Rikors ippreżentat fid-29 ta' Diċembru 2010 - Castiglioni vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-591/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Castiglioni Srl (Busto Arsizio, Italja) (rappreżentant: G. Turri, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
prinċipalment, tannulla l-atti kkontestati deskritti b'mod iktar dettaljat fl-introduzzjoni ta' dan ir-rikors, billi tiddikjara li dawn huma nulli u bla effett, u konsegwentement tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni f'forma speċifika, anki permezz ta' dikjarazzjoni ta' nullità, ta' annullament jew ta' ineffettività tal-kuntratt eventwalment iffirmat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-offerent magħżul;
sussidjarjament, tannulla l-atti kkontestati deskritti b'mod iktar dettaljat fl-introduzzjoni ta' dan ir-rikors, billi tiddikjara li dawn huma nulli u bla effett u konsegwentement tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni, inkluż 'l hekk imsejjaħ dannu kurrikulari subit minn Castiglioni Srl, fl-ammont li jiġi stabbilit matul il-kawża, flimkien mal-interessi u r-rivalutazzjoni monetarja tal-ammont dovut.
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
- L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 137(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), fuq ksur tas-sejħa għal offerti u tal-kjarifiki sussegwenti u fuq nuqqas ta' motivazzjoni.
F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tiddikjara li hija wriet li kienet tissodisfa l-livelli minimi ta' kapaċità rikjesti fis-sejħa għal offerti u li huwa irrilevanti li l-prova dwar dan saret parzjalment b'mod dirett u parzjalment billi ġiet invokata l-kapaċità ta' operatur ekonomiku ieħor jew entità oħra meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-kriterji ta' għażla (avvalimento), peress li din il-possibbiltà hija prevista espressament fid-dispożizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-kawża inkwistjoni. Għaldaqstant, in-nuqqas ta' evalwazzjoni tal-offerta ppreżentata mir-rikorrenti huwa illegali.
- It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 148(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, iċċitat iktar 'il fuq u fuq nuqqas ta' motivazzjoni.
F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tiddikjara li, anki jekk riedet tikkonkludi li d-dokumentazzjoni ppreżentata minnha ma kinitx ċara sabiex issir il-prova tal-istandard ST3, l-awtorità kontraenti messha applikat l-Artikolu 148(3) tar-Regolament Nru 2342/2002.
- It-tielet motiv, ibbażat fuq l-irregolarità tas-sejħa għal offerti.
F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiddikjara li anki jekk jitqies li l-pożizzjoni tal-awtorità kontraenti hija bbażata fuq is-sejħa għal offerti, ir-rikorrenti tikkontesta l-istess sejħa għal offerti billi tinvoka l-istess allegazzjonijiet li hija ppreżentat preċedentement fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors.
____________