Language of document : ECLI:EU:C:2013:291

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2013 (*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 20 TFUE — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu — Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża C‑87/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il‑Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2012, fil‑proċedura

Kreshnik Ymeraga,

Kasim Ymeraga,

Afijete Ymeraga-Tafarshiku,

Kushtrim Ymeraga,

Labinot Ymeraga

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Ymeraga et, minn O. Lang, avukat,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz kif ukoll minn P. Frantzen u L. Maniewski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 20 TFUE.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Kreshnik Ymeraga kif ukoll Kasim Ymeraga u Afijete Ymeraga-Tafarshiku (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Ymeraga”) u Kushtrim u Labinot Ymeraga, rispettivament il-ġenituri u ż-żewġt aħwa subien tal-ewwel wieħed, u l-ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar id‑deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta lill-konjuġi Ymeraga u lil Kushtrim u Labinot Ymeraga, id-dritt ta’ residenza fil‑Lussemburgu u li ordnalhom li jħallu t-territorju Lussemburgiż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/86/KE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall‑eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

4        Skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l‑Unjoni.”

 Id-Direttiva 2004/38/KE

5        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id‑drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘Ċittadini tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ‑ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Benefiċjarji” jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l‑Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d‑dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ‑ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal‑membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

[…]

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ‑ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid [rifjut] ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

 Id-dritt Lussemburgiż

7        Il-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 tirrigwarda l-moviment liberu tal-persuni u l-immigranti (Memorandum A 2008, p. 2024, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il‑moviment liberu”) bil-għan li tittrasponi d‑Direttivi 2003/86 u 2004/38 fl‑ordinament ġuridiku Lussemburgiż.

8        Skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi:

“(1) Ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.      huwa jaħdem bħala ħaddiem impjegat jew għal rasu;

2.      huwa għandu għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, skont l‑Artikolu 12, riżorsi suffiċjenti sabiex jevita li jkun piż fuq is‑sistema ta’ għajnuna soċjali, u li jkollu assigurazzjoni għall‑mard;

3.      ikun irreġistrat f’istituzzjoni edukattiva pubblika jew privata, akkreditata fil‑Gran Dukat tal-Lussemburgu skont il-liġijiet u r‑regolamenti fis-seħħ, sabiex isegwi prinċipalment studji jew, f’dan il-kuntest, taħriġ vokazzjonali, waqt li jiggarantixxi li jkollu għad-dispożizzjoni għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu riżorsi suffiċjenti sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali, u li jkollu assigurazzjoni għall‑mard.

(2)      Regolament tal-Gran Dukat jippreċża r-riżorsi li jeżiġu l-punti 2 u 3 tal‑paragrafu (1) iktar ’il fuq, u l-modalitajiet skont liema tali prova għandha tinġieb.

[…]”

9        L-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“(1)      għandhom jiġu kkunsidrati bħala membri tal-familja:

[…]

d)      l-axxendenti diretti li huma responsabbiltà ta’ ċittadin tal-Unjoni u l‑axxendenti diretti li huma responsabbiltà tal-konjuġi jew tal‑partner imsemmi fil-punt b).

(2)      Il-Ministru jista’ jawtorizza li xi membru ieħor tal-familja, tkun xi tkun in‑nazzjonalità tiegħu, li ma jkunx kopert mid-definizzjoni li tinsab fil-paragrafu (1) sabiex jirresjedi fit-territorju, jekk jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.      fil-pajjiż tal-oriġini, huwa r-responsabbiltà jew huwa parti mill‑familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika prinċipalment mid-dritt ta’ residenza;

2.      iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu mandatorjament u personalment jieħu ħsieb minħabba raġunijiet gravi ta’ saħħa tal-membru tal‑familja kkonċernat.

It-talba għad-dħul u għar-residenza tal-membri tal-familja msemmija fil-paragrafu preċedenti hija suġġetta għal eżami fil-fond li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tagħhom.

