Language of document : ECLI:EU:C:2019:650

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019 (1)

Kawża C432/18

Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena

vs

BALEMA GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 — Regolament (KE) Nru 1151/2012 — Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini — Artikolu 13(1) — Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 — Reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” — Protezzjoni tat-termini ta’ din l-indikazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-balzmu huwa sustanza aromatika u żejtnija li jisfa bħala likwidu minn diversi pjanti. Għal millennja, il-balzmu ntuża bħala bażi għall-mediċini, għall-ingwenti u għall-fwejjaħ. L-użu tal-balzmu għal dawn l-iskopijiet huwa stabbilit sewwa fit-tradizzjoni u fil-kultura Ewropea. Hemm diversi riferimenti għall-użu tal-balzmu għal skopijiet ta’ fejqan kemm fil-Bibbja kif ukoll fid-drammi ta’ Shakespeare u, ovvjament, fl-opra finali ta’ Wagner, Parsifal, fejn niskopru li s-sofferenza u l-uġigħ sever tar-Re Amfortas jistgħu jittaffew biss billi jiġi amministrat kunjett balzmu miksub mill-Arabja għal ferita li f’ċirkustanzi oħra tkun inkurabbli.

2.        Għalhekk, kien b’dan il-mod li l-kelma “balzmu” (u d-derivattivi tagħha) storikament daħlet fil-fehim kontemporanju tagħna. Illum il-ġurnata l-kelma “balzmu” hija ta’ spiss assoċjata mal-prodott magħruf sew “Aceto Balsamico di Modena”. Dan il-prodott huwa ħall skur ħafna, ikkonċentrat u aromatizzat li huwa magħmul minn għeneb imħawwar (u parzjalment iffermentat) li jimmatura għal diversi snin f’sensiela ta’ btieti tal-injam (2). Attwalment, il-prodott innifsu ma fihx balzmu, iżda l-kelma Taljana “balsamico” tfisser “bħall-balzmu”. L-użu tal-aġġettiv “balsamico” biex jiddeskrivi l-ħall (“aceto”) għalhekk jintuża sabiex jiġu enfasizzati l-kwalitajiet li jikkuraw jew li jfejqu u ġeneralment il-kwalitajiet simili għall-balzmu li l-prodott kien oriġinarjament maħsub li għandu.

3.        Dan kollu jqajjem il-punt dwar jekk il-kelma “balsamico” hijiex fiha nnifisha intitolata għall-protezzjoni bħala indikazzjoni ġeografika. Din hija l-kwistjoni prinċipali li tqum f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2018 u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009. Kien dan ir-regolament partikolari li rreġistra d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

4.        Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena (PGI)” tkoprix ukoll l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi (3) li jikkostitwixxu tali denominazzjoni, jiġifieri t-termini “Aceto”, “Balsamico” u “Aceto Balsamico”. Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        Ir-Regolament Nru 583/2009 ġie adottat abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (4). Ir-Regolament Nru 510/2006 tħassar, b’effett mit-3 ta’ Jannar 2013, bis-saħħa tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (5). Skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-riferimenti, fost l-oħrajn, għar-Regolament Nru 510/2006 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għar-Regolament Nru 1151/2012 (6).

A.      Ir-Regolament Nru 1151/2012

6.        L-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li l-kunċett ta’ “termini ġeneriċi” “[i]fisser l-ismijiet ta’ prodotti li, għalkemm huma marbutin mal-post, reġjun jew pajjiż fejn oriġinarjament ġie magħmul jew kkummerċjalizzat il-prodott, ikunu saru l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni”.

7.        L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “indikazzjoni ġeografika” huwa isem li jidentifika prodott:

(a)      li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż;

(b)      li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu; u

(c)      li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”

8.        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi:

“Termini ġeneriċi ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.”

9.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Protezzjoni”, jipprovdi:

“1. L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

(a)      kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett, inkluż f’każijiet meta dawn il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;

(b)      kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat b’espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew xi espressjoni simili, inkluż il-każ meta dawk il-prodotti jintużaw bħala ingredjent;

(c)      kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq il-pakkett minn ġewwa jew minn barra, fuq il-materjal ta’ riklamar jew fuq dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)      kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

Fejn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jkollha fiha l-isem ta’ prodott li jitqies bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku m’għandux jitqies bħala użu li jmur kontra l-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu.

2. Id-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ma għandhomx isiru ġeneriċi.

[…]”

10.      L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Termini ġeneriċi”, jipprovdi:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-użu ta’ termini li huma ġeneriċi fl-Unjoni, anke jekk it-terminu ġeneriku jkun parti minn isem li huwa protett taħt skema tal-kwalità.

2. Sabiex jiġi stabbilit jekk terminu sarx ġeneriku jew le, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikulari:

(a)      is-sitwazzjoni eżistenti fiż- żoni ta’ konsum;

(b)      l-atti legali rilevanti nazzjonali jew tal-Unjoni.

3. Sabiex tipproteġi bis-sħiħ id-drittijiet tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, li jistabbilixxu regoli addizzjonali biex jiġi determinat l-istatus ġeneriku tat-termini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

B.      Ir-Regolament Nru 583/2009

11.      Il-premessi 2 sa 5, 7, 8 u 10 tar-Regolament Nru 583/2009 jipprovdu:

“(2) Il-Ġermanja, il-Greċja u Franza ddikjaraw rwieħhom kontra r-reġistrazzjoni […].

(3) Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Ġermanja kienet dovuta l-aktar minħabba l-biża’ li r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Aceto Balsamico di Modena’ ma tirriflettix il-fatt li hemm prodotti oħra li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin u li nbigħu bid-denominazzjonijiet Balsamessig/Aceto balsamico, kif ukoll skont il-karattru ġeneriku tagħhom marbut ma’ dawn id-denominazzjonijiet.

(4) L-oġġezzjoni ta’ Franza tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-‘Aceto Balsamico di Modena’ ma għandhiex reputazzjoni għaliha nnifisha, differenti minn dik tal ‘Aceto balsamico tradizionale di Modena’ li diġà ġiet reġistrata bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 813/200. Skont Franza, il-konsumaturi setgħu jitqarrqu fir-rigward tan-natura u l-oriġini ta’ dan il-prodott.

(5) Il-Greċja saħqet fuq l-importanza tal-produzzjoni tal-ħall balsamiku fuq it-territorju tagħha, li jinbiegħ taħt l-ismijiet ‘balsamico’ jew ‘balsamon’ u l-impatt żvantaġġuż, li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ‘Aceto Balsamico di Modena’ jkollha fuq dawn il-prodotti li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin. Il-Greċja ssostni wkoll li l-ismijiiet ‘aceto balsamico’, ‘balsamiku’ eċċ huma ġeneriċi.

