Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib – Kwoti – Taxxa addizzjonali – Regolament (KEE) Nru 3950/92 – Artikolu 2 – Ġbir tat-taxxa mix-xerrej – Kunsinni li jaqbżu l-kwantità ta’ referenza disponibbli għall-produttur – Ammont tal-prezz tal-ħalib – Applikazzjoni obligatorja ta’ tnaqqis – Ħlas lura tal-ammont tat-taxxa miġbura żejda – Regolament (KE) Nru 1392/2001 – Artikolu 9 – Xerrej – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tinġabar it-taxxa addizzjonali – Produtturi – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas fix-xahar – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑46/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Caseificio Sociale San Rocco Soc. coop. arl,

Franco u Maurizio Artuso,

Claudio Matteazzi

Roberto Tellatin

Sebastiano Bolzon,

vs

Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA),

Regione Veneto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Caseificio Sociale San Rocco Soc. coop. arl, F. u M. Artuso, C. Matteazzi u R. Tellatin, par M. Aldegheri, avvocatessa,

–        għal S. Bolzon, minn M. Aldegheri u E. Ermondi, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u D. Bianchi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi taxxa miżjuda fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 (ĠU 1999, L 160, p. 73) (iktar’ il quddiem ir-“Regolament Nru 3950/92”), kif ukoll tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Caseificio Sociale San Rocco Soc. coop. arl (iktar ’il quddiem l-“ewwel xerrej”), li hija kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Taljan, kif ukoll minn Franco u Maurizio Artuso, Claudio Matteazzi, Roberto Tellatin u Sebastiano Bolzon, produtturi tal-ħalib Taljani, u l-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA) (l-Aġenzija għall-Għoti ta’ Għajnuna fis-Settur Agrikolu, l-Italja) u r-Regione Veneto (ir-Reġjun ta’ Veneto, l-Italja), fir-rigward tal-kwoti tal-ħalib u tat-taxxa addizzjonali għall-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 3950/92

3        Il-premessi 6 u 8 tar-Regolament Nru 3950/92 jipprovdu:

“[Billi], jekk il-kwantitajiet globali ggarantiti lill-Istat Membru jiġu eċċeduti, dan iwassal għall-ħlas tat-taxxa mill-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċess; […]

[…]

billi, sabiex jiġi evitat, bħal fil-passat, dewmien twil fil-ġbir u fil-ħlas tat-taxxa, li huma inkompatibbli mal-għan tal-iskema, għandu jiġi stabbilit li x-xerrej, li jidher li huwa fl-aħjar pożizzjoni li jwettaq it-tranżazzjonijiet neċessarji, huwa l-persuna responsabbli għall-ġbir tat-taxxa u li huwa għandu jingħata l-mezzi sabiex jiżgura l-ġbir tagħha mingħand il-produtturi li huma responsabbli għall-ħlas tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għal tmien perijodi ġodda konsekuttivi ta’ tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta’ April 2000, hija stabbilita taxxa addizzjonali li għandha titħallas mill-produtturi tal-ħalib tal-baqar fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib jew ekwivalenti ta’ ħalib ikkunsinnati lil xerrej jew mibjugħa direttament għall-konsum matul il-perijodu ta’ tnax il-xahar inkwistjoni u li jaqbżu kwantità li għandha tiġi ddeterminata.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      It-taxxa għandha titħallas fuq il-kwantitajiet kollha ta’ ħalib jew l-ekwivalenti ta’ ħalib ikkummerċjalizzati matul il-perijodu ta’ 12-il xahar inkwistjoni b’eċċedent mill-kwantità rilevanti msemmija fl-Artikolu 3. Din għandha tinqasam bejn il-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċedent.

Skont deċiżjoni tal-Istat Membru, il-kontribuzzjoni ta’ produtturi lejn it-taxxa pagabbli għandha tkun stabbilita, wara li l-kwantitajiet ta’ referenza mhux użati jkunu ġew allokati mill-ġdid jew le, jew fil-livell tax-xerrej, fid-dawl tal-eċċedent li jibqa’ wara li kwantitajiet ta’ referenza mhux użati jkunu ġew allokati proporzjonalment għall-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kull produttur, jew fil-livell nazzjonali, fid-dawl tal-eċċedent fil-kwantità ta’ referenza ta’ kull produttur individwali.

