Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2021 minn Oriol Junqueras i Vies mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-14 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-100/20, Junqueras i Vies vs Il-Parlament

(Kawża C-824/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Oriol Junqueras i Vies (rappreżentant: M. Marsal i Ferret, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

L-ewwel. – Tannulla u tirrevoka d-digriet tal-14 ta’ Ottubru 2021, tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, mogħti fil-Kawża T-100/20.

It-tieni. – Tiddikjara ammissibbli fl-intier tiegħu l-appell ippreżentat mill-appellant.

It-tielet. – Terġa’ tiftaħ il-kawża sabiex, wara li tiddeċiedi li r-rikors huwa ammissibbli, is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tkompli tmexxi dan ir-rikors.

Ir-raba’. – Tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ din il-proċedura ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji:

L-ewwel: id-digriet appellat huwa kuntrarju għall-Artikolu 263 TFUE meta jikkonstata li O. Junqueras i Vies ma għandux interess dirett minħabba l-fatt li ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew fil-mument li ġie ppreżentat ir-rikors. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata li kien hemm tneħħija tal-mandat skont l-Att Elettorali Ewropew (Artikolu 13), meta d-deċiżjoni interna tar-Renju ta’ Spanja hija deċiżjoni ta’ ineleġġibbiltà li topera bħala kawża ta’ inkompatibbiltà. Peress li d-deċiżjoni ma twassalx għal tneħħija tal-mandat skont l-Artikolu 13 tal-Att Elettorali Ewropew (u peress li din ma tistax tikkostitwixxi kawża ta’ inkompatibbiltà permessa mill-Artikolu 7 tal-Att Elettorali Ewropew), jibqa’ jeżisti l-interess dirett u attwali ta’ O. Junqueras i Vies fir-rikors. Barra minn hekk, id-digriet tal-Qorti Ġenerali jiżnatura d-deċiżjoni interna tar-Renju ta’ Spanja sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx l-interess dirett ta’ O. Junqueras i Vies u li dan huwa kuntrarju għall-Artikolu 263 TFUE.

It-tieni: id-digriet appellat jikser ir-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)) u l-Artikolu 263 TFUE. Id-digriet jippreġudika d-deċiżjonijiet fil-mertu li għandhom jittieħdu [fil-Kawżi] C-115/21 [P] u T-24/20 1 u jikkonkludi, abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji pendenti quddiem l-organi ġudizzjarji tal-Unjoni, li O. Junqueras i Vies ma jistax jiġi ristabbilit bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Għall-kuntrarju, O. Junqueras i Vies jista’ jikseb din ir-restituzzjoni u, għaldaqstant, għandu interess effettiv u dirett fir-rikors.

It-tielet: id-digriet appellat jikser ir-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta u Artikoli 6 u 13 tal-KEDB) u l-Artikolu 263 TFUE. Id-digriet jikkunsidra ipotetiku li l-azzjonijiet quddiem l-organi ġudizzjarji interni u quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) tar-Renju ta’ Spanja jistgħu jwasslu sabiex O. Junqueras i Vies jerġa’ jsir Membru tal-Parlament Ewropew u, għaldaqstant, jikkunsidra li dan ma għandux interess attwali u effettiv fir-rikors. Id-digriet ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li hija l-istess Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li kkonfermat li wieħed mir-riżultati possibbli tar-rikorsi ppreżentati minn O. Junqueras i Vies huwa r-reintegrazzjoni fis-siġġu tiegħu, b’tali mod li d-digriet jikkwalifika b’mod żbaljat tali aspett bħala ipotetiku u huwa muri li O. Junqueras i Vies għandu interess effettiv u dirett fir-rikors. Barra minn hekk, jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt għal rimedju effettiv il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma għaqditx id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mad-deċiżjoni dwar il-mertu, li mingħajr dubju hija miżura iktar adegwata sabiex jiġu rrispettati l-imsemmija drittijiet.

Ir-raba’: id-digriet appellat jiċħad l-eżistenza ta’ motivi oħra li jservu ta’ bażi għall-interess ta’ O. Junqueras i Vies għall-annullament tal-att ikkontestat, minkejja li ma jistgħux jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni f’każ ta’ annullament ta’ dan tal-aħħar. Dan huwa kuntrarju għall-Artikolu 263 TFUE sa fejn dawn il-motivi effettivament jeżistu u ġew sostnuti. B’mod partikolari, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-protezzjoni tal-immunità kienet intalbet qabel is-sentenza kriminali u qabel id-deċiżjoni dwar it-telf tas-siġġu tiegħu, ir-rappreżentant legali ta’ O. Junqueras i Vies iqis li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ Membru tal-Parlament Ewropew ta’ O. Junqueras i Vies u t-trattazzjoni tat-talba għal protezzjoni tal-immunità tiegħu kienu jwasslu għall-obbligu (b’konformità ma’ dak stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża C-502/19) 1 li tiġi sospiża kwalunkwe proċedura fil-konfront ta’ O. Junqueras i Vies u li jekk jintlaqa’ l-appell tiegħu jintwera li l-imsemmija deċiżjonijiet interni ġew adottati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li huwa rilevanti fl-azzjonijiet interni kollha u quddiem l-organi ġudizzjarji kollha tal-Unjoni ppreżentati minn O. Junqueras i Vies, u anki l-azzjonijiet futuri tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk iqum il-każ. Għaldaqstant, O. Junqueras i Vies għandu interess fir-rikors fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

____________

1 Digriet tal-15 ta’ Diċembru 2020, Junqueras i Vies vs Il-Parlament (T-24/20, EU:T:2020:601).

1 Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C-502/19, EU:C:2019:1115).