Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-22 ta’ Lulju 2022 – EI vs SC Brink’s Cash Solutions SRL

(Kawża C-496/22)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EI

Konvenut: SC Brink’s Cash Solutions SRL

Domandi preliminari

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi 1 , moqrija fid-dawl tal-premessi 2 u 6 tal-preambolu tal-istess direttiva, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuna li timpjega ma tikkonsultax il-ħaddiema suġġetti għal proċedura ta’ tkeċċija kollettiva peress li ma għandhom l-ebda rappreżentant maħtur u lanqas ma għandhom obbligu legali li jaħtru rappreżentant?

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, moqrija fid-dawl tal-premessi 2 u  6 tal-preambolu tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tinforma u tikkonsulta lill-impjegati kollha suġġetti għall-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327.