Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2024 – Djchem Chemicals Poland and The Goodyear Tire & Rubber Company vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-174/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Djchem Chemicals Poland S.A. (Wołomin, il-Polonja), The Goodyear Tire & Rubber Company (Akron, Ohio, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: C. Mereu u S. Englebert, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/197 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati ta’ ċerti sustanzi 1 għall-finijiet tal-adattament ta’ dan tal-aħħar għall-progress tekniku u xjentifiku, safejn jikklassifika 1,4 benzenediamine, it-taħlita ta’ derivattivi ta’ N,N'-phenyl u tolyl, il-massa ta’ reazzjoni ta’ N-phenyl,N '-o-tolyl- phenylene diamine, N,N' diphenyl p-phenylene diamine u N,N'-di-o-tolyl-phenylene diamine (iktar ’il quddiem “DAPD”) bħala tossiċi riproduttivi tal-kategorija 1B (H360FD) (iktar ’il quddiem “l-att ikkontestat”) 2  ;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jiġifieri l-Artikolu 36(1)(d), l-Artikolu 37(5) , kif ukoll it-taqsima 1.1.1.3. , sezzjoni 1.1.1.5, sezzjoni 3.7.2.1.1, sezzjoni 37.2.3.1 u tabella 3.7.1(a) tal-anness għal dan ir-regolament.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Il-konvenuta bbażat ruħha fuq fatti irrilevanti u ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod prudenti u imparzjali, l-informazzjoni rilevanti u disponibbli kollha dwar id-DAPD ipprovduta mir-rikorrenti, qabel ma adottat l-att ikkontestat.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, mill-att ikkontestat, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’, tad-drittijiet tad-difiża tagħha, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).

1     L-att ikkontestat huwa ppubblikat fil-ĠU 2024, L 197.