Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2011 - Skyhawke Technologies vs UASI - British Sky Broadcasting u Sky IP (SKYCADDIE)

(Kawża T-484/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Skyhawke Technologies, LLC (il-USA) (rappreżentanti: K. Gilbert u M. Blair, Solicitors)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord tal-Appell: British Sky Broadcasting Group plc (Isleworth, ir-Renju Unit) u Sky IP International Ltd (Isleworth, ir-Renju Unit)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-28 ta' Ġunju 2011 fil-Każ R 501/2010-4; u

tikkundanna lill-konvenut u lill-partijiet l-oħra fil-proċedura jħallsu l-ispejjeż tagħhom u jbatu l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "SKYCADDIE", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 25, 28 u 41 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 4264685

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-partijiet l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 3203411 tat-trade mark verbali "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42; reġistrazzjoni tat-trade mark tar-Renju Unit Nru 2302176B tat-trade mark verbali "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 28, 36, 41, 42, 43 u 45; reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 3166337 tat-trade mark figurattiva f'iswed u abjad "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42; reġistrazzjoni tat-trade mark tar-Renju Unit Nru 2044507A tat-trade mark verbali "SKY", għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28; reġistrazzjoni tat-trade mark tar-Renju Unit Nru 2197682 tat-trade mark figurattiva f'iswed u abjad "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42; trade mark magħrufa sew tar-Renju Unit "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 28, 38 u 41; trade mark mhux irreġistrata tar-Renju Unit "SKY", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 28, 38 u 41;

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa u l-applikazzjoni tat-trade mark Komunitarja miċħuda kollha kemm hi

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell:appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell naqas: (i) milli jistabbilixxi li kien hemm differenzi viżivi, tas-smigħ u kunċettwali suffiċjenti bejn it-trade marks b'mod partikolari fir-rigward tal-analiżi tiegħu tat-tifsiriet kunċettwali tat-trade marks; u (ii) milli jikkunsidra b'mod xieraq il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju tal-kategorija ta' prodotti kkonċernati.

____________