Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-22 ta’ Frar 2022 – “Balgarska telekomunikatsionna kompania” EAD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofija

(Kawża C-127/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Balgarska telekomunikatsionna kompania” EAD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofija

Domandi preliminari

L-Artikolu 185(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twarrib ta’ oġġetti, mifhum bħala t-tħassir ta’ assi jew ta’ inventarju mill-karta tal-bilanċ ta’ persuna taxxabbli minħabba li ma jkunx għadu mistenni li dawn l-oġġetti jiġġeneraw benefiċċju ekonomiku, pereżempju għaliex ma jkunux għadhom f’kundizzjoni tajba, ikunu difettużi, ma jkunux f’kundizzjoni li jintużaw jew ma jkunux jistgħu jintużaw skont l-għan tagħhom, jikkostitwixxi bidla fl-elementi użati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas inkonnessjoni mat-taxxa diġà mħallsa fuq ix-xiri tal-oġġetti, liema bidla tkun seħħet wara l-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT konformement maż-Zakon za danak varhu dobavenata stoinost (il-Liġi dwar il-VAT, iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”) u li għalhekk toħloq l-obbligu li jsir aġġustament f’dan l-ammont li jista’ jitnaqqas fil-każ li l-oġġetti mwarrba sussegwentement jinbiegħu bħala oġġetti elenkati fl-Anness Nru 2 fil-kuntest ta’ kunsinna taxxabbli?

L-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twarrib ta’ oġġetti, mifhum bħala t-tħassir ta’ assi jew ta’ inventarju mill-karta tal-bilanċ ta’ persuna taxxabbli minħabba li ma jkunx għadu mistenni li dawn l-oġġetti jiġġeneraw benefiċċju ekonomiku, pereżempju għaliex ma jkunux għadhom f’kundizzjoni tajba, ikunu difettużi, ma jkunux f’kundizzjoni li jintużaw jew ma jkunux jistgħu jintużaw skont l-għan tagħhom, jikkostitwixxi bidla fl-elementi użati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas inkonnessjoni mat-taxxa diġà mħallsa fuq ix-xiri tal-oġġetti, liema bidla tkun seħħet wara l-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT konformement maż-ZDDS u li għalhekk toħloq l-obbligu li jsir aġġustament f’dan l-ammont li jista’ jitnaqqas fil-każ li l-oġġetti mwarrba sussegwentement jinqerdu jew jintremew u dan ikun ġie debitament ipprovat jew ikkonfermat?

Fil-każ li l-ewwel u/jew it-tieni domanda jingħataw risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twarrib ta’ oġġetti fiċ-ċirkustanzi esposti iktar ’il fuq jikkostitwixxi qerda jew telf debitament ipprovati jew ikkonfermati ta’ proprjetà, f’liema każ ma jkunx hemm l-obbligu li jsir aġġustament fir-rigward tat-taxxa tal-input imħallsa bħala VAT fuq ix-xiri tal-oġġetti?

L-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li jsir aġġustament fir-rigward tal-VAT tal-input imħallsa minħabba qerda jew telf debitament ipprovati jew ikkonfermati ta’ proprjetà fil-każ biss li l-qerda jew it-telf ikunu kkawżati minn ċirkustanzi li l-persuna taxxabbli ma għandhiex kontroll fuqhom u li ma setgħux jiġu previsti u evitati minn din tal-aħħar?

Fil-każ li l-ewwel u/jew it-tieni domanda jingħataw risposta fin-negattiv, l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 jippermetti dispożizzjoni nazzjonali bħalma huma l-Artikolu 79(3) taż-ZDDS, fil-verżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016, u l-Artikolu 79(1) taż-ZDDS, fil-verżjoni mill-1 ta’ Jannar 2017, li tipprevedi r-rekwiżit li jsir aġġustament fir-rigward tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-oġġetti mwarrba, u dan anki meta dawn tal-aħħar ikunu ġew sussegwentement mibjugħa fil-kuntest ta’ kunsinna taxxabbli ta’ oġġetti fis-sens tal-Anness Nru 2, jew ikunu nqerdu jew intremew u dan ikun ġie debitament ipprovat jew ikkonfermat?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.