[…]

(7) Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn Franza, il-Ġermanja u l-Greċja u l-Italja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(8) Il-Kummissjoni talbet għall-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-ismijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u ċ-ċertifikati tal-ispeċifiċità, li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 93/53/KE biex dan jivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzonijiet għar-reġistrazzjoni. Fl-opinjoni unanima tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kumitat qies li d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandha reputazzjoni indiskutibbli fis-suq nazzjonali, kif ukoll internazzjonali, u li l-bosta riċetti tat-tisjir f’ħafna Stati Membri, il-preżenza mifruxa tagħha fuq l-Internet u fl-istampa jew fil-midja huma xhieda tal-utilizzazzjoni frekwenti tagħha. L-“Aceto Balsamico di Modena” jissodisfa wkoll ir-rekwiżit inerenti ta’ reputazzjoni speċifika għal prodott li jikkorrispondi għal din id-denominazzjoni. Il-Kumitat jinnota l-koeżistenza ta’ dawn il-prodotti fis-swieq għal mijiet ta’ snin. Bl-istess mod il-Kumitat iddeċieda li l-‘Aceto Balsamico di Modena’ u l-‘Aceto balsamico tradizionale di Modena’ huma prodotti differenti minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-klijentela li jattiraw, l-użu tagħhom, u l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom kif ukoll il-preżentazzjoni u l-prezz tagħħhom, u b’dan il-mod it-trattament ugwali tal-produtturi konċernati tagħhom huwa żgurat u ma jagħtux lok għal ingann tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tikkonferma dawn il-kunsiderazzjonijiet.

[…]

(10) Jidher li l-Ġermanja u l-Greċja, fl-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-karattru ġeneriku tal-isem propost għar-reġistrazzjoni, ma qisux d-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi, jiġifieri l-‘Aceto Balsamico di Modena’, iżda biss biss partijiet minnha, jiġifieri t-termini ‘aceto’, ‘balsamico’ u ‘aceto balsamico’, jew it-traduzzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ ‘Aceto Balsamico di Modena’. It-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju komunitarju skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi Komuniatrja.”

12.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 jipprovdi:

“Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.”

13.      L-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009 jirreferi għal “Aceto Balsamico di Modena (PGI)”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14.      BALEMA GmbH (iktar ’il quddiem “BALEMA”) tipproduċi prodotti abbażi tal-ħall u tikkummerċjalizza dawn il-prodotti fir-reġjun ta’ Baden (il-Ġermanja). BALEMA ilha għal mill-inqas 25 sena tbigħ prodotti taħt id-denominazzjonijiet “Balsamico” u “Deutscher Balsamico”. It-tikketti fuq il-prodotti tagħha jinkludu l-iskrizzjoni “Theo der Essigbrauer, Holzfassreifung, Deutscher Balsamico traditionell, naturtrüb aus badischen Weinen” (Theo l-produttur tal-ħall, immaturat fil-btieti tal-injam, ħall balsamiku Ġermaniż, tradizzjonali, naturalment skur, magħmul mill-inbid Baden) jew “1. Deutsches Essig-Brauhaus, Premium, 1868, Balsamico, Rezeptur No 3” (l-ewwel distillerija tal-ħall Ġermaniża, primjum, 1868, balsamiku, riċetta Nru 3).

15.      Huwa stabbilit li l-prodotti ta’ BALEMA indikati bħala “Balsamico” ma humiex koperti mir-reġistrazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” skont l-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009 peress li dawn ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott imsemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

16.      Il-Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”) huwa konsorzju ta’ produtturi tal-prodotti bid-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena”. Huwa jqis li l-użu minn BALEMA tad-denominazzjoni “Balsamico” imur kontra l-indikazzjoni ġeografika protetta “Aceto Balsamico di Modena”. Għalhekk, il-Consorzio nnotifika intimazzjoni lil BALEMA. Sussegwentement, BALEMA ppreżentat rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-Consorzio għal konstatazzjoni negattiva fis-sens li ma kien hemm l-ebda vjolazzjoni tat-trade mark. Dan ir-rikors ma ntlaqax.

17.      Fl-appell fuq il-merti, BALEMA talbet li jiġi kkonstatat li BALEMA ma hijiex obbligata tiddeżisti milli tuża d-denominazzjoni “Balsamico” għall-prodotti abbażi tal-ħall li hija tipproduċi fil-Ġermanja. L-appell fuq il-merti ġie milqugħ minħabba li l-qorti qieset li l-użu tad-denominazzjoni “Balsamico” rigward il-ħall ma kienx jikser l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Skont dik il-qorti, il-protezzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” mogħtija mir-Regolament Nru 583/2009 ngħatat biss lid-denominazzjoni globali u mhux lit-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni, anki jekk dawn jintużaw konġuntament.

18.      Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-qorti tar-rinviju.

19.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell ibbażat fuq punt ta’ liġi jintlaqa’ jekk id-denominazzjonijiet “Balsamico” u “Deutscher Balsamico” użati minn BALEMA jiksru l-Artikolu 13(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Skont din il-qorti, tali konstatazzjoni teħtieġ li l-protezzjoni tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” mogħtija mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 tkopri wkoll l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni (“Aceto”, “Balsamico”, “Aceto Balsamico”).

20.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tosserva li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, abbażi tal-Artikolu 13(1)(a) jew (b) ta’ dan ir-regolament, li indikazzjoni ġeografika protetta li hija kkostitwita minn diversi termini tista’ tiġi protetta kontra mhux biss l-użu tal-indikazzjoni globali iżda wkoll kontra l-użu tat-termini individwali ta’ din l-indikazzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jirregola l-każ speċifiku li fih l-indikazzjoni ġeografika protetta tinkludi fiha d-denominazzjoni ta’ prodott li huwa kklassifikat bħala ġeneriku. Din id-dispożizzjoni tistipula li l-użu tad-denominazzjoni ġenerika ma għandux jitqies li huwa kuntrarju għall-Artikolu 13(1)(a) jew (b) ta’ dan ir-regolament. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tirreferi wkoll għall-fatt li r-regolament tal-Kummissjoni li jirreġistra d-denominazzjoni jista’ jirrestrinġi l-portata tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta li tinkludi diversi termini b’tali mod li l-protezzjoni ma tkoprix l-użu tat-termini individwali ta’ din l-indikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrent jista’ jsostni li ma huwiex qiegħed jitlob il-protezzjoni tat-termini kollha ta’ denominazzjoni juri li l-protezzjoni mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni tagħha tista’ tiġi ristretta.