2.      Fir-rigward tal-kunsinni, qabel data u skont regoli ddettaljati li għandhom ikunu stabbiliti, ix-xerrej li huwa suġġett għat-taxxa għandu jħallas lill-korp kompetenti tal-Istat Membru l-ammont dovut, li huwa għandu jnaqqas mill-prezz tal-ħalib imħallas lill-produtturi li għandhom iħallsu t-taxxa u jekk jonqsu milli jagħmlu dan, li jiġbru bi kwalunkwe mezz xieraq.

[…]

Fejn kwantitajiet ikkunsinnati minn produttur jeċċedu l-kwantità ta’ referenza tiegħu, ix-xerrej huwa awtorizzat, permezz ta’ avvanz fuq it-taxxa pagabbli, skont ir-regoli ddettaljati stabbiliti mill-Istat Membru, li jnaqqas ammont mill-prezz tal-ħalib fir-rigward ta’ kwalunkwe kunsinna minn dak il-produttur li teċċedi l-kwantità ta’ referenza tiegħu.

3.      F’dak li jirrigwarda l-bejgħ dirett, il-produttur għandu jħallas it-taxxa dovuta lill-korp kompetenti tal-Istat Membru qabel data u b’mod konformi ma’ modalitajiet li għandhom jiġu stabbiliti.

4.      Fejn it-taxxa hija dovuta u l-ammont miġbur huwa ikbar minn dik it-taxxa, l-Istat Membru jista’ juża l-eċċedent biex jiffinanzja l-miżuri msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 8 u/jew iqassmu mill-ġdid lill-produtturi li jaqgħu fil-kategoriji ta’ prijorità stabbiliti mill-Istat Membru fuq bażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ddeterminati jew li huma affettwati minn sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali mhux konnessa ma’ din l-iskema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

 Ir-Regolament Nru 1392/2001

6        Skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1392/2001:

“Skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92, il-Kummissjoni hija responsabbli sabiex tistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta’ liema kategoriji ta’ prijorità ta’ produttur jistgħu jibbenefikaw minn rimbors ta’ l-imposta [taxxa] meta l-Istat Membru jkun iddeċieda li ma jirriallokax totalment kwantitajiet li mhumiex użati fit-territorju tiegħu. Stat Membru jista’ jkun awtorizzat sabiex juża kriterji oħra, fil-konsultazzjoni mal-Kummissjoni, biss fil-każ li l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni ma jistgħux ikunu kompletament applikati f’dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1392/2001 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta approprjat, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kategoriji ta’ prijorità ta’ produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92, abbażi ta’ kriterju objettiv wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin, skond il-prijorità:

(a)      rikonoxximent formali mill-awtorità kumpetenti ta’ l-Istat Membru li l-imposta [taxxa] kollha jew parti minnha kienet mitluba b’mod żbaljat;

(b)      il-post ġeografiku ta’ l-azjenda, u primarjament żoni bil-muntanji […];

(ċ)      id-densità massima tal-ħażna fuq l-azjenda għall-iskopijiet ta’ produzzjoni estensiva tal-bhejjem;

(d)      l-ammont li bih il-kwantità individwali ta’ referenza hija maqbuża;

(e)      il-kwantità ta’ referenza tal-produttur.

2.      Meta r-riżorsi finanzjarji disponibbli għal perjodu partikolari mhumiex użati wara li l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ġew applikati, l-Istat Membru għandu jadotta kriterja objettivi oħra wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni.”

