Language of document : ECLI:EU:C:2024:337

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Uffiċjal tal-Unjoni li jeżerċita attività professjonali komplementari bħala persuna li taħdem għal rasha – Issuġġettar għall-kontribuzzjonijiet soċjali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih titwettaq din l-attività”

Fil-Kawża C‑195/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Brussell (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

GI

vs

Partena, Assurances sociales pour travailleurs indépendants ASBL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GI, minn J.‑F. Neven, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, C. Pochet u A. Van Baelen, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues u A. Tymen, avocats,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”) kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GI, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, u Partena, Assurances sociales pour travailleurs indépendants ASBL (iktar ’il quddiem “Partena”), assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, dwar l-issuġġettar ta’ GI għall-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom bħala attività professjonali anċillari.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlProtokoll

3        L-Artikolu 12 tal-Protokoll huwa fformulat kif ġej:

“L-uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni [Ewropea] għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet konċernati

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.”

4        L-Artikolu 14 tal-Protokoll jipprovdi:

“Il-Parlament [...] u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta’ l-Unjoni.”

 IrRegolamenti talPersunal

5        L-Artikolu 12b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“Suġġett għall-Artikolu 15, uffiċjal li jixtieq jingaġġa f’attivita’ barranija, kemm jekk bil-ħlas jew le, jew li jwettaq xi inkarigu barra l-Unjoni, għandu l-ewwel jikseb il-permess ta’ l-Awtorità tal-Ħatra. Il-permess għandu jkun irrifjutat jekk l-attività jew l-inkarigu in kwestjoni huwa tali li jfixkel l-qadi fid-dmirijiet ta’ l-uffiċjal, jew huwa inkompatibbli ma’ l-interessi ta’ l-istituzzjoni.”

6        L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“1.      Uffiċjal, [huwa assigurat] kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonjijiet tal- Unjoni wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. [...]

[...]

Terz mill-kontribuzzjoni meħtieġa biex tagħmel tajjeb għat-tali kopertura ta’ l-assigurazzjoni titħallas mill-uffiċjal iżda sakemm l-ammont li jħallas ma jaqbiżx it-2 % tas-salarju bażiku tiegħu.

[...]”

7        L-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

[...]”

 Ir-Regoli Komuni

8        Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottaw regoli komuni dwar l-assigurazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kontra r-riskju ta’ mard (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Komuni”).

9        L-Artikolu 1 ta’ dawn ir-Regoli Komuni jipprovdi li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tiġi stabbilita skema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni (RCAM).

10      L-Artikolu 2 tal-imsemmija Regoli Komuni jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin huma assigurati taħt dawn ir-regoli:

-      Uffiċjali,

-      Staff temporanju [membri tal-persunal temporanju];

[...]”

11      L-Artikolu 4 tar-Regoli Komuni huwa fformulat kif ġej:

“Meta uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt huwa assenjat f’pajjiż fejn, skont il-leġislazzjoni tiegħu, huwa suġġett għal skema obbligatorja ta’ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ mard, il-kontribuzzjonijiet dovuti f’dan ir-rigward għandhom jitħallsu kollha kemm huma mill-baġit tal-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija affiljata. F’dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 22.”

12      Skont l-Artikolu 22 tar-Regoli Komuni:

“1.      Meta affiljat jew persuna assigurata b’mod privat jistgħu jitolbu rimborsi ta’ spejjeż taħt assigurazzjoni għall-mard legali jew regolatorja oħra, l-affiljat għandu:

a)      jiddikkjara dan lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet;

b)      jitlob jew, fejn xieraq, jitlob bi prijorità r-rimbors garantit mill-iskema l-oħra. Madankollu, jekk ikun hemm obbligu ta’ kontribuzzjoni taħt żewġ skemi, il-membri ta’ din l-iskema jistgħu jagħżlu l-iskema li għaliha huma jindirizzaw għall-ħlas lura tal-benefiċċji li jkunu rċevew, peress li l-iskema komuni tintervjeni taħt skema supplimentari f’każijiet fejn hija ma tintervjenix bħala skema primarja;

c)      li jehmeż ma’ kull talba għal rimbors ippreżentata taħt din l-iskema rendikont oriġinali u ddettaljat, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn, tar-rimborsi li l-affiljat jew il-persuna assigurata tal-kap tagħha jkunu kisbu taħt l-iskema l-oħra.

2.      L-iskema komuni tintervjeni bħala skema supplimentari fir-rimbors tal-benefiċċji sakemm l-iskema l-oħra tkun ingħatat bil-quddiem għall-benefiċċji koperti minnha.