21.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li l-premessi 3, 5 u 10 tar-Regolament Nru 583/2009 jimmilitaw favur restrizzjoni tal-portata tal-protezzjoni tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena”, bl-esklużjoni tat-termini individwali mhux ġeografiċi. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis ukoll li, kuntrarjament għall-pożizzjoni adottata fl-appell ibbażat fuq punt ta’ liġi, il-preżunzjoni li l-protezzjoni hija mogħtija lid-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” ma toħloqx inkoerenza mar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia” skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 813/2000 tas-17 ta’ April 2000 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjoni ta’ l-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (7). Kuntrarjament għar-Regolament Nru 583/2009, ir-riferimenti għall-portata ristretta tal-protezzjoni fir-Regolament Nru 813/2000, li jista’ jkun attribwibbli għall-fatt li ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (8) (li saru l-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament Nru 1151/2012) fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni preċedenti, ma jipprekludux restrizzjoni tal-effett protettiv tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena”.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-protezzjoni tad-denominazjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” tkopri l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni (‘Aceto’, ‘Balsamico’, ‘Aceto Balsamico’)?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Il-Consorzio, il-Gvern Taljan, il-Gvern Grieg, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Consorzio, BALEMA, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019.

V.      Evalwazzjoni

A.      Rimarki preliminari

24.      Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li parti mid-diffikultà f’dan il-każ – u, fil-fatt, f’każijiet simili oħra – toriġina mill-użu pjuttost każwali tal-espressjoni unika “termini ġeneriċi” f’żewġ sensi differenti. Kif għadni kif għidt, l-espressjoni “termini ġeneriċi” hija ddefinita fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012 bħala li tfisser l-ismijiet ta’ prodotti “li, għalkemm huma marbutin mal-post, reġjun jew pajjiż fejn oriġinarjament ġie magħmul jew kkummerċjalizzat il-prodott, ikunu saru l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni.” Madankollu, l-espressjoni ntużat ukoll mill-qrati, imħallfin, avukati u kummentaturi sabiex jirreferu sempliċement għall-kliem komuni jew abitwali li, preċiżament minħabba l-kwalità ġenerika tiegħu, ma jikkwalifikax għar-reġistrazzjoni bħala IĠP/DOP (9). Peress li huwa meħtieġ li dawn iż-żewġ kunċetti jinżammu separati, nipproponi li nuża l-espressjoni “termini ġeneriċi” fis-sens speċjali li bih ġiet iddefinita fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012, iżda fir-rigward tal-kumplament nuża t-terminu “kliem komuni” sabiex niddeskrivi l-kliem u l-frażijiet li f’kuntesti oħrajn jistgħu – jew, forsi għandhom – jiġu kklassifikati bħala ta’ natura ġenerika.

25.      L-Artikolu 13(1)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 1151/2012 jinkludi lista gradwata ta’ aġir ipprojbit fir-rigward tad-denominazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-regolament (10). Il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdu każijiet varji li fihom il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott hija akkumpanjata minn riferiment espliċitu jew impliċitu għal indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni taħt kundizzjonijiet li jistgħu jqarrqu bil-pubbliku, jew għall-inqas, li joħolqu f’moħħu assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, jew li jippermettu lill-operatur jibbenefika indebitament mir-reputazzjoni ta’ din l-indikazzjoni ġeografika jew tad-denominazzjoni inkwistjoni (11).

26.      Fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-terminu “użu” fl-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 rigward “kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni” (12) “jirrikjedi, mid-definizzjoni tiegħu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sinjal kontenzjuż jagħmel użu mill-indikazzjoni ġeografika protetta stess, fil-forma li fiha din tal-aħħar ġiet irreġistrata jew, għall-inqas, f’forma b’rabtiet tant mill-qrib magħha, mil-lat fonetiku u/jew viżiv, li s-sinjal kontenzjuż jidher b’mod ċar li ma jistax jiġi sseparat minnha.” Fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” (13) “ikopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn indikazzjoni ġeografika protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-imsemmi prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika minn din l-indikazzjoni” (14).

27.      Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li, meta d-denominazzjoni (15) rreġistrata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (iktar ’il quddiem id-“DOP”) u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (iktar ’il quddiem l-“IĠP”), ikun fiha element ġeneriku, l-użu ta’ dan l-element ġeneriku ma huwiex kuntrarju għall-protezzjoni tad-denominazzjoni rreġistrata msemmija iktar ’il fuq skont l-Artikolu 13(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 stess jirriżulta li d-denominazzjoni komposta rreġistrata fir-reġistru tad-DOP u tal-IĠP tista’ hija stess tinkludi elementi ġeneriċi jew elementi xorta oħra mhux protetti.

28.      Għalhekk, meta d-DOP jew l-IĠP hija komposta minn diversi elementi jew denominazzjonijiet, li wieħed jew iktar minnhom jinvolvi d-denominazzjoni ta’ prodott li hija kklassifikata bħala ġenerika, l-użu minn terzi tal-element jew tad-denominazzjoni ġenerika, fil-prinċipju, ma jikkostitwixxix ksur tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13(1)(a) u (b) (16) tar-Regolament Nru 1151/2012 (17) kontra kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ denominazzjoni rreġistrata u kwalunkwe użu abbużiv, imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata rispettivament (18). Dan il-punt jista’ jintwera permezz ta’ eżempju ċar ħafna. Minkejja li d-denominazzjoni Prosciutto di Parma (Parma ham) ġiet irreġistrata fir-reġistru tad-DOP (19), ma jistax jiġi ssuġġerit, pereżempju, li l-kelma “prosciutto” jew “ham” ma tistax tintuża minn produtturi u fornituri oħra.

29.      Dan il-prinċipju importanti ġie kkonfermat mid-digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il-Kummissjoni (C‑517/14 P, EU:C:2015:700), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, peress li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1121/2010 tat-2 ta’ Diċembru 2010 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Edam Holland (IĠP)] (20), li jirrigwarda r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Edam Holland”, li d-denominazzjoni “Edam” tikkostitwixxi denominazzjoni ġenerika, din il-kelma tista’ – minkejja r-reġistrazzjoni tal-IĠP “Edam Holland” – tibqa’ tintuża fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sakemm jiġu osservati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fis-sistema legali tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fost l-oħrajn, li r-Regolament Nru 1121/2010 jipprovdi li d-denominazzjoni “Edam” tista’ tibqa’ tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon (21).