 Id-dritt Taljan

8        Skont l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-decreto-legge n. 49, recante riforma della normativa in tema di applikazione del prelievo supplementare nel settore del latte e dei proporti lattiero-caseari (id-Digriet-Liġi Nru 49 li Jirriforma r-Regoli dwar l-Applikazzjoni tat-Taxxa Addizzjonali fis-Settur tal-Ħalib u tal-Prodotti tal-Ħalib), tat-28 ta’ Marzu 2003, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, mil-Liġi Nru 119, tat-30 ta’ Mejju 2003 (GURI Nru 124, tat-30 ta’ Mejju 2003, iktar’ il quddiem il-“Liġi Nru 119/2003”):

“1.      Fi żmien xahar wara x-xahar ta’ referenza, ix-xerrejja għandhom jittrażmettu lir-reġjuni u lill-provinċji awtonomi li ħarġulhom awtorizzazzjoni d-data li tirriżulta mill-aġġornament tar-reġistru mensili miżmum b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1392/2001, anki meta huma ma ħadux kunsinna ta’ ħalib. Ix-xerrejja għandhom inaqqsu t-taxxa addizzjonali, ikkalkolata abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3950/92, kif emendat, fir-rigward tal-ħalib ikkunsinnat b’eċċedent tal-kwantità ta’ referenza individwali allokata għal kull produttur individwali li jittrasferixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ varjazzjonijiet matul dan il-perijodu, […]

2. Fi żmien 30 jum mill-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-punt 1, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(27) sa (32), ix-xerrejja għandhom iħallsu l-ammonti mnaqqsa fil-kont kurrenti miftuħ mal-istituzzjoni finanzjarja tal-AGEA […].”

9        L-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 119/2003, dwar il-ħlas lura tat-taxxi mħallsa żejda, jipprovdi:

“1.      Fl-aħħar ta’ kull perijodu, l-AGEA:

(a)      għandha tfassal dikjarazzjoni tal-kunsinni tal-ħalib magħmula u t-taxxa totali mħallsa mix-xerrejja skont il-qadi tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)      għandha tikkalkola t-taxxa nazzjonali totali pagabbli lill-Unjoni Ewropea għall-produzzjoni eċċedenti fil-kunsinni;

(ċ)      għandha tikkalkola l-ammont tat-taxxa mħallsa żejda;

[…]

3.      L-ammont imsemmi fil-punt 1(ċ), imnaqqas bl-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jinqasam bejn il-produtturi li għandhom kwota li ħallsu t-taxxa, skont il-kriterji u fl-ordni li ġejja:

(a)      bejn il-produtturi li fir-rigward tagħhom it-totalità jew parti mit-taxxa applikata lilhom inġabret indebitament jew ma għadhiex iktar dovuta;

(b)      bejn il-produtturi proprjetarji ta’ rziezet li jinsabu f’żoni tal-muntanji […];

(c)      bejn il-produtturi proprjetarji ta’ rziezet li jinsabu fiż-żoni żvantaġġati […];

(cbis)      bejn il-produtturi li jkunu sofrew, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità sanitarja kompetenti, projbizzjoni ta’ movimenti ta’ annimali f’żoni milquta minn mard li jittieħed, għal mill-inqas disgħin jum matul perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, u li, għal din ir-raġuni, kienu kostretti jipproduċu kwantità superjuri, sa massimu ta’ 20 %, għall-kwantità ta’ referenza allokata. […]

4.      Jekk dawn il-ħlasijiet lura ma jeżawrixxux l-ammont disponibbli msemmi fil-punt 3, il-bqija għandu jinqasam bejn produtturi li għandhom kwota li ħallsu t-taxxa, ħlief għal dawk li eċċedew il-kwantità ta’ referenza individwali tagħhom b’iktar minn 100 fil-mija, skont il-kriterji u fl-ordni li ġejja […]”.

