Language of document : ECLI:EU:C:2016:650

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑354/15

Andrew Marcus Henderson

vs

Novo Banco, SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Évora (il-qorti tal-appell ta’ Èvora, il-Portugall)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Notifika bis-servizzi postali – Ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta – Ekwivalenti – Notifika ta’ proċeduri lil terz – Formola tal-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007”





I –    Introduzzjoni

1.        Bank Portugiż beda proċeduri kontra debitur li kien residenti fl-Irlanda. In-notifika ta’ dawn il-proċeduri ltaqgħet ma’ tliet problemi. L-ewwel, id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-proċeduri ma ntbagħtitx lura lill-qorti Portugiża. It-tieni, id-dokument innotifikat kien allegatament ġie rċevut fir-residenza tad-debitur iżda minn terz. It-tielet, id-dokument innotifikat ma kellux miegħu l-formola standard stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (2) (iktar ’il quddiem il-“formola tal-Anness II”) li kellha tgħarraf lid-destinatarju bid-dritt li jirrifjuta n-notifika tad-dokument.

2.        Fil-kawża prinċipali, in-notifika tad-dokument deskritt iktar ’il fuq xorta waħda tqieset valida. Dan kien hekk għal tliet raġunijiet. L-ewwel, fuq talba tal-qorti nazzjonali, is-servizz postali Portugiż ikkonferma, b’ittra lill-qorti, id-data u l-ħin tal-konsenja tad-dokument fl-Irlanda. It-tieni, il-qorti nazzjonali kkonkludiet li l-irċevuta tan-notifika tal-proċeduri minn terz kienet tat lok għal preżunzjoni ta’ notifika lid-destinatarju u dik il-preżunzjoni ma kinitx ikkonfutata. It-tielet, hija qieset li l-assenza tal-formola tal-Anness II, għalkemm problematiku, kienet irrimedjat mill-fatt li d-destinatarju ma kienx oġġezzjona li l-formola tal-Anness II kienet tħalliet barra fil-perijodu previst għal dak l-għan fid-dritt nazzjonali.

3.        F’din il-kawża l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawk ir-regoli nazzjonali dwar in-notifika ta’ proċeduri humiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1393/2007.

II – Id-dritt applikabbli

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1393/2007 “Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri”.

5.        Skont il-premessa 6 tal-istess regolament, “L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri […]”.

6.        L-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4), tar-Regolament Nru 1393/2007 jistabbilixxi l-obbligu li tkun mehmuża l-formola tal-Anness II meta jiġu nnotifikati dokumenti ġudizzjarji, inkluż meta n-notifika ssir bis-servizzi postali. L-għan tal-formola tal-Anness II huwa li d-destinatarju jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta d-dokument li għandu jiġi nnotifikat meta ssir in-notifika jew billi jirritorna d-dokument fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom: (a) lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew (b) il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

7.        L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1393/2007 jgħid li “Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz [in-notifika] tad-dokument jista’ jkun irrimedjat permezz ta’ servizz lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tas-servizz tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz tad-dokument oriġinali ffissata skond l-Artikolu 9(2)”.

8.        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1393/2007 jikkonċerna d-data tan-notifika. Skont l-Artikolu 9(1), moqri flimkien mal-Artikolu 9(3), id-data tan-notifika ta’ dokument għandha, bħala prinċipju, tkun id-data li fiha dak id-dokument jiġi nnotifikat skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat.

9.        Skont l-Artikolu 9(2) “fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

10.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 jaqra kif ġej: “Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta] ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti”.

11.      L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007 jikkonċerna konvenut li ma jidhirx. Il-parti rilevanti tal-Artikolu 19(1) tipprevedi li: “Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

[…]

(b) id-dokument ikun trasmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament;

u li […] in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.”

B –    Id-dritt nazzjonali

12.      Skont l-Artikolu 230 tal-Código de Processo Civil (kodiċi tal-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“KPĊ”), notifika b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta titqies li tkun saret fil-jum meta tkun ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, u titqies li tkun saret lid-destinatarju anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tkun ġiet iffirmata minn terz. L-ittra titqies li tkun ġiet debitament ikkonsenjata lid-destinatarju sakemm ma jkunx ipprovat mod ieħor mid-destinatarju.