30.      Fid-dawl tal-portata wiesgħa ħafna tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012 (22), sa fejn jirrigwarda l-kawża preżenti, huwa importanti li jiġi vverifikat, qabel kwalunkwe determinazzjoni ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk denominazzjoni komposta rreġistrata fir-reġistru tad-DOP u l-IĠP tinkludix elementi ġeneriċi – u għalhekk mhux protetti.

B.      Il-kunċett ta’ “termini ġeneriċi” skont ir-Regolament Nru 1151/2012 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Kif diġà indikajt, id-definizzjoni ta’ “termini ġeneriċi” li tinsab fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012 hija, fil-fehma tiegħi, speċifika ħafna u limitata fil-portata tagħha. Hija “tfisser l-ismijiet ta’ prodotti li, għalkemm huma marbutin mal-post, reġjun jew pajjiż fejn oriġinarjament ġie magħmul jew kkummerċjalizzat il-prodott, ikunu saru l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni” (23). Għalhekk, id-definizzjoni tirreferi għal termini li matul iż-żmien ikunu tilfu l-konnotazzjoni ġeografika tagħhom. Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 107), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “fir-rigward ta’ IĠP, isem isir ġeneriku biss jekk ir-rabta diretta bejn, minn naħa, l-oriġini ġeografika tal-prodott, u min-naħa l-oħra, kwalità partikolari ta’ dan il-prodott, ir-reputazzjoni tiegħu jew karatteristika oħra tiegħu, attribwibbli għall-imsemmija oriġini, tispiċċa peress li l-isem ma jkun jagħmel xejn ħlief jiddeskrivi tip ta’ prodotti.”

32.      Kif diġà indikajt, parti mid-diffikultà fil-kawża preżenti – u, fil-fatt, f’kawżi simili – tinħoloq mill-mod partikolari u limitat li bih ġie ddefinit it-terminu “ġeneriċi” mir-Regolament Nru 1151/2012. Madankollu huwa ċar li, minbarra l-kunċett ta’ “termini ġeneriċi”, f’sens strett tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012, l-użu tad-denominazzjonijiet komuni jew tat-termini abitwali li ma għandhom l-ebda konnotazzjoni ġeografika kurrenti – u li huma wkoll ta’ spiss deskritti bħala termini ġeneriċi f’sens ftit differenti minn dan il-kunċett – ma jikkostitwixxix ksur tal-protezzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata skont l-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

33.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-punt 80 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 1999, Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni (C‑289/96, C‑293/96 u C‑299/96, EU:C:1999:141), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kliem “[i]smijiet li jkunu saru ġeneriċi” – li jinsabu fid-dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1151/2012 li jirrigwarda l-użu ta’ termini ġeneriċi – huma applikabbli wkoll għad-denominazzjonijiet li kienu minn dejjem ġeneriċi.

34.      Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-protezzjoni mogħtija minn dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 tkopri mhux biss id-denominazzjoni komposta kollha, iżda wkoll kull wieħed mit-termini li jikkostitwixxu tali denominazzjoni, sakemm dawn ma jkunux termini ġeneriċi jew abitwali (24).

35.      Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jqisu li “Aceto”, “Balsamico” u “Aceto Balsamico” huma termini ġeneriċi u/jew abitwali. Pereżempju, ġie argumentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-denominazzjoni “Balsamico” toriġina mill-kelma Latina “balsamun” jew il-kelma Griega “βάλσαμον” (25), tintuża fit-Taljan, l-Ispanjol u l-Portugiż, u tirreferi, fost l-oħrajn, għall-preparazzjonijiet kalmanti intiżi għal skopijiet mediċi.

36.      Sabiex jiġi evalwat jekk denominazzjoni hijiex ġenerika fil-kuntest speċjali tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012, jew jekk hijiex terminu abitwali (u għalhekk ġeneriku fis-sens iktar wiesa’ li għadni kif iddeskrivejt), dak li huwa deċiżiv, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarjament jekk id-denominazzjoni għandhiex tifsira partikolari f’lingwa speċifika (26) iżda pjuttost jekk din id-denominazzjoni għandhiex konnotazzjoni ġeografika kurrenti.

37.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrimarkat li, minkejja l-fatt li l-kelma “feta” tfisser “biċċa” bit-Taljan (27) u għalhekk tidher, għall-inqas prima facie, li hija denominazzjoni komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636, punti 88 u 94) li d-denominazzjoni “feta” bħala DOP għall-ġobon ma kinitx ġenerika (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni kienet intitolata tikkonkludi li “feta” kienet denominazzjoni ta’ oriġini fir-rigward ta’ ġobon prodott fil-Greċja. Madankollu, din id-deċiżjoni għandha tinftiehem b’referenza għall-konstatazzjonijiet ta’ fatti speċifiċi u partikolari magħmula f’dik il-kawża.

38.      F’dik il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tad-Danimarka talbu l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 tal-14 ta’ Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem “Feta” (29) huma u jargumentaw li dan l-isem kien, fost l-oħrajn, ġeneriku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92, jiġifieri l-predeċessur tal-Artikolu 3(6) u tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 preżenti. Sabiex tevalwa jekk id-denominazzjoni “feta” kinitx ġenerika, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-postijiet tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kemm ġewwa, kif ukoll barra, l-Istat Membru li kiseb ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni inkwistjoni, il-konsum ta’ dan il-prodott u l-mod kif din id-denominazzjoni hija pperċepita mill-konsumaturi kemm ġewwa kif ukoll barra dan l-Istat Membru, l-eżistenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda speċifikament dan il-prodott, u l-mod kif din id-denominazzjoni ntużat fid-dritt tal-Unjoni (30).

39.      Kif ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza tagħha:

“86 L-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-maġġoranza tal-konsumaturi fil-Greċja tikkunsidra li l-isem “feta” għandu konnotazzjoni ġeografika u mhux ġenerika. Jidher, bil-maqlub, li fid-Danimarka l-maġġoranza tal-konsumaturi ssostni li dan l-isem għandu konnotazzjoni ġenerika. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex informazzjoni konklużiva għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward l-Istati Membri l-oħra.

87 Il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru wkoll li, fl-Istati Membri l-oħra barra mill-Greċja, il-feta huwa kkummerċjalizzat b’mod regolari b’tikketti li jirreferu għat-tradizzjonijiet kulturali Griegi u għaċ-ċiviltà Griega. Minn dan jista’ jiġi leġittimament konkluż li l-konsumaturi f’dawn l-Istati Membri jipperċepixxu l-feta bħala ġobon assoċjat mar-Repubblika Ellenika, anki jekk fir-realtà jkun ġie prodott fi Stat Membru ieħor.

