Language of document : ECLI:EU:C:2013:864

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 90/619/KEE u 92/96/KEE — Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja — Dritt ta’ kanċellament — Assenza ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt — Skadenza tad-dritt ta’ kanċellament sena wara l-ħlas tal-ewwel primjum — Konformità mad-Direttivi 90/619/KEE u 92/96/KEE”

Fil-Kawża C‑209/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Walter Endress

vs

Allianz Lebensversicherungs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. Endress, minn J. Kummer, avukat,

–        għal Allianz Lebensversicherungs AG, minn J. Grote u M. Schaaf, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE, tat-8 ta’ Novembru 1990, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 330, p. 50), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE, tal-10 ta’ Novembru 1992, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja) (ĠU L 360, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja”), moqri flimkien mal-Artikolu 31(1) tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Endress u Allianz Lebensversicherungs AG (iktar ’il quddiem “Allianz”) dwar il-kanċellament, min-naħa ta’ W. Endress, ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż ma’ din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tħassru u ġew issostitwiti bid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, p. 1) li sussegwentement tħassret hija wkoll u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012, bid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha ġie konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja jibqgħu rilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża.

 It-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja

4        Skont il-ħdax-il premessa tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, “għall-kuntratti ta’ [assigurazzjoni fuq il-ħajja], il-persuna assigurata għandha tingħata l-possibbiltà li tikkanċella l-kuntratt fi żmien terminu ta’ bejn erbatax u tletin jum”.

5        L-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja kien jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li persuna assigurata li tikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jkollha perijodu ta’ bejn erbatax u tletin jum minn meta hija kienet informata li l-kuntratt ġie konkluż biex fih tikkanċella l-kuntratt.

[...]

L-effetti legali l-oħra u l-kundizzjonijiet għall-kanċellament għandhom jiġu ddeterminati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt [...], b’mod partikolari fir-rigward tal-arranġamenti biex il-persuna assigurata tiġi informata li l-kuntratt ġie konkluż.

[...]”

 It-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja

6        Il-premessa 23 tat-Tielet Diretiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja kienet taqra kif ġej:

“[…] f’suq wieħed tal-assigurazzjoni l-konsumatur se jkollu għażla iktar wiesgħa u varjata ta’ kuntratti; […] jekk għandu jiggwadanja b’mod sħiħ minn din id-diversità u minn żieda fil-kompetizzjoni, huwa għandu jiġi pprovdut bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tippermettilu jagħżel il-kuntratt l-iktar adatt għall-bżonnijiet tiegħu; […] dan ir-rekwiżit dwar l-informazzjoni huwa iktar u iktar importanti peress li l-impenji jistgħu jkunu għal perijodi twal ħafna; […] għalhekk id-dispożizzjonijiet minimi għandhom ikunu kkoordinati sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti lilu kif ukoll dwar id-dettalji tal-entitajiet li quddiemhom jistgħu jitressqu l-ilmenti tad-detenturi ta’ poloz, tal-persuni assigurati jew tal-benefiċjarji ta’ kuntratti” [...]”

7        L-Artikolu 31(1) u (4) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.      Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness II għandha tiġi kkomunikata lill-persuna assigurata.

[...]

4.      Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu u tal-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru [kkonċernat].”

8        L-Anness II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni għall-persuni assigurati”, kien jipprovdi:

“L-informazzjoni li ġejja, li għandha tiġi kkomunikata lill-persuna assigurata qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt (A) jew matul it-terminu tal-kuntratt (B), għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u preċiż, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru [kkonċernat].

[...]

A.      Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt

[...]

a.13      Arranġamenti għall-applikazzjoni tal-perijodu għall-kanċellament

[...]”

 Id-Direttiva 85/577/KEE

9        Skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), “[i]l-karatteristika speċjali tal-kuntratti magħmula barra mill-uffiċju tan-negozjant hija li [...] il-konsumatur ma jkunx lest [għal dawn in-negozjati] jew li ma jeskludi[hom]x [u li] ta’ spiss il-konsumatur ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità [u l-prezz] ta’ l-offerta ma’ offerti oħra [...]”.

10      Il-ħames premessa ta’ din id-direttiva tgħid li “l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar [...] biex ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt”.

11      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta’ mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabilita fil-liġi nazzjonali. Għandu jkun biżżejjed jekk l-avviż jintbgħat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 5a tal-Liġi dwar il-kuntratti ta’ assigurazzjoni (Versicherungsvertragsgesetz, iktar ’il quddiem il-“VVG”) tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, dan l-artikolu kien jipprovdi:

“1.      Jekk l-assiguratur ma jkunx ikkunsinna l-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni lill-persuna assigurata fiż-żmien tal-applikazzjoni jew ikun naqas milli jipprovdi l-informazzjoni lill-konsumatur kif rikjest [bid-dispożizzjonijiet applikabbli], il-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat li ġie konkluż abbażi tad-dokument tal-polza, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni u l-informazzjoni addizzjonali lill-konsumatur li hija rilevanti għas-suġġett tal-kuntratt, sakemm il-persuna assigurata ma topponix bil-miktub fi żmien erbatax-il jum mill-kunsinna tad-dokumenti. [...]