13.      Skont l-Artikolu 365(3) u l-Artikolu 293(2) tal-KPĊ, fi proċeduri għal miżuri provviżorji, il-perijodu ta’ żmien li fih id-dritt għad-difiża għandu jiġi eżerċitat huwa ta’ għaxart ijiem. L-Artikolu 366(3) tal-KPĊ jispeċifika li l-perijodu jiġi estiż b’għaxart ijiem minħabba d-distanza.

14.      Jekk in-notifika ta’ proċeduri ma jkollhiex magħha formola tal-Anness II, skont il-liġi Portugiża u l-prassi ġudizzjarja, dan jikkostitwixi nuqqas ta’ konformità ma’ forma proċedurali sostanzjali bir-riżultat li n-notifika tkun invalida skont l-Artikolu 191(1) tal-KPĊ.

15.      Madankollu, skont l-Artikolu 191(2) tal-KPĊ, il-perijodu li fih tista’ ssir talba ta’ invalidità minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ forma proċedurali sostanzjali huwa l-perijodu għall-preżentata ta’ avviż ta’ oppożizzjoni, jiġifieri, f’din il-kawża, għoxrin jum mid-data tan-notifika. L-invalidità titqies li tkun ġiet irrimedjata jekk ma tintalabx f’dan il-perijodu.

III – Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari magħmula

16.      Fl-2008, Novo Banco, SA (il-konvenut) ikkonkluda ma’ A. M. Henderson (l-appellant) żewġ kuntratti ta’ kera għal postijiet ta’ ħwienet fil-muniċipalità ta’ Portimão, fil-Portugall. L-appellant naqas milli jħallas il-kera għal dawn il-postijiet dovuta f’Marzu u f’Awwissu 2012 rispettivament, u baqa’ inadempjenti dwar il-kera wara dan il-perijodu. Sussegwentement, il-konvenut ittermina ż-żewġ kuntratti.

17.      L-appellant irrifjuta li jrodd lura l-proprjetajiet. Il-konvenut fetaħ proċeduri kontra l-appellant fil-Portugall fejn talab, inter alia, li jittieħdu miżuri provviżorji, speċifikament ir-radd lura tal-proprjetajiet.

18.      Fiż-żmien meta tressqu l-proċeduri, l-appellant kien residenti fl-Irlanda. Il-proċeduri jidher li kienu nnotifikati b’ittra rreġistrata lill-appellant fl-indirizz tiegħu fl-Irlanda.

19.      Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ma ntbagħtitx lura għand il-qorti nazzjonali. Għalhekk il-qorti nazzjonali talbet għal iktar informazzjoni mingħand is-servizzi postali Portugiżi (Correios, Telégrafos e Telefonos, iktar ’il quddiem iċ-“CTT”). Iċ-CTT wieġbet b’ittra li kkonfermat li “skont ir-reġistrazzjonijiet elettroniċi tal-operatur postali fil-pajjiż tad-destinazzjoni, l-Irlanda […]” l-ittra li kien fiha l-avviż tal-proċeduri kienet ikkonsenjata lid-destinatarju fit-22 ta’ Lulju 2014. Mehmuża mal-ittra liċ-CTT kien hemm kopji tal-entratura rilevanti tas-sistema tar-rintraċċar tas-servizz postali Irlandiż li kienu jindikaw in-numru tad-dokument innotifikat, il-bar code tiegħu, u s-sekwenza tal-konsenja tiegħu, li kienu jindikaw id-data u l-post tal-konsenja, u li kienu juru l-isem u l-firma tal-persuna li rċeviet dik il-konsenja. Dik il-persuna ffirmat “A. Henderson” (3).

20.      In-notifika tal-proċeduri ma kellhiex magħha l-formola tal-Anness II.

21.      L-appellant ma ppreżentax avviż ta’ oppożizzjoni fit-terminu previst mil-liġi nazzjonali Portugiża. Il-miżura provviżorja mitluba mill-konvenut, għalhekk, ingħatat.