10      L-Artikolu 2(3) tad-decreto-legge del 24 giugno 2004 n.157 - Disposizioni urgenti per l’etichettatura di alcuni prodotti agroalimentari, nonché in materia di agricoltura e pesca (id-Digriet-Liġi Nru 157 tal-24 ta’ Ġunju 2004 - Dispożizzjonijiet urġenti dwar it-tikkettar ta’ xi prodotti agroalimentari, u dwar l-agrikoltura u s-sajd) (GURI, Nru 147, tal-25 ta’ Ġunju 2004, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 157/2004”) jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 9 [tal-Liġi Nru 119/2003], ammonti mħallsa żejda tat-taxxa mħallsa kull xahar mill-produtturi li huma aġġornati mal-pagamenti tagħhom għandhom jitħallsu lura lill-produtturi. Fl-aħħar ta’ dik l-operazzjoni, jekk it-total aħħari tal-allokazzjonijiet tat-taxxa li għandhom isiru huwa ikbar mit-taxxa pagabbli lill-Unjoni Ewropea, biż-żieda ta’ 5 fil-mija, l-AGEA għandha tikkanċella t-taxxa mħallsa żejda għall-produtturi li għadhom ma għamlux il-ħlasijiet ta’ kull xahar, billi tapplika l-kriterji ta’ prijorità stabbiliti mill-Artikolu 9(3) u (4), bla ħsara għas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) tal-istess digriet-liġi”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Matul il-perijodu ta’ referenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma osservawx il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, sa fejn, minn naħa, l-ewwel xerrej ma wettaqx it-tnaqqis u l-ħlas ta’ kull xahar tat-taxxa addizzjonali u fejn, min-naħa l-oħra, il-produtturi ma ssodisfawx l-obbligu ta’ ħlas tagħhom fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Liġi Nru 119/2003 u tal-Artikolu 2(3) tad-Digriet-Liġi Nru 157/2004.

12      Fit-28 ta’ Lulju 2004, l-AGEA bagħtet notifika lill-ewwel xerrej dwar il-kwoti tal-ħalib u t-taxxa addizzjonali għall-perijodu ta’ referenza.

13      Din in-notifika kienet tispeċifika, b’mod partikolari, li l-AGEA kienet applikat l-Artikolu 2(3) tad-Digriet-Liġi Nru 157/2004, li jgħid li ammonti mħallsa żejda tat-taxxa mħallsa kull xahar mill-produtturi li ssodisfaw l-obbligu ta’ ħlas tagħhom għandhom jitħallsu lura lil dawn l-istess produtturi u li, jekk, fi tmiem dawn l-operazzjonijiet, l-ammont totali ta’ allokazzjonijiet tat-taxxa li għandhom isiru huwa ikbar mit-taxxa pagabbli lill-Unjoni, biż-żieda ta’ 5 fil-mija, l-AGEA ma għandhiex titlob il-ħlas tat-taxxa mħallsa żejda lill-produtturi li għadhom ma għamlux il-ħlasijiet ta’ kull xahar, billi tapplika l-kriterji ta’ prijorità stabbiliti mill-Artikolu 9(3) u (4) tal-Liġi Nru 119/2003.

14      F’anness ma’ din in-notifika, l-AGEA kienet hemżet skeda, li kienet tindika, għall-perijodu ta’ referenza, fir-rigward ta’ kull produttur, l-ammonti tat-taxxa diġà mħallsa u kkonfermati, kif ukoll l-ammonti li għandhom jitħallsu lura hekk kif ikkalkolati b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Liġi Nru 119/2003. L-AGEA ppreċiżat, barra minn hekk, li l-impriża li tixtri kienet obbligata tħallas lill-produtturi kkonċernati l-ammonti mħallsa lura u li tħallas, minflok il-produtturi, l-ammonti mitluba u indikati fl-imsemmija skeda.

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-annullament tal-imsemmija notifika, billi sostnew, b’mod partikolari, li l-obbligu ta’ tnaqqis ta’ kull xahar, impost fuq ix-xerrej, skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 119/2003, u l-kriterju ta’ prijorità fit-tqassim tat-taxxa mħallsa żejda, li jiffavorixxi lill-produtturi li ssodisfaw l-obbligu ta’ ħlas tagħhom u li huwa previst fl-Artikolu 9(3) tal-Liġi Nru 119/2003 kif ukoll fl-Artikolu 2(3) tad-Digriet-Liġi Nru 157/2004, imorru kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92.

16      It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) ċaħdet ir-rikors.

17      Adita fl-appell mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza mhux finali, mogħtija fil-11 ta’ Diċembru 2017, iddikjarat parzjalment fondati l-ilmenti fformulati fl-appell, billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-obbligu previst fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 119/2003 ma jistax jiġi applikat fir-rigward tax-xhur ta’ Jannar, ta’ Frar u ta’ Marzu 2004, minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni fuq id-drittijiet u fuq l-obbligi tal-produtturi li ma kkonformawx ruħhom ma’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-kawża fuq il-mertu, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li [l-konsegwenza tal-]inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-[Regolament Nru 3950/92, hija] l-ineżistenza tal-obbligu tal-produtturi li jħallsu taxxa addizzjonali, jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament jiġu sodisfatti?

