Language of document : ECLI:EU:C:2011:300

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Mejju 2011 (*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili – Artikoli 22(2) u 27 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat fejn tinsab is-sede biex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi dwar il-validità ta’ deċiżjonijiet tal-korpi tal-kumpanniji – Portata – Kawża mressqa minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku intiża li tikkonstata n-nullità ta’ kuntratt minħabba l-allegata invalidità ta’ deċiżjonijiet tal-korpi tagħha relatati mal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt – Lis alibi pendens – Obbligu tat-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża li tissospendi l‑proċeduri – Portata”

Fil-Kawża C‑144/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2010, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2010, fil‑proċedura

Berliner Verkehrsbetriebe (BVG),

vs

JPMorgan Chase Bank NA, Frankfurt Branch,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Berliner Verkehrsbetriebe (BVG), Anstalt des öffentlichen Rechts, minn C. Stempfle u C. Volohonsky, avukati, kif ukoll minn T. Lord, barrister,

–        għal JPMorgan Chase Bank NA Frankfurt Branch, minn K. Saffenreuther u C. Schmitt, avukati,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 22(2) u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 04 p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Berliner Verkehrsbetriebe (BVG), Anstalt des öffentlichen Rechts (iktar ’il quddiem “BVG”) u JPMorgan Chase Bank NA Frankfurt Branch (iktar ’il quddiem “JPM”) dwar kuntratt li jirrigwarda strument derivattiv finanzjarju.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi li:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il‑prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal‑konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id‑domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti [...]”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi dan li ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 22(1), (2) u (4) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tal‑Kapitolu II tiegħu jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1)      fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

[...]

2)      fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal‑kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il‑validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il‑qrati ta’ l-Istat Membru li fih il‑kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom. Sabiex tiġi determinata s-sede, il‑qorti għandha tapplika r-regoli tal-liġi privata internazzjonali;

[...]

4)      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l‑applikazzjoni għad-depożitu jew ir‑reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

[...]”

7        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li:

“1.      Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il‑qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor [...]

[...]

5.      Ftehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn ikunu kuntrarji għall-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis‑saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

8        L-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi kif ġej:

“Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’ materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il‑ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’ għandhiex ġurisdizzjoni.”

9        L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil‑ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl‑inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l‑ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill‑ġurisdizzjoni favur dik il‑qorti.”

10      L-Artikolu 33(1) tal-istess regolament jipprevedi li:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

11      L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi kif ġej:

“Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta [jekk] tmur kontra s‑Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.”

12      L-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

13      L-Artikolu 60(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

(a)      is-sede statutorja, jew;

(b)      iċ-ċentru amministrattiv, jew

(ċ)      il-post prinċipali tan-negozju.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li, fid-19 ta’ Lulju 2007, JPM, bank ta’ investiment Amerikan li s-sede statutorja tiegħu qiegħda fi New York (l-Istati Uniti) u li għandu diversi fergħat u sussidjarji fl-Ewropa, partikolarment fil‑Ġermanja u fir-Renju Unit, u BVG, persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku bis-sede tagħha f’Berlin (il‑Ġermanja) u li l-attività tagħha hija li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku fil-Land ta’ Berlin, ikkonkludew, permezz ta’ konferma kummerċjali (“trade confirmation”), tranżazzjoni msejħa “Independent Collateral Enhancement Transaction” li tikkonsisti, prinċipalment, f’kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt JPM Swap”). Dan il-kuntratt fih klawżola li tattribwixxi l‑ġurisdizzjoni lill-qrati Ingliżi.

15      Mill-proċess jirriżulta li, skont it-termini tal-kuntratt JPM Swap, BVG assumiet, b’mod partikolari, l-obbligu li tħallas lil JPM somom li jistgħu jilħqu USD 220 miljun, f’każ ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet li jaffettwa xi kumpanniji terzi, u li BVG rċiviet, inkambju, primjum ta’ madwar USD 7.8 miljun.