22.      Sussegwentement, l-appellant ikkontesta s-sentenza li tat il-miżura provviżorja quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talab li jingħata digriet sabiex il-proċeduri jerġgħu jiġu nnotifikati lilu. Huwa qies li n-notifika oriġinali tal-proċeduri ma kinitx konformi mar-rekwiżit proċedurali applikabbli. L-appellant innota li d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ma kinitx intbagħtet lura lill-qorti. Saħaq ukoll li ma kienx stabbilit min attwalment ħa n-notifika tal-proċeduri. Huwa kkontesta wkoll l-assenza tal-formola tal-Anness II li ċaħħditu mill-informazzjoni dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta n-notifika tal-proċeduri, meqjus li huwa kien innotifikat bil-Portugiż biss – lingwa li ma jifhimx. Ikkontenda li n-notifika tal-proċeduri missu kellha magħha traduzzjoni bl-Ingliż jew bl-Irlandiż, l-uniċi lingwi aċċettati fl-Irlanda għal notifika ta’ proċeduri.

23.      L-appell quddiem il-qorti tar-rinviju ġie miċħud. L-appellant sussegwentement ippreżenta, quddiem l-istess qorti, rikors għar-rettifika tas-sentenza tat-tieni istanza, billi kkunsidra li s-sentenza tat-tieni istanza kienet inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma għamel riferiment għal ebda ġurisprudenza speċifika.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação de Évora (il-qorti tal-appell ta’ Èvora, il-Portugall) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         “Fil-każ ta’ qorti Portugiża li fiha għaddejja kawża ċivili kontra ċittadin residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li tordna t-taħrika ta’ dan l-istess ċittadin, għall-imsemmija kawża, permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ riċevuta [dikjarazzjoni ta’ rċevuta], fejn l-avviż ta’ riċevuta rispettiv ma jasalx, il-qorti Portugiża tista’ tqis, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-Regolament [(KE) Nru 1393/2007] u l-prinċipji sottostanti tiegħu, li din it-taħrika seħħet billi tuża bħala bażi d-dokumentazzjoni tal-entità postali tal-pajjiż ta’ residenza tad-destinatarju tal-missiva li turi n-notifika tal-ittra rreġistrata b’avviż ta’ riċeviment [dikjarazzjoni ta’ rċevuta] lid-destinatarju?

2)         L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 230 tal-Código de Processo Civil Português (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż), fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda, tikser ir-Regolament u l-prinċipji sottostanti tiegħu?

3)         L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 191(2) tal-Código de Processo Civil Português, fil-każ inkwistjoni, tikser ir-Regolament u l-prinċipji sottostanti tiegħu?”

25.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Portugall u ta’ Spanja, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016.

IV – Analiżi

26.      F’dawn il-konklużjonijiet l-ewwel nett ser inqis ir-rekwiżiti ta’ prova rilevanti skont ir-Regolament Nru 1393/2007 sabiex nipprova li n-notifika tal-proċeduri bis-servizzi postali kienet seħħet (A). It-tieni nett, ser nikkonċentra fuq il-kwistjoni jekk notifika fir-residenza tad-destinatarju kkonfermata minn terz hijiex kompatibbli mar-Regolament (B). Fl-aħħar nett, ser nirrispondi d-domanda jekk in-nuqqas li tinhemeż il-formola tal-Anness II mad-dokumenti nnotifikati jistax jiġi rrimedjat bl-assenza ta’ oppożizzjoni għal dak il-fatt f’perijodu partikolari ta’ żmien (C).

A –    Dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew ekwivalenti

27.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 jippermettix li mħallef nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn in-notifika ta’ proċeduri kienet eżegwita bil-posta iżda fejn id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ma ntbagħtitx lura, iqis provi oħra sabiex janalizza l-validità ta’ dik in-notifika. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tistax tiġi ssostitwita b’dokument maħruġ mis-servizzi postali li jikkonferma li l-ittra rreġistrata kienet ikkonsenjata lid-destinatarju.

28.      Ir-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi lista eżawrjenti ta’ mezzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu nnotifikati proċeduri (4). Ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jistabbilixxi ebda ġerarkija fost dawk il-mezzi (5).