2)      F’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-kawża fuq il-mertu, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali [ta’ protezzjoni] tal-aspettativi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aspettattvi ta’ persuni li jkunu osservaw obbligu impost minn Stat Membru, u li jkunu bbenefikaw mill-effetti relatati mal-osservanza ta’ dan l-obbligu, ma jgawdux minn din il-protezzjoni meta l-imsemmi obbligu jirriżulta li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

3)      F’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-kawża fuq il-mertu, l-Artikolu 9 tar-[Regolament Nru 1392/2001] u l-kunċett ta’ ‘kategorija ta’ prijorità’ fid-dritt tal-Unjoni jippreklud[u] dispożizzjoni ta’ Stat Membru li, [bħall-]Artikolu 2(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/2004, adottat mir-Repubblika Taljana, [t]ipprevedi modalitajiet iddiferenzjati ta’ rimbors tat-taxxa addizzjonali impost[a] b’mod eċċessiv, billi jiddistingwi, għall-finijiet ta’ skaletta u ta’ modalitajiet ta’ rimbors, bejn il-produtturi li jkunu qiesu lilhom infushom vinkolati minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżulta kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u dawk il-produtturi li ma jkunux osservaw din id-dispożizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3950/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali mix-xerrej mingħand il-produtturi ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni timplika li l-produtturi suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni ma humiex iktar debituri ta’ din it-taxxa.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali, stabbilit mir-Regolament Nru 3950/92, huwa bbażat fuq id-distinzjoni bejn il-bejgħ dirett ta’ ħalib għall-konsum u l-kunsinni ta’ ħalib lil xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C‑230/01, EU:C:2004:20, punt 28).

22      Għalhekk, fil-każ ta’ bejgħ dirett, il-produttur huwa obbligat iħallas direttament it-taxxa dovuta lill-korp kompetenti tal-Istat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C‑230/01, EU:C:2004:20, punt 29).

23      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunsinni, huwa x-xerrej li, kif jirriżulta mit-tmien premessa tal-imsemmi regolament, huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżgura l-ġbir tat-taxxa mingħand il-produtturi, li għandu jħallas din it-taxxa lil dan il-korp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C‑230/01, EU:C:2004:20, punt 29).

24      Għal dan il-għan, mill-ewwel u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament jirriżulta li x-xerrej għandu l-possibbiltà li jżomm fuq il-prezz tal-ħalib imħallas lill-produttur l-ammont dovut minn dan tal-aħħar bħala taxxa addizzjonali u li, fin-nuqqas ta’ użu ta’ din il-possibbiltà, huwa jista’ jiġbor dan l-ammont b’kull mezz xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Consorzio Caseifici dell’ Altopiano di Asiago, C-288/97, EU:C:1999:214, punt 32).

25      Dan espost, indipendentement minn dawn ir-regoli speċifiċi, dwar il-modalitajiet għall-ġbir, mix-xerrej, tat-taxxa mingħand il-produtturi, il-produttur jibqa’, fi kwalunkwe każ, debitur ta’ din it-taxxa.

26      Għalhekk, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3950/92 jipprevedi li t-taxxa addizzjonali stabbilita fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament għandha titqassam bejn il-produtturi li kkontribwixxew sabiex jinqabżu l-kwantitajiet ta’ referenza. Bl-istess mod, is-sitt premessa ta’ dan ir-regolament tippreċiża li l-qbiż ta’ waħda jew oħra mill-kwantitajiet globali jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa minn dawn il-produtturi.

27      Minn dan l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mat-tmien premessa tal-imsemmi regolament, jirriżulta li huwa l-produttur li huwa debitur tat-taxxa dovuta fuq kull kwantità ta’ ħalib ikkummerċjalizzata, sa fejn din taqbeż jew il-kwantità ta’ referenza mogħtija għall-bejgħ dirett, jew dik attribwita għall-kunsinna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Consorzio Caseifici dell’Altopiano di Asiago, C‑288/97, EU:C:1999:214, punt 19).