88 Dawn id-diversi provi relattivi għall-konsum tal-feta fl-Istati Membri jwasslu biex juru li l-isem “feta” mhuwiex ta’ natura ġenerika.

89 Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Ġermaniż relattiv għat-tieni sentenza ta’ l-għoxrin premessa tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta mill-punt 87 ta’ din is-sentenza li wieħed ma jkunx żbaljat jekk isostni, b’referenza għall-konsumaturi fl-Istati Membri l-oħra barra mir-Repubblika Ellenika, li “[… i]l-konnessjoni bejn l-isem “Feta” u l-Greċja hija […] deliberatament issuġġerita u mfittxa bħala parti minn strateġija ta’ bejgħ li tikkapitalizza fuq ir-reputazzjoni tal-prodott oriġinali, u dan joħloq riskju reali ta’ konfużjoni għall-konsumatur”.

90 Għalhekk, l-argument fis-sens oppost imressaq mill-Gvern Ġermaniż mhuwiex fondat.” (31)

40.      Għalhekk, essenzjalment din il-kawża kienet ibbażata fuq il-fatt, kif ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, għall-maġġoranza assoluta tal-konsumaturi Ewropej, il-kelma “feta” kienet ċarament assoċjata mal-ġobon partikolari prodott fil-Greċja. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-kelliema Taljani, id-denominazzjoni ma kellha l-ebda tifsira oħra għal dawn il-konsumaturi. Għaldaqstant, kien isegwi li l-Kummissjoni kienet intitolata tikkonkludi li l-kelma “feta” ma kinitx terminu ġeneriku għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92 peress li hija kellha konnotazzjoni ġeografika kurrenti.

41.      Li kieku l-kwistjoni kienet waħda ta’ ġudizzju esklużivament personali, naħseb li kont nasal għall-konklużjoni opposta sa fejn hija kkonċernata l-kawża preżenti. “Aceto” hija ċarament kelma komuni Taljana u, filwaqt li l-kelma “balsamico” hija ċertament assoċjata mill-qrib fil-ħsieb tal-konsumaturi mal-prodott li jipproduċi l-Consorzio, il-kelma mill-għerq “balzmu” hija, fil-fehma tiegħi, wisq komuni u stabbilita sew sabiex tikkwalifika għall-protezzjoni individwali bħala IĠP. Fil-fehma tiegħi, lanqas jista’ jingħad li din il-kelma għandha konnotazzjoni ġeografika kurrenti b’tali mod li, fuq din il-bażi, din il-kelma tirrappreżenta “termini ġeneriċi” għall-finijiet tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012.

42.      Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar it-test huwa l-mod kif dawn il-kliem jiġu pperċepiti mill-“konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat” (32). Dan ikun, fl-aħħar mill-aħħar, aspett li l-qorti nazzjonali jkollha tivverifika u tevalwa, possibbilment abbażi ta’ sondaġġi tal-konsumaturi xierqa u ta’ stħarriġ simili (33).

43.      Fl-assenza ta’ tali kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, nemmen, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tinsabx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar jekk il-kliem “aceto” u “balsamico” humiex kliem komuni fis-sens li ddeskrivejt jew jekk il-kliem humiex ukoll “termini ġeneriċi” fis-sens speċjali tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012. Minkejja din ir-riżerva, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ b’mod definittiv din il-kwistjoni jekk il-kwistjoni tittieħed inkunsiderazzjoni mill-perspettiva ftit differenti ta’ analiżi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 583/2009. F’dan ir-rigward, ikkonstatajt li l-premessi tal-imsemmi Regolament huma partikolarment istruttivi. Issa nipproponi li ngħaddi għal din il-kwistjoni.

C.      Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 583/2009

44.      Skont l-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009, id-denominazzjoni komposta “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” ġiet irreġistrata fir-reġistru. L-Artikolu 1 jew l-Anness I tal-imsemmi Regolament ma fihom ebda limitazzjoni jew kwalifika rigward il-portata tal-protezzjoni ta’ din id-denominazzjoni komposta.

45.      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 2, 3, 5 u 7 tar-Regolament Nru 583/2009 li l-Ġermanja, il-Greċja (34) u Franza oġġezzjonaw għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena”. B’mod partikolari jidher li l-Ġermanja u l-Greċja jqisu li d-denominazzjonijiet, fost l-oħrajn “Aceto balsamico”, kienu ta’ natura ġenerika. (Għandu jiġi dedott mill-kuntest li l-frażi “termini ġeneriċi” intużat b’mod sinonimu fis-sens ta’ kelma komuni jew abitwali).

46.      Barra minn hekk, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 583/2009 tipprovdi, fost l-oħrajn, li l-“protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena” [fit-totalità tagħha]. It-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju komunitarju skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi Komuniatrja.” (35)

47.      Minkejja l-kontenut tal-premessi inkwistjoni u l-kontroversja ċara dwar ir-reġistrazzjoni tal-IĠP “Aceto Balsamico di Modena”, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod speċifiku fl-Artikolu 1 jew fl-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009 jekk id-denominazzjonijiet “Aceto”, “Balsamico” jew “Aceto Balsamico” kinux denominazzjonijiet ġeneriċi (fis-sens speċjali tar-regolament jew fis-sens alternattiv u iktar wiesa’ ta’ dan it-terminu minħabba l-fatt li huma kienu sempliċement kliem komuni) jew termini mhux ġeografiċi, u għalhekk setgħu, minkejja r-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni, ikomplu jintużaw fit-territorju tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.

48.      Dan l-approċċ jikkuntrasta mas-sitwazzjoni li tipprevali, pereżempju, fir-rigward tar-Regolament Nru 1121/2010 li fih mhux biss il-premessa 8 tar-regolament inkwistjoni iżda wkoll il-parti operattiva tiegħu ċarament jindikaw li d-denominazzjoni “Edam” kienet ġenerika (36).

49.      Madankollu, għandu jiġi osservat li fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat rigward l-użu tat-termini komposti li jikkostitwixxu denominazzjoni ta’ oriġini (37), li l-fatt li ma kienx hemm nota ta’ qiegħ il-paġna fl-anness tar-regolament li jirreġistra d-denominazzjoni inkwistjoni li tispeċifika li r-reġistrazzjoni ma kinitx intiża għal waħda mill-partijiet ta’ din id-denominazzjoni (38)ma jfissirx neċessarjament li kull waħda mill-partijiet tagħha kienet protetta (39). Għall-kuntrarju, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li DOP tgawdi mill-protezzjoni biss fil-forma eżatta li fiha tkun ġiet irreġistrata (40).