[…]”

10      Skont l-Artikolu 103 tal-istess liġi:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza, li tirtira jew li ma ġġeddidx il-permess tar-residenza jew li tordna tkeċċija mit‑territorju kontra ċ‑ċittadin tal‑pajjiż terz, il-Ministru għandu jikkunsidra it-tul tar-residenza tal‑persuna kkonċernata fit-territorju tal‑Lussemburgu, l-età tagħha, l-istat tas-saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fil‑pajjiż u l-intensità tar-rabtiet tagħħa mal-pajjiż ta’ oriġini, ħlief jekk il‑preżenza tagħha hija ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

L-ebda deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju, ħlief dik li tkun ibbażata fuq raġunijiet gravi ta’ sigurtà publika, ma tista’ tittieħed kontra minuri li mhux akkumpanjat minn rappreżentant legali, salv jekk it-tkeċċija hija neċessarja fl-interess tiegħu stess.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha oriġinarji mill-Kosovo. Fl-1999, Kreshnik Ymeraga wasal fil-Lussemburgu ta’ 15-il sena sabiex jgħix ma zijuh, ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, li sar it-tutur legali tiegħu. Minkejja li t-talba għall-ażil ta’ Kreshnik Ymeraga kienet ġiet miċħuda mill‑awtoritajiet Lussemburgiżi, din is‑sitwazzjoni ġiet irregolarizzata fl‑2001 u, konsegwentement, huwa beda jistudja u sab impjieg regolari.

12      Bejn l-2006 u l-2008, waslu suċċessivament fil-Lussemburgu l-konjuġi Ymeraga u ż-żewġt aħwa subien ta’ Kreshnik Ymeraga. Kollha kienu maġġorenni mal-wasla tagħhom, ħlief Labinot Ymeraga, li kien għad baqagħlu tliet ġimgħat oħra biex isir maġġorenni. Fil-jum li waslu kollha kemm huma ressqu talba għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Liġi Lussemburgiża dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni.

13      Peress li t-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ġew miċħuda mill‑awtoritajiet Lussemburgiżi, fit-8 ta’ Mejju 2008, il-konjuġi Ymeraga u ż-żewġt aħwa subien ta’ Kreshnik Ymeraga ressqu talba għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan tal‑aħħar. Din it-talba ġiet miċħuda impliċitament fid-9 ta’ Awwissu 2008 u r-rifjut ġie kkonfermat minn deċiżjoni tat‑tribunal amministrattiv tad-9 ta’ Marzu 2010, li ma ġietx appellata.

14      Sadanittant, fis-16 ta’ Marzu 2009, Kreshnik Ymeraga kiseb in‑nazzjonalità Lussemburgiża. Fl-14 ta’ Awwissu tal-istess sena, il‑konjuġi Ymeraga ressqu talba lill-Ministru, għal permess ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

15      Fis-17 ta’ Mejju 2010, il-konjuġi Ymeraga ressqu mill-ġdid it‑talba tagħhom lill-Ministru tas-14 ta’ Awwissu 2009, u talbu wkoll permess ta’ residenza jew, sussidjarjament, permess ta’ residenza għaż‑żewġt aħwa subien ta’ Kreshnik Ymeraga.

16      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-12 ta’ Lulju 2010, il-Ministru ċaħad l‑imsemmija talbiet. Ir-rikors ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie wkoll miċħud permezz ta’ sentenza tat-tribunal amministrattiv tas-6 ta’ Lulju 2011.

17      Skont l-imsemmija sentenza jekk Kreshnik Ymeraga kkontribwixxa finanzjarjament għall-ispejjeż tal-familja tiegħu li baqgħet fil-Kosovo, ma setax jitqies li l-ġenituri tiegħu kienu “dipendenti” fuqu, fis-sens tal-Liġi dwar il-moviment liberu. Fir-rigward ta’ dawn iż‑żewġt aħwa subien, peress li Kreshnik Ymeraga telaq mill-Kosovo fl‑1999, huwa ma setax jibqa’ jitqies li huwa “parti mill-familja”, skont din il-liġi, minkejja l-għajnuna finanzjarja stabbilita fil-perijodu mid-19 ta’ Marzu 2006 sal-20 ta’ Frar 2007.

