Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2024 – UL et vs SEAE

(Kawża T-17/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: UL u sitt rikorrenti oħra (rappreżentanti: A. Guillerme, T. Bontinck u F. Patuelli, avukati)

Konvenut: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tirrikonoxxi d-dritt tar-rikorrenti għall-benefiċċju tal-allowance tal-edukazzjoni għal uliedhom ta’ inqas minn ħames snin, ikklakolat skont l-Artikolu 15 tal-Aness X tar-Regolamenti tal-Persunal u billi jittieħdu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkonċernawhom;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjonijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Eterna (SEAE) li permezz tagħhom dan irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tan-nursery u tal-iskola mġarrba mir-rikorrenti abbażi tal-allowance tal-iskola, huma jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif ukoll fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-gwida tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni dwar l-allowance tal-iskola.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mis-SEAE meta applika limitu iktar baxx minn dak previst fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fuq eċċezzjoni ta’ illegalita tad-dispożizzjonijiet tal-gwida tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni dwar l-allowance tal-iskola.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, l-żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa u l-ksur tad-dmir ta’ premura mis-SEAE meta qies li l-każijiet tar-rikorrenti ma kinux eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-ġenituri tat-tfal ta’ 3 sa 5 snin u l-ġenituri tat-tfal ta’ inqas minn 3 snin, minn naħa, u bejn il-ġenituri tat-tfal ta’ inqas minn 5 snin u l-ġenituri tat-tfal ta’ iktar minn 5 snin, min-naħa l-oħra, u bbażat ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________