50.      Fil-qosor, ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni mill-fatt li l-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009 ma jindikawx b’mod speċifiku jekk id-denominazzjonijiet “Aceto”, “Balsamico” jew “Aceto Balsamico” humiex denominazzjonijiet ġeneriċi (fis-sens speċjali tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament jew minħabba l-fatt li huma kliem komuni) jew termini mhux ġeografiċi.

51.      Peress li ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009, interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jekk id-denominazzjonijiet “Aceto”, “Balsamico” jew “Aceto Balsamico” humiex denominazzjonijiet ġeneriċi (u, sussegwentement, jekk huwiex fis-sens speċjali tal-Artikolu 3(6) tar-regolament jew minħabba l-fatt li huma kliem komuni) jew termini mhux ġeografiċi, inqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-premessi ta’ dan ir-regolament. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-parti operattiva ta’ att tal-Unjoni Ewropea hija marbuta b’mod inseparabbli mal-motivazzjoni tal-att, b’tali mod li, meta jeħtieġ li jiġi interpretat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (41).

52.      F’dan ir-rigward, il-premessi 2 sa 5, 7, 8 u 10 tar-Regolament Nru 583/2009, jindikaw b’mod ċar u inekwivoku li l-leġiżlatur tal-Unjoni (f’dan il-każ il-Kummissjoni) qies, abbażi tal-oġġezzjonijiet imqajma mill-Ġermanja, mill-Greċja u minn Franza, li d-denominazzjonijiet “Aceto”, “Aceto Balsamico” u “Balsamico” kienu denominazzjonijiet ġeneriċi jew termini mhux ġeografiċi u li l-protezzjoni kellha tingħata biss lid-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” pjuttost milli lit-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni.

53.      Fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 583/2009, ir-reputazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena” hija enfasizzata u fil-premessa 10 jiġi indikat li, minkejja l-oġġezzjonijiet mqajma mill-Ġermanja, mill-Greċja u minn Franza għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet “Aceto”, “Aceto Balsamico” u “Balsamico”, ma tqajmet ebda oġġezzjoni rigward id-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena”. Kif diġà indikajt iktar ’il fuq, il-premessa 10 tipprovdi li l-“protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena” [fit-totalità tagħha]” (42) u li t-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni jistgħu, fil-prinċipju, jintużaw.

54.      Għaldaqstant, inqis li, b’mod partikolari mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 583/2009, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li d-denominazzjonijiet “Aceto”, “Aceto Balsamico” u “Balsamico” huma ġeneriċi (fiż-żewġ sensi ta’ dan it-terminu) jew termini mhux ġeografiċi li ma humiex protetti u li setgħu jibqgħu jintużaw sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fis-sistema legali tal-Unjoni Ewropea jiġu osservati.

55.      L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 583/2009 fis-sens li tillimita l-portata tal-protezzjoni mogħtija minnu lid-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” pjuttost milli testendi l-protezzjoni lit-termini individwali mhux ġeografiċi hija ċarament sostnuta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 1981, Il-Kummissjoni vs L-Italja (193/80, EU:C:1981:298), u tal-15 ta’ Ottubru 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja (281/83, EU:C:1985:407). F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-denominazzjoni “Aceto” hija l-kelma Taljana għall-ħall u ddeċidiet li hija terminu ġeneriku. Peress li dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja evidentement kienet qiegħda tuża l-kliem “terminu ġeneriku” fis-sens li l-kelma “aceto” kienet sempliċement kelma Taljana komuni għall-ħall.

56.      Minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni fl-Artikolu 1 jew l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009 li tillimita b’mod speċifiku l-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjoni “Aceto”, din id-denominazzjoni komuni ma tistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, tiġi protetta minn dan ir-regolament (43).

57.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto balsamico tradizionale di Modena (DPO)” abbażi tar-Regolament Nru 813/2000, li hija kważi identika għall-IĠP “Aceto Balsamico di Modena”, bl-eċċezzjoni tal-kelma addizzjonali “tradizionale” (44) u l-kapitalizzazzjoni tal-ittra “b” fil-kelma “balsamico”, hija indikazzjoni ċara favur konstatazzjoni li l-indikazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” biss hija protetta u li t-termini “Aceto”, “balsamico” u “Aceto balsamico” huma sempliċement kliem komuni. Tali approċċ huwa sostnut b’mod inekwivoku mill-premessa 8 u 9 tar-Regolament Nru 583/2009.

58.      Inqis ukoll li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia (PDO)” abbażi tar-Regolament Nru 813/2000 għandha wkoll it-tendenza li tindika li t-termini “Aceto”, “balsamico” u “Aceto balsamico” huma kliem komuni.

59.      Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-konnotazzjoni ġeografika ċara marbuta mal-kelma “Modena” (45), inqis li l-użu ta’ din id-denominazzjoni jew tat-termini “di Modena” fir-rigward tal-ħall jew ta’ kondimenti oħra jista’ jevoka, abbażi tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, mhux biss “Aceto balsamico di Modena” iżda wkoll “Aceto balsamico tradizionale di Modena”.

60.      Għalhekk inqis li l-protezzjoni tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” ma tkoprix l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni, jiġifieri, “Aceto”, “Balsamico”, “Aceto Balsamico” (46). Dawn il-kliem individwali komuni jew it-termini individwali mhux ġeografiċi jistgħu jintużaw sakemm jiġu osservati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fis-sistema legali tal-Unjoni.

VI.    Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

Il-protezzjoni tad-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 tat-3 ta’ Lulju 2009 ma tkoprix l-użu tat-termini individwali jew mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni (“Aceto”, “Balsamico”, “Aceto Balsamico”).


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 tat-3 ta’ Lulju 2009 li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)], ĠU 2009, L 175, p. 7.


3      Ma tqajmet ebda kwistjoni li tirrigwarda t-terminu “Modena”.


4      ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74, u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38.


5      Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, u fil-ĠU 2015, L 191, p. 10).


6      Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 510/2006 huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk tar-Regolament Nru 1151/2012. Għalhekk, f’din il-proċedura ser nirreferi għar-Regolament Nru 1151/2012 għal skopijiet ta’ konvenjenza.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 20.


