami intern fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1446 1 tat-12 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,5-dichlorobenzoic acid methylester, aċidu aċetiku, sulfat tal-ammonju tal-aluminju, aluminium phosphide, silikat tal-aluminju, calcium carbide, cymoxanil, dodemorph, ethylene, estratt mis-siġra tat-te, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flonicamid (IKI-220), gibberellic acid, gibberellins, alosulfuron-metil, hydrolysed proteins, sulfat tal-ħadid, magnesium phosphide, maltodestrina, metamitron, żjut tal-pjanti/essenza tal-qronfol, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, żjut tal-pjanti/żejt tan-nagħniegħ, piretrini, sulcotrione, tebuconazole u urea;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009 1 . Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni ta’ dan l-artikolu relatata mal-preżenza ta’ raġunijiet indipendenti mir-rieda tar-rikorrenti ma hijiex ikkonstata f’dan il-każ, peress li l-applikanti ma neħħewx, bil-preżentazzjoni tal-istudji mitluba, id-dubji dwar l-innokwità tas-sustanza attiva tebuconazole. It-tul tal-estensjoni tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tebuconazole għalhekk ma huwiex iġġustifikat fid-dawl tar-riskji ppreżentati minn din is-sustanza. Barra minn hekk, fl-2021 diġà kien hemm biżżejjed elementi li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Ir-rikorrenti tqis li l-użu sistematiku u suċċessiv tal-Artikolu 17 imur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fil-fatt, is-sustanza attiva tebuconazole tippreżenta riskji li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont ir-rikorrenti, it-tul tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tebuconazole huwa kważi ekwivalenti għall-dak tal-approvazzjoni inizjali. Konsegwentement, il-lentezza ta’ din il-proċedura u l-użu sistematiku tal-Artikolu 17 jiksru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni, minħabba li r-Regolament b’mod partikolari assolutament ma jimmotivax l-għażla tat-tul tal-miżura ta’ estensjoni li huwa ta’ ħamsa u tletin xahar, u lanqas ma jipprovdi r-raġunijiet li wasslu għal evalwazzjoni daqstant twila u ddettaljata.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tar-regolament ikkontestat mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fil-fatt, l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat tikser l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq.

____________

1 (ĠU 2023, L 178, p. 1).

1 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE