Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Okręgowy w Warszawie - il-Polonja) – A.M. vs E.M.

(Kawża C-667/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 19 – Informazzjoni għall-konsumaturi – Ittikkettjar – Indikazzjonijiet li għandhom jidhru fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodotti – Ittikkettjar b’lingwa barranija – “Funzjoni tal-prodott kożmetika” – Kunċett – Imballaġġ ta’ prodotti kożmetiċi li jinkludi riferiment għal katalogu ddettaljat ta’ prodotti miktub bil-lingwa tal-konsumatur)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.M.

Konvenut: E.M.

Dispożittiv

L-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għal “funzjoni ta’ prodott kożmetiku” li għandu jidher, skont din id-dispożizzjoni, fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ tali prodott għandu jkun ta’ natura li jinforma b’mod ċar lill-konsumatur dwar l-użu u dwar il-metodu ta’ użu tal-prodott sabiex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jintuża b’mod sikur mill-konsumaturi mingħajr ma jikkawża ħsara għas-saħħa tagħhom, u ma jistax għalhekk ikun limitat unikament għall-indikazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-użu tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet tal-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-aspettattivi ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tidher f’dan ir-rigward fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott sabiex ikun jista’ jsir użu minnu mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(d), (f) u (g) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri rispettivament dawk dwar il-prekawzjonijiet partikolari ta’ użu tal-prodott kożmetiku, il-funzjoni ta’ dan il-prodott u l-ingredjenti tiegħu, ma jistgħux jidhru f’katalogu ta’ impriża li għalih jirreferi s-simbolu previst fil-punt 1 tal-Anness VII tal-imsemmi regolament muri fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur tal-imsemmi prodott.

____________

1     ĠU C 406, 2.12.2019.