8      Regolament tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4).


9      Peress li ma għandhom ebda konnotazzjoni ġeografika kurrenti.


10      Ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 25).


11      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punti 46) li kienet tirrigwarda l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16) li huwa essenzjalment ekwivalenti għall-Artikolu 13(1)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 1151/2012.


12      Ara, b’analoġija, l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012.


13      Ara, b’analoġija, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.


14      Enfasi miżjuda. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza li l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fis-sinjal ikkontestat ma hijiex kundizzjoni imperattiva sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”. “[I]l-kriterju determinanti huwa dak dwar jekk il-konsumatur, fil-preżenza ta’ denominazzjoni inkwistjoni, huwiex imwassal direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal-merkanzija koperta mill-indikazzjoni ġeografika protetta, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa billi tikkunsidra, jekk ikun il-każ, l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fid-denominazzjoni kkontestata, familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din l-indikazzjoni, jew ukoll prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni.” Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 51).


15      Inqis li l-kunċetti ta’ “isem”, “element” jew “denominazzjoni” jistgħu jintużaw interkambjabbilment f’dan il-kuntest.


16      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego(C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 24) li “l-[Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2010] [j]ipprevedi protezzjoni kontra ‘kwalunkwe’ evokazzjoni, anki jekk id-denominazzjoni protetta tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, imwaħħla fuq l-ippakkjar tal-prodott ikkonċernat.” Barra minn hekk, jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata. Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 57).


17      L-Artikolu 13(c) u (d) tar-Regolament Nru 1151/2012, li ma huwiex suġġett għar-riżerva li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 rigward id-denominazzjonijiet ġeneriċi, jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn l-użu ta’ indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa dwar l-oriġini ta’ prodott li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti għal din l-indikazzjoni huwa tali li jagħti lok għal impressjoni żbaljata rigward l-oriġini ta’ dan il-prodott jew għal prattiki fir-rigward tal-oriġini vera ta’ tali prodott.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs OHIM–Biraghi (GRANA BIRAGHI) (T‑291/03, EU:T:2007:255, punt 58). Skont is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola(C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25), il-kunċett ta’ “evokazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 ikopri sitwazzjoni li fiha t-terminu użat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’tali mod li jwassal lill-konsumatur, meta jara l-isem tal-prodott, jaħseb fl-immaġni ta’ prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta. Inqis li, fil-prinċipju, l-użu ta’ denominazzjoni ta’ prodott li hija meqjusa ġenerika u li tagħmel parti minn DOP jew IĠP ma jistax minnu nnifsu jikkostitwixxi evokazzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ tali denominazzjoni ġenerika flimkien ma’ termini oħra, immaġni, eċċ. jista’, madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi tali evokazzjoni. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 46). Għalhekk, naqbel mal-Consorzio li l-kwistjoni, evalwata b’mod iżolat, dwar jekk terminu f’DOP jew IĠP huwiex ġeneriku tista’ ma tkunx suffiċjenti sabiex issolvi l-kwistjoni dwar jekk jeżistix ksur skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mhux biss rigward il-kwistjoni dwar jekk l-IĠP “Aceto Balsamico di Modena” tkoprix l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu din l-indikazzjoni iżda wkoll rigward il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom it-termini “Aceto Balsamico” jew “Balsamico” jistgħu jintużaw għall-bejgħ ta’ kondimenti abbażi ta’ ħall. Inqis li tali kwistjoni tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja peress li din il-kwistjoni teħtieġ għarfien tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li dwarhom ma sarx aċċenn fil-proċedura preżenti. Madankollu, tali kwistjonijiet jistgħu jkunu rilevanti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, nirrileva li fis-sentenza reċenti tagħha tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego(C‑614/17, EU:C:2019:344), il-Qorti tal-Ġustizzja toffri informazzjoni kunsiderevoli li tenfasizza r-regoli legali applikabbli abbażi tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.


19      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1208/2013 tal-25 ta’ Novembru 2013 li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Prosciutto di Parma (DPO)), ĠU 2013, L 317, p. 8.


20      ĠU 2010, L 317, p. 14. Ara wkoll il-premessa 8 tal-preambolu ta’ dan ir-regolament.


21      Ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1122/2010 tat-2 ta’ Diċembru 2010 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)], ĠU 2010, L 317, p. 22 u d-digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il-Kummissjoni(C‑519/14 P, EU:C:2015:702). F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1122/2010, li jirrigwarda r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Gouda Holland” li, peress li d-denominazzjoni “Gouda” tikkostitwixxi denominazzjoni ġenerika, hija tista’, minkejja r-reġistrazzjoni tal-IĠP “Gouda Holland”, tibqa’ tintuża fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sakemm jiġu osservati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fis-sistema legali tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fost l-oħrajn, li r-Regolament Nru 1122/2010 jipprovdi li d-denominazzjoni “Gouda” tista’ tibqa’ tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon.


22      Dwar il-portata wiesgħa tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, ara s-sentenza reċenti tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego(C‑614/17, EU:C:2019:344).


23      Enfasi miżjuda.


24      Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi(C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 50).


25      Il-Gvern Grieg indika li waħda mit-tifsiriet tal-kelma Griega “βάλσαμον” hija “xi ħaġa li tagħti pjaċir jew li ttaffi l-uġigħ jew id-dwejjaq”.


26      U b’hekk l-implikazzjoni hija li allegatament id-denominazzjoni ma għandhiex konnotazzjoni ġeografika. Dan ma jfissirx li evidenza li turi li denominazzjoni għandha tifsira partikolari hija irrilevanti. Madankollu, din l-evidenza, minnha nnifisha, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex turi li denominazzjoni rreġistrata fl-IĠP jew id-DOP hija ġenerika.