 Il-proċedura mibdija fl-Ingilterra mill-JPM u s-sussidjarja Brittannika tagħha

16      JPM issostni li, mix-xahar ta’ Settembru 2008, xi kumpanniji terzi koperti mill‑kuntratt JPM Swap kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet u li għalhekk talbet lil BVG li tħallas l-ammonti dovuti taħt dan il‑kuntratt. Peress li BVG irrifjutat li tħallas tali somom, il-fergħa ta’ Londra ta’ JPM u s‑sussidjarja Brittannika tagħha ressqu kawża, fl-10 ta’ Ottubru 2008, kontra BVG fl-Ingilterra quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (ir‑Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“High Court”), li hija qorti li għandha l-ġurisdizzjoni kompetenti skont it‑termini tal-kuntratt JPM Swap u għalhekk, a priori, fir-rigward tar‑Regolament Nru 44/2001, skont l-Artikolu 23 ta’ dan tal-aħħar. Dan ir‑rikors kellu bħala suġġett il-ħlas ta’ somma ta’ madwar USD 112 miljun, abbażi tal-obbligi ta’ ħlas min-naħa ta’ BVG taħt il-kuntratt JPM Swap, jew il-ħlas ta’ danni fl-istess ammont, kif ukoll l-għoti ta’ deċiżjoni mill‑qorti, ta’ serje ta’ “dikjarazzjonijiet” li jikkonstataw, essenzjalment, li l‑kuntratt JPM Swap ġie liberament konkluż minn BVG, mingħajr ma din tal‑aħħar straħet fuq il-pariri pprovduti minn JPM jew mis-sussidjarja Brittannika tagħha, u li dan il-kuntratt kien għalhekk validu u eżegwibbli.

17      BVG ikkontestat, fil-proċedura mibdija minn JPM u s-sussidjarja tagħha, il-fatt li ma kellha ebda obbligu li tħallas, peress li JPM tatha parir ħażin fir-rigward tal‑kuntratt JPM Swap. Sussegwentement BVG ressqet difiżi oħrajn, li jgħidu li l‑kuntratt JPM Swap ma huwiex validu minħabba l-fatt li hija kienet aġixxiet ultra vires meta kkonkludietu u li d‑deċiżjonijiet tal-organi tagħha, li wasslu għall‑konklużjoni ta’ dan il‑kuntratt huma għalhekk nulli u bla effett.

18      BVG ressqet ukoll talba li biha talbet lill-High Court sabiex tiċħad il‑ġurisdizzjoni tal-kawża favur il-qrati Ġermaniżi, li għandhom, skont BVG, ġurisdizzjoni esklużiva biex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża, skont l-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001. Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2009, il‑High Court ċaħdet din it-talba. Adita minn appell ippreżentat minn BVG, il‑Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) ikkonfermat din id‑deċiżjoni, permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2010, mingħajr ma stenniet ir-riżultat ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Talba għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell quddiem is‑Supreme Court (ir‑Renju Unit) ġiet milqugħa. Din tal-aħħar ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ dan l-appell, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2011 u ġiet irreġistrata bin‑numru C‑54/11.

 Il-proċedura mibdija minn BVG fil-Ġermanja

19      Fid-9 ta’ Marzu 2009, BVG ippreżentat quddiem il-Landgericht Berlin (il‑Ġermanja), rikors kontra s-sussidjarja ta’ JPM stabbilita fi Frankfurt‑am‑Main, bil-għan, prinċipalment, li din il-qorti tiddikjara il‑kuntratt JPM Swap null minħabba n-natura ultra vires tas-suġġett tiegħu, fid-dawl tal-istatuti tagħha, jew, fit-tieni lok, sussidjarjament, li din tordna lil JPM għar-rilaxx tagħha minn kull obbligu li jirriżulta minn dan il-kuntratt, bħala kumpens għad-danni li għalihom hija intitolata minħabba l-pariri ħżiena pprovduti minn JPM, u fit-tielet lok, li JPM tiġi ordnata tħallasha d-danni.

