Language of document : ECLI:EU:T:2014:829

Kawża T‑445/12

Koscher + Würtz GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea – Trade mark figurattiva KW SURGICAL INSTRUMENTS – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti Ka We – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Firxa tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell – Prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Rikors ippreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni – Rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-kundizzjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Żball ta’ liġi – Setgħa ta’ riforma”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Settembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata – Limiti – Motivi relattivi għat-talbiet evalwati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata – Konsegwenzi taċ-ċaħda ta’ tali motivi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

2.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Appell minn deċiżjoni ta’ diviżjoni tal-Uffiċċju li tiddeċiedi fl-ewwel istanza mibgħut quddiem il-Bord tal-Appell – Kontinwità funzjonali bejn dawn iż-żewġ istanzi – Eżami tal-appell mill-Bord tal-Appell – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 64(1))

3.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Neċessità li tiġi rregolata din il-kwistjoni, meta titqajjem mill-applikant, qabel id-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2))

4.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade mark figurattiva KW SURGICAL INSTRUMENTS u trade mark verbali Ka We

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

7.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Trade mark kumplessa

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

8.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Possibbiltà ta’ xebh viżiv bejn trade mark figurattiva u trade mark verbali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

9.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Karattru distintiv żgħir tat-trade mark preċedenti – Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

10.    Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Kunsiderazzjoni tal-elementi ta’ xebh jew ta’ diverġenza tas-sinjali – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjonijiet differenti minn dik tax-xiri tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Is-setgħa ta’ riforma, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, ma għandhiex l-effett li tagħti lil din is-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

F’dan ir-rigward, motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, billi laqgħa l-oppożizzjoni mingħajr ma eżamina jekk it-trade mark preċedenti kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, jista’ jwassal biss għal annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għar-rinviju tal-kawża quddiemu. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tista’ twettaq ebda evalwazzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, peress li l-Bord tal-Appell ma esprimiex ruħu dwar dan il-punt.

B’mod kuntrarju, motiv ieħor, relattiv għall-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jista’ jippermetti lir-rikorrenti, jekk jitqies fondat, li tikseb soluzzjoni kompleta tal-kawża. Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina dan il-motiv.

Jekk mill-eżami tal-Qorti Ġenerali jkun jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u li t-talbiet għal riforma mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, ikun l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), wara li l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tkun ġiet eżaminata, li jkollu jiddeċiedi mill-ġdid, jekk ikun il-każ, dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt. Għalhekk, dan ikollu jasal għall-konklużjonijiet, wara paragun bejn dawn iż-żewġ trade marks, ta’ eventwali assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal xi wħud mill-prodotti koperti minnha.

(ara l-punti 19, 39-41, 82, 83)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 29)

3.      Ir-rikors intiż biex l-opponent jistabbilixxi l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għandu l-effett li jpoġġi fuqu l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark tiegħu bir-riskju li l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda. B’hekk, l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni li, ladarba titqajjem mill-applikant għat-trade mark, għandha, fil-prinċipju, tiġi rregolata qabel ma tingħata deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni proprja. Għalhekk, it-talba ta’ prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti żżid fil-proċediment ta’ oppożizzjoni kwistjoni speċifika u preliminari u, f’dan is-sens, tbiddel il-kontenut.

Għalhekk, meta jirrifjuta lill-applikant il-protezzjoni, fil-Komunità, tar-reġistrazzjoni internazzjonali li jkun kiseb, mingħajr ma l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tkun ġiet eżaminata preliminarjament, filwaqt li tkun tressqet talba relattiva għall-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti mill-applikant quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell iwettaq żball ta’ liġi.

(ara l-punti 30, 34)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43, 44, 49, 67)

5.      Teżisti, għall-pubbliku professjonali Ġermaniż espert fil-qasam mediku u li l-livell ta’ attenzjoni pubblika tiegħu huwa partikolarment għoli, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal figurattiv KW SURGICAL INSTRUMENTS, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja għal “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, partijiet tal-ġisem, għajnejn u snin foloz; artikli ortopediċi; materjal ta’ sutura” li jidħlu fil-Klassi 10 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali Ka We, irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja għal “Strumenti u apparati mediċi u sanitarji, proteżi għas-smigħ, faxex sanitarji, partijiet tal-ġisem foloz (bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-gomma jew assoċjati mal-gomma)” li jidħlu fl-istess klassi tal-ftehim imsemmi.

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-kliem “surgical” u “instruments” kif ukoll l-elementi figurattivi li jikkonsistu minn nofs ċirku u mir-riproduzzjoni ta’ strument kirurġiku jidhru biss fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, dawn id-differenzi ma humiex biżżejjed biex titneħħa minn fuq il-konsumatur rilevanti l-impressjoni li dawn it-trade marks, evalwati globalment, jixxiebhu b’mod dgħajjef fuq il-livell viżiv u huma identiċi jew simili ħafna fuq il-livell fonetiku. Il-preżenza, fir-rigward biss tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, tal-element verbali “surgical instruments” ma hijiex, f’kull każ, ta’ natura li tinnewtralizza x-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali taż-żewġ trade marks inkwistjoni. Anki jekk jitqies li ma ġietx stabbilita identiċità bejn il-prodotti koperti miż-żewġ trade marks f’kunflitt, il-livell ta’ xebh li, mill-inqas, jeżisti bejniethom meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti, huwa biżżejjed biex tkun tista’ tiġi stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni.

(ara l-punti 45, 71-74)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 51)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 69)

10.    Il-fatt li l-prodotti inkwistjoni, peress li huma diretti lejn pubbliku professjonali, huma biss eċċezzjonalment proposti, ikkummerċjalizzati jew promossi permezz tat-telefon ma jippermettix li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ sinjali identiċi jew simili ħafna fuq il-livell fonetiku, għaliex l-użu tas-sinjal, fuq dan il-livell, ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti inkwistjoni jiġu kkummerċjalizzati, iżda jista’ jikkonċerna wkoll sitwazzjonijiet oħra fejn il-professjonisti inkwistjoni jirreferu oralment għal dawn il-prodotti, pereżempju waqt l-użu tagħhom jew matul diskussjonijiet relattivi għal dan l-użu u li jkunu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-vantaġġi u l-inkonvenjenti tal-prodotti msemmija.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-awtorità msejħa biex tevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun meħtieġa li tiddetermina, għal kull kategorija ta’ prodotti, valur medju ta’ attenzjoni tal-konsumatur mil-livell ta’ attenzjoni li dan tal-aħħar jista’ juri f’sitwazzjonijiet differenti, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar livell ta’ attenzjoni baxx li l-pubbliku jista’ juri fil-preżenza ta’ prodott u ta’ trade mark, madankollu ma huwiex eskluż li din tista’ tkun meħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet differenti minn dik tal-att tax-xiri biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

(ara l-punti 79-81)