27      Id-denominazzjoni “feta”, kuntrarjament għall-kunċetti bħall-“Bayerisches Bier” (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia(C‑343/07, EU:C:2009:415)) u “Parmesan” (sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117)), fiha nnifisha, ma tirreferix għal post ġeografiku partikolari. Madankollu, ġie stabbilit, abbażi ta’ provi fattwali konkreti, li din id-denominazzjoni għandha tali konnotazzjoni ġeografika. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs OHIM–Biraghi (GRANA BIRAGHI) (T‑291/03, EU:T:2007:255, punt 81), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “billi ssostni li t-terminu “grana” ma jirreferix għal żona ġeografika bħala tali, Biraghi essenzjalment tipprova turi li d-denominazzjoni ‘grana’ fl-ebda każ ma tista tgawdi mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2081/92, peress li din mhijiex konformi mad-definizzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini mogħtija fl-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi. Mhuwiex rilevanti li jsir magħruf jekk id-denominazzjoni ‘grana’ toriġinax mill-fatt li l-ġobon li tirreferi għalih għandu struttura mrammla jew inkella mill-fatt li, oriġinarjament, dan kien immanifatturat fil-Valle Grana peress li, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92, DPO jista’ wkoll ikun magħmul minn denominazzjoni tradizzjonali mhux ġeografika li tirreferi għal prodott ta’ l-ikel oriġinarju ta’ reġjun jew ta’ post speċifiku li jkollhom fatturi naturali omoġenji li jiddelimitawhom miż-żoni li jmissu magħhom […]. F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li l-ġobon grana huwa oriġinarju tar-reġjun tal-pjanura tal-Po. Għaldaqstant, dan jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92”. Fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2017, Consejo Regulador de la Denominación de Origen “Torta del Casar” vs EUIPO – Consejo Regulador “Queso de La Serena” (QUESO Y TORTA DE LA SERENA) (T‑828/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:918), il-Qorti Ġenerali rrepetiet li ma kienx biżżejjed li jiġi sempliċement ikkonstatat li terminu li jagħmel parti mid-DOP ma jindikax żona ġeografika per se sabiex tiġi eskluża l-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 510/2006. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, wara evalwazzjoni tal-provi ddettaljati mressqa, li ma setax jiġi eskluż li t-terminu “Torta” li kien jagħmel parti mid-DOP “Torta del Casar” ma kienx terminu ġeneriku u kien huwa stess protett. Dan minkejja l-fatt li t-terminu “Torta” kien jirreferi għall-forma tal-prodott (il-ġobon) inkwistjoni u, għandi nirrimarka, li tfisser “kejk” f’diversi lingwi.


28      Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, Consejo Regulador “Torta del Casar” vs EUIPO – Consejo Regulador “Queso de La Serena” (QUESO Y TORTA DE LA SERENA) (T‑828/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:918).


29      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 195.


30      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636, punti 76 sa 99). Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-denominazzjoni “Parmesan” kinitx saret denominazzjoni ġenerika, li l-użu tagħha ma kienx identiku għal evokazzjoni illegali tad-DOP “Parmigiano Reggiano”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 54), li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet biss kwotazzjonijiet minn dizzjunarji u letteratura speċjalista li ma kinux jipprovdu perspettiva komprensiva dwar il-mod kif il-kelma “Parmesan” kienet ipperċepita mill-konsumaturi fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Istat Membru naqas ukoll milli jipprovdi ċifri rigward il-produzzjoni jew il-konsum tal-ġobon ikkummerċjalizzat taħt id-denominazzjoni “Parmesan” fil-Ġermanja jew fl-Istati Membri l-oħra.


31      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja vs Id-Danimarka(C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636, punti 86 sa 90).


32      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 50).


33      Għal ħarsa ġenerali tal-evidenza li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs OHMI – Biraghi (GRANA BIRAGHI) (T‑291/03, EU:T:2007:255, punti 65 sa 67).


34      Il-Ġermanja u l-Greċja rrimarkaw li prodotti oħra ġew legalment imqiegħda fis-suq għal mill-inqas ħames snin taħt denominazzjonijiet bħal “Balsamessig”, “Aceto Balsamico”, “balsamico” u “balsamon”. Il-Gvern Spanjol indika, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li d-denominazzjoni “ħall balsamiku” hija ddefinita fl-Artikolu 3 tar-Real Decreto 661/2012, de 13 de abril, por el que se establece la norma de calidad para la elaboración y comercialización de los vinagres (id-Digriet Irjali 661/2012, tat-13 ta’ April, li jistabbilixxi r-regoli dwar l-istandards ta’ kwalità li jirregolaw il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħall). Barra minn hekk, skont dan il-Gvern, id-Digriet Irjali inkwistjoni ġie nnotifikat skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337). Għalhekk, huwa jsostni li, għal diversi snin, prodotti f’konformità mad-Digriet Irjali nbiegħu bħala ħall balsamiku li ma humiex koperti mill-IĠP “Aceto Balsamico di Modena” jew mid-DOP “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u d-DOP “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia”.


35      Enfasi miżjuda.


36      Il-Gvern Taljan jibbaża ruħu kunsiderevolment fuq il-fatt li l-parti operattiva tar-Regolament Nru 583/2009 ma tindikax b’mod speċifiku li d-denominazzjonijiet “Aceto Balsamico” jew “Balsamico” huma ġeneriċi.


37      F’din il-kawża, “Époisses de Bourgogne” rigward il-ġobon.


38      Jiġifieri d-denominazzjoni “Époisses”.


39      Għalhekk inqis li l-fatt li l-Gvern Taljan ibbaża ruħu fuq il-fatt li d-denominazzjonijiet “Edam” u “Gouda” kienu ġew ikklassifikati b’mod espliċitu bħala ġeneriċi fir-regolamenti rilevanti ma jistax minnu nnifsu jkun deċiżiv.


40      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 29 tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-132/05, EU:C:2008:117), billi ċċitat is-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol(C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punt 38), ikkonstatat li n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni, fir-rigward ta’ ċerti elementi li jikkostitwixxu denominazzjoni, li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13 ma ġietx mitluba ma tistax tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ din il-protezzjoni.


41      Sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 40, u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54). Huwa veru wkoll li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-preambolu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandux saħħa ġuridika vinkolanti u la jista’ jiġi invokat bħala deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tat-2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel(C‑134/08, EU:C:2009:229, punt 16)). Madankollu, fil-kawża preżenti, minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kwistjoni esposta mill-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 583/2009, l-użu tal-premessi ta’ dan ir-regolament iservi sabiex jiċċara l-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni pjuttost milli jirriżulta f’interpretazzjoni contra legem.


42      Enfasi miżjuda.


43      Ara l-Artikolu 3(6), l-Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1151/2012.


44      Il-kelma Taljana għal “tradizzjonali”.


45      Li tevoka l-belt Taljana ta’ Modena.


46      Fil-punt 70 tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2011, Acetificio Marcello de Nigris vs Il-Kummissjoni (T‑351/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:339), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-premessa 10 tar-Regolament Nru 583/2009 tiżgura li tingħata protezzjoni lid-denominazzjoni komposta “Aceto Balsamico di Modena” fit-totalità tagħha. Għalhekk, it-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni komposta, anki jekk użati flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jintużaw fl-Istati Membri kollha. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, jiena naqbel perfettament ma’ din il-konstatazzjoni.