20      Bħala parti minn din il-kawża, BVG sostniet, b’mod partikolari, li l‑Landgericht Berlin, it-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża, għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, din il‑qorti għandha tmexxi l-proċeduri quddiemha mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni dawk mibdija fl-Ingilterra u mingħajr ma tkun intitolata li tissospendi din l-proċedura skont l-Artikolu 27(1) tar‑Regolament Nru 44/2001. Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Mejju 2009, il-Landgericht Berlin, madankollu, iddeċidiet li tissospendi l‑imsemmija proċedura. Permezz ta’ “sofortige Beschwerde”, BVG appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Berlin innifsu. Peress li din il-qorti ma laqgħetx dan l‑appell, il-kawża tressqet ex officio quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Ġermanja), skont ir-regoli applikabbli tad‑dritt proċedurali Ġermaniż.

21      Il-Kammergericht Berlin tqis, bħalma jagħmel il-Landgericht Berlin, li hemm lis alibi pendens bejn il-proċeduri mibdija fl-Ingilterra u fil‑Ġermanja, fis-sens tal‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l‑Kammergericht Berlin iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament [Nru 44/2001] jestendi wkoll għall-kawżi li fihom kumpannija jew persuna ġuridika tikkontesta, fir-rigward ta’ kawża mressqa kontriha abbażi ta’ att legali, l‑invalidità, minħabba ksur tal-istatut tal-assoċjazzjoni, tad-deċiżjonijiet tal‑korpi tagħha li wasslu għall-konklużjoni ta’ dan l-att?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l‑Artikolu 22(2) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 japplika wkoll għall‑persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku sa fejn il-validità tad‑deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom għandha tiġi mistħarrġa mill‑qrati ċivili?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: il‑qorti tal-Istat Membru, li tkun l-aħħar istanza fil-proċeduri legali skont l-Artikolu 27 tar‑Regolament [...] Nru 44/2001, għandha tissospendi l-proċeduri meta jiġi sostnut, fir-rigward ta’ konvenzjoni [ftehim] li [j]attribwixxi ġurisdizzjoni, il-fatt li din il‑konvenzjoni hija [dan il-ftehim huwa] wkoll mingħajr effett minħabba l-invalidità, skont l-istatuti tal-assoċjazzjoni, tad-deċiżjoni tal‑korpi tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li f’din il-kawża ġew magħmula tliet domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 44/2001, fil-kuntest ta’ kawża prinċipali bejn JPM u BVG, dwar il-kuntratt JPM Swap, li għandha bħala suġġett strument derivattiv finanzjarju. Wara li JPM ippreżentat rikors quddiem il-qrati Ingliżi, biex titlob, essenzjalment, l‑eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, abbażi ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni li tinsab fl-imsejjah kuntratt, BVG ippreżentat rikors parallel biex titlob lill‑qrati Ġermaniżi li tiġi kkonstatata n-nullità tal-istess kuntratt, b’mod partikolari minħabba l-allegata natura ultra vires tas-suġġett tiegħu fid-dawl tal-istatuti tagħha.

 Fuq l-ewwel domanda

23      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal kawża li fiha kumpannija tinvoka n‑nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kuntratt fir-rigward tagħha, minħabba l‑allegata invalidità, abbażi tal‑ksur tal‑istatuti tagħha, ta’ deċiżjoni tal-organi tagħha li wasslet għall-konklużjoni tiegħu.

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi din id-domanda abbażi tal-osservazzjoni li BVG invokat l-invalidità tad-deċiżjonijiet tagħha stess b’mod inċidentali jew preliminari. Fil‑fatt hi tirrileva l-eżistenza ta’ lis alibi pendens, skont l‑Artikolu 27(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, bejn il-proċeduri fl‑Ingilterra u fil-Ġermanja, minħabba l-fatt li dawn il-proċeduri, it-tnejn li huma, jikkonċernaw l-eżistenza tal-istess debitu li allegatament jirriżulta mill‑kuntratt JPM Swap, fejn il-validità tiegħu għandha għalhekk tiġi kkunsidrata f’kull waħda minhom.

25      B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, is-suġġett ta’ kull waħda minn dawn iż‑żewġ proċeduri huwa kkostitwit mit-talba ta’ materja kuntrattwali bbażata fuq dan id‑debitu. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ewwel domanda tagħha tirrigwarda l‑applikabbiltà tal-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest ta’ “eżami, meħtieġ biss b’mod inċidentali, tal-validità, fid-dawl tal-istatuti, tad‑deċiżjonijiet tal-organi [ta’ kumpannija]”.