Jekk benefiċċju ma jkunx kopert mill-iskema primarja iżda jkun kopert mill-iskema komuni, dan tal-aħħar iseħħ primarjament.

[...]”

 IrRegolament Nru 883/2004

13      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

14      L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

 Iddritt Belġjan

15      L-Artikolu 2 tal-arrêté royal no 38, organisant le statut social des travailleurs indépendants, du 27 juillet 1967 (id-Digriet Irjali Nru 38 tas‑27 ta’ Lulju 1967 li jorganizza l-istatut soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom) (Moniteur belge tad‑29 ta’ Lulju 1967, p. 8071), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Huma suġġetti għal dan id-digriet u għandhom, għal dan l-għan, iwettqu l-obbligi li huwa jimponi: il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-assistenti tagħhom.”

16      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi digriet jistipula:

“Skont dan id-digriet persuna li taħdem għal rasha hija kull persuna fiżika, li terżerċita fil-Belġju attività professjonali li għaliha ma hijiex marbuta b’kuntratt ta’ kiri ta’ xogħol jew b’regoli tal-persunal.

Hija preżunta, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li tinsab fil-kundizzjonijiet ta’ ssuġġettar imsemmija fis-subparagrafu preċedenti, kull persuna li teżerċita fil-Belġju attività professjonali li tista’ tipproduċi dħul [...].”

17      L-Artikolu 10(1) tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“      [...] kull persuna suġġetta għal dan id-digriet, qabel il-bidu tal-attività professjonali indipendenti tagħha, għandha taffilja ruħha ma’ waħda mill-fondi ta’ assigurazzjoni soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

18      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, uffiċjal tal-Unjoni mill-1 ta’ Settembru 2007, daħal fis-servizz tal-Kummissjoni mix-xahar ta’ Awwissu 2010.

19      Sa mix-xahar ta’ Ottubru 2015, huwa jeżerċita attività komplementari ta’ tagħlim bi ħlas, b’massimu ta’ 20 siegħa ta’ korsijiet fis-sena, li għaliha, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, huwa kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa min-naħa tal-Kummissjoni.

20      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2018, l-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants (l-Istitut Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni Soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-Belġju), inkarigat li jivverifika jekk il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom humiex affiljati ma’ fond ta’ assigurazzjoni soċjali, informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa kellu jaffilja ruħu ma’ fond ta’ assigurazzjoni soċjali, sa fejn huwa kien jeżerċita attività professjonali ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu sa mill-1 ta’ Ottubru 2015 bħala għalliem.

21      Konsegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali assoċja ruħu ma’ Partena u ħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali mitluba għal ammont ta’ EUR 3 242.09.

22      Madankollu, peress li qies li l-issuġġettar tiegħu għall-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom imur kontra l-prinċipju tal-uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għall-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra Partena quddiem it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, sabiex itemm l-issuġġettar tiegħu u sabiex jiġi rrimborsat il-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa.

23      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Il-[Protokoll], b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu, il-prinċipju tal-uniċità tal-iskema tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom, attivi jew li rtiraw, u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tat-[TUE], jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi l-issuġġettar għal skema nazzjonali tas-sigurtà soċjali u milli jeżiġi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali mingħand uffiċjal li, addizzjonalment għall-attività tiegħu fis-servizz ta’ istituzzjoni Ewropea, jeżerċità, bl-awtorizzazzjoni ta’ din tal-aħħar, attività anċillari ta’ tagħlim meta dan l-uffiċjal diġà huwa, abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal, suġġett għall-[iskema ta’ sigurtà soċjali komuni] għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq iddomanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tal-Protokoll, il-prinċipju ta’ uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli kif imsemmi fir-Regolament Nru 883/2004 u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-issuġġettar għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ uffiċjal tal-Unjoni li jeżerċita attività professjonali anċillari ta’ tagħlim fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

25      Għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif espress fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, dan ir-regolament implimenta sistema ta’ koordinazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jużaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. In-natura kompleta ta’ din is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt għandha bħala effett li ċċaħħad lil kull Stat Membru mis-setgħa li jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-persuni suġġetti għaliha u tat-territorju li fih jipproduċu l-effetti tagħhom id-dispożizzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi espressament li l-persuni li japplika għalihom dan ir-regolament huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punti 29 u 30).

26      Dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli huwa intiż li jevita l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jelimina l-inugwaljanzi fit-trattament li, għall-persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, ikunu l-konsegwenza ta’ kumulu parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 37).

