Language of document : ECLI:EU:F:2011:13

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Frar 2011

Kawża F-81/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Allowance tal-invalidità — Żball fil-kalkolu — Ħlas tal-arretrati — Interessi moratorji dovuti — Rata applikabbli — Kapitalizzazzjoni annwali — Dannu materjali u morali”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio essenzjalment jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-arretrati tal-allowance tal-invalidità li l-imsemmija istituzzjoni ħallsitu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni tħallaslu somma ugwali għad-differenza bejn l-ammont tal-interessi moratorji kkalkolat skont il-kriterji li, fil-fehma tiegħu, kellhom jiġu applikati u dak effettivament imħallas, fejn is-somma stess għandha tkun miżjuda b’interessi moratorji.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart mill-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Motivazzjoni insuffiċjenti — Regolarizzazzjoni fil-mori tal-proċedura kontenzjuża — Kundizzjonijiet

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Regolamenti — Applikazzjoni b’analoġija — Kundizzjonijiet

3.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

(Artikolu 241 KE)

4.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(d) u (e))

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss ripetizzjoni tal-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 253 KE, huwa intiż, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni biżżejjed sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li qed jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan tal-aħħar jistħarreġ il-legalità tal-att. Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li tista’ ssir deroga minnu biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi.

Huwa possibbli, l-ewwel nett, li motivazzjoni insuffiċjenti — iżda mhux l-assenza totali — tiġi kkumpensata saħansitra fil-mori tal-kawża meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata kellha diġà elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni u, it-tieni nett, li deċiżjoni titqies bħala li hija motivata biżżejjed meta din ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu li jifhem il-portata tagħha.

(ara l-punti 39 u 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament huwa normalment iddefinit mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess u ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi estiż għal sitwazzjonijiet oħra li ma humiex dawk li huwa ried ikopri. Madankollu, jista’ jkun mod ieħor f’ċerti każijiet eċċezzjonali. Huwa għalhekk li operaturi ekonomiċi jistgħu ġustament jinvokaw l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament li normalment ma japplikax għalihom, jekk huma jiġġustifikaw, minn naħa, li s-sistema legali li huma jaqgħu taħtha hija strettament paragunabbli ma’ dik li huma jitolbu l-applikazzjoni tagħha b’analoġija u, min-naħa l-oħra, li s-sistema legali li huma jaqgħu taħtha tinkludi ommissjoni li hija inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, liema ommissjoni tista’ titranġa permezz tal-applikazzjoni b’analoġija tar-regolament li normalment ma japplikax għalihom.

Għalhekk, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament hija suġġetta għall-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ rabta stretta ta’ paragunabbiltà bejn is-sistema legali li normalment tapplika u r-regolament li qed tintalab l-applikazzjoni b’analoġija tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ lakuna fl-imsemmija sistema legali, lakuna li hija inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li tista’ tiġi eliminata bir-regolament li qed tintalab l-applikazzjoni b’analoġija tiegħu.

(ara l-punt 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Frar 1975, Reich, 64/74; 11 ta’ Lulju 1978, Union française de Céréales, 6/78; 12 ta’ Diċembru 1985, Krohn, 165/84, punti 13 u 14

3.      L-Artikolu 241 KE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi li kull parti jkollha d-dritt tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti preċedenti tal-istituzzjonijiet, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li għalhekk hija tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kellha l-possibbiltà li titlob l-annullament tagħhom.

Għaldaqstant, l-Artikolu 241 KE huwa intiż li jipproteġi lill-parti f’kawża mill-applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv illegali, peress illi l-effetti ta’ sentenza li tikkonstata l-inaplikabbiltà ta’ tali att huma limitati biss għall-partijiet fit-tilwima u din is-sentenza ma taffettwax l-att innifsu, li jkun sar inkontestabbli.

(ara l-punt 60)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, punt 39; 19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, punt 119; 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Skont l-Artikolu 35(1)(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tat-tilwima u jinkludi r-raġunijiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa.

Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal ikun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Ġunju 2006, Ott et vs Il‑Kummissjoni, F‑87/05, punt 38; 14 ta’ Mejju 2008, Taruffi vs Il‑Kummissjoni, F‑95/06, punti 121 sa 125; 30 ta’ Novembru 2009, de Britto Patrício-Dias vs Il‑Kummissjoni, F‑16/09, punt 42