2.      Il-perijodu jibda jiddekorri biss minn meta d-dokument tal-polza u d-dokumentazzjoni skont il-paragrafu 1 ikunu disponibbli għalkollox għall-persuna assigurata u l-persuna assigurata tkun ġiet informata bil-miktub, b’forma tipografika ċara, dwar id-dritt ta’ oppożizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu u t-tul tiegħu. [...] Madankollu, minkejja l-ewwel sentenza, id-dritt ta’ oppożizzjoni jiskadi sena wara l-ħlas tal-ewwel primjum.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, W. Endress ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ma’ Allianz b’effett mill-1 ta’ Diċembru 1998. Huwa rċieva l-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni u l-informazzjoni lill-konsumatur biss fil-mument meta Allianz bagħtitlu l-polza tal-assigurazzjoni. Meta Allianz b’hekk aċċettat li tikkonkludi dan il-kuntratt ma W. Endress, hija ma informatx lil dan tal-aħħar b’mod suffiċjenti bid-drittijiet mogħtija lilu bl-Artikolu 5a tal-VVG.

14      Skont l-imsemmi kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, W. Endress kellu jħallas primjum annwali matul perijodu ta’ ħames snin mix-xahar ta’ Diċembru 1998 u, inkambju, Allianz kellha tħallsu renta mill-1 ta’ Diċembru 2011. Madankollu, fl-1 ta’ Ġunju 2007, W. Endress innotifika lil Allianza bit-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2007. Matul dan ix-xahar ta’ Settembru 2007, Allianz ħallset lill-persuna kkonċernata l-valur tar-rimbors tal-istess kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, li kien inqas mill-ammont totali tal-primjums ta’ assigurazzjoni miżjuda bl-imgħaxijiet.

15      B’ittra tal-31 ta’ Marzu 2008, W. Endress eżerċita d-dritt tiegħu ta’ “oppożizzjoni” skont l-Artikolu 5a tal-VVG. Huwa talab lil Allianz tirrimborsalu l-primjums kollha miżjuda bl-imgħaxijiet, wara t-tnaqqis tal-valur tar-rimbors diġà mħallas.

16      Ir-rikors ta’ W. Endress għall-ħlas minn Allianz ta’ dan l-ammont addizzjonali ġie miċħud mill-qorti tal-ewwel istanza. L-appell ippreżentat mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza ġie miċħud ukoll.

17      W. Endress għalhekk appella fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof. Dik il-qorti tikkunsidra li dan l-appell jista’ jintlaqa’ biss jekk il-persuna kkonċernata kien għad kellha dritt ta’ oppożizzjoni, minkejja r-raba’ sentenza tal-Artikolu 5a(2) tal-VVG, peress li kienet għaddiet iktar minn sena mill-ħlas tal-ewwel primjum ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa determinanti li jsir magħruf jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi limitazzjoni tat-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva [dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja], fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tat-[Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni, bħal dik tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 5a(2) tal-[VVG, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali], li tagħti lill-persuna assigurata d-dritt ta’ rinunzja [kanċellament] jew id-dritt ta’ oppożizzjoni għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena, li jibda jiddekorri mill-ħlas tal-ewwel primjum ta’ assigurazzjoni, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx ġie informat bid-dritt tiegħu ta’ rinunzja [kanċellament] jew ta’ oppożizzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għandha l-ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, billi tibbaża ruħha fuq il-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, Ġabra p. I‑131, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minn dan jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata titlaq mill-ipoteżi, minkejja d-dubji li esprimiet Allianz f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, W. Endress ma ġiex informat bid-dritt ta’ kanċellament tiegħu jew, għall-inqas, ma ġiex hekk informat b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 5a tal-VVG, li jirrigwarda l-modalitajiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni skont il-mudell imsejjaħ “tal-kunsinna tal-polza”, kinitx, fl-intier tagħha, konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

21      Għalhekk, is-suġġett ta’ din il-kawża huwa limitat għall-kwistjoni jekk l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament previst fl-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja setax jiġi limitat, permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-perijodu ta’ sena mid-data tal-ħlas, mill-persuna assigurata, tal-ewwel primjum skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni kkonċernat, anki meta l-imsemmija persuna ma kinitx ġiet informata b’dan id-dritt ta’ kanċellament.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm it-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja la kienu jsemmu l-każ li fih il-persuna assigurata ma ġietx informata bid-dritt ta’ kanċellament tagħha u lanqas, għaldaqstant, l-impatt li seta’ jkollha din l-assenza ta’ informazzjoni fuq dan id-dritt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja kien jipprovdi li “l-kundizzjonijiet għall-kanċellament [kellhom] jiġu ddeterminati bil-liġi [nazzjonali] applikabbli għall-kuntratt”.