26      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001, teżisti diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni. Fil‑fatt, skont xi wħud minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, il-qorti fejn tinsab is‑sede ta’ kumpannija jew ta’ persuna ġuridika oħra għandha ġurisdizzjoni esklużiva “fil-materja” ta’ validità, ta’ nullità jew ta’ xoljiment tagħha jew ta’ validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħha. Madankollu, verżjonijiet oħra jipprevedu tali ġurisdizzjoni meta kawża jkollha bħala “suġġett” din il-kwistjoni.

27      Il-tieni minn dawn il-verżjonijiet tissuġġerixxi, kuntrarjament għall-ewwel waħda, li huwa biss f’kawża fejn il-validità ta’ kumpannija jew ta’ deċiżjoni tal-organi ta’ kumpannija titqajjem bħala kwistjoni prinċipali hija koperta minn din id‑dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

28      Madanakollu, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, f’każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id‑dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal‑istruttura ġenerali u tal-għan tal‑leġiżlazzjoni li hi tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C‑341/01, Ġabra p. I-4883, punt 64 u tad-29 ta’ April 2010, M et, C‑340/08, Ġabra p. I-03913, punt 44).

29      Huwa għalhekk xieraq li fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001 jitqiesu fatturi oħra barra l‑kliem tiegħu, b’mod partikolari, l‑istruttura ġenerali u l-għan ta’ dan ir‑regolament.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 44/2001, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu d-domiċilju, hija r-regola ġenerali. Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, li l-imsemmi regolament jipprevedi regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni f’każi elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara s‑sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, Ġabra p. I-6827, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni stretta fir-rigward tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar‑Regolament Nru 44/2001 (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hasset u Doherty, C‑372/07, Ġabra p. I‑7403,, punti 18 u 19). Fil-fatt, hija ddeċidiet li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Brussell”), dispożizzjonijiet li huma essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 22 tar‑Regolament Nru 44/2001 ma għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesa’ milli jitlob l-għan tagħhom, (ara s‑sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1977, Sanders, 73/77, Ġabra p. 2383, punti 17 u 18; tas-27 ta’ Jannar 2000, Dansommer, C‑8/98, Ġabra p. I-393, punt 21, u tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, C‑343/04, Ġabra p. I-4557, punt 26).

31      Għandu jiġi traspost l-imsemmi approċċ, f’dan il-kuntest, li fih tqajmet il‑kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hassett u Doherty, iċċitati iktar ’il fuq, punti 18 u 19; tat‑23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et. C‑167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Ġerman Graphics Graphische Maschinen, C‑292/08, Ġabra p. I‑8421, punt 27).

32      Ċertament, l-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li l-ftehim li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni huma bla effett jekk il-qrati, li dawn il-ftehim jipprovaw jidderogaw mill-ġurisdizzjoni tagħhom, ikollhom il‑ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir‑regolament. Madankollu, is-supremazija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 22 ma tiġġustifikax interpretazzjoni wiesgħa tagħhom. Bil‑maqlub, interpretazzjoni stretta tal-imsemmi Artikolu 22(2), li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-għanijiet intiżi, hija saħansitra iktar importanti mir-regola tal-ġurisdizzjoni li huwa jiddikjara esklużiva, b’mod li l-applikazzjoni tagħha tippriva lill-partijiet kontraenti mill‑awtonomija li jagħżlu qorti oħra.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni wiesgħa tal‑Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li bis-saħħa tagħha japplika għal kull kawża li fiha tkun ser titqajjem kwistjoni dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-organi ta’ kumpannija, tmur kontra, minn naħa, wieħed mill‑għanijiet ġenerali ta’ dan ir‑Regolament, stabbilit fil‑premessa 11 tiegħu, u li jikkonsisti fit-tiftix ta’ grad għoli ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, il‑prinċipju ta’ ċertezza legali.