28      Barra minn hekk, din l-imputazzjoni tat-taxxa lill-produttur hija intrinsikament marbuta mal-għan tat-taxxa addizzjonali, li jikkonsisti b’mod partikolari fl-impożizzjoni tal-obbligu, fuq il-produtturi tal-ħalib, li josservaw il-kwantitajiet ta’ referenza li ġew assenjati lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178, punt 75 kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑433/15, EU:C:2018:31, punt 62).

29      Għaldaqstant, għalkemm, f’dak li jirrigwarda l-kunsinni, ix-xerrej huwa responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, xorta jibqa’ l-fatt li, kemm f’dan il-każ ipotetiku kif ukoll fil-każ ta’ bejgħ dirett, it-taxxa hija responsabbiltà tal-produtturi u tista’, barra minn hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiġi rkuprata direttament mingħand dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C‑230/01, EU:C:2004:20, punti 29, 38 u 39).

30      Minn dan isegwi li l-inkompatibbiltà li l-qorti tar-rinviju kkonstatat bejn l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali mix-xerrej mingħand il-produtturi ma tistax teħles lil dawn tal-aħħar mill-oneru ta’ din it-taxxa li huwa impost fuqhom, fil-każijiet kollha, mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.

31      Bil-kontra ta’ dan, din l-inkompatibbiltà timplika biss, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma għandhiex tiġi applikata u li x-xerrej għandu jkun jista’ jiġbor l-ammonti mingħand il-produtturi “bi kwalunkwe mezz xieraq”, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament.

32      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3950/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali mix-xerrej mingħand il-produtturi ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ma timplikax li l-produtturi suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni ma humiex iktar debituri ta’ din it-taxxa.

 Fuq it-tielet domanda

33      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1392/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħlas lura tal-ħlas żejjed tat-taxxa addizzjonali għandu jibbenefika, bħala prijorità, lill-produtturi li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92, issodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar.

34      Mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92 jirriżulta li Stat Membru jista’, meta t-taxxa tkun dovuta u meta l-ammont miġbur ikun ogħla, jiddeċiedi li jħallas lura l-ammont tal-ħlas żejjed tat-taxxa lill-produtturi li jidħlu fil-kategoriji prijoritarji stabbiliti mill-Istat Membru abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ddeterminati jew li huma kkonfrontati b’sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali li ma għandha ebda rabta mal-iskema ta’ taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib.

35      Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma speċifikati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, jekk ikun il-każ, il-kategoriji prijoritarji msemmija fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92 skont wieħed jew iktar mill-ħames kriterji oġġettivi li l-imsemmija dispożizzjoni telenka, meħuda b’ordni ta’ prijorità.

36      Barra minn hekk, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1392/2001 jipprovdi li, fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma teżawrixxix il-finanzjament disponibbli, kriterji oġġettivi oħra huma adottati mill-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

37      Il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament tippreċiża, barra minn hekk, li huwa biss fil-każ fejn il-kriterji previsti fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament ma jistgħux ikunu kompletament applikati fi Stat Membru li dan tal-aħħar jista’ jkun awtorizzat li jadotta kriterji oħra.

38      Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterji previsti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001 huma eżawrjenti u li l-Istati Membri jistgħu jżidu kriterji addizzjonali biss fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, b’ordni ta’ prijorità, ma teżawrixxix il-finanzjament disponibbli għal perijodu partikolari.

39      Issa, l-ebda wieħed mill-kriterji elenkati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001 ma jsemmi l-osservanza ta’ obbligu ta’ ħlas fix-xahar mill-produttur ikkonċernat.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax validament jipproċedi bil-ħlas lura tal-ħlas żejjed billi jħallas lura bi prijorità lill-produtturi li jkunu ssodisfaw dan l-obbligu.

41      Fil-fatt, tali prattika tkun tfisser li l-produtturi li jkunu ssodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar jiġu inklużi f’kategorija prijoritarja, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92, fuq il-bażi ta’ kriterju applikat minflok dawk previsti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001 u mingħajr ma kriterju addizzjonali seta’ jiġi stabbilit b’mod validu skont l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.