29.      Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, wieħed mill-mezzi possibbli ta’ notifika huwa bis-servizzi postali. Madankollu, l-Artikolu 14 jindika biss kif għandha ssir notifika bis-servizzi postali: notifika għandha titwettaq permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew l-ekwivalenti (6). Huwa ma jgħaddix sabiex jiddeskrivi fil-qosor id-dettalji ta’ dan il-metodu ta’ notifika. Kuntrarjament għall-formoli stabbiliti fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 1393/2007 (li għandhom jintużaw għal komunikazzjonijiet bejn l-aġenziji trażmittenti u riċeventi meta titwettaq notifika permezz tagħhom (7)) la l-Artikolu 14 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprovdu dettalji ulterjuri dwar kif għandha ssir id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta skont dan ir-Regolament.

30.      Għalhekk, minħabba li la l-Artikolu 14 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament ma jipprovdu dettalji ulterjuri dwar il-format partikolari ta’ “avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta]”, id-dettalji speċifiċi jibqgħu kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mid-dritt nazzjonali (8).

31.      Barra minn dan, l-Artikolu 14 espressament jagħmel riferiment għall-possibbiltà li jiġi pprovdut “ekwivalenti” għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Fi kliem ieħor, “avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta]” jista’ anki ma jkunx meħtieġ fejn ikun hemm prova oħra xierqa u affidabbli li tikkonferma n-notifika tad-dokument lid-destinatarju (9).

32.      Fi ftit kliem, l-Artikolu 14 jibqa’ dispożizzjoni ġenerika ħafna f’dak li jirrigwarda l-forma speċifika ta’ prova li hija meħtieġa sabiex ikun hemm prova li tkun twettqet notifika bis-servizzi postali.

33.      Madankollu, din il-ġeneriċità u d-diversità probatorja nazzjonali li tirriżulta fir-rigward tal-prova tal-konsenja ta’ dokumenti hija, fil-fehma tiegħi, limitata mill-funzjonalità u mill-objettivi tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1393/2007 b’żewġ modi. L-ewwel nett, il-format speċifiku ta’ dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew tal-ekwivalenti tagħha għandu jipprovdi lill-imħallef nazzjonali b’informazzjoni probatorja biżżejjed li tippermettilu janalizza l-validità tan-notifika. It-tieni nett, l-imħallef nazzjonali għandu wkoll ikun f’pożizzjoni jivverifika jekk kinux ġew irrispettati d-drittijiet proċedurali tad-destinatarju.

34.      Fir-rigward tal-ewwel limitu, dikjarazzjoni ta’ rċevuta tikkostitwixxi forma standardizzata ta’ prova, normalment meqjusa li tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-fatt ta’ notifika ta’ dokumenti. Ġeneralment ikun fiha mill-inqas l-informazzjoni dwar id-data u l-post tan-notifika, kif ukoll il-persuna li lilha d-dokument ikun ġie nnotifikat. Madankollu, din il-funzjoni probatorja ta’ dikjarazzjoni ta’ rċevuta, kif ukoll il-ġeneriċità testwali tal-Artikolu 14 kif murija bl-użu tal-kelma “ekwivalenti”, iwassluni sabiex nikkonkludi li l-assenza ta’ daqsxejn ta’ karta’ bl-isem “avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta]” ma tagħmilx in-notifika awtomatikament invalida. Dan għaliex l-assenza ta’ tali daqsxejn ta’ karta ma jfissirx li l-imħallef nazzjonali ma jkunx jista’ jiddetermina jekk dokumenti jkunux fil-fatt ġew innotifikati lid-destinatarju. Imħallef jista’ jagħmel dik id-determinazzjoni abbażi ta’ provi oħra b’rabta ma’ din il-kwistjoni.

35.      It-tieni limitu jikkonsisti mill-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tad-destinatarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li d-dritt għal notifika xierqa ta’ proċeduri joriġina mid-dritt għal smigħ xieraq u għal proċess imparzjali (10). Din il-protezzjoni ma tistax tiġi mdgħajfa mill-objettiv segwit mir-Regolament Nru 1393/2007 jiġifieri, notifika effiċjenti u mħaffa ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji (11).