27      Issa, l-imsemmi prinċipju ma huwiex applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni, li ma humiex suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fil-fatt, l-Unjoni hija l-unika kompetenti, bl-esklużjoni tal-Istati Membri, sabiex tiddetermina r-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-obbligi tagħhom fil-qasam ta’ sigurtà soċjali. L-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni ġiet stabbilita, skont l-Artikolu 14 tal-Protokoll, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tar-Regolament li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punti 32 sa 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, minn naħa, l-Artikolu 14 tal-Protokoll għandu jitqies li jimplika t-tneħħija mill-kompetenza tal-Istati Membri tal-obbligu ta’ affiljazzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni ma’ skema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u mill-obbligu, għal dawn l-uffiċjali, li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ tali skema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 14 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tas-sigurtà soċjali jissodisfaw, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni, funzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-obbligu għal dawn l-uffiċjali li jikkontribwixxu għal skemi differenti f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 45).

31      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni biss huwa kompetenti sabiex jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-effetti li dawn jipproduċu u fir-rigward tal-persuni suġġetti għalihom.

32      Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom il-karatteristiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 288 TFUE, huma vinkolanti fl-elementi kollha tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’tali mod li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħhom hija imposta wkoll fuq l-Istati Membri (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 72(1) u mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li kull uffiċjal u membru tal-persunal temporanju fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni huwa kopert kontra r-riskji ta’ mard, u dan sa mill-mument tad-dħul fis-servizz tiegħu.

34      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa uffiċjal tal-Unjoni sa mill-1 ta’ Settembru 2007 u li ilu jaħdem mal-Kummissjoni mix-xahar ta’ Awwissu 2010. Minħabba r-rabta ta’ impjieg tiegħu ma’ din tal-aħħar, huwa jaqa’ għalhekk taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk jeżerċita attività professjonali anċillari awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fi Stat Membru.

35      Għalhekk, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru uffiċjal tal-Unjoni li jeżerċita attività professjonali anċillari fl-imsemmi Stat Membru tikser il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni, kemm mill-Artikolu 14 tal-Protokoll kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tiddetermina r-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni fir-rigward tal-obbligi tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

36      Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, huma għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw ir-regoli fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jirregolaw is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza tmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

38      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni jista’ jkun li tinterferixxi fl-ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali tal-Unjoni u, għaldaqstant, tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, peress li ċerti uffiċjali jkunu mġiegħla jikkontribwixxu mhux biss għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll għal skema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 47).

39      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija interpretazzjoni ma hija kkontestata minn ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Ċeka fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

40      Fir-rigward, minn naħa, tal-argument li r-remunerazzjonijiet li ma jitħallsux mill-Unjoni huma estranji għaliha u għalhekk għandhom jiġu ntaxxati mill-Istat Membru kompetenti fil-qasam fiskali u, konsegwentement, ikunu suġġetti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, għandu jitfakkar li teżisti distinzjoni ċara bejn l-obbligi fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali tal-Unjoni u l-obbligi fiskali ta’ dawn l-uffiċjali, li jibbenefikaw biss, skont l-Artikolu 12 tal-Protokoll, minn eżenzjoni mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti tagħhom imħallsa mill-Unjoni. Għalhekk, għalkemm dawn is-salarji, pagi u emolumenti huma suġġetti esklużivament, fir-rigward tal-impożizzjoni eventwali tagħhom, għad-dritt tal-Unjoni, id-dħul l-ieħor tal-imsemmija uffiċjali jibqa’ suġġett għat-taxxa tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-obbligi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-uffiċjal tal-Unjoni huwa esklużivament suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 48).

41      Fil-fatt, il-kompetenza esklużiva attribwita lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali tal-Unjoni tapplika għall-kontribuzzjonijiet soċjali li Stat Membru jiġbor fuq kull xorta ta’ dħul u, għalhekk, ukoll fuq dħul għall-ħlas ta’ attività anċillari awtorizzata mill-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, tal-argument li l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri kollha huma bbażati fuq is-solidarjetà, peress li l-kontribuzzjonijiet qatt ma huma la huma proporzjonali għall-benefiċċji u lanqas kkundizzjonati mill-użu stess tal-benefiċċji, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza jew l-assenza ta’ korrispettiv f’termini ta’ benefiċċji hija irrilevanti fil-kuntest tal-kwistjoni dwar jekk l-imposta inkwistjoni taqax taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Acerta et, C‑415/22, EU:C:2023:881, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tal-Protokoll, il-prinċipju tal-uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli kif imsemmi fir-Regolament Nru 883/2004 u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-issuġġettar għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ uffiċjal tal-Unjoni li jeżerċita attività professjonali anċillari ta’ tagħlim fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

 Fuq lispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju tal-uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-issuġġettar għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ uffiċjal tal-Unjoni Ewropea li jeżerċita attività professjonali anċillari ta’ tagħlim fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.