34      Fil-fatt, kieku l-kawżi kollha dwar deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija kellhom jaqgħu taħt l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun ifisser fil‑verità li l-azzjonijiet ġurisdizzjonali, kemm jekk ikunu ta’ natura kuntrattwali, delittwali jew ta’ natura oħra, imressqa kontra kumpannija jkunu jaqgħu kważi dejjem taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal‑Istat Membru fejn din il-kumpannija jkollha s-sede tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hassett u Doherty, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Fil-fatt, ikun biżżejjed għal kumpannija, li tinvoka, minn qabel, allegata invalidità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħha li jkunu wasslu għall‑konklużjoni ta’ kuntratt jew għat-twettiq ta’ fatt li allegatament jikkawża d‑danni, sabiex tingħata, b’mod unilaterali, ġurisdizzjoni esklussiva lill-qorti fejn tinsab is‑sede tagħha stess.

35      L-għan ta’ prevedibbiltà hawn fuq imsemmi ma jistax jintlaħaq jekk l‑applikabbiltà ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq in-natura tal‑kawża tista’ għalhekk tvarja, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fir‑Regolament Nru 44/2001, skont jekk teżistix jew le kwistjoni preliminari, li tista’ titqajjem fi kwalunkwe mument minn kwalunkwe parti, minħabba li l‑imsemmija natura tinbidel.

36      Għandu jiġi osservat ukoll li għan ieħor tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Stat Membru f’ċirkustanzi partikolari fejn, fid‑dawl tal-materja inkwistjoni, dawn il-qrati jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi li jaqgħu taħtha minħabba l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn dawn il-kawżi u l-imsemmi Stat Membru.

37      B’hekk, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti l‑ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawżi li jinvolvu l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organi ta’ kumpannija, lill-qrati fejn tinsab is-sede ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, dawn il‑qrati jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi li jirrigwardaw esklużivament jew anki prinċipalment kwistjoni bħal din.

38      Madankollu, fil-kuntest ta’ kawża ta’ natura kuntrattwali, kwistjonijiet relatati mal-validità, mal-interpretazzjoni jew man-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-kuntratt huma ċentrali u jikkostitwixxu s-suġġett tagħha. Il-kwistjonijiet kollha dwar il‑validità tad-deċiżjoni li jiġi konkluż l‑imsemmi kuntratt, li ttieħdu qabel mill‑organi tal-kumpannija ta’ waħda mill-partijiet, għandhom jiġu kkunsidrati inċidentali. Għalkemm tista’ tkun parti mill-analiżi li tkun trid issir f’dan ir‑rigward, hija madankollu ma tikkostitwixxix l-uniku suġġett u lanqas dak prinċipali.

39      Għalhekk, is-suġġett ta’ tali kawża ta’ natura kuntrattwali mhux bilfors ikollu rabta partikolarment stretta mal-qorti fejn tinsab is-sede tal-parti li tinvoka l‑allegata invalidità ta’ deċiżjoni tal-organi tagħha stess. Għaldaqstant, imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li tali kawżi jiġu sottomessi għall‑ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ waħda mill-kumpanniji kontraenti.

40      Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001 lanqas ma tkun konformi mal-għan speċifiku ta’ din id‑dispożizzjoni li tikkonsisti sempliċement f’li tiġi ċċentralizzata l‑ġurisdizzjoni biex tittieħed konjizzjoni tal-kawżi li għandhom bħala suġġett l-eżistenza tal‑kumpanniji u l‑validità tad-deliberazzjonijiet tal-organi tagħha, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet konfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hassett u Doherty, iċċitati iktar ’il fuq, punt 20). Fil-fatt, dan l-għan huwa limitat biss għal kawżi li għandhom l-imsemmi suġġett, u din id-dispożizzjoni ma hijiex għalhekk intiża sabiex tiċċentralizza l‑ġurisdizzjoni biex tittieħed konjizzjoni tal-kawżi kollha li għandhom bħala suġġett kuntratt li jinvolvi persuna ġuridika li tinvoka l‑invalidità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħha stess bħala eċċezzjoni.