18      It-tribunal amministrattiv ċaħad ukoll bħala infondat il-ksur allegat tal‑Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, minħabba li r-rifjut tal-permess ta’ residenza tal-ġenituri u taż-żewġt aħwa subien ta’ Kreshnik Ymeraga ma jimpedihomx milli jgħixu l-ħajja familjari tagħhom miegħu hekk kif żvolġiet wara t‑tluq tiegħu mill-Kosovo u qabel ma huma waslu fil-Lussemburgu.

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell mis-sentenza tat‑tribunal amministrattiv quddiem il-qorti tar-rinviju. Id-deċiżjonijiet dwar tkeċċija tal-Ministru ġew sospiżi sakemm tinqata’ l-kawża fuq il-mertu, ħlief dik li tirrigwarda Labinot Ymeraga, li ġiet eżegwita qabel is-sospensjoni.

20      Il-Qorti amministrattiva rrilevat li jekk il-Liġi dwar il-moviment liberu hija intiża li tittrasponi d-Direttivi 2003/86 u 2004/38, dawn id-direttivi ma jidhrux li huma applikabbli għal Kreshnik Ymeraga.

21      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni li tqum hija ta’ jekk l‑Artikolu 20 TFUE u, eventwalment, ċerti dispożizzjonijiet tal‑Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jistgħux jippermettu l-għoti ta’ dritt ta’ riunifikazzjoni familjari fil-Lussemburgu, lill‑membri tal-familja ta’ Kreshnik Ymeraga.

22      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour Administrative ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Sa liema estent il-fatt li wieħed ikun ċittadin tal-Unjoni u d-dritt relatat li jirrisjedi fil-pajjiż li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 20 TFUE flimkien mad-drittijiet, garanziji u obbligi previsti fil-Karta […] u, b’mod partikolari u sa fejn huwa rilevanti, […] l-Artikoli 20, 21, 24, 33 u 34 [tagħha], jagħtu dritt għar-riunifikazzjoni tal‑familja lill-isponsor, ċittadin [tal-Unjoni], li jixtieq jikseb, fil-pajjiż li fih jirrisjedi u li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ir-riunifikazzjoni ta’ missieru u ommu u ta’ tnejn minn ħutu, kollha ċittadini ta’ pajjiż terz, fil-każ li huwa ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ma kienx jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu ċ‑ċittadinanza?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk l‑Artikolu 20 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil ċittadini ta’ pajjiż terz ir-residenza fit-territorju tiegħu, meta dawn iċ‑ċittadini jixtiequ joqgħodu ma’ membru tal-familja tagħhom li huwa ċittadin tal‑Unjoni li joqgħod f’dan l-Istat Membru, li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq id-Direttivi 2003/86 u 2004/38

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/86 u 2004/38.

25      L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tiegħu huwa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li fihom huwa eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

26      Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, din ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

27      Safejn, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru u l-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ r-residenza f’dan l-Istat membru fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni familjari ma’ dan iċ-ċittadin, għandu jiġi kkonstatat li d‑Direttiva 2003/86 ma hijiex applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna t-talbiet li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

28      It-tieni nett, fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l‑opportunità tikkonstata li din hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat FUE, u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ l-imsemmi dritt (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, dan japplika għaċ-ċittadini kollha tal‑Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, u għall-membri tal-familja tagħhom, kif definiti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal‑istess direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li ċittadin tal-Unjoni li qatt ma jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li rrisjeda dejjem fi Stat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, skont din id-dispożizzjoni, b’tali mod li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għalih (is‑sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra p. I‑3375, punti 31 u 39, kif ukoll Dereci et iċċitata iktar ’il fuq punt 54).

