Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-126/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Tomkin, u S. Grünheid, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja 1 jew, f’kull każ, billi naqset milli tinnotifika tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 29(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/829/ĠAI, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas sal-1 ta’ Diċembru 2012 u kellhom jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda kisret l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni Qafas jew, f’kull każ, billi naqset milli tinnotifika tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

____________

1 ĠU 2009, L 294, p. 20.