Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2024 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-177/24)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u R. Kanitz, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha,

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2024 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.110055 (2024/N) – Germany – Amendment of the CHP 1 and Offshore electricity surcharges reductions for railway undertakings, sa fejn tiddikjara li l-eżenzjonijiet favur impriżi ferrovjarji

a) tat-tariffa KWKG 1 ,

b) tat-tariffa offshore

jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Energiefinanzierungsgesetz (il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Enerġija) 1 ; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed. Hija ssostni li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonstatat li l-impriżi affettwati mill-miżura nnotifikata bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-Istat Membru jew minn riżorsi tal-Istat. L-eżenzjonijiet favur impriżi ferrovjarji tat-tariffa KWKG u tat-tariffa offshore skont l-EnFG ma jikkostitwixxux kontribuzzjoni obbligatorja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-fondi miġbura mill-operaturi tan-network ma humiex ikkontrollati pubblikament b’mod kostanti u għalhekk ma humiex disponibbli għall-Istat.

____________

1 Combined heat and power (CHP) (Koġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika u termika, KEET).

1 Gesetz für die Erhaltung, die Modernisierung und den Ausbau der Kraft-Wärme-Kopplung (Kraft-Wärme-Kopplungsgesetz – KWKG 2023) (il-Liġi dwar il-Manutenzjoni, il-Modernizzazzjoni u l-Iżvilupp ta’ Impjanti ta’ Koġenerazzjoni ta’ Enerġija Elettrika u Termika) (il-Liġi dwar l-Impjanti ta’ Koġenerazzjoni ta’ Enerġija Elettrika u Termika – KWKG 2023), tal-21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. I p. 2498), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-Liġi tal-20 ta’ Diċembru 2022 (BGBl. I p. 2512).

1 Gesetz zur Finanzierung der Energiewende im Stromsektor durch Zahlungen des Bundes und Erhebung von Umlagen (Energiefinanzierungsgesetz – EnFG) (il-Liġi dwar il-Finanzjament tat-Tranżizzjoni Enerġetika fis-Settur tal-Enerġija Elettrika permezz ta’ Pagamenti mill-Istat Federali u ta’ Impożizzjoni ta’ Tariffi) (il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Enerġija – EnFG) tal-20 ta’ Lulju 2022 (BGBl. I p. 1237, 1272), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 5 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2023 (BGBl. 2023 I Nru 202).