23      Għalhekk, l-Istati Membri kienu tabilħaqq intitolati jadottaw regoli dwar il-modalitajiet preċiżi ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament, u dawn il-modalitajiet setgħu jinkludu, min-natura tagħhom, ċerti limitazzjonijiet ta’ dan id-dritt. Madankollu, fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri kienu obbligati, skont ġurisprudenza stabbilita, li jiżguraw l-effettività tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, fid-dawl tal-għan tagħhom (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 73).

24      Issa f’dak li jirrigwarda l-għan tal-imsemmija direttivi, għandu jitfakkar li l-premessa 23 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja kienet tispeċifika li “f’suq wieħed tal-assigurazzjoni l-konsumatur [għandu] għażla iktar wiesgħa u varjata ta’ kuntratti”. Skont din il-premessa wkoll, “jekk għandu jiggwadanja b’mod sħiħ minn din id-diversità u minn żieda fil-kompetizzjoni, [l-imsemmi konsumatur] għandu jiġi pprovdut bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tippermettilu jagħżel il-kuntratt l-iktar adatt għall-bżonnijiet tiegħu” (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2002, Axa Royale Belge, C‑386/00, Ġabra p. I‑2209, punt 28). Fl-aħħar nett, l-imsemmija premessa kienet tispeċifika li “dan ir-rekwiżit dwar l-informazzjoni [kien] iktar u iktar importanti peress li l-impenji [setgħu] jkunu għal perijodi twal ħafna”.

25      Bil-għan li jintlaħaq dan l-għan ta’ informazzjoni speċifikat fil-premessa 23 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, l-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt a.13 tal-Anness II tagħha, kien jipprovdi li, “mill-inqas”, il-“[m]odalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament” kellhom jiġu kkomunikati lill-persuna assigurata, u dan “[q]abel ma jiġi konkluż il-kuntratt”. Għalhekk, kemm mill-istruttura kif ukoll mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja jirriżulta ċar li din tal-aħħar kienet tfittex li tiżgura li l-persuna assigurata tirċievi informazzjoni eżatta fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ kanċellament tagħha.

26      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-iskadenza tad-dritt tal-persuna assigurata li tikkanċella l-kuntratt f’mument meta hija ma tkunx ġiet informata b’dan id-dritt tmur kontra t-twettiq ta’ għan essenzjali li t-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja jfittxu li jilħqu u, għalhekk, tmur kontra l-effettività ta’ dawn tal-aħħar.

27      Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument, sostnut b’mod partikolari minn Allianz, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jeżiġi dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, jekk konsumatur ma kienx konxju tal-eżistenza ta’ dritt ta’ kanċellament, kien impossibbli għalih li jeżerċitah u li, għaldaqstant, raġunijiet ta’ ċertezza legali ma setgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tal-perijodu li matulu seta’ jiġi eżerċitat id-dritt ta’ kanċellament skont id-Direttiva 85/577, sa fejn dawn kienu jimplikaw limitazzjoni tad-drittijiet espressament mogħtija lill-konsumaturi sabiex jiġu protetti kontra r-riskji li joħorġu mill-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għażlu li jikkonkludu ftehim barra mil-lok tan-negozju tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, C‑481/99, Ġabra p. I‑9945, punti 45 u 47).

28      Għalkemm is-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, tirrigwarda d-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tad-Direttiva 85/577 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, u għalkemm, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn din id-direttiva u t-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġu applikati għad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-riskji marbuta, għall-konsumatur, mal-konklużjoni ta’ kuntratt barra mil-lok tan-negozju tal-parti kontraenti l-oħra, minn naħa, u dawk marbuta, għall-persuna assigurata, mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fl-assenza ta’ informazzjoni konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 31 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, moqri flimkien mal-Anness II ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, huma komparabbli.