36.      Barra minn dan, ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tad-destinatarju huwa ta’ importanza partikolari meta jitqies fil-kuntest usa’ ta’ atti oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali (12) bħar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (13) [“ir-Regolament I ta’ Brussell (riformulazzjoni)”] u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 (14). Tabilħaqq, jekk dokument li jagħti bidu għal proċeduri ġudizzjarji jkunx ġie nnotifikat sewwa jew le hija kwistjoni essenzjali għall-kunsiderazzjoni sussegwenti dwar jekk sentenza li tirriżulta għandhiex tiġi rrikonoxxuta u eżegwita, kif ukoll jekk tkunx tista’ tiġi ċċertifikata bħala Titolu eżekuttiv Ewropew għal talba mhux ikkontestata skont it-tifsira tar-Regolament Nru 805/2004 (15).

37.      Jekk iż-żewġ limiti deskritti iktar ’il fuq ikunux ġew osservati jew le b’rabta ma’ dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew ekwivalenti tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 hija kwistjoni ta’ analiżi fattwali li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali fiċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali.

38.      Ma nixtieqx nantiċipa b’xi mod x’ser tkun l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali f’din il-kawża. Iżda minħabba li fl-ewwel domanda tagħha il-qorti tar-rinviju talbet espliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa r-rilevanza ta’ dikjarazzjoni maħruġa mis-servizzi postali nazzjonali, deskritta fil-qosor iktar ’il fuq fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nissuġġerixxi li, bla ħsara għal provi oħra miġbura mill-qorti nazzjonali, tali dikjarazzjoni tista’ titqies bħala “ekwivalenti” għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li qorti nazzjonali tista’ tistrieħ fuq dokument ieħor għajr dikjarazzjoni ta’ rċevuta sabiex tiddeċiedi li notifika ta’ proċeduri tkun ġiet eżegwita fuq id-destinatarju f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni. Sabiex jitqiesu bħala ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta, id-dokumenti inkwistjoni għandhom jippermettu lill-imħallef nazzjonali jivverifika li d-destinatarju jkun ġie nnotifikat b’mod li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu.

B –    Notifika ffirmata minn terz fir-residenza tad-destinatarju

40.      Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 jippermettix regola nazzjonali li tgħid li n-notifika ta’ proċeduri f’materja kummerċjali tkun preżunta valida fil-jum meta d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tiġi ffirmata minn terz fir-residenza tad-destinatarju.

41.      Għandu jiġi enfasizzat li r-regola nazzjonali deskritta fid-digriet tar-rinviju tagħmel il-preżunzjoni ta’ notifika sempliċement suġġetta għall-kundizzjoni li din tiġi rċevuta minn terz. Madankollu, il-kuntest fattwali ta’ dan il-każ juri li d-dokumenti kienu nnotifikati fl-indirizz tal-appellanti u allegatament iffirmati f’dak l-indirizz minn terz. Għalhekk nifhem it-tieni domanda preliminari tal-qorti nazzjonali bħala li tirrigwarda l-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1393/2007 ta’ regola nazzjonali li tgħid li notifika titqies valida jekk tiġi eżegwita fuq terz fir-residenza tad-destinatarju.

42.      Kif diġà ġie deskritt fil-qosor fis-sezzjoni preċedenti, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jarmonizzax id-dettalji ta’ notifika bis-servizzi postali lil hinn mir-rekwiżit li hija titwettaq b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew ekwivalenti.

43.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data ta’ notifika, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1393/2007 jgħid li l-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod iktar speċifiku, id-data ta’ notifika għandha tiġi ddeterminata, bħala prinċipju, skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru indirizzat, li huwa l-Irlanda f’din il-kawża.

44.      Madankollu, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprevedi ebda regola espliċita dwar il-validità ta’ notifika lil terz. F’dan ir-rigward ninnota dan li ġej.

45.      L-istandards applikabbli għan-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali ġeneralment huma inqas stretti minn dawk applikabbli f’materji amministrattivi jew kriminali. B’mod partikolari fil-qasam tal-proċedura kriminali (16), wieħed jistenna li l-individwu għandu, tabilħaqq, jiġi nnotifikat personalment, mingħajr xi possibbiltà ta’ preżunzjoni jew finzjoni ta’ konsenja. Għall-kuntrarju, jista’ jkun hemm għadd ta’ preżunzjonijiet jew anki finzjonijiet legali għal notifika f’materji ċivili u kummerċjali fil-liġijiet tal-Istati Membri. Dawn il-preżunzjonijiet jew finzjonijiet fil-kuntest ċivili u kummerċjali ġeneralment jitqiesu li joħolqu l-bilanċ xieraq f’termini ta’ ċertezza legali bejn ir-rikorrent u d-destinatarju (17).