42      F’sitwazzjoni bħal din, produttur li jappartjeni għal kategorija prijoritarja b’applikazzjoni ta’ wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament iżda li ma jkunx issodisfa l-obbligu ta’ ħlas fix-xahar ikun jista’, għalhekk, jingħata tnaqqis tat-taxxa dovuta biss wara l-ħlas lura tal-produtturi li jkunu ssodisfaw dan l-obbligu, u dan, jekk ikun għad fadal fondi wara l-ħlas lura ta’ dawn tal-aħħar.

43      Barra minn hekk, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, il-ħlas tat-taxxa, direttament jew permezz tax-xerrej responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, ċertament jikkostitwixxi, bħala prinċipju, prerekwiżit loġiku għall-ħlas lura tal-ħlas żejjed. Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tillimitax ruħha li teżiġi tali ħlas, iżda tistabbilixxi ordni ta’ prijorità fil-ħlas lura bbażat, barra minn hekk, fuq l-osservanza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92.

44      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-produtturi li ssodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar ma jistgħux jitqiesu li huma, minħabba dan il-fatt biss, ikkonfrontati b’sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali li ma għandha ebda rabta mal-iskema ta’ taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1392/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħlas lura tal-ħlas żejjed tat-taxxa addizzjonali għandu jibbenefika, bħala prijorità, lill-produtturi li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92, issodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar.

 Fuq it-tieni domanda

46      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tat-taxxa addizzjonali dovut minn produtturi li ma ssodisfawx l-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ ħlas fuq bażi ta’ kull xahar ta’ din it-taxxa, jiġi kkalkolat mill-ġdid.

47      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li għandha tingħata lill-produtturi li ssodisfaw l-obbligu ta’ ħlas, fuq bażi ta’ kull xahar, tat-taxxa addizzjonali. F’din il-perspettiva, hija tixtieq tiddetermina l-konsegwenzi li għandhom eventwalment jinsiltu, fil-kawża prinċipali, mill-fatt li kontestazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu l-ordni ta’ ħlas għall-finijiet tal-ħlas lura tal-ħlas żejjed tat-taxxa addizzjonali timplika, definittivament, l-irkupru totali jew parzjali tal-ħlasijiet lura li minnhom ibbenefikaw dawn il-produtturi.

48      F’dan ir-rigward, u indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-produtturi li ssodisfaw l-obbligu ta’ ħlas fix-xahar jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw eventwali rkupru tal-ħlas lura tat-taxxa li minnu huma bbenefikaw, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju ma jistax, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollu l-effett li jawtorizza lill-awtoritajiet Taljani kompetenti ma jikkorekawx id-deċiżjonijiet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li huma adottaw, billi jirrifjutaw li jagħmlu evalwazzjoni ġdida tad-drittijiet tal-produtturi li ma ssodisfawx dan l-obbligu.

49      Peress li mir-risposta mogħtija għat-tielet domanda jirriżulta li t-trattament sfavorevoli subit minn dawn il-produtturi huwa bbażat fuq l-applikazzjoni, mir-Repubblika Taljana, ta’ kriterju miżjud mal-kriterji oġġettivi elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001, mingħajr ma dan il-kriterju miżjud ma jista’ manifestament jikkorrispondi għall-każ previst fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, bil-kontra ta’ dan, jikkalkolaw mill-ġdid l-ammont tat-taxxa addizzjonali dovuta mill-imsemmija produtturi billi ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mar-Regolamenti Nri 3950/92 u 1392/2001.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tat-taxxa addizzjonali dovut minn produtturi li ma ssodisfawx l-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ ħlas fuq bażi ta’ kull xahar ta’ din it-taxxa, jiġi kkalkolat mill-ġdid.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi taxxa miżjuda fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali mix-xerrej mingħand il-produtturi ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ma timplikax li l-produtturi suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni ma humiex iktar debituri ta’ din it-taxxa.

2)      L-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1256/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħlas lura tal-ħlas żejjed tat-taxxa addizzjonali għandu jibbenefika, bħala prijorità, lill-produtturi li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1256/1999, issodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar.

3)      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tat-taxxa addizzjonali dovut minn produtturi li ma ssodisfawx l-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ ħlas fuq bażi ta’ kull xahar ta’ din it-taxxa, jiġi kkalkolat mill-ġdid.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.