41      Kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, kull kwistjoni li tikkonċerna l‑validità ta’ deċiżjoni li jsir kuntratt meħuda mill-organi ta’ waħda mill-partijiet għandha titqies bħala parti inċidentali mill-kawża ta’ natura kuntrattwali. Kawża bħal din, fil-prinċipju, ma hijiex tali li tagħti lok għal deċiżjonijiet konfliġġenti tal‑qrati ta’ diversi Stati Membri, peress li talbiet paralleli jew kontrotalbiet ibbażati fuq l-istess kuntratt jikkostitwixxu, fil-prinċipju, każ ta’ lis alibi pendens li jaqa’ taħt l‑Artikolu 27(1) tar‑Regolament Nru 44/2001 u d-deċiżjonijiet meħuda mill-qorti kompetenti għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati Membri kollha skont l-Artikoli 33(1), u 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

42      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001, li bis-saħħa tagħha japplika għal kull kawża li fiha tkun ser titqajjem kwistjoni dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-organi ta’ kumpannija, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta ’din id-dispożizzjoni lil hinn minn dak li huwa rikjest mill-għanijiet li jridu jintlaħqu minn din tal-aħħar.

43      Ir-rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell imħejji minn M. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1), li jispjega d-dispożizzjonijiet tagħha u fejn il‑konklużjonijiet huma rilevanti, b’analoġija, għall-finijiet tal‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 44/2001, jikkonferma kemm hija adegwata interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 16(2) ta’ din il-konvenzjoni u, għaldaqstant, tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi Regolament. Skont dan ir-rapport, l-Artikolu 16(2) jistabbilixxi l‑ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward ta’ kawżi li jirrigwardaw “prinċipalment” il‑validità, in-nullità jew ix-xoljiment ta’ dawn il-kumpaniji jew persuni ġuridiċi, kif ukoll il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom.

44      Għalhekk, id-diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 22(2) tar‑Regolament Nru 44/2001, li jinstabu fil‑punt 26 ta’ din is-sentenza, għandhom jissolvew billi din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li hija tirrigwarda biss il-kawżi li s-suġġett prinċipali tagħha huwa l-validità, in-nullità jew ix-xoljiment ta’ kumpanniji jew persuni ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal‑organi tagħhom.

45      Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, Ġabra p. I‑6509), imsemmija fid-deċiżjoni tar‑rinviju, li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16(4) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, li hija dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, tapplika għal kull kawża li fiha l-validità ta’ privattiva tkun ikkontestata kemm jekk permezz ta’ azzjoni kif ukoll permezz ta’ eċċezzjoni, u b’hekk tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat li fih il‑privattiva tkun ġiet irreġistrata.

46      Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal kawżi li fihom titqajjem kwistjoni dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-organi ta’ kumpannija. Peress li l‑validità ta’ privattiva kkonċernata hija premessa indispensabbli, speċjalment fil‑kuntest ta’ kwalunkwe proċedimenti ta’ ksur, huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-ġurisdizzjoni esklużiva biex tittieħed konjizzjoni ta’ kwalunkwe kawża li fiha din il‑validità hija kkontestata, tingħata lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ntalbu jew twettqu d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni ta’ din il-privattiva, peress li dan jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tagħha. Kif ġie rrilevat fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, dan mhux il-każ tal-qrati fejn tinsab is-sede ta’ kumpannija, li tkun parti f’kawża ta’ natura kuntrattwali, li tinvoka l-allegata invalidità tad-deċiżjoni li jiġi konkluż kuntratt magħmula mill-organi tagħha stess.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l‑Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma japplikax għal kawża li fil-kuntest tagħha kumpannija tinvoka n-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kuntratt fir-rigward tagħha, minħabba l-allegata invalidità, abbażi ta’ ksur tal-istatuti tagħha, ta’ deċiżjoni tal-organi tagħha wasslet għall‑konklużjoni tiegħu.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

48      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma japplikax għal kawża li fil‑kuntest tagħha kumpannija tinvoka n‑nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kuntratt fir-rigward tagħha, minħabba l‑allegata invalidità, abbażi ta’ ksur tal-istatuti tagħha, ta’deċiżjoni tal-organi tagħha li wasslet għall-konklużjoni tiegħu.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.