46.      Il-fatt li r-Regolament Nru 1393/2007 huwa sieket dwar il-kwistjoni ta’ notifika kkonfermata minn terz, flimkien mar-riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri fl-Artikolu 9, iwassalni għall-konklużjoni li r-Regolament innifsu ma huwiex neċessarjament kuntrarju li notifika ssir b’dak il-mod.

47.      Barra minn dan, l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament isostni indirettament il-propożizzjoni li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprekludix li notifika ssir lil terz. L-Artikolu 19(1)(b) jistabbilixxi rekwiżiti u protezzjonijiet meta konvenut ma jkunx deher. Huwa jispeċifika li ma għandhiex tingħata sentenza fir-rigward ta’ tali konvenut sakemm jiġi stabbilit, pereżempju, li d-dokument rilevanti kien fil-fatt ikkonsenjat lill-konvenut jew fir-residenza tal-konvenut. (18)

48.      Mingħajr ma jistabbilixxi regola ġenerali għal notifika skont ir-Regolament Nru 1393/2007, huwa ċar li l-Artikolu 19(1)(b) (l-istess bħal strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli proċedurali f’materji ċivili u kummerċjali (19)) jipprevedi l-possibbiltà ta’ notifika ta’ dokumenti lil terz, bil-kundizzjoni li d-dokumenti jiġu nnotifikati fir-residenza tal-konvenut.

49.      Għal dawn ir-raġunijiet, l-opinjoni tiegħi hija li r-Regolament Nru 1393/2007 bħala tali ma jipprekludix il-validità ta’ notifika ta’ proċeduri jekk din in-notifika tiġi kkonfermata minn terz fir-residenza tad-destinatarju. Madankollu dan huwa bla ħsara għal żewġ kwalifiki importanti.

50.      L-ewwel, kif il-Kummissjoni sewwa nnotat fis-seduta, notifika fir-residenza tad-destinatarju tfisser li d-dokument għandu jiġi kkonsenjat fil-post fejn ikun joqgħod id-destinatarju. Għalhekk, pereżempju, konsenja lil persuna fi blokk ta’ appartamenti, b’kuntrast għal konsenja fuq l-għatba tal-appartament speċifiku ma tkunx biżżejjed.

51.      It-tieni, l-irċevuta għandha tiġi kkonfermata minn persuna adulta fil-post fejn ikun joqgħod id-destinatarju li raġonevolment tkun mistennija tiżgura li d-destinatarju attwalment jirċievi d-dokument innotifikat. Dan, fil-fehma tiegħi, ikun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ qarib jew persuna li abitwalment tkun tgħix fl-istess residenza mad-destinatarju, jew persuna adulta oħra f’relazzjoni ta’ fiduċja mad-destinatarju.

52.      Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jipprekludix li jkun hemm regola nazzjonali li tgħid li notifika ta’ proċeduri titqies li tkun saret lid-destinatarju meta tiġi ffirmata minn terz, bil-kundizzjoni li din il-konsenja sseħħ fir-residenza tad-destinatarju u bil-kundizzjoni li d-dokument innotifikat jiġi kkonsenjat lil persuna adulta li raġonevolment tkun mistennija tgħaddih lid-destinatarju.

C –    In-nuqqas tal-għoti tal-formola tal-Anness II

53.      Permezz tat-tielet domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 jippermettix regola nazzjonali li tipprevedi li meta l-formola tal-Anness II titħalla barra dan jagħmel in-notifika ta’ proċeduri invalida, iżda li din l-invalidità tkun tista’ tiġi rrimedjata jekk id-destinatarju ma jagħmel ebda oġġezzjoni b’rabta mal-assenza tal-formola tal-Anness II f’perijodu speċifiku ta’ żmien. Mid-digriet tar-rinviju jsegwi li r-regola inkwistjoni hija l-Artikolu 191(2) tal-KPĊ.

