Language of document : ECLI:EU:T:2014:237

Kawża T‑637/11

Euris Consult Ltd

vs

Il-Parlament Ewropew

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Malti – Regoli dwar il-modalitajiet ta’ trażmissjoni tal-offerti – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-preżentazzjoni maħsuba sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-offerti qabel jinfetħu – Eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 – Artikolu 143 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-30 ta’ April 2014

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda u li tingħata, fuq talba, informazzjoni supplimentari f’dan ir-rigward

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3))

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Preżentazzjoni tal-offerti u tal-applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni – Stabbiliment tal-modalitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ preżentazzjoni tal-offerti – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza – Obbligu li offerent jinstema’ qabel tiġi miċħuda offerta li ma tkunx konformi mar-regoli previsti fl-avviż ta’ kuntratt – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 98(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 143(3) u 145)

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31-33, 37)

2.      L-Artikolu 143(3) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ preżentazzjoni tal-offerti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-obbligu li l-offerta tiġi ppreżentata f’żewġ envelops stabbilit fl-imsemmi Artikolu 143(2) jippermetti li tiġi preżunta bħala ggarantita l-kunfidenzjalità tal-offerti li l-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti jsib f’żewġ envelops li jkunu ssiġillati u intatti. B’hekk, din ir-regola tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali billi telimina kull riskju ta’ evalwazzjoni arbitrarja meta jinfetħu l-offerti, u dan permezz ta’ nefqa marġinali negliġibbli f’termini finanzjarji u tekniċi meta mqabbla mat-totalità tal-ispejjeż involuti fil-preparazzjoni ta’ offerta.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ japplika biss fil-każijiet fejn l-awtur tal-att ikkontestat ikollu marġni ta’ diskrezzjoni. Dan ma huwiex il-każ meta l-preżentazzjoni ta’ offerta ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 143(3) tar-Regolament Nru 2342/2002. Issa, l-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprekludi l-ftuħ tal-offerti li ma josservawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 143. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti ma tistax tiftaħ tali offerta mingħajr ma tikser l-imsemmi Artikolu 145.

Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 1605/2002 u Nru 2342/2002 ma tipprovdi li l-awtorità kontraenti hija obbligata titlob l-opinjoni ta’ offerent qabel ma tiċħad l-offerta tiegħu minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti formali previsti fid-dokumentazzjoni dwar il-kuntratt li l-osservanza tagħhom tkun ta’ natura sostanzjali. Bl-istess mod, sa fejn deċiżjoni li tiċħad offerta li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti b’mod preċiż fl-avviż ta’ kuntratt u li kellhom jiġu osservat mill-offerenti ma tkun ibbażata fuq ebda kunsiderazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi li offerent seta’ leġittimament ma jkunx jaf biha, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-awtorità kontraenti hija obbligata tisimgħu qabel tadotta tali deċiżjoni. Barra minn hekk, meta l-awtorità kontraenti tkun obbligata tiċħad offerta li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-avviż ta’ kuntratt, il-possibbiltà għall-offerent li jippreżenta osservazzjonijiet ma tkunx ta’ natura li tista’ teżerċita l-iċken influwenza fuq l-eżitu fir-rigward tal-offerta tiegħu.

(ara l-punti 84, 85, 99, 101, 117, 119 u 120)

3.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikat, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi, permezz tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, huwa intiż li japplika bejn l-offerenti li jipparteċipaw fi proċedura partikolari għall-għoti ta’ kuntratt. Għaldaqstant, offerent li ma jkunx osserva r-rekwiżit stabbilit fl-avviż ta’ kuntratt li jippreżenta l-offerta tiegħu f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, li kull wieħed minnhom ikun issiġillat, ma jistax jibbenefika mil-istess trattament bħal dak mogħti lill-offerenti l-oħra li jkunu ppreżentaw offerta fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt peress li tali offerent ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-offerenti l-oħra. F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li dan l-offerent effettivament bagħat offerti oħra f’kundizzjonijiet daqstant ieħor irregolari fil-kuntest ta’ proċeduri oħra għall-għoti ta’ kuntratt, tali offerent ma jistax jinvoka, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-benefiċċju ta’ illegalità.

(ara l-punti 109, 110)