29      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, id-Direttiva 85/577, din tal-aħħar issemmi, fir-raba’ premessa tagħha, b’mod partikolari l-fatt li “ta’ spiss il-konsumatur ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità [u l-prezz] ta’ l-offerta ma’ offerti oħra” u, fil-ħames premessa tagħha, il-fatt li “l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar [...] biex ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt”. Min-naħa l-oħra, billi l-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma prodotti finanzjarji legalment kumplessi, li jistgħu jkunu kunsiderevolment differenti skont l-assiguratur li joffrihom u li jistgħu jinvolvu impenji finanzjarji sinjifikattivi u li potenzjalment japplikaw għal żmien twil, il-persuna assigurata tinsab f’sitwazzjoni ta’ dgħufija meta mqabbla mal-assiguratur, liema sitwazzjoni hija analoga għal dik li jinsab fiha konsumatur fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratt barra mil-lok tan-negozju.

30      Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, l-assiguratur ma jistax validament jinvoka raġunijiet ta’ ċertezza legali sabiex jirrimedja sitwazzjoni kkawżata min-nuqqas tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li jikkomunika lista ddefinita ta’ informazzjoni, li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar id-dritt tal-persuna assigurata li tikkanċella l-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

31      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti lanqas ma jistgħu jitqiegħdu fid-dubju mill-fatt, invokat b’mod partikolari minn Allianz, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ kanċellament stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 85/577 jista’ jiskadi anki meta l-konsumatur ikun irċieva informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Hamilton, C‑412/06, Ġabra p. I‑2383, punt 49). Fil-fatt, dik is-sentenza tirrigwarda l-konformità, mal-imsemmija direttiva, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal tali skadenza xahar wara l-eżekuzzjoni kompleta, mill-partijiet kontraenti, tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt. Issa f’din il-kawża, tali dispożizzjoni ma hijiex inkwistjoni, billi l-leġiżlatur nazzjonali kkonċernat ma adottax tali dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-persuna assigurata dritt ta’ kanċellament għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena biss, li jibda jiddekorri mill-ħlas tal-ewwel primjum ta’ assigurazzjoni, meta din il-persuna ma tkunx ġiet informata bid-dritt ta’ kanċellament tagħha.

 Fuq l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

33      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Allianz talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li t-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34      Insostenn ta’ din it-talba, Allianz tirrileva li din is-sentenza tista’ taffettwa iktar minn 108 miljun kuntratt ta’ assigurazzjoni konklużi bejn l-1995 u l-2007 u li, bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti, tħallsu primjums li jirrappreżentaw somma ta’ EUR 400 biljun. Allianz stess ikkonkludiet bejn wieħed u ieħor 9 miljun kuntratt ta’ dan it-tip matul dan il-perijodu, u rċeviet primjums li jammontaw, bejn wieħed u ieħor, għal EUR 62 biljun.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tillimita ruħha li tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha (ara s-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li tippresupponi li jkun hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, dovuti b’mod partikolari għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u li jkun jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir li ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha possibbilment ikkontribwixxa l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa f’dak li jirrigwarda, f’din il-kawża, l-elementi li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li Allianz, li ma ressqitx provi f’dan ir-rigward, illimitat ruħha li ssemmi numru kbir ħafna ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li ġew konklużi skont is-sistema msejħa ta’ “kunsinna tal-polza” u li bis-saħħa tagħhom tħallsu primjums li, b’kollox, jirrappreżentaw somma kbira ħafna. Madankollu Allianz ma pprovdietx data dwar in-numru, li huwa l-unika prova rilevanti f’din il-kawża, ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li għalihom il-persuna assigurata ma ġietx informata bid-dritt ta’ kanċellament tagħha, u hija lanqas ma kkalkolat ir-riskju ekonomiku marbut, għal Allianz, mal-possibbiltà, għall-persuni assigurati kkonċernati, li jikkanċellaw dawn il-kuntratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji ma ġietx ipprovata.

38      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ “inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva” fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 31 ta’ din is-sentenza, ma kienu jħallu ebda lok għal dubju dwar l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fil-possibbiltà mogħtija lill-persuna assigurata li tikkanċella kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jekk hija tqis li dan il-kuntratt ma jikkorrispondix bl-aħjar mod għall-bżonnijiet tiegħu, u dan filwaqt li jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha fil-pussess tagħha.

39      Dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet tirrestrinġi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament mogħti lill-persuna assigurata għal perijodu ta’ sena mill-ħlas tal-ewwel primjum, meta din il-persuna ma kinitx ibbenefikat minn informazzjoni konformi mal-Artikolu 31 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, kienet tmur kjarament kontra dan il-għan. Għalhekk, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat li teżisti “inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva” fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

40      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE, tat-8 ta’ Novembru 1990, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE, tal-10 ta’ Novembru 1992, moqri flimkien mal-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva tal-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-persuna assigurata dritt ta’ kanċellament għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena biss, li jibda jiddekorri mill-ħlas tal-ewwel primjum ta’ assigurazzjoni, meta din il-persuna ma tkunx ġiet informata bid-dritt ta’ kanċellament tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.