54.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-formola tal-Anness II tikkostitwixxi element meħtieġ ta’ notifika. L-għan tal-formola huwa li jiġi ggarantit li l-konvenut ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta d-dokument innotifikat jekk ir-rekwiżiti tal-lingwa speċifikati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jkunux issodisfatti. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li r-Regolament Nru 1393/2007 ma fih ebda eċċezzjoni għall-użu tal-formola tal-Anness II. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara biżżejjed meta qalet li meta l-formola tkun tħalliet barra, hija jkollha tintbagħat lid-destinatarju (20).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat dawk il-konklużjonijiet fil-kuntest ta’ notifika skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1393/2007, jiġifieri, bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu tal-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament jagħmel ir-regoli relatati mal-użu tal-formola tal-Anness II applikabbli b’mod ċar għal notifika bis-servizzi postali.

56.      Isegwi li jekk il-formola tal-Anness II titħalla barra mid-dokumenti li jagħtu bidu għal proċeduri nnotifikati bil-posta, hija għandha tiġi kkonsenjata lid-destinatarju mingħajr dewmien. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li l-ommissjoni tal-formola tal-Anness II tiġi rrimedjata billi jgħaddi ż-żmien li matulu d-destinatarju tad-dokument innotifikat ma jkun għamel ebda oġġezzjoni għall-assenza tal-formola.

57.      L-għan tal-formola tal-Anness II huwa li jkun żgurat li d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju jiġu rrispettati billi huwa jkun mgħarraf bid-dritt tiegħu li jirrifjuta notifika jekk ir-rekwiżiti tal-lingwa speċifikati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jiġux irrispettati. Jekk tkun nieqsa t-traduzzjoni xierqa, id-destinatarju jista’ kompletament ma jifhimx id-dokument innotifikat.

58.      Jekk, f’tali sitwazzjoni, il-formola tal-Anness II tkun nieqsa, id-destinatarju jista’ ma jkunx jaf bid-dritt tiegħu li jirrifjuta notifika. Din l-assenza ta’ tagħrif tista’ tiġi rrimedjata biss billi jingħata t-tagħrif li jkun nieqes, iżda ċertament mhux sempliċement billi jgħaddi ż-żmien. B’mod loġiku, għalhekk, l-ebda inferenza proċedurali ma tista’ tinsilet mill-fatt li d-destinatarju ma jkunx oġġezzjona għall-assenza tal-formola tal-Anness II f’perijodu ta’ żmien partikolari, minħabba li d-destinatarju seta’ lanqas biss kien jaf li seta’ joġġezzjona.

59.      Għandu jingħad ukoll li l-obbligu li tiġi nnotifikata l-formola tal-Anness II japplika fiċ-ċirkustanzi kollha, irrispettivament minn jekk id-destinatarju jkunx jifhem il-lingwa li fiha jkunu abbozzati d-dokumenti nnotifikati. Ikun biss meta notifika tkun ġiet eżegwita b’mod korrett (jiġifieri inkluża l-formola tal-Anness II) li l-qorti kompetenti tkun tista’ tanalizza jekk rifjut li seta’ kien hemm min-naħa tad-destinatarju kienx iġġustifikat jew le (21).

60.      Il-konklużjoni tiegħi hija, għalhekk, li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-irregolarità f’notifika li toriġina mill-assenza tal-formola stabbilita fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tista’ tiġi rrimedjata billi jgħaddi ż-żmien li matulu d-destinatarju ma jagħmilx oġġezzjoni għall-assenza tal-formola. Din l-ommissjoni tista’ tiġi rrimedjata biss b’notifika tal-formola lid-destinatarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1393/2007.

V –    Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposta għad-domandi preliminari tat-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Evora) kif ġej:

Fuq l-ewwel domanda:

L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li qorti nazzjonali tista’ tistrieħ fuq dokument ieħor għajr dikjarazzjoni ta’ rċevuta sabiex tiddeċiedi li notifika ta’ proċeduri tkun ġiet eżegwita fuq id-destinatarju f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni. Sabiex jitqies ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta, id-dokumenti inkwistjoni għandhom jippermettu lill-imħallef nazzjonali jivverifika li d-destinatarju jkun ġie nnotifikat b’mod li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu.

