Language of document : ECLI:EU:T:2015:517

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabblizzaturi tas-sħana — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ksur imwettaq minn sussidjarja komuni — Multi — Responsabbiltà in solidum tas-sussidjarja u tal-kumpanniji parent — Preskrizzjoni deċennali għal waħda mill-kumpanniji parent — Deċiżjoni ta’ adozzjoni mill-ġdid — Tnaqqis tal-ammont tal-multa għal waħda mill-kumpanniji parent — Imputazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-ammont imnaqqas lis-sussidjarja u lill-kumpannija parent l-oħra — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑485/11,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Akcros Chemicals Ltd, stabbilita f’Warwickshire (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn C. Swaak u R. Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u J. Bourke, sussegwentement minn Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana), sa fejn din hija indirizzata lil Akzo Nobel u lil Akcros Chemicals, jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li temenda, sa fejn din hija indirizzata lil Akzo Nobel NV u lil Akcros Chemicals Ltd, ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”).

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

56      F’din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Il-Kummisjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

58      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

59      Permezz tat-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, billi naqset, meta kienet marbuta b’dan, li tibgħatilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida, qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

66      F’dan ir-rigward, għandu, b’mod preliminari, jitfakkar li d-dritt ta’ smigħ, li huwa komponent essenzjali tad-drittijiet tad-difiża, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandu jiġi osservat f’kull proċedura, anki ta’ natura amministrattiva, b’mod partikolari jekk din tista’ twassal għal sanzjonijiet, speċifikament għal multi, u li dan il-prinċipju jimplika partikolarment li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika b’mod effettiv il-perspettiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra, EU:C:1979:36, punt 9; tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 64 sa 66).

67      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprevedi li tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tipprovdi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tkun qiegħda tibbaża ruħha f’dak l-istadju tal-proċedura sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu, b’mod effettiv, konjizzjoni tal-aġir imputat lilhom mill-Kummissjoni, kif ukoll ta’ provi li hija jkollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra, EU:C:2002:582, punti 315 u 316, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 66 u 67).

68      Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-impriża suġġetta għal investigazzjoni tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika, b’mod effettiv, il-perspettiva tagħha dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tat-Trattat (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 10; tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra, EU:C:2007:53, punt 44, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra, EU:C:2007:277, punt 71).

69      Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta li tibgħat lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittri u fil-posta elettronika tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 20 sa 22 u 25 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ċertament stiednet lir-rikorrenti sabiex isostnu l-perspettivi tagħhom.

70      Jibqa’ l-fatt li, sabiex jagħmlu dan, ir-rikorrenti kellhom biss erbat ijiem tax-xogħol, jiġifieri mill-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju sat-Tnejn is-6 ta’ Ġunju 2011, wara l-ittri tal-Kummissjoni u tlitt ijiem tax-xogħol, jiġifieri mill-Erbgħa l-15 ta’ Ġunju sal-Ġimgħa s-17 ta’ Ġunju 2011, wara l-posta elettronika tal-Kummissjoni.

71      Issa, termini daqshekk qosra ma jistgħux ikunu kompatibbli mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

72      Għalhekk, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, sa fejn ir-rikorrenti wrew b’mod suffiċjenti mhux li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità proċedurali, jiġifieri li kieku huma kellhom terminu suffiċjenti sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti, iżda li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, huma kienu jkunu jistgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Fluorsid u Minmet vs Il-Kummissjoni, T‑404/08, Ġabra, EU:T:2013:321, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa speċifikat li, għal dan l-għan, wieħed għandu jqiegħed lilu nnifsu fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra, EU:T:2006:268, punt 377).

73      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tiġi argumentata l-kwistjoni dwar liema kienu l-obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn il-kumpanniji kodebituri in solidum, sa fejn dawn kienu kkostitwixxew l-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

74      Fil-fatt, b’sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, jiġifieri erbat ijiem qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija biss il-Kummissjoni li, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tiddetermina l-parti mill-kwota rispettiva tad-diversi kumpanniji fl-ammonti li għalihom huma ġew ikkundannati in solidum, sa fejn huma kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u li dan il-kompitu ma setax jitħalla għall-qrati nazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra, EU:T:2011:70, punt 157).

75      Din il-kwistjoni setgħet iktar u iktar tiġi argumentata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu, sussegwentement, is-sentenza Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq (EU:T:2011:70), ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din iddeċidiet li l-qsim tal-multa bejn kodebituri in solidum kien jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza Siemens, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2014:256, punt 62).

76      B’hekk, ir-rikorrenti setgħu, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, qabel ma ngħatat is-sentenza Siemens, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2014:256), isostnu li huma kellhom dritt li jingħataw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Elementis li magħha huma ġew ikkundannati in solidum għall-ksur imwettaq mill-partenarjat Akcros peress li, fil-mument tal-ksur, huma kienu jikkostitwixxu, flimkien, impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

77      Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienu jkunu jistgħu, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom li kieku kellhom terminu suffiċjenti sabiex isostnu l-perspettiva tagħhom.

78      Fit-tieni lok, huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni intendiet tiddeduċi l-konsegwenzi mis-sentenza ArcelorMittal, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2011:190).

79      B’hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, ma kinitx tapplika erga omnes, iżda biss inter partes, jiġifieri, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, li din is-sospensjoni ma kinitx tapplika għal Elementis.

80      Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża li wasslet għas-sentenza ArcelorMittal, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2011:190), ippronunzjat ruħha fuq l-effetti, inter partes, ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li pparteċipaw fl-istess ksur (sentenza ArcelorMittal, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2011:190, punt 148).

81      Min-naħa l-oħra, fil-każ ineżami, Elementis u r-rikorrenti kkostitwixxew, matul it-tieni perijodu ta’ ksur, l-istess impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, kif deċiż fil-punt 405 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża T‑47/10.

82      B’hekk, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx, validament, testendi s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza ArcelorMittal, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2011:190), li kellha rabta ma’ diversi impriżi, li pparteċipaw fl-istess ksur, għal sitwazzjoni, bħall-każ ineżami, b’rabta ma’ diversi kumpanniji li kkostitwixxew l-istess impriża waħda matul it-tieni perijodu ta’ ksur, għandu jiġi kkunsidrat li, partikolarment fuq din il-kwistjoni, ir-rikorrenti kienu jkunu jistgħu, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom li kieku kellhom terminu suffiċjenti sabiex isostnu l-perspettiva tagħhom.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi tas-sħana), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.