31      Bl-istess mod, ġie kkonstatat ukoll li, sa fejn ċittadin tal-Unjoni ma jaqax taħt il‑kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, lanqas il-membri tal-familja tiegħu ma jaqgħu taħt dan il-kunċett peress li d‑drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma humiex drittijiet mogħtija direttament lil dawn il-membri iżda huma drittijiet derivati, miksuba fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal‑familja tal-benefiċjarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, McCarthy, punt 42 kif ukoll Dereci et, punt 55).

32      Madankollu, fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li dejjem irrisjeda, bħala ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li din tal-aħħar la hija applikabbli għalih nnifsu u lanqas għall-membri tal‑familja tiegħu.

33      Minn dan jirriżulta li d-Direttivi 2003/86 u 2004/38 ma humiex applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu dritt ta’ residenza sabiex jingħaqdu ma’ ċittadin tal-Unjoni li jkun membru tal-familja tagħhom li ma jkun eżerċita qatt id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni u li dejjem irrisjeda bħala ċittadin tal-Unjoni fl‑Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

 Fuq l-Artikolu 20 TFUE

34      Fir-rigward tal-Artikolu 20 TFUE, għandu jiġi rrilevat li d‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 66).

35      Fil-fatt, kull dritt mogħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet derivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 68).

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju relatat mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal‑Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, peress li f’tali każ tiġi ppreġudikata l‑effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi minnha, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad‑drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Dereci et, punti 64, 66 u 67, kif ukoll Iida punt 71).

37      L-element li jikkaratterizza s-sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt derivat li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprovdu l-għoti ta’ tali dritt, dawn madankollu għandhom relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni li tipprekludi li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu magħquda fit-territorju tal-Unjoni, li xi membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jirrisjedu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax (is-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

39      Fil-kawża prinċipali, l-uniku element li jista’ jiġġustifika, skont il‑qorti tar-rinviju, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin ikkonċernat hija r-rieda ta’ Kreshnik Ymeraga li jara sseħħ, fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, ir-riunifikazzjoni mal-imsemmija membri, li ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rifjut ta’ tali dritt ta’ residenza jista’ jkollu effett li jipprekludi lil Kreshnik Ymeraga milli jgawdi effettivament l-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

40      Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali rrilevati mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw, skont l-Artikolu 51(1) tiegħu, għall-Istati Membri biss fejn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l‑paragrafu (2) tal-istess Artikolu, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas ma tistabbilixxi ebda kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il‑kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. B’hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal‑Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dereci et, punt 71, kif ukoll Iida, punt 78).

41      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li jagħtu lill‑membri tal-familja ta’ Kreshnik Ymeraga dritt ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jaqax taħt l‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi, C‑309/96, Ġabra p. I‑7493, punti 21 sa 23, kif ukoll Iida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

42      Minkejja li huwa minnu li l-Liġi dwar il-moviment liberu hija intiża biex timplementa d-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, peress li Kreshnik Ymeraga ma jistax jiġi kkunsidrat benefiċjarju, la tad-Direttiva 2004/38 u lanqas, f’dak li jikkonċerna t-talbiet li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, tad-Direttiva 2003/86, u li r-rifjut ta’ dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ Kreshnik Ymeraga ma għandux, bħala effett, jipprekludi lil dan tal-aħħar milli jgawdi effettivament l-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li jagħtu lill-membri tal-familja ta’ Kreshnik Ymeraga dritt ta’ residenza bħala membri ta’ familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jaqax taħt l‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal‑Karta, b’mod li l-konformità ta’ dan ir-rifjut mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eżaminata fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti minn din tal-aħħar.

44      Tali konstatazzjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni ta’ jekk, abbażi ta’ eżami fid‑dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħha l-Istati Membri kollha huma parti, dritt ta’ residenza ma għandux jiġi rrifjutat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz ir-residenza fit‑territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal‑familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ‑ċaħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz ir-residenza fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ-ċaħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.