Fuq it-tieni domanda:

Ir-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jipprekludix li jkun hemm regola nazzjonali li tgħid li notifika ta’ proċeduri titqies li tkun saret lid-destinatarju meta tiġi ffirmata minn terz, bil-kundizzjoni li din il-konsenja sseħħ fir-residenza tad-destinatarju u bil-kundizzjoni li d-dokument innotifikat jiġi kkonsenjat lil persuna adulta li raġonevolment tkun mistennija tgħaddih lid-destinatarju.

Fuq it-tielet domanda:

Ir-Regolament Nru 1393/2007 jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-irregolarità f’notifika li toriġina mill-assenza tal-formola stabbilita fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tista’ tiġi rrimedjata billi jgħaddi ż-żmien li matulu d-destinatarju ma jagħmilx oġġezzjoni għall-assenza tal-formola. Din l-ommissjoni tista’ tiġi rrimedjata biss b’notifika tal-formola lid-destinatarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1393/2007.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).


3 – - L-ewwel isem tal-appellant huwa Andrew.


4 – Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012 Alder (C-325/11, EU:C:2012:824, punti 30 sa 32).


5–      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006 Plumex (C‑473/04, EU:C:2006:96, punt 22). Din is-sentenza kienet tirrigwarda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227), li kien il-predeċessur legali tar-Regolament Nru 1393/2007.


6 – Dan jikkostitwixxi bidla mir-Regolament 1348/2000. L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1348/2000 (li kien jipprevedi wkoll il-possibbiltà li n-notifika ssir bil-posta) ma kienx jispeċifika l-metodu partikolari ta’ postaġġ li bih kellhom jiġu nnotifikati dokumenti.


7–      Ara l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(1), (3) u (4), l-Artikolu 7(2)(a) u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.


8–      Dan jinkludi l-istandards internazzjonali applikabbli bħal dawk stabbiliti mill-Unjoni Postali Universali.


9–      Kif tosserva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kliem tal-Artikolu 14 ma huwiex ċar daqs il-kristall (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kliem tiegħu fid-diversi lingwi uffiċjali) dwar jekk il-kunċett ta’ “ekwivalenti” jirreferix biss għal “avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta]” jew għall-mod ta’ trażmissjoni b’“ittra rreġistrata b’avviż tal-wasla [dikjarazzjoni ta’ rċevuta]” bħala terminu wieħed. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti minħabba li fiż-żewġ sitwazzjonijiet, dak li qiegħed jintalab huwa prova ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta li turi li tkun ġiet eżegwita notifika lid-destinatarju.


10–      Stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ara d-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll QEDB, 31 ta’ Mejju 2016, Gankin et vs Ir-Russja, (CE:ECHR:2016:0531JUD000243006, punti 28 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11–      Ara l-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 1393/2007. Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, ECLI:EU:C:2015:603, punti 30 sa 31) u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Alder (C‑325/11, ECLI:EU:C:2012:824, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Lebek (C‑70/15, EU:C:2016:524, punti 33 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12–      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008 Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 50).


13–      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).


14–      Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).


15–      Ara, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, QEDB, 23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Latvia (CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, speċjalment il-punti 113 sa 125).


16–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346) dwar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendat mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24).


17–      Ir-Regolament Nru 1393/2007 jqis ukoll is-sitwazzjoni tar-rikorrent kif tixhed l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(3). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 33).


18–      Enfasi miżjuda. Sussidjarjament, l-għoti ta’ sentenza huwa possibbli meta d-dokument ikun ġie nnotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna tal-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi lil persuni li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu (Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1393/2007). Barra minn dan, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet għandu jiġi stabbilit li n-notifika jew il-konsenja tkun twettqet fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu.


19–      L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 805/2004 jagħti eżempju ieħor f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni tittratta s-sitwazzjoni speċifika ta’ notifika mingħajr prova ta’ rċevuta u tipprevedi l-possibbiltà ta’ notifika fl-indirizz personali tad-debitur lil persuni li jkunu jgħixu fl-istess dar bħad-debitur jew ikunu impjegati hemm. Enfasi miżjuda.


20–      Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 45, 55, 72 u 76).


21–      Ara f’dan is-sens id-digriet tat-28 ta’ April 2016 fil-kawża Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 75 sa 76) u s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015 Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 54).